Jista' l-Ministru jgħid għaliex is-sitwazzjoni ambjentali f'Ħal Farruġ qed titħalla daqstant tmur mill-ħażin għall-agħar fejn ukoll minħabba din it-traskuragni qed jippreżentaw ruħhom ċerti perikli? Jista'jghħd x'se jagħmel dwar dawn iċ-ċirkostanzi, fost oħrajn li qed joħolqu sfreġju ambjentali u perikolu għan-nies peress li:
a) il-ħaxix ħażin li mhux ikkontrollat u li tiela' wara l-blokki tal-appartament tal-ex servizzi, fejn faċilment, f'dan it-temp ta' sħana kbira, jista' jaqbad u jipperikola l-ħajja ta' għadd ta' familji u wkoll jista' jkun kawża ta' danni fil-proprjetà tagħhom;
b) il-fence tal-wire li jdawwar l-area ta' Ħal Farruġ fuq in-naħa ta' Triq Wied in-Noqor, huwa mqatta u li b'konsegwenza qed jidħlu vetturi fuq il-ħamrija wara l-blokki tal-appartamenti C u D fejn diversi drabi l-post jintuża għal atti mhux xierqa fil-pubbliku;
ċ) il-playing field tinsab fi stat diżastruż u ta' periklu għat-tfal peress li la teżisti art tar-rubber biex inaqqsu l-periklu għat-tfal meta jaqgħu, iżda agħar minn hekk meta ħaddiema għamlu xogħol fuq il-culverts tad-drenaġġ qrib il-playing field, tħalla gandott perikoluż mal-ġenb u b'konsegwenza għadd ta' vetturi qed jgħaddu mill-għelieqi qrib il-playing field u joħolqu periklu ieħor għat-tfal;
d) il-bankijiet li jinsabu wara blokk C jinsabu esposti għax-xemx, flok qegħdin f'post fid-dell, fejn jistgħu jkunu mezz ta' mistrieħ għal kulħadd;
e) id-dustbins li hemm fil-playing field huma ta' kull xorta, anke landi taż-żebgħa huma użati, flok reċipjenti addattati b'uħud minnhom f'nofs l-għalqa;
f) il-ħitan li jisseparaw l-għelieqi mid-daħla (gate), hemm ħafna ġebel nieqes u oħra qed jinġibdu minn vandali; u
g) il-parti tat-triq quddiem blokk A fejn hemm statwa tal-Madonna, saret perikoluża ħafna għaliex hija blind corner u dejqa wisq fejn inbeda ħajt tas-sejjieħ bla permess u anke dan huwa ta' periklu għan-nies?
Għaldaqstant jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan biex mhux biss dawn l-aspetti importanti li qed jagħtu dehra ta' telqa u huma kawża ta' periklu jiġu indirizzati, iżda wkoll affarijiet oħra li qed jolqtu l-ħajja tal-familji f'Ħal Farruġ kuljum? Jekk hemm pjan x'inhu? Meta se jiġi implimentat għaliex is-sitwazzjoni sejra mill-ħażin għall-agħar?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nerġa infakkar lill-Onorevoli Interpellant, filwaqt li nirreferiha għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34246, li r-reponsabbiltà għas-sit imsemmi hija tal-kunsill lokali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-istima għall-bini ġdid tal-pitch tal-water polo f'Birżebbuġa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li diġa inħarġet is-sejħa għall-offerti mid-Dipertiment tal Kuntratti għall-bini ta’ dan il-pitch liema sejħa għalqet u tinsab fil-fażi ta’ aġġudikazzjoni. Għaldaqstant mhuwiex opportun li jkunu ppubblikati l-istimi f’dan l-istadju
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' vapuri ġodda li għandha l-Gozo Channel? Kemm ġew jiswew dawn il-vapuri, kull wieħed separatament? Kemm saru spejjeż fuq dawn il-vapuri minn meta ġew varati sal-lum?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Gozo Channel ma għandhiex vapuri ġodda. It-tliet vapuri li qed topera bħalissa huma it-Ta’ Pinu, il-Gaudos u l-Malita li ġew varati rispettivament fl-2000, l-2001 u l-2002 jiġifieri medja ta’ ħdax-il sena ilu. L- MV Ta’ Pinu ġie jiswa 37.3 miljun ewro, filwaqt illi l- MV Gaudos u l- MV Malita swew 32.6 miljun ewro kull wieħed.
