Jista' l-Ministru jgħid jekk jidhirlux li sabiex jgħaddu cable żgħir fl-Isptar Monte Carmeli kellhom jistallaw travu tal-ħadid li qam lill-gvern 'il fuq minn €12,000? Jista' jispjega għaliex il-ħaddiema tal-Isptar Monte Carmeli m'għandhomx jingħataw overtime?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministu jgħid min hu attwalment il-kontrollur tal-Bical? Peress li l-gvern ilu jwiegħed żmien li l-kredituri tal-Bical se jitħallas u pagament ulterjuri aktarx finali, jista' jgħid meta attwalment dan se jsir? Jista' jispjega din il-prokrastinazzjoni kollha?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27640, peress li l-Ministru kien ikkonferma li l-unika marina li għandha Transport Malta hija dik ta' Gżira Gardens, għaldaqstant, jista' l-Ministru jgħid u jikkonferma min kien responsabbli għat-tmexxija ta' Tignè Marina għall-perjodu ta' bejn Jannar 2011 sal-15 ta' Lulju 2011? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont ta' kemm tħallsu f'berthing fees għall-perjodu msemmi, kemm inġabru fi ħlas għas-servizz ta' dawl u ilma? Jista' jagħti rendikont ta' kemm daħlu yachts u opri tal-baħar fil-marina msemmija matul il-perjodu aktar 'il fuq indikat u dan kemm-il darba l-marinas tal-Imsida u Ta' Xbiex ġew privatizzati fis-sena 2010?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li bejn Jannar 2011 sa Ġunju 2011 il-berths ta' Tigne' kienu taħt it-tmexxija ta' Transport Malta. Ma kien hemm l-ebda berthing fees għal dan il-perijodu.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, rendikont li jirrigwarda l-ħlas għas-servizz provdut ta' dawl u ilma lis-sidien tal-yachts fil-marina ta' Tignè matul is-snin 2009 sa 2011?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern, b'mod partikolari tal-Ministeru tal-Finanzi, ħallasx lill-konsulenti tat-task force imwaqqfa minħabba l-Air Malta?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ma tistax tingħata minħabba li hi ta’ natura kummerċjalment sensitiva. Ara korezzjoni f'PL 10279 li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra nhar it-Tnejn, 2 ta' Lulju 2012 f'Seduta 496.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 35675, 35387 u 35166 u jgħid liema huma dawk il-barrieri li s-sidien tagħhom radmuhom mingħajr l-permessi meħtieġa? X'azzjoni qiegħda tieħu l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kontra s-sidien kkonċernati?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35677 u cioè: B'referenza għal construction site management regulations imposta mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu enforcement notices fuq siti li ma kenux konformi ma' dawn ir-regolamenti matul is-snin 2010, 2011 u 2012 sal-lum kull sena separatament? Kemm minn dawn l-enforcement notices inħarġu għax siti ta' kostruzzjoni ma kenux magħluqa bl-iscaffolding u ma pprovdux safe passage għal terzi?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorita ma' toħroġx Avvizi t' Infurzar (enforcement notices) dwar ksur tar-Regolamenti ta' l-2007 dwar l-Immaniġġar Ambjentali tas-Siti tal-Kostruzzjoni. Nuqqasijiet minn persuni li jwettqu tali reati tinħarġilhom taħrika skond Parti IV tal-Avviż Legali 295/07 u jekk jinstabu ħatja minn Kummissarju tal-Gustizzja, jitwaħħlu multi skond kif stipulat fl-istess Avviż Legali. Dettalji ta' kemm inħarġu taħrikiet minn dan it-tip matul s-snin indikati fl-Interpellanza għandha tinġabar mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijarijiet Rurali, li fuqu għaddiet ir-responsabilta tal-imanniġġar ta' dawn ir-Regolamneti f'nofs l-2010.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35646 u jagħti lista ta' fabbriki ġodda li nfetħu bejn 2008 u 2011? Kemm ħadmu nies f'dawk il-fabbriki l-ġodda? Kemm kien l-investiment investit minn kull fabbrika? Kemm kien l-estensjonijiet ta' fabbriki li saru bejn 2008 u 2011? Liema fabbriki kienu li effetwaw estensjonijiet? Kemm kien l-investiment f'kull fabbrika u kemm żdiedu ħaddiema f'kull fabbrika?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kif diġa intqal fi tweġiba għal-mistoqsija parlamentari 31846, u irrepetuta f’mistoqsija parlamentari 35390, l-ismijiet tal-kumpaniji ma jistgħux jingħataw minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalità kif stabbilit fil-Business Promotion Act. In-numru ta’ investimenti ġodda u espansjonijiet huma murija fit-tabelli ta’ hawn taħt flimkien mal-investiment u l-impjieg prevvisti f’għeluq it-tlett snin mill-bidu tal-proġett. Dawn il-figuri jinkludu ukoll investimenti ġodda u espansjonijiet li ma bbenefikawx minn fabbirka/art minn fejn joperaw minħabba lis-settur li joperaw fih ma jikkwalifikax għal fabbrika/art. Qed inpoggi fuq il-mejda l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35328 u cioè: Peress li ħafna mill-bus shelters li għandna fil-lokalitajiet f'Għawdex u Malta mhux addatati biex joffru kenn mix-xemx peress li huma trasparenti, u peress li issa bidet is-sħana u allura x-xemx tkun taħraq ukoll dawn is-shelters mux idoneji għal din it-tip ta' klima, jista' l-Ministru jara li din il-problema tiġi indirizzata?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern, b'mod partikolari tal-Ministeru tal-Finanzi, ħallasx lill-konsulenti tal-Air Malta f'dawn l-aħħar erba' snin?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ma tistax tingħata minħabba li hi ta’ natura kummerċjalment sensitiva. Ara korrezzjoni f'PL 10280 li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra nhar it-Tnejn, 2 ta' Lulju 2012 f'Seduta 496.
