B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32971, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien l-ammont li tnaqqas mid-dekasteru tiegħu bħala parti miż-0.59% mnaqqsa mill-budget għas-sena 2012? Jista' jagħti breakdown dettaljat tal-ammonti u liema huma l-line items?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — Tnaqqistal-vot fil-Budget 2012
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm se jkun qed jonqos il-vot fil-Budget 2012 dedikat għall-Ospitalità u mill-vot għall-Konsulenzi li jaqgħu taħt id-dekasteru li tiegħu huwa responsabbli? Kemm kienu dawn l-ammonti għas sena 2011 u kemm kienu skont l-budget oriġinali għall-2012?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt f’mistoqsija parlamentari numru 33131.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rapport sar mill-Monitoring Unit lil ELC dwar xogħlijiet li ma sarux sewwa jew nuqqasijiet mill-konsorzju u f’liema każijiet ittieħdu rimedji, sena b’sena mill-2008 'l hawn?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istess kuntratt li bih ingħata x-xogħol lill-ELC, fil-klawsola 1.3.4 hemm definit il-proċess ta’ ‘Default Notices’. Għall-benefiċju ta’ din il-Kamra, qiegħed inpoġġi dokument fejn wieħed jista’jsib kwotazzjoni ta’ din il-Klawsola.
Fid-dawl ta’ dan l-uffiċjal tekniku kuljum jagħmel spezzjonijet madwar Malta u Għawdex. Kull meta jkun innotata li xi xogħol jew żona ma tkunx qegħda tinżamm skont l-istandard meħtieġ, fuq ir-rapport li jsir tinħareġ ‘Notice of Improvement’ lill-Kuntrattur. Hekk kif il-kuntrattur jinnotifika lura li x-xogħol identifikat kien ġie irrranġat, l-uffiċjal inkarigat jerġa’ jispezzjona ż-żona biex jikkonferma jekk l-istandard intleħaqx jew le. Fil-każ li x-xogħol ma jkunx irranġat sal-aħħar tax-xahar, meta jinħareġ iċ-ċertifikat tax-xahar jitnaqqas il-valur tax-xogħol f’dik iż-żona.
Tajjeb li wieħed jinnota li fil-maġġoranza tal-każijiet ix-xogħol jkun irranġat f’qasir żmien u allura ma jkunx hemm bżonn li jitnaqqsu pagamenti. Madankollu sa llum il-kuntrattur kien penalizzat kif muri fl-istess dokument li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra:
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux rapporti li daħal ilma u kienx hemm problemi oħra relatati mat-tinda l-ġdida fuq it-tempji ta’ Ħaġar Qim?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninsab infurmat li fit-tempji ta' Ħaġar Qim u l-Imnajdra ġie rreġistrat kambjament għall-aħjar fl-ambjent tat-tempji minn meta kienu nstallati t-tined fil-2008/09. It-tined qed jissodisfaw l-għan tagħhom billi qed iżommu t-temperatura u l-umdità iżjed kostanti, u eliminaw l-impatt tax-xita diretta fuq l-istruttura.
Fit-tinda ta’ Ħaġar Qim kien hemm punt wieħed fejn bolt ma kienx issikat sew u b’hekk meta kienet tagħmel xita qawwija kien iqattar ftit ilma fuq punt żgħir fit-tempju. Dan ġie ssikat fil-21 ta’ Frar 2012 u ma baqgħedtx tqattar izjed xita minn dan il-post.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari W78 datata 23 ta' Lulju 2010, 34729 datata 17 ta' Mejju 2012, 29736 datata 1 ta' Novembru 2011, 34228 datata 3 ta' Marzu 2012, 33755 datata 12 t'April 2012, 27660 datata 18 ta' Lulju 2011, 25053 datata 4 ta' April 2011, 34478 datata 10 ta' Mejju 2012, 33943 datata 23 ta' April 2012, 33944 datata 23 ta' April 2012 u 33946 datata 23 ta' April 2012?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-risposti għall-mistoqsijiet nru. 33755 u 33946 diġà tpoġġew fuq il-mejda tal-kamra.
