Legislature:
Category:
Reset
Active:

informazzjoni dwar konsum ta' ilma

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 35821 u 33102 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u li issa ġiet riferuta lilu u cioè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 32371, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm users (mingħajr ma ningħata ismijiet) li jikkunsmaw ilma li jeċċedi 40,000 m3 fis-sena? Jista' jikkonferma li f’dan il-każ dawn iħallsu rata preferenzjali ta' €1.75 kull m3 minflok €2.10 għal kull m3 għal min jikkonsma 168m3 jew anqas? Il-gvern għandu stimi ta’ kemm hemm ilma li qed jiġi pumped bla ħlas mill-boreholes u dan f’termini ta’ m3? Dan jgħodd ukoll għall-konsum tal-elettriku? Jekk iva, l-impjanti tar-reverse osmosis jibbenefikaw minn dawn ir-rati sussidjati? Jista' jwieġeb il-partijiet tal-mistoqsija li ma ġewx imwieġba?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Għall-ewwel parti tal-Mistoqsija nitlob lill-Onor Interpellant isaqsi lill-Ministru tal-Finanzi, Investiment u Ekonomija. Bħal ma għidna kemm-il darba pubblikament, sakemm ma jkun komplut l-eżerċizzju li għadu għaddej tat-twaħħil ta’ meters m’humiex qiegħdin jkunu applikati rati ta’ ħlas għall-estrazzjoni ta’ ilma tal-pjan. Rigward l-istmi ta’ ilma li qiegħed jiġi ppumpjat, filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet mogħtija għal Mistoqsijiet Parlamentari imressqa minnu stess, numri 24911 u 25399. B’referenza għall-aħħar part tal-Mistoqsija, ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-Gvern m’għandux stimi dwar il-konsum tal-elettriku użat għall-estrazzjoni tal-ilma minn boreholes privati.

Għawdex — nies jaħdmu bit-telework

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-ħaddiema li wara l-1 ta' Jannar 2011 bdew jaħdmu t-telework fl-istess dipartiment f'Għawdex u lista ta' dawk li ġew f'Għawdex trasferiti f'dipartimenti oħra wara din l-istess data u llum qed jaħdmu t-telework f'Għawdex? Jista' jgħid id-data meta għamlu t-talba biex ikunu jistgħu jaħdmu t-telework jew biex jiġu trasferiti f'dipartimenti oħra f'Għawdex?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-mistoqsija mhix ċara u ma tispeċifikax għal liema dipartiment qed jirreferi. Ghaldaqstant, nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija b'mod li tkun tista' tiġi mwieġba.
Leg 11 PQ #35979 Sitting 496 2012-07-02 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru tal-Intern

Għawdex — CID

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm baqa' pulizija stazzjonati f'Għawdex fl-iskwadra tas-CID? Peress li jidher li l-unika tnejn li baqa' fl-iskwarda tas-CID f'Għawdex se jispiċċaw mill-korp, jista' jgħid kemm pulizija beħsiebha tkun komposta din l-iskwadra tas-CID?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm żewġ membri tal-Korp li jagħmlu xogħol ta’ CID f’Għawdex. Infurmat ukoll illi t-tqassim tal-membri tal-Korp isir skont l-esiġenzi tal-Korp u n-neċessitajiet oħra li jkun hemm bżonn minn żmien għal żmien.

