B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 35357, peress li hu fatt magħruf minn kull min hu kkonċernat li f'tarf il-Baċir No.1, inbniet vaska/i, u peress li fihom hemm ilma qiegħed, qed ikun sors ta' kwantità ta' nemus, jista' il-Ministru jara' li jsir xi ħaġa biex din l-infestazzjoni ta' nemus tispiċċa ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-hekk imsejħa vaska hija parti mill-proġett tal-Baċir numru 1 u għalhekk nistiednu jressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni.
Bormla — Triq il-Ġublew tal-Fidda - siġar mdawra bil-concrete
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35356 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'inhi r-raġuni li meta saru bankini ġodda fi Triq il-Ġublew tal-Fidda f'Bormla, u meta ngħata l-concrete, is-siġar li hemm iddawwru bil-concrete u b'hekk inqata' kull aċċess għall-ilma għall-istess siġar? Ma jaħsibx li hekk dawn is-siġar se jispiċċaw imutu? X'se jiġri sabiex is-sitwazzjoni tkun irranġata?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li l-Mistoqsija Parlamentari 35356 oriġinarjament kienet indirizzata lili u mhux lill-Onorevoli Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni, u għaldaqstant infakkru li kont stidintu jressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni jiġifieri kif indikajtlu fit-tweġiba mogħtija.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34958, jista' l-Ministru jgħid kif ġie deċiż li din ir-rotta mminimizzat l-inkonvenjent? Jista' jgħid ukoll jekk ġietx diskussa l-possibilità li dan il-waste jinġarr bi braken, u b'hekk żgur ma ikun hemm inkonvenjent għal ħadd?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — ammont ta' flus lill-avukat u l-kumpanija
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 35155, fejn il-Ministru kien irrisponda permezz ta' mistoqsija parlamentari 34774, u peress li fil-mistoqsija 35155 kont tlabt kemm tħallas mill-Air Malta l-avukat u l-kumpanija tal-avukat li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, u peress li fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34774, l-Air Malta ma semmiet imkien, jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35155?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hemmx xi membri tal-bord tad-Diretturi (inkluż is-segretarju tal-istess bord) tal-kumpanija Gozo Channel li matul l-aħħar tnax-il xahar taw servizz professjonali kemm huma personalment kif ukoll żwieġhom u/jew kumpaniji li huma jew żwieġhom ħadmu jew jaħdmu magħhom, lill-kumpanija Gozo Channel stess? Jista' jgħid min kienu l-persuni u/jew kumpaniji li taw tali servizz? Jista' jgħid b'liema tip ta' sejħa ġie kkuntrattat kull servizz professjonali imsemmi? Jista' jgħid jekk saritx sejħa pubblika għall-offerti dwar min ħa d-deċiżjoni li jingħataw direct orders? Jista' jgħid jekk dawn il-persuni u/jew kumpaniji ddikjaraw il-kunflitt ta' interess tagħhom? Jista' jgħid kemm kienet l-istima oriġinali għal kull servizz ikkuntrattat u kemm kien il-ħlas effettiv għal kull servizz?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-anzjan li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament li kellhom jibagħtu għalih mill-Orthopedic Ward tal-Isptar Mater Die imma minkejja li għaddha xahar ħadd għadu ma ikkuntatjah?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, din is-sena kellu erba’ appuntamenti fl-Outpatients tal-Isptar Mater Dei skont kif jidhru hawn taħt:
· 4 ta’ Frar 2012
· 28 ta’ Frar 2012
· 3 ta’ Marzu 2012
· 15 ta’ Mejju 2012
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta awtorizzatx li jitqiegħed mobile toilet fuq il-bankina ħdejn is-siġar taż-Żebbuġ, fil-bajja tax-Xemxija? Min poġġa dan il-mobile toilet, u xi ħlasijiet qed jingħataw għal dan is-servizz?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta ma tat l-ebda awtoriżżazzjoni sabiex jitqiegħed mobile toilet fuq il-bankina ħdejn is-siġar taż-żebbuġ, fil-bajja tax-Xemxija.
PBS — statistika dwar ir-rappreżentanza tal-partiti politiċi
Question
Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra statistika dwar ir-rappreżentanza tal-partiti politiċi fil-programmi mxandra fuq il-Public Broadcasting Services skont informazzjoni miżmuma mill-Awtorità tax-Xandir minn Ottubru s'issa? Jista' jgħid ukoll jekk l-Awtorità tax-Xandir tħossx li kien hemm żbilanċ favur jew kontra xi partit?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ir-risposta li rċevejt mingħand l-Awtorità tax-Xandir hija s-segwenti:
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-lista ta' rappreżentanti tal-partiti politiċi li pparteċipaw fl-istudjo fil-programmi li ġejjin mxandra fuq TVM u f’ċerti każi TVM2 bejn Ottubru 2011 u April 2012:
TVAM
Xarabank
Bondi+
Dissett
Dot EU
Sellili
Din il-lista, skont l-istatistika tal-Awtorità tax-Xandir tinkludi deputati parlamentari, uffiċjali għolja tal-partiti, kandidati għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, kunsilliera u kandidati li ddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali li jmiss li pparteċipaw fil-programmi imsemmija bħala opinjonisti jew fir-rwol professjonali tagħhom.
