Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #35522 Sitting 493 2012-06-25 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — entitajiet tal-Internal Audit

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma dawk l-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li preżentament għandhom funzjoni ta' internal audit? Jista' jgħid liema minn dawn l-entitajiet irrikorrew għas-servizz ta' ditti tal-awdituri biex jingħatalhom dan is-servizz? F'kull każ, jista' jgħid: a) liema ditta tal-awdituri ġiet mqabbda; b) kemm qed tiġi mħallsa kull sena tal-funzjoni tal-internal audit; ċ) f'kull każ, min huma l-awdituri esterni u jekk l-awdituri interni humiex l-istess ditta? F'każ li l-istess, kemm qed jitħallsu tal-funzjoni tal-awditjar estern; d) kemm huwa t-turnover tal-entità li taqa' taħt il-Ministeru; u e) kemm għandha impjegati l-entità?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Ninfurmah li fil-każ ta’ Mistoqsija d) din ma tinkludix is-subvention mogħtija mill-Gvern. Tajjeb ukoll li nfakkar lill-Onorevoli Interpellant, illi d-Dipartimenti u l-entitajiet, b’mod partikolari fejn ma hemmx Internal Audit ad hoc jagħmlu użu mill- Internal Audit and Investigations Directorate.’

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — entitajiet tal-internal audit

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barrnin jgħid liema huma dawk l-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li preżentament għandhom funzjoni ta' internal audit? Jista' jgħid liema minn dawn l-entitajiet irrikorrew għas-servizz ta' ditti tal-awdituri biex jingħatalhom dan is-servizz? F'kull każ, jista' jgħid: a) liema ditta tal-awdituri ġiet mqabbda; b) kemm qed tiġi mħallsa kull sena tal-funzjoni tal-internal audit; ċ) f'kull każ, min huma l-awdituri esterni u jekk l-awdituri interni humiex l-istess ditta? F'każ li l-istess, kemm qed jitħallsu tal-funzjoni tal-awditjar estern; d) kemm huwa t-turnover tal-entità li taqa' taħt il-Ministeru; u e) kemm għandha impjegati l-entità?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin m'għandux entitajiet jaqgħu taħtu illi għandhom funzjoni ta' internal audit. Tajjeb ukoll li nfakkru lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dipartimenti u l-entitajiet, b'mod partikolari fejn m'hemmx Internal Audit ad hocjagħmlu użu mill-Internal Audit and Investigations Department.

Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol — ħaddiema

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm ħaddiema f'kull segretarjat tal-Ministeru tagħha li mhumiex civil servants? Xi grad għandhom? X'inhu xogħolhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #35585 Sitting 493 2012-06-25 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — ħaddiema

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm ħaddiema f'kull segretarjat tal-Ministeru tagħha li mhumiex civil servants? Xi grad għandhom? X'inhu xogħolhom?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fis-Segretarjat Privat hemm tliet ħaddiema li mhumiex impjegati taċ-ċivil. Dawn huma elenkati hawn taħt: Communications Co-ordinator Secretariat Officer Driver/Security Officer.

Dipartiment tal-Artijiet — file ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn wasal il-file li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament quddiem id-Dipartiment tal-Artijiet?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li l-proċess tal-file li d-dettalji dwaru ngħataw separatament ġie finaliżżat u l-proprjetà in kwsitjoni ser tgħaddi f’idejn l-Awtorita’ tad-Djar biex isiru t-tiswijiet neċessarji. Madanakollu, dan it-trasferiment iseħħ wara li l-istess awtorità toħroġ Avviż Legali li permezz tiegħu isir it-trasferiment tat-titlu.