Ir-risposti nru. W78 tirreferi għal dik bin-nru. 34298, ir-risposta 34478 tirreferi għal dik bin-nru. 35282, u ir-risposta 29736 tirreferi għal dik bin-nru 33418.
Ir-risposti għal mistoqsijiet bin-nru. 33943 u 33944 qed jitpoġġew fuq il-mejda tal-kamra.
B’referenza għal Mistoqsijiet Parlamentari 27660 u 25053, nirreferi lill-Onor Interpellant biex jagħmel d-domanda tiegħu lill-Ministru responsabbli għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur.
Ir-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 34729 u 34228 jingħataw f’seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari W74 datata 14 ta' Lulju 2010, W349 datata 2 ta' Settembru 2011, W423 datata 13 ta' Settembru 2011, 29112 data 17 ta' Ottubru 2011, 33131 datata 15 ta' Marzu 2012 u 33950 datata 23 ta' April 2012?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-mistoqsija parlamentari numru W74 ġiet imwieġba permezz tal-mistoqsija parlamentari numru 19268, mistoqsija parlamentari numru W349 ġie imwieġba permezz tal-mistoqsija parlamentari numru 29654, mistoqsija parlamentari numru W423 ġiet imwieġba permezz tal-mistoqsija parlamentari numru 29656, mistoqsija parlamentari numru 29112 ġiet imwieġba permezz tal-mistoqsija parlamentari numru 33390, mistoqsija parlamentari numru 33950 ġiet imwieġba f’seduta 490 u mistoqsija parlamentari numru 33131 ġiet imwieġba fis-seduta tal-llum.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 30992, jista’ l-Minsitru jgħid la darba l-bastiment għandu l-VMS (vessel monitoring system), li dan l-apparat jagħti b’mod ċar kemm bastiment dam fuq il-baħar u peress li skont skema li ħarġet kienu se jużaw lilha biex jikkontrollaw kemm ġranet dam bastiment fuq il-baħar, għaliex il-bastiment San Nikola, li kien huwa biss preżentata il-75 days fuq il-baħar by VMS spiċċa ma kwalifikax?
Jista’ jgħid jekk kienx hemm ħames kriterji biss biex tkun tista’ tikwalifika għall-iskema tal-fond u li kien il-bastiment San Nikola biss li preżentahom dawn il-kriterji? Jista’ jgħid ukoll jekk id-deċiżjoni ittieħdetx b’mod li ħarġu barra linja mitluba mill-iskema tal-fond?
Peress li fl-ebda paragrafu fl-iskema (applikazzjoni għall-iġustament ta’ sforz ta’ sajd taħt l-istrument finanzjarju għal gwida tas-sajd 2004/2006, miżura 3.3 u miżura 3.3.1) jista’ jgħid x’inhi r-raġuni li ġie deċiż li n-numru ta’ ġranet jinħadem skont it-tul tal-bastiment u l-qabda tal-ħut?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li l-iskop aħħari ta’ din l-inizjattiva kienet li “(tit)naqqas l-kapaċità tas-sajd, u joħloq bilanċ bejn l-isforz tas-sajd u l-qbid ta’ ħut billi jħalli livell ta’ stokk ta’ ħut sostenibbli.”
Għalhekk waqt li fl-stess pubblikazzjoni kien stabbilit li bastiment tas-sajd irid ikollu minimament “attività tas-sajd ta’ ħamsa u sebgħin (75) ġurnata matul l-aħħar żewġ perjodi ta’ tnax-il xahar ta’ qabel id-data tal-applikazzjoni”, kull applikant kien ukoll meħtieġ li jippreżenta Ċertifkat ta’ bejgħ ta’ ħut tal-aħħar tliett snin maħruġ mis-sezzjoni tal-Bejgħ fit-Taqsima tar-Regolamenti Veterinarji Konservazzjoni u Kontroll tas-Sajd, kif ukoll id-dati ta’ bejgħ ta’ ħut f’dawn l-aħħar sentejn maħruġ mis-sezzjoni tas-suq fit-Taqsima rar-Regolament Veterinarji Konservazzjoni u Kontrol Tas-Sajd.
Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li fil-perjodu li kienet inħarġet din is-sejħa l-użu tal-VMS kien għadu mhux universalment użat mis-sajjieda u l-anqas ma kien statutorjament mitlub l-użu tiegħu.