F'ċertu każijiet bħal per eżempju l-parteċipazzjoni ta’ Dr Edward Fenech Adami u s-Sur John Dalli ma tniżżilx ir-rappreżentanza tal-partit diment li l-parteċipazzjoni tagħhom ma kenitx relatata b'mod dirett ma’ dan.
Infurmat ukoll li l-Awtorità tax-Xandir tieħu l-passi skont il-liġi kull darba li jinstab li jkun hemm żbilanċ.
F'każ li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ma tkunx trid toħroġ compliance certificate għal post li jkun ilu mibni snin u li jkun inxtara minn persuni privati mingħand persuna oħra snin ilu, u li minkejja li dawn iridu jbiegħu mill-ġdid mhux jitħallew jagħmlu dan minħabba xi kontravenzjoni mal-policies pereżenti, jista' l-Ministru jgħid x'rimedju jista' jingħata biex dawn il-persuni ma jispiċċawx ma jistgħux jbiegħu il-post tagħhom? X'jistgħu jagħmlu dawn in-nies jekk in-nuqqas fl-istruttura tal-proprjetà tagħhom ma jkunx jista' jiġi rranġat għaliex fuqhom hemm tliet sulari t'appartamenti oħra mibnija?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Att dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp tal-2010, jipprovdi rimedju għal ċirkostanzi msemmija mill-Onor. Interpellant għal ċertu tipi ta' żvilupp. Dan huwa aspett li ddaħħal fil-liġi permezz tar-revizjonijiet li ġew attwati mill-Parlament fl-Att imsemmi. Fil-fatt Artikolu 92(2) jipprovdi illi jkun jista' jinħareġ Ċertifikat għall-provvista ta' servizzi għat-tip ta' żvilupp elenkati fil-Kategorija B tat-Tmien Skeda tal-Att. Ftit ta' ġimgħat ilu il-Gvern ressaq proposta quddiem il-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp sabiex numru ta' irregolaritajiet marbuta tal-Liġi Sanitarji jkunu jistgħu jiġu inklużi fil-kategorija B tat-Tmien Skeda, liema proposta ġiet aċċettata mill-istess Kumitat. Bħalissa qiegħed jitlesta l-Avviż Legali sabiex din l-Iskeda tkun tista tiġi emendata u ddaħħal dawn il-provvedimenti fis-seħħ. Illi wieħed pero jirrileva illi dan kollu qiegħed isir mingħajr pregudizzju għal kull dritt legali spettanti lill-istess sidien attwali kontra minn bejgħ l-istess proprjeta lis-sidien attwali.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istruttura preżenti maniġerjali tal-Korporazzjoni Enemalta?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi, wara l-ħatra taċ-Chariman Ezekuttiv il-ġdid, qed isir proċess ta’ riorganizzazzjoni tal-istruttura Maniġerjali tal-Korporazzjoni Enemalta. Meta jkun il-waqt propizju, nagħti aktar dettalji kif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm inspectors tat-toroq jaħdmu ma' Transport Malta? Kemm ġew ingaġġati kull sena mindu twaqqfet Transport Malta inkluż l-ewwel ħames xhur ta' din is-sena? Kif ġew ingaġġati u xi kwalifikazzjonijiet huma meħtieġa biex tiġi magħżul? Minn liema lokalitajiet huma l-persuni li ġew ingaġġati minn Transport Malta bħala inspectors tat-toroq? Hemm minn dawn l-inspectors tat-toroq li ġew imressqa quddiem il-Qorti mill-Pulizija u instabu ħatja ta' atti kriminali? Jekk iva, kemm u kemm minnhom weħlu l-ħabs?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu peress illi Transport Malta ma' timpjegax "inspectors tat-toroq."
Jista' l-Ministru jagħti lista tal-kumpaniji li l-Malta Enterprise qalet li nvestew €320 miljuni f 'dawn l-aħħar erba' snin? Jista' l-Ministru jagħti breakdown tal-3,200 impjieg li qegħdin jgħidu li ħolqu dawn il-proġetti ġodda?
Tista' l-Ministru tgħid kemm mit-tnaqqis baġitarju tal-€40 miljun tnaqqsu s'issa mill-Ministeru, dekasteri u entitajiet li jaqgħu taħtha xahar b'xahar sa Mejju 2012?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Il-Budget tal-Gvern jinħadem fuq bażi ta' sena. Għalhekk nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tiegħi f'Mistoqsija Parlamentari Numru 32241.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern huwiex beħsiebu jkompli jixtri servizzi li joffru l-kliniċi privati matul is-sena 2012? Jekk iva, liema huma dawn is-servizzi li se jixtri u jekk hux se ssir sejħa pubblika biex kliniċi li ma kenux joffru dawn is-servizzi jkunu jistgħu jibdew jagħmlu dan?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-Gvern se jkompli jixtri servizzi li joffru kliniċi privati wara li ssir evalwazzjoni tal-kuntratti eżistenti.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-gvern għadda s-somma ta' €30,000 lill-assoċjazzjoni tal-Bdiewa biex jiffinanzja ċ-ċertifikazzjoni tal-patata Maltija għall-esportazzjoni globali Good Agricultural Practise?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nikkonferma li l-skont il-ftehim milħuq bejn il-Gvern, l-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa u l-esportaturi, il-Gvern għadda din is-somma lill-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa.