Smart City u l-Kalkara — problema ta' ġrieden

Question

Jista' l-Ministru jgħuid x'passi qed jieħdu l-awtoritajiet konċernati rigward problema kbira li bdiet minn meta beda l-proġett ta' Smart City cioè li qed ikun hemm ħafna ġrieden madwar iż-żona ta' bejn iċ-ċimerterju tal-Inglizi l-Kalkara fi Triq Santu Rokku u Smart City?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li dan l-aħħar id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali rċieva diversi lmenti rigward infestazzjoni ta’ ġrieden fiż-żona ndikata. L-aħħar tlett trattamenti għal kontra l-ġrieden saru fit-30 u l-31 ta’ Mejju u fit-12 ta’ Ġunju, 2012 rispettivament. Fit-13 ta’ Ġunju, saret spezzjoni minn uffiċċjali għas-Saħħa Ambjentali fit-Triq Santu Rokku l-Kalkara minn ħdejn iċ-Ċimitrju tal-Ingliżi sa’ Smart City fejn ma nstabu l-ebda akkumuli ta’ skart organiku iżda biss xi ftit ħaxix ħażin li jikber mal-ġenb tat-toroq. Iż-żona indikata hija fil-kampanja fejn hemm bosta għelieqi li jinħadmu u oħrajn le u huwa komuni li jkun hemm ġrieden tal-għelieqi. Barra minn hekk l-iżvilupp ta’ Smart City għadu għaddej u meta tinqala’ l-art biex tiġi żviluppata, il-bejtiet tal-ġrieden jitkissru u għalhekk jidhru aktar ġrieden jiġru fit-toroq. Madankollu d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ser jibqa jżomm din iż-żona taħt monitoraġġ u ser jibqgħu jsiru t-trattamenti neċessarji sabiex il-problema ta’ nfestazzjoni ta’ ġrieden tibqa taħt kontroll.

Żona magħrufa bħala il-Kalanka tal-Patrijiet — Aċċessibilità għall-Għawm

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ż-żona magħrufa l-Kalanka tal-Patrijiet, in-naħa ta' fejn qed isir il-proġett ta' Smart City u fl-aħħar snin ingħalqet għal qawwiema terġa' tinfetaħ biex wieħed ikun jista' jmur jgħum hemm?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ż-żona magħrufa l-Kalanka tal-Patrijiet mhijiex waħda miż-żoni uffiċċjali għall-għawm u għalhekk ma jsir l-ebda monitoraġġ tal-ilma baħar f’din iż-żona. Fil-passat kien hemm rakkmandazzjoni biex ma jsirx għawm minnħabba li din iż-żona kienet fil-viċinanza tas-‘sewage outflow’. Peress li issa d-drenaġġ kollu qed jiġi trattat qabel ma’ jintefa’ fil-baħar din ir-rakkomandazzjoni m’ għadiex tapplika.

Awtorità tad-Djar — tweġiba għal ittra

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex l-Awtorità tad-Djar twieġeb din l-ittra li d-dettlaji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tal-applikanta in kwestjoni qegħda pproċessata mal-applikazzjonijiet l-oħra. Hija tikri post mill-privat u tħallas kera ta’ €2, 796. fis-sena però tibbenefika minn sussidju fuq il-kera li jammonta għall-€966.69 fis-sena. Dan ifisser li din il-persuna tħallas minn butha kera ta’ €152.44 fix-xahar. L-Awtorita’ tad-Djar pre¿entament għandha 231 persuna li jibbenefikaw minn sussidju tal-kera i¿da li wkoll għandhom applikazzjoni għall-akkomodazzjoni alternattiva.

Howard Gardens — Tneħħija tal-Playing field biex isir parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35425 u jinforma jekk hux minnu jew le li l-playing field tal-Howard Gardens se titneħħa biex issir aċċess għall-parking?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'għandi l-ebda informazzjoni dwar dak li qed jgħid.

Ċentru tal-Onkoloġija — breakdown tan-nefqa fuq il-proġett

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 35419, jista' l-Ministru jipprovdi l-breakdown tan-nefqa fuq il-proġett taċ-Ċentru tal-Onkoloġija?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pensjoni tar-romol

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 35418, jista' l-Ministru jinfurmani kemm huwa l-perċentwal ta' 7425 għal dak li huma numru ta' romol feminili li jieħdu l-pensjoni f'pajjiżna?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli nterpellant li jien infurmat li n-numru ta’ romol feminili li jirċievu Pensjoni għar-Romol ta’ inqas minn €500 fix-xahar bħala perċentwal għan-numru ta’ romol feminili kollu f’pajjiżna hu ta’ 47.8 fil-mija.