Pjanijiet għal tibdil tal-post minflokk ix-Ship Building fil-Marsa u Raħal Ġdid

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 35453 u 35137 u l-ewwel parti tal-mistoqsija parlamentari 34675 li oriġinajrament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u cioè: Jista' jgħid x'inhuwa l-pjan fejn qabel kien hemm ix-Ship Building fil-Marsa u Raħal Ġdid?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li il-Gvern qed jilqa’ talbiet għal xi kirjiet ta’ żmien qasir għal skopijiet speċifiċi, uħud minnhom biex anke jaqdu esiġenzi fejn kien involut il-Gvern innifsu, dan sakemm il-Malta Enterprise tlesti l-evalwazzjoni stateġiċi tagħha ta’ x’jkunu l-aħjar użu ta’ dan is-sit. Parti mis-sit ġiet mikrija lill-Awtorità Transport Malta sabiex jinżammu l-karozzi tal-linja l-qodma wara li dawn inġabbru mingħand is-sidien tagħhom. Parti ohra mis-sit tal-Marsa giet mikrija lil korporazzjoni Grand Harbour Regeneration Corporation (GHRC) biex isir xogħol relatat mal-proġett ta’ bieb il-Belt. Barra minn hekk, il-Government Property Department iddelegat il-management tal-mollijiet madwar is-sit tal-ex-Malta Shipbuilding lill-kumpanija Ricasoli Tank Cleaning Ltd, li hija kumpanija tal-Gvern li twaqqfet wara l-privatizzazzjoni tat-Tarzna sabiex topera, f’isem il-gvern, is-slop reception facility li tinsab fir-Ricasoli. Minħabba li parti mill-istaff ta’ din il-kumpanija ukoll jaħdem minn uffiċċju żgħir fuq dan is-sit tal-Marsa, il-kumpanija ingħatat ukoll ir-responsabbiltà li tamministra l-użu ta’ dawn il-mollijiet f’isem il-gvern. L-iskop aħħari huwa li jsir l-aħjar uzu minn dawn il-mollijiet fuq bażi kummerċjali sakemm ikun hemm pjanijiet aktar ċari dwar x’se jsir minn dan is-sit.
Leg 11 PQ #35989 Sitting 496 2012-07-02 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tal-Intern

PPCD u kunsilli lokali — korrispondenza

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza rigward ERDF funds bejn il-PPCD u l-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli, ir-Rabat, Ħ’Attard u Ħal-Lija bejn l-1 ta’ Frar 2010 u t-30 ta' Ġunju 2010?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li risposta tingħata f’xi seduta oħra.

diplompatiċi u impjegati li għamlu kors fil-European Studies

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm mid-diplompatiċi u impjegati mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin - preżenti u rtirati - għamlu second degree jew higher courses fil-European Studies f'dawn l-aħħar għoxrin sena?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi in-numru ta' diplomatiċi u impjegati tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin li għamlu second degree jew higher course fil-European Studies f'dawn l-aħħar għoxrin sena kien ta' 23 impjegati, li 4 minnhom m'għadhomx fis-servizz.
Leg 11 PQ #35991 Sitting 496 2012-07-02 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Scholarships — second degree courses jew PhD fil-European Studies

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm scholarships ingħataw għal second degree courses jew PhD fil-European Studies dawn l-aħħar għoxrin sena? Kemm swew dawn l-ischolarships?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li mill-2006 ’l hawn ingħataw tliet scholarships għal Masters fil-European Studies. Dawn il-boroż ta’ studju swew €14,716.66. Ingħataw ukoll dawn il-boroż ta’ studju li jistgħu jitqiesu relatati ma’ European Studies: 1 MA in European Politics, Business and Law 8,500.00 2 Masters in European Public Affairs 6,713.00 3 Masters in European Public Affairs 6,713.00 4 M.Sc. European Public Policy 8,500.00 5 M.A. European Politics, Business and Law 8,500.00 6 Masters in European & Comparative Law 6,000.00
Leg 11 PQ #35992 Sitting 496 2012-07-02 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Qorti — generator

Question

Peress li fil-Qorti t'Għawdex mhemmx generator u allura meta jinqata d-dawl ikun hemm problemi biex jitkompla x-xogħol, tista' l-Ministru tara li fil-Qorti t'Għawdex ikun hemm generator?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-qtugħ tal-provvistà tad-dawl fil-post indikat jiġri relattivament rari u l-ispazju fil-bini tal-Qorti ta' Għawdex ma jippermettix li jiġi stallat generator tal-kobor adegwat. Għalhekk preżentament huwa iktar aċċettabbli li meta jkun hemm bżonn jinkera generator.