Proċess biex id-Dipartiment tal-Biedja u Sajd jagħmel ċertifikazzjoni fuq il-patata Maltija
Question
Jista' l-Ministru jispjega l-proċess li mexa bih id-dipartiment tal-bieda u s-sajd biex wassal ħalli jagħti lil dawk li ħadu fl-aħħar mill-aħħar il-flus biex jagħmlu din iċ-ċertifikazzjoni tal-patata Maltija għall-esportazzjoni globali G.A.P (Good Agricultural Practice)? Kien hemm sejħa pubblika? Kien hemm iktar minn interess wieħed għal din il-biċċa tax-xogħol?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwat li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35510, ninfurmah li din l-għajnuna ngħatat fuq perjodu ta’ tlett snin wara li tlett pack houses prinċipali ġew għand il-Gvern ħalli l-Gvern jassistihom jiksbu ċ-ċertifikazzjoni kollha mitluba fl-esportazzjoni tal-patata. Kienu l-pack houses stess li irrikommandaw lill-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa u mhux il-Gvern u dan wara li ġew evalwati il-kompetenzi neċessarji.
Tajjeb li jingħad li din l-għajnuna kienet ġiet notifikata lill-iState Aid Monitoring Board skont il-proċedura u l-għajnuna mogħtija ikkwalifikat biex tkun rimborsabbli skont kif speċifikat fil-kuntratt li sar bejn il-partijiet.
Kontijiet pendenti ma' kumpaniji li jagħmlu ċertifikazzjoni tal-patata Maltija
Question
Jikkonferma l-Ministru jekk qattx intalab jintervjeni biex jekk hemm kontijiet pendenti lill-kumpaniji barranin fosthom kumpanija Olandiza N.A.C. li għamlet iċ-ċertifikazzjoni tal-patata maltija għall-esportazzjoni, ma jibqgħux pendenti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35511, nikkonferma li kienet saret talba biex dan il-Ministeru jintervjeni fuq il-kwistjoni li għaliha qiegħed jagħmel referenza l-Onorovoli Interpellant. Il-Ministeru jista’ ukoll jikkonferma li kien għamel ir-rakkomadazzjonijiet biex il-ħlasijiet pendenti jsiru. Nittama li l-Onorevoli Interpellant jifhem li dan hu ftehim bejn terzi u allura ftit jista’ jintervjeni l-Ministeru b’mod dirett.
Sadanittant, il-Ministeru beda l-proċeduri biex jirkupra l-fondi li ħareġ il-Gvern jew parti minnhom peress li jidher li l-arranġament li kien intlaħaq bejn it-tlett partijiet (esportaturi, Gvern u l-ATB) ma ġiex milħuq fit-totalità tiegħu.
Jista' l-Prim Ministru jispjega għala l-proċess biex jinħatru numru ta' Diretturi Ġenerali u Diretturi għadu jkarkar minkejja li ilu li tnhieda mill-aħħar ta' Marzu u li saru kollha mill-bord tas-Senior Appointments Advisory Committee? Jista' jispjega meta hu maħsub li dan il-proċess se jingħalaq? Jista' jgħid kemm kien hemm applikanti elegibbli għal kull waħda minn dawn il-vakanzi u kemm ħadet ħin kull intervista?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li għal kuntrarju ta’ ‘selection boards’ oħra li jiġu maħtura u jiltaqgħu biex jikkunsidraw kandidati għal sejħa speċifika, ix-xogħol tas-Senior Appointments Advisory Committee huwa kontinwu. Għaldaqstant il-Membri fuq dan il-Kumitat ma jistgħux iwarrbu d-doveri tagħhom l-oħra għal perjodi estiżi biex ikunu jistgħu jagħmlu l-intervisti kollha f’salt wieħed.
Waqt is-sessjonijiet qed ikunu wkoll preżenti s-Segretarji Permanenti rispettivi ta’ dawk il-pożizzjonijiet li dwarhom ikunu qed jiġu ntervistati l-kandidati.
Bil-għan li jitħaffef il-proċess, fis-sejħiet biex jinħatru Diretturi Ġenerali u Diretturi, diġa qed jiġu mħabbra dati li jiġu identifikati għall-intervisti biex kandidati prospettivi jkunu nfurmati bil quddiem. Madankollu dan jiddependi wkoll fuq in-numru tal-individwi li japplikaw għal kull sejħa.
Għar-rigward tas-sejħiet kurrenti, huwa intenzjonat li l-proċess tal-intervisti jiġi konkluż f’Lulju.
L-informazzjoni dwar in-numru ta’ kandidati eliġibbli qed tingħata fid-dokument Anness A li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra.
L-intervista ta’ kull applikant tieħu bejn nofs siegħa u tliet kwarti ta’ siegħa.