Kumitati Konġunti għal Kumitati Reġjonali — transizzjoni
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'ġara mill-ħaddiema tat-Tribunali Lokali f'Malta u Għawdex waqt it-transizzjoni minn Kumitati Konġunti għal Kumitati Reġjonali u x'qed isir sabiex jiġu integrati f'dan ir-rigward?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali kien ħareġ struzzjonijiet biex l-impjegati tal-Kumitati Konġunti jiġu ntegrati. Struzzjonijiet iktar ċari ħarġu permezz ta’ Memo 7/2012 fejn kien spjegat li t-talbiet għandhom isiru lid-Direttur tal-Gvern Lokali skont it-termini tar-Regolamenti tal-Kunsilli Lokali (Kumitati Reġjonali). Infurmat ukoll li d-Dipartiment għadu qed jistenna tali talbiet filwaqt li daħal fi proċess ta’ konsultazzjoni mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ dwar il-possiblità ta’ integrazzjoni. Kull Kumitat Reġjonali għandu jimpjega minimu stabbilit sabiex jiffunzjona t-Tribunal Lokali u jekk jidhirlu li jeħtieġ iktar impjegati dan għandu jsir wara li jikseb l-approvazzjoni Ministerjali.
Jista' l-Ministru jgħid xi fdalijiet arkijeloġiċi nstabu waqt ix-xogħlijiet tat-toroq fi Triq l-Imġarr, Xewkija u t-triq prinċipali tar-Rabat Għawdex li saru dan l-aħħar xhur? Jista' jgħid jekk hemmx rapport tas-Superintendenza tal-Patrimonju Kulturali? X'sar biex ġew protetti dawn is-siti?
Response (DEMARCO, MARIO)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-proġetti li ġew iffinanzjati mill-MEUSAC mal-Kunsill Lokali ta' Ghawdex u ma' għaqdiet mhux governativi matul l-2011 u l-2012 sal-aħħar ta' Mejju?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-MEUSAC ma tiffinanzjax progetti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ilhom bil-ħsara l-qlugħ tax-Xarolla f 'Għawdex u meta se jitlesta x-xogħol ta' restawr?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninsab infurmat li l-qlugħ tal-Mitħna ta’ Kola fix-Xagħra sofrew ħsarat waqt maltempata qalila fl-2008.
Il-ħsara li ġarrbet il-mitħna tmur lil hinn mill-qlugħ, u kien hemm xogħol estensiv ta’ restawr xi jsir anki fuq il-mekkaniżmu strutturali ntern tal-mitħna. Saru l-istudji kollha meħtieġa fuq il-mekkaniżmu intern kollu tal-mitħna u ġie determinat ukoll il-kwalita’ ta’ njam li kellu jintuża sabiex isir xogħol tajjeb u fidil lejn l-oriġinal. Dan l-injam kellu jinxtara minn barra minn Malta peress li f’Malta ma nstabx l-injam tal-ħxuna neċessarja li jkun diġa’ mnixxef.