allowances lill-assistent direttur

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'forma ta' allowances qegħdin jitħallsu u f'liema ammont lill-assistent direttur (amministrazzjoni) fid-Dipartiment tal-Kura Primarja tal-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ħamrun — Triq San Ġorg Preca - dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar s'issa u x'qed isir mill-Korporazzjoni Enemalta sabiex Triq San Ġorġ Preca, Ħamrun, ma tibqax dlam ċappa?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ħsara li kien hemm fid-dawl tat-triq San Gorg Preca il-Hamrun issa ssewwiet.
Leg 11 PQ #35995 Sitting 496 2012-07-02 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Xewkija — Triq Bennejja - trabijiet fit-triq

Question

Peress li r-residenti ta' Triq Bennejja, Xewkija, qed jilmentaw minħabba ammont kbir ta' trabijiet li qed ikun hemm fit-triq li qed ikun kaġun ta' ħafna attaki kbar ta' asthma fost ħafna familji, tista' l-Ministru tara li dan l-inkonvenjent jiġi indirizzat?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li t-triq imsemmija taqa' taħt ir-responsabilità tal-Kunsill Lokali u għalhekk nitlob lill-Onorevoli Interpellant tirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Mediċina Shattera

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-mediċina Shattera li tintuża għat-tfal li jbatu minn ADHD u ansjetà f'każ li ma jkunx taqbel magħhom il-methylphenidate tistax tingħata bla ħlas lil dawn il-ġenituri li m'għandhomx mezzi finanzjarji? Jekk iva, x'irid isir? Jekk le, jikkonsidra li x-Shattera tiġi ammessa fil-lista relattiva ta' mediċini li jistgħu jittieħdu b'xejn?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-mediċina Strattera® li fiha s-sustanza attiva atomoxetine hija indikata għal trattament ta’ Attention-Deficit/Hyperactivity Disorder (ADHD) fi tfal minn sitt snin u adolexxenti bħala parti minn programm ta’ trattament. Dan it-trattament għandu jinbeda minn speċjalista responsabbli mill-kura tal-ADHD. Bħalissa din il-mediċina ma tinstabx fil-Formularju tal-Gvern, għalkemm hemm applikazzjoni biex issir l-evalwazzjoni neċessarja sabiex tiġi kkunsidrata għall-introduzzjoni fil-Formularju tal-Gvern fix-xhur li ġejjin.

akkwist ta' proprjetà

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35720 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta se tkun akkwistatat il-proprjetà tal-Iskema HOS 1979 ta' Farsina f'Ħal Qormi biex ikunu jistgħu jsiru l-kuntratti ta' akkwisti li għadhom pendenti?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern huwa konxju li hemm diversi kuntratti ta’ akkwisti ta’ residenzi li ġew mibnija taħt skemi tal-HOS li saru fit-tmiem ta’ sebgħinijiet madwar Malta u Għawdex, fosthom f’ta’ Farsina, Ħal Qormi, li għadhom pendenti. Biex jiġu konklużi dawn il-kuntratti, l-art trid tiġi trasferita lill-Awtorità tad-Djar wara li l-istess art tkun ġiet akkwistata mill-Gvern. Billi l-proċess tal-akkwist tal-art jirrikjedi ħafna riżorsi, il-proċess qed isir fuq numru ta’ snin. Fil-fatt kemm fl-2011 u anke fl-2012 ġew ivvutati tliet miljun ewro (€3,000,000) għal dan il-għan li bihom, sa issa, ġiet mixtrija art fl-oqsma tad-Djar fir-Rabat, Sta Lucia, Raħal Ġdid, Żurrieq, Gudja u Nadur Għawdex. Huwa previst li dan il-proċess jitkompla fis-snin li ġejjin biex b’hekk l-art kollha li ttieħdet għal dan l-iskop, tiġi akkwistata mill-Gvern. Wara li l-akkwist jiġi finalizzat, l-art tkun tista’ tiġi trasferita lill-Awtorità tad-Djar, li min-naħa tagħha tkun tista’ tikkonkludi l-kuntratti mas-sidien tad-diversi residenzi. Dan l-eżerċizzju jinkludi wkoll l-art f’ta’ Farsina, Ħal Qormi li għad trid tiġi akkwistata.