Għaldaqstant biex tkun konstatata din l-attività tas-sajd, il-bord uża kemm ir-rekords dwar il-ħatt tal-ħut kif ukoll il-VMS.
Il-bastiment imsemmi mill-Onorevoli Interpellant nstab eliġibbli u kkwalifika fir-raba’ post. Skont kif dikarat fl-istess sejħa ppublikata fuq il-Gazzetta tal-Gvern (paġna 2969) li ġġib id-data tat-3 t’April 2009, il-Fond allokat kien ta’ €370,000, u dan kien ikopri biss b’mod sħiħ it-tkissir tal-ewwel tletta ikklassifikati. Ninforma l-Onorevoli Interpellant li fid-dawl ta’ dan, is-sid tal-bastiment imsemmi kien ġie offrut il bilanċ kollu ta’ €59,013 li kien baqa wara li tkissru l-ewwel tliet bastimenti iżda sid il-bastiment kien għażel li jirrifjuta din l-offerta.
Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — tnaqqis baġitarju
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm mit-tnaqqis baġitarju tal-€40 miljun tnaqqsu s'issa mill-Ministeru, dekasteri u entitajiet li jaqgħu taħtu xahar b'xahar sa Mejju 2012?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Il-Budget tal-Gvern jinħadem fuq bażi ta’ sena. Għalhekk nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tiegħi f’Mistoqsija Parlamentari Nru. 32629.
Jista' l-Ministru jgħid kemm mit-tnaqqis baġitarju tal-€40 miljun tnaqqsu s'issa mill-Ministeru, dekasteri u entitajiet li jaqgħu taħtu xahar b'xahar sa Mejju 2012?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Budget tal-Gvern jinħadem fuq bażi ta’ sena. Għalhekk nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tiegħi f’Mistoqsija Parlamentari Nru. 32631.
Ministeru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja — tnaqqis baġitarju
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm mit-tnaqqis baġitarju tal-€40 miljun tnaqqsu s'issa mill-Ministeru, dekasteri u entitajiet li jaqgħu taħtu xahar b'xahar sa Mejju 2012?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant li l-budget tal-Gvern jinħadem fuq bazi ta' sena. Għalhekk nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tiegħi f'mistoqsija Parlamentari 32635 mogħtija f’seduta 459 tal-21 ta’ Marzu, 2012
Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur — tnaqqis baġitarju
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm mit-tnaqqis baġitarju tal-€40 miljun tnaqqsu s'issa mill-Ministeru, dekasteri u entitajiet li jaqgħu taħtu xahar b'xahar sa Mejju 2012?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Il-Budget tal-Gvern jinħadem fuq bażi ta’ sena. Għalhekk nirreferi lill-Onor Interpellant għar-risposta tiegħi f’Mistoqsija Parlamentari Nru. 33202.
Ministeru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura — tnaqqis baġitarju
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm mit-tnaqqis baġitarju tal-€40 miljun tnaqqsu s'issa mill-Ministeru, dekasteri u entitajiet li jaqgħu taħtu xahar b'xahar sa Mejju 2012?
Response (DEMARCO, MARIO)
Il-Budget tal-Gvern jinħadem fuq bażi ta’ sena. Għalhekk nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 32236.
Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol — tnaqqis baġitarju
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm mit-tnaqqis baġitarju tal-€40 miljun tnaqqsu s'issa mill-Ministeru, dekasteri u entitajiet li jaqgħu taħtha xahar b'xahar sa Mejju 2012?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Budget tal-Gvern jinħadem fuq bażi ta’ sena. Għalhekk nirreferi lill-Onor Interpellant għar-risposta tiegħi f’Mistoqsija Parlamentari Numru 32678
Mosta — żona Santa Margerita - barrieri li jużaw l-isplussivi
Question
Jista' l-Minstru jgħid liema awtorità tista' tigwida lir-residenti fiż-żona tal-Mosta Santa Margerita li qegħdin iħossu t-theżżiż kbir kull darba li jinħarqu l-furnelli biex jitkisser il-blat ġewwa l-barrieri fil-viċin? Jista' jgħid min huwa responsabli li jara li meta jsir dan ix-xogħol ta' tkissir ta' blat fil-barrieri jkun stipulat skont il-liġi ?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita ta' Malta dwar L-Ambjent u l-Ippjanar tista tiggwida lil-residenti li joqgħodu viċin ta’ barrieri li jaħarqu il-furnelli u jixtiequ jagħmlu xi ilment.