Spejjeż fuq dawn il-vapuri minn meta ġew varati sal-lum kienu ta’ €2.8 miljun.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-pulizija humiex jieħdu l-passi meħtieġa biex mill-inħawi ta' Lanza, Ħaż-Żabbar, jitneħħew żewġ karozzi u caravan li ilhom pparkjati bla permess għal żmien twil?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi dawn il-vetturi u l-caravan tneħħew.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 35706, jista' l-Ministru jinvestiga min ta' ordnijiet biex jinqatgħu s-siġar li nqatgħu kif ukoll x'tip ta' siġar inqatgħu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li s-sit konċernat jaqa’ fil-konfini li għalih huwa responsabbli l-kunsill lokali. Niġbed l-attenzjoni wkoll li l-protezzjoni bil-liġi tas-siġar huwa skont ir-Regolamenti tal-2011 dwar il-Ħarsien ta’ Siġar u Imsaġar taħt l-Att Dwar L-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp (Kap. 504) u/jew skedati skont termini ta’ artikolu 48 (1) tal-Att diġa imsemmi. Għaldaqstant kull permess meħtieġ kellu jintalab mill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-main tal-ilma li hemm fit-triq ta' Għajn Tuiffieħa, Għajn Nastas, limiti ta' San Pawl il-Baħar jinbidel għax jidher li hemm partijiet sostanzjali minnu li spiċċa b'ħafna sadid u bi problema kbira ta' telf f'ilma?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma għandha pjan biex tbiddel dan il-main. Iżda biex issir irid jinħareġ il-permess mil-MEPA minħabba ż-żona li tinsab fiha din il-main hija barra miż-żona ta’ l-iżvilupp.
Jista' l-Ministru jassigura li s-sistema tad-drenaġġ titwassal sal-inħawi ta' Ras il-Wied, San Martin, Ġnien Borġ, Għerien il-Hida, Limbordin, Għajn Nastas, Ta' Rkupru limiti ta' San Pawl il-Baħar u l-Palma, limiti tal-Imġarr?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-postijiet imsemmija bħalissa qed jinqdew bil-fosos. Ma hemmx pjan biex jitwassal id-drenaġġ f’dawn il-postijiet li jinsabu “outside development zone”.
Ħaddiema fix-xogħol ta' kostruzzjoni tal-Parlament il-Ġdid, Bieb il-Belt u Teatru
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 35595, jista' l-Ministru jwieġeb għat-tieni parti tal-mistoqsija oriġinali u cioè kemm mill-403 persuna li qed jaħdmu fil-proġett tal-Parlament il-ġdid, Bieb il-Belt u t-teatru huma Maltin u kemm huma ta' nazzjonalità barranija? Kemm mill-ħaddiema ta' nazzjonalità barranija huma ċittadini ta' pajjiżi tal-Unjoni Ewropea?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra
San Pawl il-Baħar — inħawi ta' San Martin - arbli ġodda tad-dawl
Question
Jista' l-Ministru, permess tal-Korporazzjoni Enemalta, jieħu l-passi neċessarji biex diversi arbli tal-elettriku fl-inħawi ta' San Martin, limit ta' San Pawl il-Baħar jinqalgħu u l-cables jitpoġġew fuq arbli ġodda li twaħħlu u fejn għad jonqos arbli ġodda, dawn jitwaħħlu minlokk il-qodma?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li x-xogħol biex jitpoġġew il-cables fuq l-arbli l-ġodda u jitneħħew l-arbli l-qodma diġà beda u għandu jitlesta fi żmien qasir.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 35707, jista' l-Ministru jassigura li l-kuċċiera kollha tal-karozzin, jekk ma jingħatawx tagħrif speċifiku, jingħataw informazzjoni bażika għaliex riċentament, wieħed mill-kuċċiera instema' jgħid b'vuċi għolja deskrizzjoni tal-monument tal-Gwerra bħala l-Monument tal-Indipendenza?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lil Transport Malta.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 35153, jista' l-Ministru jgħid jekk wara li jkunu koperti n-nisa kollha ta' età bejn il-50 u s-60 sena hux maħsub li dan l-iscreening jitkompla f'etajiet differenti?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninsab infurmat li, kif kien ippjanat fil-Pjan Nazzjonali għall-Kanċer, din is-sena ser issir evalwazzjoni tal-programm Nazzjonali ta’ Screening għall-Kanċer tas-Sider. Bħalha parti minn din l-evalwazzjoni, se jiġi ddeterminat jekk u kif għandu jiġi estiż dan il-programm.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34890, jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu, u jekk huwa l-każ, kemm qed jinħarġu fondi mill-budget ta' Transport Malta?
Jista' l-Ministru jinvestiga l-problema ta' pressa baxxa tal-ilma li qed taffettwa r-residenzi fin-naħa ta' Fuq Tal-Blat Housing Estate fi Triq Valletta f'Ħal Qormi u li ilha għal din l-aħħar sena tippersisti? Jista' l-Ministru jgħid minn xiex ġejja din il-problema?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-pressa taż-żona ta’ Ħal Qormi li tintela minn naħa tar-round about ta’ quddiem il-Lowenbrau ġiet ikkontrollata b’apparat apposta biex jonqsu il-ħsarat u nnaqsu il-ħela tal-ilma.
