Legislature:
Category:
Reset
Active:

Xatt ta' Bormla — proġett - fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk minħabba li l-proġett tax-Xatt ta' Bormla waqa lura ħafna, jikkonferma jew jiċħad li parti jew fi total intilfux il-fondi tal-Unjoni Ewropea li qed jiffinanzjaw dan il-proġett u li jwasslu għal madwar €3.8 miljun?

Response (GATT, AUSTIN)

Niċħad.

Bormla — Xogħlijiet fir-rijabilitazzjoni tax-Xatt

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni li jibda x-xogħol fir-rijabilitazzjoni tax-Xatt li minn quddiem il-Klabb tar-Regatta ta' Bormla, jasal sal-Maċina cioè li jsir il-pavimentar ta' Pjazza Gavino Gulia u Pjazza Paulino Vassallo, il-formazzjoni ta' ġnien madwar il-Baċin Nru 1, ir-rijabilitazzjoni tax-Xatt quddiem iż-żewġ binjiet li hemm qrib il-Baċir, l-istallazzjoni ta' pont li jaqsam il-Baċir, il-bini ta' taraġ u aċċess li jagħti għal Triq San Pawl? Meta mistenni li jkun lest?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet fiz-zona tar-regatta bdew il-ġimgħa li għaddiet u t-tenders għax-xogħlijiet l-oħra mistennija li joħorġu matul il-ġranet li ġejjin. Ix-xogħol kollu mistenni li jkun lest sa Ġunju 2013.

Baċir Nru 1 — xogħol ta' rijabilitazzjoni tal-imħażen

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jibda x-xogħol ta' rijabilitazzjoni tal-imħażen li jinsabu fil-Baċir Nru 1? X'mistenni isir hemmhekk?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li d-Development brief għall-imħażen li jinsabu fil-Baċir Nru 1 qeda tiġi evalwata mill-MEPA. Dan ix-xogħol ta’ restawr u użu tal-bini ma' jagħmilx parti mill-proġett ta’ rijabilitazzjoni tal-baċir u tal-madwar li qed isir bħalissa. Qed jiġi propost li dawn il-binjiet jintużaw kemm għal skopijiet kulturali kif ukoll kummerċjali.

Wied il-Għajn — servizz ta' trasport pubbliku għall-Bormla

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ħsieb tal-gvern li r-rotta li qabel kienet ir-Rotta 124 u issa saret 22 u qabel ir-riforma ta' trasport din ir-rotta kienet titlaq minn l-Isla u tmur Wied il-Għajn terġa tiġi introdotta u cioè li ċ-ċittadini tal-isla mgħandhomx għalfejn jimxu sa Bormla biex jużaw it-Trasport ta' Wied il-Għajn imma ikun hemm karozza tal-linja li tibda mill-Isla?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Trasport Malta — servizz pubbliku għall-Isla

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta għandiex il-ħsieb li timmoniterja li trasport pubbliku li jibda mill-Isla filgħodu li ikun aktar effiċjenti u jibda jitlaq fil-ħin u mhux xi kwarta jew għoxrin minuta tard kif qed jiġri fil-preżent? Jista' jgħid x'passi se tieħu Trasport Malta vis-à-vis li filgħodu il-karozzi tal-linja li titlaq minn l-Isla għal ħabta tal-5:30am ma titħalliex startjata għal tul ta' ħin b'konsegwenza li tagħmel storbju kbir f'ħinijiet kmieni ta' filgħodu? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li t-trasport pubbliku ta' kull nhar ta' Ħadd mill-Belt sal-Isla ikun kull nofsija u mhux ta' siegħa kif hemm fil-preżent?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta se tkun qed tagħmel moniteraġġ fuq ir-Rotta 1 fil-ġimgħat li ġejjin sabiex tkun tista’ tidentifika jekk hemmx xi nuqqasijiet fuq żamma ta’ ħinijiet. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fir-rigward ta’ vetturi li jitħallew startjati, l-Awtorità ħadet ħsieb tkellem lill-operatur tat-trasport fuq dan l-ilment. Infurmat ukoll, li għalkemm bħalissa m’hemmx il-ħsieb li nhar ta’ Ħadd ir-Rotta 1 tiżdiedilha l-frekwenza għal kull 30 minuta, Transport Malta ħadet nota ta’ din it-talba.
Leg 11 PQ #35854 Sitting 495 2012-06-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea — informazzjoni