Imġarr Għawdex — Yacht Marinas - estensjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 33315, jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti l-estensjoni li saret fil-yacht marina tal-Imġarr Għawdex? Minn min saret? Kemm inħolqu rmiġġi ġodda?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-estensjoni li saret s’issa hi minħabba li l-pontoons ittawwlu. Din l-estensjoni saret minn Harbour Management Limited, l-operatur tal-marina, u żdiedu b’madwar 30 berth..

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — ħaddiema b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35430 u jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni b'diżabilità li jaħdmu fil-Ministeru, dipartimenti, u dekasteri li jaqgħu taħt l-Ministeru tiegħu? Kemm huwa dan bħala persentaġġ tal-ħaddiema in ġenerali?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — ħaddiema b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35429 u jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni b'diżabilità li jaħdmu fil-Ministeru, dipartimenti, u dekasteri li jaqgħu taħt l-Ministeru tiegħu? Kemm huwa dan bħala persentaġġ tal-ħaddiema in ġenerali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #35669 Sitting 493 2012-06-25 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Konverżjoni ta' ċens

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33515 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin u issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk l-istat hux lest li jilleġisla soċjalment favur dawk l-individwi li r-residenza tagħhom kienet b'titolu li ċens temporanju u li bis-saħħa tal-liġi huma kellhom id-dritt jikkonvertu dan iċ-ċens għal wieħed perpetwu u li in vista ta' diversi sentenzi tal-Qrati tagħna tali konverzjoni taċ-ċens għal wieħed perpetwu ġiet dikjarata anti-kostituzzjonali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li meta jagħlaq ċens temporanju ta’ proprjetà, li tkun qed tintuża bħala residenza, fuq talba taċ-ċenswalist jew l-abitant, dan iċ-ċens jista’ jiġi konvertit f’wieħed perpetwu. Il-Konverzjoni taċ-ċens f’wieħed perpetwu jsir skont it-termini tal-Ordinanza li tneħħi l-Kontroll tad-Djar (Kapitolu 158) tal-Liġijiet ta’ Malta. Kien hemm sentenza mill-Qorti Kostituzjonali fejn il-Qorti sabet li din il-Liġi tmur kontra id-drittijiet tas-sid tal-proprjetà, u sakemm din il-Liġi ma tiġiex abrogata d-Dipartiment ser jibqa’ jikkonverti iċ-ċnus temporanji ta’ proprjetà li tintuża bħala residenza għal perpetwi skont din il-Liġi. Nixtieq inżid li mhuwiex ir-rwol tad-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern li jabbroga l-Liġijiet.
Leg 11 PQ #35670 Sitting 493 2012-06-25 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

kors tal-vet — għajnuna

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li persuni li jieħdu l-kors tal-vet m'għadhomx jingħataw scholarship u għajnuna mill-gvern peress li dan il-kors isir barra u jiswa ħafna flus?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li minn kemm ilu d-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja responsabbli mill-ischolarships, qatt ma ġiet irrifjutata applikazzjoni għax l-applikant xtaq jistudja għal vet. Ninsab infurmata wkoll, illi taħt l-iskema tal-Malta Government Scholarships Scheme, ingħataw boroż ta’ studju fejn l-applikanti qed jistudjaw għal vet barra minn Malta. Taħt l-iskemi Malta Government Scholarships Scheme (MGSS) u Strategic Educational Pathways Scholarships (STEPS), qatt ma saret xi restrizzjoni fuq l-ispeċjalità tal-istudji li l-applikant xtaq jagħmel. Ninsab infurmata wkoll li l-Gvern, permezz ta’ Ministeru ieħor, joffri scholarships speċifikament għal min jixtieq jistudja għal vet .
Leg 11 PQ #35678 Sitting 493 2012-06-25 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