L-Awtorita ħarġet żewġ dokumenti fuq
blasting
fil-barrieri tal-qawwi. Dokument minnhom iservi ta' linji gwida għall-operaturi sabiex il-
blasting
isir skond l-aħħar standards dwar din l-attivita. F'dan id-dokument ġew ukoll stipulati limiti fl-emmisjonijiet ta' vibrazzjoni u
air overpressure
(
blast
fl-arja).
It-tieni dokument approvat huwa
Terms of Reference
, sabiex kull operatur jkun jista jissottometti
Blasting Method Statement
permezz ta' konsulent ambjentali. Dan il-
Method Statement
, fost affarjiet oħrajn, irid jinkludi metodi sabiex l-effett tal-
blasting
fuq iż-żoni tal-madwar jiġi mitigat. Il-konsulent ambjentali jissottometti rapport bil-livelli ta' l-emissjonitiet irrekordajati wara kull attivita ta' blasting.
Ir-rapporti kollha u d-dokument relatati msemmija jinsabu kollha għall-access tal-pubbliku fil-website ta' l-Awtorita' (http://www.mepa.org.mt/blastmonitoring). L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 35108, jista' l-Prim Ministru jgħid min qiegħed fuq il-bord li qed jagħmel l-inkjesta u jekk dan il-bord inħatarx apposta jew jekk dan il-bord kienx diġà stabbilit u intuża' biex jagħmel din l-inkjesta? Min ħatar lill-membri li qed jiffurmaw dan il-bord u lil min iridu jwieġbu bir-riżultat miksub? Minn min huwa komposta l-bord imsemmi, xi kwalifikazzjonijiet u esperjenza għandhom fix-xogħol in kwestjoni l-membri tal-bord u qatt servew f'xi bord qabel? Kemm-il darba ġrat fl-istorja tal-kunsilli lokali li jinħatar bord kif inħatar hawn imsemmi u liema kienu l-każijiet li investigaw?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Bord ta’ Inkjesta inħatar mill-Ministeru għall-Intern bħala l-Ministeru responsabbli mill-Kunsilli Lokali skont Artikolu 4 tal-Att dwar l-Inkjesti. Huwa kompost mis-Sinjuri Louis Cilia bħala Chairperson, Martin Scicluna u Natalino Attard. Is-Sur Cilia hu ex-Segretarju Permanenti (Ministeru tal-Intern u wara tal-Ministeru tat-Trasport u Komunikazzjoni) u ex-Direttur-Ġenerali (Ministeru tal-Intern) fis-servizz pubbliku. Is-Sur Scicluna għandu esperjenza twila f’diversi karigi għolja fis-servizz pubbliku Ingliż kif ukoll dak Malti bhala konsulent fuq is-sigurtà. Filwaqt li s-Sur Attard fil-preżent huwa Direttur Probation and Parole u ex-Direttur tal-Gvern Lokali. It-tlieta li huma servew matul il-karriera tagħhom (u anke wara) fuq diversi bordijiet ta’ inkjesti kif ukoll bordijiet oħrajn.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 35108, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk huwiex minnu li r-resident li qed jbatu minħabba t-torba li hemm bħalissa f'dawn it-toroq imsemmija u allura meta jista' jkun li jkun hemm soluzzjoni għal dan l-inkonvenjent? Meta l-bord maħtur huwa pjanat li jlesti li inkjesta tiegħu u joħroġ ir-riżultat? X'logika qed jimxi biha min qed imexxi din l-inkjesta u xi jrid jfittex b'dak li qed jagħmel?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Bord ta’ Inkjesta qed jagħmel mill-aħjar li jista’ biex ir-rapport tiegħu jitlesta malajr kemm jista’ jkun. Iżda mhux dejjem jiddependi minnu għax hemm fatturi oħra li jistgħu jittardjaw il-proċess fosthom id-disponibbilità tal-membri u posponimenti validi.