Question

Billi fit-twegiba tal-mistoqsija parlamentari 35469 jidher li l-Prim Ministru naqas milli jwieġeb għadd ta’ aspetti tal-mistoqsija parlamentari u għażel li jirrefereni biss għall-mistoqsija li huwa wieġeb sentejn ilu li hija mistoqsija parlamentari 15976, jista' jwieġeb il-partijiet li s’issa baqaw ma ġewx indirizzati: speċjalment jekk jistax jgħid fiex tikkonsisti r-remunerazzjoni sħiħa inklużi global emoluments, allowances u ħlas ieħor tas-Sur Cachia Caruana, bħala Rappreżentant Permanenti ta’ pajjiżna għall-Unjoni Ewropea? Jista' jagħti ammonti speċifiċi fuq sena bażi 2011 u anki jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra il-formola Forms 1 li ta’ kull sena tiegħu mis-sena 2007 'l quddiem, li jagħtu rendikont ta’ kemm ikun qed verament jiswa lill-Kaxxa ta’ Malta kull min jservi barra l-pajjiż? Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti kollha u contracts of service relatati mas-Sur Cachia Caruana, fil-forma oriġinali tagħhom, kif setgħu ġew amendati u anki mibdula? X’kienu jekk kien hemm xi aġġustamenti fir-remunerazzjoni u dħul totali tas-Sur Cachia Caruana matul l-aħħar sitt snin? Kien hemm okkazzjonijiet fejn setgħu tħallsu xi arretrati lis-Sur Cachia Caruana, meta tħallsu u għal kemm kienu jammontaw u għal-liema snin tħallsu dawn l-arretrati? Jista' jgħid jekk is-Sur Cachia Caruana jirċeviex xi tip ta’ remunerazzjoni wkoll fil-kapaċità tiegħu bħala Kap tal-Unjoni Ewropea Secretariat u/jew bħala advisor jew f’xi rwol ieħor li jokkupa? Billi huwa jiġi mistieden jattendiil-Kabinett, għandu xi dħul ekwivalenti għal dak Ministerjali wkoll u jekk iva, b’seħħ minn meta beda jieħdu u għal kemm jammonta u dan aktar u aktar meta jiskadi jew jiġi terminat il-kuntratt l-individwu huwa fi kliem l-Prim Ministru stess intitolat għal terminal benefit u transitional facility li jinħadmu fuq il-prinċipji stabbiliti għall Ministri? Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm xi tip ta’ aġġustamenti f’din ir-remunerazzjoni matul dawn l-aħħar snin u jekk kienx hemm xi aspetti jew elementi minnha li setgħu kienu soġġetti perjodikament għan-negozjati diretti bejn is-Sur Cachia Caruana u l-awtoritajiet tal-pajjiż?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15976.

Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea — informazzjoni

Question

Billi fit-twegiba tal-mistoqsija parlamentari 35469 jidher li l-Prim Ministru naqas milli jwieġeb għadd ta’ aspetti tal-mistoqsija parlamentari u għażel li jirrefereni biss għall-mistoqsija li huwa wieġeb sentejn ilu li hija mistoqsija parlamentari 15976, jista' jwieġeb il-partijiet li s’issa baqaw ma ġewx indirizzati: speċjalment jekk jistax jgħid fiex tikkonsisti r-remunerazzjoni sħiħa inklużi global emoluments, allowances u ħlas ieħor tas-Sur Cachia Caruana, bħala Rappreżentant Permanenti ta’ pajjiżna għall-Unjoni Ewropea? Jista' jagħti ammonti speċifiċi fuq sena bażi 2011 u anki jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra il-formola Forms 1 li ta’ kull sena tiegħu mis-sena 2007 'l quddiem, li jagħtu rendikont ta’ kemm ikun qed verament jiswa lill-Kaxxa ta’ Malta kull min jservi barra l-pajjiż? Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti kollha u contracts of service relatati mas-Sur Cachia Caruana, fil-forma oriġinali tagħhom, kif setghaw ġew amendati u anki mibdula? X’kienu jekk kien hemm xi aġġustamenti fir-remunerazzjoni u dħul totali tas-Sur Cachia Caruana matul l-aħħar sitt snin? Kien hemm okkazzjonijiet fejn setgħu tħallsu xi arretrati lis-Sur Cachia Caruana, meta tħallsu u għal kemm kienu jammontaw u għal-liema snin tħallsu dawn l-arretrati? Jista' jgħid jekk is-Sur Cachia Caruana jirċeviex xi tip ta’ remunerazzjoni wkoll fil-kapaċità tiegħu bħala Kap tal-Unjoni Ewropea Secretariat u/jew bħala advisor jew f’xi rwol ieħor li jokkupa? Billi huwa jiġi mistieden jattendiil-Kabinett, għandu xi dħul ekwivalenti għal dak Ministerjali wkoll u jekk iva, b’seħħ minn meta beda jieħdu u għal kemm jammonta u dan aktar u aktar meta jiskadi jew jiġi terminat il-kuntratt l-individwu huwa fi kliem l-Prim Ministru stess intitolat għal terminal benefit u transitional facility li jinħadmu fuq il-prinċipji stabbiliti għall Ministri? Jista' jgħid jekk kienx hemm xi tip ta’ aġġustamenti f’din ir-remunerazzjoni matul dawn l-aħħar snin u jekk kienx hemm xi aspetti jew elementi minnha li setgħu kienu soġġetti perjodikament għan-negozjati diretti bejn is-Sur Cachia Caruana u l-awtoritajiet tal-pajjiż?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija mill-Prim Ministru għall-Mistoqsija Parlamentari 35854