National Employment Authority

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-allowance li jingħataw il-membri li jikkomponu n-National Employment Authority meta dawn jitilgħu jagħmlu seduta f'Għawdex? Huwa minn li l-allowance hija waħda miżera u żgur ma tikkomplementax ix-xogħol siewi u li jsir fl-interess tal-regjonalità ta' din il-ġżira minn membri li jiffurmaw parti minn din l-awtorità? Ma jidhirlix li jekk l-istess awtorità tiddeċiedi li ma tagħmlix seduti f'Għawdex dan se joħloq inkonvenjent u tbatija kbira lil Għawdxin li l-każ tagħhom ikun irid jinstema Malta? Ma jidhirlix li l-ilment tal-istess membri tal-awtorità għandhom jiltaqgħu u l-istess awtorità tingħata post adegwat u diċenti f'Għawdex fejn tkun tista' taħdem?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li meta l-membri tal-Bord tan-National Employment Authority jattendu għal laqgħa f’Għawdex jiġi pprovduti bit-trasport u jitħallas it-traġitt tal-vapur. Il-membri jingħataw ukoll allowance kif stabilita skont il-Public Service Management Code għal ħaddiema tal-gvern. Bħalissa l-Bord qed jiltaqa’ fiċ-Ċentru tal-NGOs fix-Xewkija Għawdex u qed jiġi esplorat post alternattiv għal-laqgħat mal-Ministeru t’Għawdex.
Leg 11 PQ #35733 Sitting 493 2012-06-25 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

Operaturi tal-bejgħ ta' ikel u xorb — permessi

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 35391, billi jingħad li kull min japplika għandu d-dritt li jingħata permess, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu dawk li applikaw fl-okkazzjoni indikata u kif saru jafu bl-attività li setgħu japplikaw biex jarmaw fiha? Jista jagħti tagħrif dwar kif jiġi reklamati/jew se jiġu reklamanti attivitajiet bħal dawn għall-futur biex min ikun interessat ikun jista' japplika? Kemm minn dawk li applikaw tilfu d-depożitu tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li rċieva ħames applikazzjonijiet sabiex jarmaw għall-attività, iżda ramaw erbgħa. Dawn saru jafu bl-attività minn kuntatti li jkollhom mal-organizzaturi ta’ tali attivitajiet. Infurmat ukoll li ħadd ma tilef id-depożitu.
Leg 11 PQ #35736 Sitting 493 2012-06-25 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Regional Youth Council

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gozo Regional Youth Council twaqqafx? X’inizjattivi ħa l-Ministeru tagħha għat-twaqqif ta’ dan il-kunsill? Jekk għadu ma twaqqafx, meta mistenni li jitwaqqaf?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li għaddej il-proċess għat-twaqqif tal-Kunsill Reġjonali taż-Zgħażagħ f'Għawdex. Saret sejħa għall-għaqdiet taż-żgħażagħ li huma nteressati jkunu nvoluti f'dan il-proċess. Fil-preżent qed jiġi ppreparat l-istatut għal dan il-Kunsill.
Leg 11 PQ #35737 Sitting 493 2012-06-25 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

skema ta’ sussidju għal studenti Għawdxin f’Malta

Question

Jista' l-Ministru tgħid liema huma l-istudenti eliġibbli taħt l-iskema ta’ sussidju għal studenti Għawdxin f’Malta? Kemm studenti tħallsu taħt din l-iskema matul din is-sena u meta tħallsu?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-istudenti eliġibbli huma dawk li huma residenti f'Għawdex u qegħdin isegwu kors full- time f'Malta, jiġifieri jew fl-Università jew f'istituzzjonijiet li huma tal-Gvern jew li huma iffinanzjati mill-Gvern. L-ewwel pagament taħt is-sistema preċedenti għal din is-sena akkademika sar fi Frar 2012 u kien ikopri l-perjodu Ottubru - Diċembru 2011. It-tieni pagament sar f'April 2012 u kien ikopri l-perjodu Jannar - Marzu 2012. Dan il-pagament twettaq taħt is-sistema riveduta li issa qed tagħti €400 lil kull student/studenta. Disa' mija u żewġ (902) studenti bbenifikaw minn din l-iskema matul din is-sena.