Il-Bord għandu termini partikolari mgħotija mal-ħatra tiegħu, li huma s-segwenti:
1. Jeżamina u jirraporta dwar iċ-ċirkostanzi fejn ordni għal xogħolijiet ġiet preżentata lil
V & C Contractors
f’Diċembru 2011 biex isiru xogħolijiet ta’
road-surfacing
fi Triq id-Dawr u Triq l-Istrinġell, Mosta;
2. Jistabbilixxi il-punt safejn wasal it-twettiq ta’ dik l-ordni skont il-proċeduri, regoli u regolamenti stabbiliti fejn ġeneralment japplikaw il-funzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u iktar speċifikament fir-rigward tar-regolament dwar Kuntratti Pubbliċi;
3. Jidentifika kwalunkwe evidenza ta’nuqqas ta’ osservanza ta’ regolamenti, imġieba ħażina, jew abbuż ta’ awtorità da parti ta’ dawk prinċipalment involuti; u
Jagħmel rakkomandazzjonijiet neċessarji fid-dawl tat-tisjib u l-konklużjonijiet li jasal għalihom.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 35107, fejn huwa spjega li ġie nfurmat li fil-vot tal-waiting list hemm fondi allokati għaż-żewġ inizjattivi, jiġifieri wieħed li jitnaqqsu l-waiting lists u l-ieħor biex jitħallsu visti li pazjenti jagħmlu ġewwa l-Isptar St. James, jista' l-Ministru jagġti iktar informazzjoni dwar kemm huwa kbir dan il-fond? Kif huwa imqassam u allura kemm huwa pjanat li jistgħu jsiru visti mill-publiku ġewwa l-klinika privata għal vista u kemm jistgħu jew huwa kkalkulat li sejrin jsiru operazzjonijiet żejda biex titnaqqas il-waiting list?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li hemm €2.5 miljun allokati fil-vot tal-waiting list. Il-fond allokat għaż-żewġ inizjattivi jiddependi mir-rispons tal-publiku għaż-żewgt inizjattivi li nieda d-dipartiment.
Jista' l-Ministru jgħid kif sejrin u kemm se jiġu mħalsa s-servizzi li l-poplu se jieħu mill-kliniċi privati li issa għandu d-dritt li jmur jagħmel visti fihom fil-weekends jekk jkollu l-ħtieġa?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li s-servizz li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant qed jintuża minn numru ta’ persuni li qegħdin jinqdew kif mistenni. Is-servizzi qed jiġu mħallsa skont kif miftiehem fil-kuntratt u li minħabba s-sensitivita kummerċiali dawn il-figuri ma jistgħux jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jispjega jekk pazjent li jmur ġewwa klinika privata huwiex intitolat għal vista biss bla ħlas minn ġewwa l-kliniċi privati fil-weekends jew jekk huwiex intitolat għall-kura kollha li jkollu bżonn b'xejn minn dik l-klinika f'dak il-mument?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-ftehim milħuq bejn id-Dipartiment tas-Saħħa u l-isptarijiet privati jelenka li l-pazjenti li jużaw dan is-servizz huma ntitolati għall-vista minn infermier u minn tabib, imma wkoll għall-diversi servizzi oħra li jkun hemm bżonn. Dawn is-servizzi huma elenkati fil-ftehim - fosthom x-rays konvenzjonali (plain), elektrokardjogramma, testijiet tad-demm bażiċi, tindif ta’ feriti u punti (suturi) fejn ikun hemm bżonn, faxex, amministrazzjoni ta’ drips u mediċini kemm f’sura ta’ titqib kif ukoll ta’ pilloli biex jinqdew, ġibs għall-każijiet ta’ ksur. Hu possibbli ukoll li pazjent jinżamm għal ftit ħin biex jiġi mogħti xi kura u sabiex jiġi evalwat l-effett tat-trattament li jkun ingħata. F’każ li l-pazjent/a jkollu/ha bżonn ta’ aktar konsultazzjoni fl-isptar Mater Dei, b’ko-operazzjoni mal-isptar Mater Dei, jista’ jiġi offrut wkoll is-servizz tal-ambulanza.