informazzjoni dwar konsulenzi

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 32373 u 33082 fejn ingħatajt x’nifhem li l-informazzjoni mitluba ilha tinġabar mis-27 ta' Frar 2012, jista' l-Ministru jaġġorna l-Kamra dwar il-konsulenzi l-individwu kkonċernat?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra
Leg 11 PQ #35876 Sitting 495 2012-06-27 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Intern

mod kif tħallas entità

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk is-sistema li entità governattiva inkluż kunsilli lokali, jitħallsu lura xi flejjes li l-istess entità li tkun ħallset żejjed lil xi kumpanija kummerċjali dak li tissejjaħ refund, li l-entità li tkun tħallset żejjed, tagħti lura l-ammont li tkun irċeviet żejjed, jew tħallset żejjed għal xi servizz li tkun għamlet, flok fi flus, tħallas lura b'oġġetti jew affarijiet oħra, iżjed u iżjed jekk dawk l-affarijiet jew oġġetti ma jkunux manifatturati minnha, dak li fis-sistema kummerċjali tissejjaħ bartering hijiex skont ir-regolamenti finanzjarji? Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk sistema bħal din hijiex fit-termini tar-regolamenti finanzjarji u jekk xi dipartiment tal-gvern, kumpaniji governattivi u kunsilli lokali, jaddottaw din il-proċedura?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Filwaqt illi nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat għal dak li jirrigwarda regolamenti finanzjarji applikabbli għad-dipartimenti tal-gvern u kumpaniji governattivi, ninsab infurmat li, fil-każ ta’ kunsilli lokali, il-Proċeduri dwar Kunsilli Lokali (Finanzi) tal-1996, jikkontemplaw l-użu ta’ credit notes bħala parti minn transazzjonijiet ta’ xiri.
Leg 11 PQ #35877 Sitting 495 2012-06-27 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Intern

SATU — informazzjoni

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm qed jalloka flus ghas-sena 2012 sabiex jiġi finanzjat is-SATU? Mil-liema vot qed joħorġu dawn il-fondi? Kemm intefqu flus f’dawn l-aħħar erba’ snin mis-sena 2008 sas-sena 2011 sena b’sena? Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm huwa s-suċċess tas-SATU sabiex priġunieri jiġu riabilitati mill-vizzju tad-droga? Kif jinterpreta u x’jikkummenta l-Prim Ministru fuq stqarrija li qal uffiċjal pubbliku li jaħdem mall-Aġenzija Seqda fejn stqarr li l-ħabs mhux post fejn persuni bi problema ta’droga jiġu riabilitati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi matul is-snin indikati mill-Onorevoli Interpellant in-nefqa komplessiva fir-rigward ta’ programmi ta’ rijabilitazzjoni mid-droga taħt il-Vot tad-Dipartiment li jipprovdi speċifikament għal dan it-tip ta’servizz kienet kif jidher hawn taħt: 2008: €260,000 2009: €290,000 2010: €325,000 2011: €257,687 Dawn ma jinkludux spejjeż oħra li jkunu ġew koperti taħt il-Voti ġenerali tad-Dipartiment, u dan japplika b’mod speċjali għal-manteniment u żamma tas-SATU, li flimkien mas-SEDQA u l-Caritas jipprovdu l-programmi ta’ rijabilitazzjoni li jipparteċipaw fihom numru ta’ ħabsin. L-għan tar-rijabilitazzjoni hekk kif jista jikkonferma kull professjonist fil-qasam, huwa li tagħti lura il-valuri li l-persuna tkun warrbet mill-ħajja tagħha. F’dan il-kuntest id-dmir tal-Faċilità huwa li tipprovdi l-meżżi sabiex persuna tiġi kkurata, u hekk qed isir. Madankollu, l-Onorevoli Interpellant japprezza li ġewwa l-Faċilità hemm priġunieri li ghandhom dipendenza fuq id-droga li ħafna drabi ma jinsabux hemm biss għax kellhom fil-pussess tagħhom droga għal użu personali, iżda għax ikkommetew reati oħra ukoll. Filwaqt li huwa essenzjali li dawn il-persuni jingħataw l-opportunità għar-rijabilitazzjoni, u għalhekk il-Facilità tippromwovi dawn il-programmi kif inhu dmir tagħha li tagħmel, huwa wkoll meħtieġ li dawn jiskontaw ukoll is-sentenza tagħhom li hija propju r-raġuni ewlenija għaliex qegħdin hemm.
Leg 11 PQ #35882 Sitting 495 2012-06-27 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali ta' Għawdex — xiri ta' inkubaturi