Ix-xogħol fuq l-injam il-ġdid tal-qlugħ kif ukoll tal-mekkaniżmu ntern miexi sewwa u mistenni jitlesta sa l-aħħar ta’ din is-sena
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35487 u jgħid kemm ġew imqabbda kuntratturi sabiex jagħmlu xogħlijiet għall-Gozo Channel f'dawn l-aħħar xahrejn? X'kien it-tip ta' xogħol? Ħarġet tender jew direct order? Min tefa' l-offerti u min ħa x-xogħol? Kemm sewa dan ix-xogħol?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35557 u cioè: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 35160 dwar l-iżvilupp ta’ family park f’Wied il-Għajn, b’mod partikolari għall-kundizzjoni Nru 5 li tinsab f'paġna 4 tal-Planning Gain fejn jingħad li l-proġett kellu jitwettaq fi żmien ħames snin minn mindu ngħatat id-deċiżjoni tal-permess tal-applikazzjoni (“The family park shall be implemented within 5 years from the issue of this permit”) PA 04607/06 fit-30 ta’ Jannar 2007, jiġifieri jiskadi fit-30 ta’ Jannar 2012, ma jidhirlux il-Ministru li l-kelma “implement” li bl-Ingliż tfisser “carry into effect”, bil-Malti tfisser “twettaq” u “twettaq” għal xi ħaġa bħal dan il-każ, park tal-familja, ifisser ikun komplut? Ma jaħsibx li n-nuqqas li jitlesta l-proġett kif imwiegħed jista’ jwassal biex residenti ta’ din il-lokalità jiftħu kawża biex jieħdu dak li kien imwiegħed lilhom snin ilu?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kundizzjoni numru 5 tal-permess (PA 4607/06) hija fuq 'Planning Gain': "The realisation of the Marsascala family park shall be the planning gain for the local community. The developer shall carry out all the necessary works for the creation of the family park.
The family park shall be implemented within 5 years from the issue of this permit.
In the event that the full development permit is not issued as indicated above the developer will have to contribute the sum of Lm1,000,000 (One Million Malta Liri) to the Malta Environment and Planning Authority.
The funds will then be used for the creation and improvements of projects to be carried out for the local community"
Il-permess tal-Family Park ġie maħruġ f'Mejju 2010 u fiż-żmien tal-ħames snin tal-permess PA 4607/06. Il-permess tal-
Family Park
għadu validu. Il-proġett qiegħed jiġi imwettaq u mistenni jkun lest sal-aħħar tas-sena.
Bulebel — ħinijiet tax-xogħol ta' ħaddiema f'fabbrika
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35555 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk hemmx xi arranġement speċjali mal-Labour Office biex fabbrika partikulari f’Bulebel li timpjega għadd kbir ta' ħaddiema barranin li nifhem li qegħdin jaħdmu f’mod regolari f’pajjiżna, bl-awtorizazzjoni tad-dipartiment ikkonċernat, fejn dawn spiss jaħdmu mis-sebgħa ta' filgħodu sas-sebgħa u nofs ta' filgħaxija kuljum inklużi s-Sibtijiet u l-Ħdud u fejn dawn jingħataw jum wieħed biss off li minkejja t-talbiet tagħhom biex ikun il-Ħadd, ħafna drabi jispiċċa jkun is-Sibt, darba kull ħmistax? Huwa aċċettabbli li dawn spiss jiġu sfurzati wkoll jaħdmu overtime sad-disgħa u nofs ta' filgħaxija b’ €0.75 fis-siegħa?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijal u tal-Impieg ma jagħtix awtorizzazzjonijiet jew jiffaċilità arranġamenti li jmorru kontra l-obbligi legali ta’ min ihaddem. L-Onor Interpellant hu mitlub jagħti d-dettalji tal-fabbrika li qed jirreferi għaliha ħalli jsiru l-aċċertamenti neċessarji.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35552 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u cioè: Billi hemm culvert mikxufa fi Triq il-Ġnien il-Għargħur meta wieħed ikun sejjer lejn Busietta Gardens u billi minħabba d-djuq tagħha spiss ikun hemm il-periklu li xi karrozzi jispiċċaw fil-culvert innifisha, jista' l-Ministru jara li titwaħħal xi gradilja tal-ħadid biex jiġu evitati inċidenti simili peress li dan jiġri l-aktar meta jkunu ġejjini karrozzi minn naħa opposti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tal-Għargħur qiegħed jinvestiga dan l-ilment.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33102 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u li issa ġiet riferuta lilu u cioè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 32371, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm users (mingħajr ma ningħata ismijiet) li jikkunsmaw ilma li jeċċedi 40,000 m3 fis-sena? Jista' jikkonferma li f’dan il-każ dawn iħallsu rata preferenzjali ta' €1.75 kull m3 minflok €2.10 għal kull m3 għal min jikkonsma 168m3 jew anqas? Il-gvern għandu stimi ta’ kemm hemm ilma li qed jiġi pumped bla ħlas mill-boreholes u dan f’termini ta’ m3? Dan jgħodd ukoll għall-konsum tal-elettriku? Jekk iva, l-impjanti tar-reverse osmosis jibbenefikaw minn dawn ir-rati sussidjati? Jista' jwieġeb il-partijiet tal-mistoqsija li ma ġewx imwieġba?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-informazzjoni qed tinġabar u tweġiba tingħata f’seduta oħra.