Pero, kullimkien f’din il-lokalita’, l-pressa teċċedi dik minima kif stipulata fil-‘customer contract’.
Ukoll, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma m’għandha l-ebda rapport ta’ pressa baxxa fil-lokalita’ inkwistjoni.
Napprezzaw jekk niġu nfurmati jekk hemm xi residenza partikolari li għandha xi problemi fil-pressa ħalli ninvestigaw.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għandux dritt li jassumi ċ-ċittadinanza Maltija oltre dik ta' pajjiżu tenut kont li ilu miżżewweġ lil ċittadina Maltija għal aktar minn ħames snin? Jekk iva, x'qed iżomm biex dan jieħu din iċ-ċittadinanza?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Malta taċċetta l-prinċipju taċ-ċittadinanza doppja. Il-persuna kkonċernata tkun tista' zomm iċ-cittadinanza Maltija maċ-ċttadinanza barranija li għandha u/jew jista' jkollha.
Ninsab infurmat li din l-applikazzjoni għadha qed tiġi pproċessata. Kif jiġi ffinalizzat l-ipproċessar, il-persuna tkun informata dwar l-eżitu tal-applikazzjoni.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja oriġinali tat-terms of reference u d-data ta’ meta twaqqfet il-kummissjoni ta’inkjesta indipendenti dwar alleġat ħruq ta’ fdalijiet tal-annimali mill-Afrika t’Isfel fl-inċineratur tal-Marsa tal-Wasteserv?
Response (DEMARCO, MARIO)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Ittra tal-ħatra tal-Bord ta’ Investigazzjoni datata 12 ta’ Ġunju 2012.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34600 u jinforma lil din il-Kamra kemm saru reati fis-snin 2012 u 2011, lokalità b'lokalità u x'tip ta' reati kienu dawn? Jista' jgħid kemm minn dawn ir-reati kienu solvuti mill-Korp tal-Pulizija kategorija b'kategorija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi r-rejati li ġew irrapurtati lill-Pulizija mill-1 ta’ Jannar tas-sena l-oħra sa l-aħħar ta’ April ta’ din is-sena, klassifikati bil-lokalità u t-tip ta’ rejat irrapurtat. Ninsab infurmat illi t-tagħrif kif mitlub fl-aħħar parti tal-mistoqsija mhux disponibbli taħt forma kompjuterizzata.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34691 u jinforma lil din il-Kamra kemm pulizija weġġgħu u/jew tilfu ħajjithom matul il-qadi ta' dmirijiethom sena b'sena mis-sena 2002 sas-sena 2011? F'liema rank kienu dawn il-pulizija? Isir rapport jew le fuq kull tali inċident li jseħħ mir-rappreżentant tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol tal-Korp tal-Pulizija? Jekk isir tali rapport, xi jsir minn tali rapport?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ membri tal-Korp tal-Pulizija li weġġgħu waqt li kienu xogħol bejn is-sena 2002 u s-sena 2011 huwa skont it-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra.
Għalkemm ma jsirx rapport mir-rappreżentant tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-xogħol tal-Korp tal-Pulizija, għandu jingħad illi kull inċident li jkun irrappurtat minn membri tal-Korp li jweġġgħu waqt li jkunu xogħol, ikun investigat mill-
injuries board
li huwa mmexxi mit-tabib tal-Korp.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li wara li sa ftit taż-żmien ilu l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija kienet ġiet offruta l-pakkett ta' €7 miljuni bħala kumpens għas-sigħat żejda li nħadmu minn membri tal-Korp tal-Pulizija, issa f'daqqa waħda l-Assoċjazzjoni rċeviet korrispondenza fis-sens li l-ebda kumpens ma huwa dovut? Jista' jgħid b'mod ċar u inekwivoku x'se jiġri fuq din il-kwestjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li wara li saret analiżi mill-ġdid tal-provvedimenti tal-Ftehim li kien daħal fis-seħħ f’Ġunju tal-1993, kif ukoll taċ-Ċirkulari tal-Pulizija Numru 63/93 ta’ Settembru tal-istess sena, ġie ikkonfermat li t-talba għal kumpens magħmula mill-Assoċjazzjoni tal-Pulizija għar-rigward ta’ overtime kienet bla bażi. Madankollu, l-Gvern u l-Assoċjazzjoni qegħdin jaħdmu flimkien biex, fl-iqsar żmien possibli, jidħlu fis-seħħ miżuri li permezz tagħhom tiġi konsolidata l-ħdima tal-Korp tal-Pulizija u jkomplu jitjiebu l-kundizzjonijet tax-xogħol tal-membri tiegħu.