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jinxtraw inkubaturi għat-trabi ġodda fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li saret talba għall-finanzjament għal aktar inkubaturi taħt il-financial plans għas-sena 2013.
Leg 11 PQ #35883 Sitting 495 2012-06-27 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — asthma clinic

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se titwaqqaf asthma clinic fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li għalkemm ġewwa l-Isptar Ġenerali t'Għawdex ma għandniex klinika tal-asthma, il-pazjenti li jbatu minn din il-kundizzjoni jingħataw kura mill-Konsulenti Mediċi jew Konsulenti tat-tfal, skont l-età li jkollhom.
Leg 11 PQ #35885 Sitting 495 2012-06-27 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għajnsielem — Incubation Centre - artisti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm artisti li qed jużaw u jibbenefikaw mill-Incubation Centre f'Għajnsielem?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa hemm sitt artisti u artiġjani li qed jużaw u jibbenefikaw mill-Incubation Centre f'Għajnsielem.
Leg 11 PQ #35895 Sitting 495 2012-06-27 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali ta' Għawdex — apparat nieqes

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm apparat nieqes mill-kċina tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex kif ukoll apparat bil-ħsara u li għadu ma ssewwiex u kemm ilu jistenna biex jisewwa?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li s-servizz tal-ikel fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex qiegħed fl-aħħar fażi biex jiġi mgħoddi lill-privat. Għalhekk kwalunkwe investiment fil-kċina qed isir fid-dawl ta' din l-eventwalità.
Leg 11 PQ #35896 Sitting 495 2012-06-27 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali ta' Għawdex — equipment nieqes fil-kċina

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm equipment nieqes fil-kċina tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex u kif ukoll kemm makkinarju li huwa bil-ħsara u għadu ma ssewwiex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 35895.

Kummenti tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali — figuri tal-NSO

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35698 u cioè: B'referenza għall-kummenti tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali dwar il-figuri tal-NSO, jista' l-Ministru jgħid jekk għandux xi jżid ma' dan li ġej: a) li skont hu, hemm statistical fuzziness fil-figuri ppublikati; b) li skont hu, "the situation could be different from what appears at first sight"; u ċ) li fil-fehma tiegħu, għandha tingħata spjegazzjoni dettaljata?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Bank Ċentrali ta’ Malta hija istituzzjoni indipendenti mill-Gvern u għaldaqstant m’għandux ikun mistenni mill-Ministru li jżid jew inaqqas minn dak li intqal. Madanakollu, qabel ma wieħed jiddikjara li Malta tinsab f’riċessjoni teknika, wieħed għandu jeżamina wkoll indikaturi oħra kif ukoll evidenza indiretta miksuba minn operaturi varji fl-ekonomija li jinkludu dawk fis-settur tas-servizzi. F’dan ir-rigward, huwa importanti li wieħed jirreferi għal ċifri dwar is-suq tax-xogħol li ma jidhrux li huma kompatibbli ma’ kundizzjonijiet ta’ riċessjoni fl-ekonomija. Fil-fatt, ċifri riċenti dwar l-impiegi li kienu ppubblikati mill-Eurostat juru li fl-ewwel trimestru kien hemm aktar tkabbir meta mqabbel mat-trimestru ta’ qabel. Barra minn hekk, għandu jiġi msemmi li filwaqt li l-metodu primarju li juża l-NSO għall-kompilazzjoni tal-PGD b’konformità mar-rekwiżiti tal-ESA95 huwa bbażat fuq il-produzzjoni, f’ekonomija li qed tevolvi b’rata mgħaġġla jista’ jkun diffiċli li tigbor ċifri f’waqthom dwar industriji emerġenti fis-settur tas-servizzi. B’riżultat ta’ dan, x’aktarx li l-metodu tal-produzzjoni jista’ jkun qed jindika valur inqas tal-produzzjoni totali, jew tal-PGD u għalhekk tat-tkabbir ekonomiku. F’dan ir-rigward, ġie innotat li l-aġġustament fl-inventarju, li jinkludi l-iżball jew diskrepanza statistika, ippersista bir-rata negattiva ta’ madwar 6% tal-PGD tul-aħħar tliet trimestri. Jekk l-isottostima tal-produzzjoni tigi indirizzata u korretta, l-aġġustament negattiv li qed iseħħ fl-inventarji trimestru wara trimestru fuq in-naħa tal-infiq jista’ jitnaqqas għal-livell iktar realistiku. Hawnhekk tajjeb li wiehed izid li fl-aħħar rapport dwar Malta li l-Fond Monetarju Internazzjonali ippubblika fil-bidu ta’ Mejju ta’ din is-sena jidher li l-ekonomija ċċaqalqet sostanzjalment lejn servizzi ġodda b’orjentament lejn l-esportazzjoni, apparti mit-turiżmu. F’sitwazzjoni hekk dinamika jista’ ma jkunx possibbli li jinġabru ċifri dwar żviluppi f’dawn is-setturi mingħajr ma jkun hemm dewmien. Dawn huma l-kwistjonijiet li jixirqilhom aktar studju u investigazzjoni, hekk kif qed jirrakkomanda l-Gvernatur.

Enemalta — kwestjoni dwar min kien imexxi l-canteen

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35638 u jagħti lista dettaljata ta' kemm dam fil-canteen tal-Korporazzjoni Enemalta jiġi operat mill-kuntrattur li ismu qed jintbagħat separatament? Jista' jgħid kemm-il darba f'dawn is-snin inħareġ tender pubbliku fejn kulħadd seta' jittenderja u f'liema dati? Jista' l-Ministru li huwa wkoll responsabli mid-Dipartiment tal-VAT jgħid jekk dan il-kuntrattur kellux cash registers irreġistrati fuq dawn il-canteens u kemm inħarġu rċevuti u kemm tħallset VAT minn dan il-kuntrattur li kien jopera l-canteens kemm fil-Marsa u kemm f'Delimara? Jista' jikkonferma li l-operat tal-canteens taqa' taħt ir-responsabbiltà taċ-chief human resources tal-korporazzjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi il-kuntrattur in kwistjoni kien ilu jopera l-canteen tal-Marsa Power Station mill-25 ta’ Frar 2008 sal-20 ta’ Dicembru 2011. F’dawn is-snin li kien ilu jopera dan il-canteen ħarġet tender pubblika waħda f’Diċembru 2009. Dan għaliex, dan l-operatur ħa r-responssabiltà tal-canteen mingħand operator ieħor li kien ħa tender fl-2006. L-operat tal- canteen taqa’ taħt ir-responsabbiltà taċ- Chief Human Resources tal-Korporazzjoni.

Enemalta — chief internal audit officer

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35637 u jgħid meta l-aħħar li dehret fil-gazzetta call for application għall-chief internal audit officer mal-Korporazzjoni Enemalta? Jista' jgħid għalfejn qatt ma ġie impjegat chief officer f'din il-kariga, meta f'perjodu minnhom fil-korporazzjoni kien hemm saħansitra seba' chief officers oħra u ħadd fil-kariga ta' chief officer internal audit? Jista' jgħid jekk hemmx pjan li dan il-post jibqa' battal?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari nru 35350.

Funtana li tneħħiet mill-pjazza tar-Rabat

Question

Jista' l-Ministru jinforma jekk hemmx records fejn spiċċat il-funtana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatmament li tneħħiet mill-pjazza tar-Rabat f'Malta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li ma teżisti ebda informazzjoni dwar din il-funtana.

Transport Malta — car park fejn is-Sirens Waterpolo Club

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta għandiex xi talba pendenti biex art li tinsab ħdejn il-bini tas-Sirens Waterpolo Club, taħt it-Torri ta' Wignacourt tiġi mmarkata bħala car park? Jekk iva, fiex waslet l-konsiderazzjoni ta' din it-talba?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta ma' rċeviet l-ebda talba biex art li tinsab ħdejn il-bini tas-Sirens Waterpolo Club, taħt it-Torri ta' Wignacourt tiġi mmarkata bħala car park.