rati tad-dawl u l-ilma mnaqqsa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35718 u cioè: Peress li l-prezz taż-żejt illum nieżel taħt id-$84 il-barmil, jista' l-Ministru jgħid jekk hemm possibilità li r-rati tad-dawl u ilma jkunu aġġustati 'l isfel fl-interess tal-konsumatur u l-operaturi ekonomiċi speċjalment fid-dawl ta' tnaqqis fl-ekonomija matul l-ewwel tliett xhur ta' din is-sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma illi l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal WTI (West Texas Intermediate) li huwa indikatur Amerikan li japplika għall-Istati Uniti tal-Amerika. L-indikatur li huwa relevanti għalina huwa ICE Brent li l-aktar li niżel sad-19 ta’ Ġunju 2012 (f’dis-sena kalendarja) kien ta’ USD94.44. Irrid infakkar illi t-tariffa kurrenti hija maħduma fuq ICE Brent USD81.80 (USD/Euro exchange rate ta’ 1.49). Għaldaqstant l-Enemalta għadha tiffaċċja sitwazzjoni iebsa f’dak li hu prezz taż-żejt, u propju għalhekk, il-Gvern ħa deċiżjoni konxja li jerfa’ parti minn din l-ispiża fl-interess tal-familji tagħna. Dan ser jippermetti li t-tariffi jibqgħu fil-livell li jinsabu illum.

warrants ta' avukati, nutara u prokaturi legali

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu preżentament in-numru ta' persuni li għandhom warrant biex jipprattikaw bħala avukati, nutara u prokaturi legali separatament? Kemm f'kull każ huma nisa u rġiel?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma tinżammx statistika ta’ persuni li preżentement għandhom il-warrant biex jipprattikaw bħala avukati u prokuraturi legali. Dan għaliex l-uffiċċju minfejn isir ix-xogħol konness mal-ħruġ tal-warrants, ma jkunx infurmat meta persuna fil-pussess ta’ tali warrant tmut u għaldaqstant ma tistax tinżamm statistika korretta. Dwar persuni li preżentement għandhom il-warrant biex jipprattikaw bħala nutar, nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-parti tal-mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.

Qtugħ ta' siġar bejn il-Lukanda Dolmen u ta' Fra Ben

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru kienx involut fil-qtugħ ta' siġar bejn il-lukanda Dolmen u Ta' Fra Ben (mhux fejn qed isir il-proġett tal-akwarju)? Jekk iva, x'wassal biex jinqatgħu biss parti mis-siġar tal-front u ż-żabra ma saritx fuq is-siġar kollha? Min kien responsabbli minn dan il-qtugħ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tal-PARK ma kienx involut fil-qtugħ ta’ siġar li hemm fis-sit indikat.

Xemxija — Trejqet Għar Berbaħ - sistema mħaddma

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif qiegħda se titħaddem is-sistema tad-drenaġġ u tal-ilma ta' Trejqet Għar Berbaħ, ix-Xemxija, San Pawl il-Baħar? Jista' jagħti ukoll tagħrif dwar jekk is-sistema fi Triq is-Simar kantuniera ma' Trejqet Għar Berbaħ tlestitx?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi id-drenaġġ fit-Triq Għar Berbaħ ġewwa x-Xemxija qed jitħaddem bis-sistema ta’ gravity mains, filwaqt li l-ilma qed titħaddem bis-sistema ta’ pressa fil-mains. Is-sistema fil-kantuniera bejn Triq is-Simar u Għar Berbaħ fl-istess lokalità hija lesta.

MEPA — permessi ta' qtugħ ta' siġar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kelliex talbiet għall-permessi ta' qtugħ ta' siġar minn kunsilli lokali, kif indikat fil-mistoqsija parlamentari 35729? Jekk iva, liema kienu l-kunsilli lokali li talbu tali permessi, matul din is-sena?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul is-sena 2012 saru seba' talbiet minn kunsilli lokali biex jinqalgħu siġar protetti. Dawn kienu l-Kunsilli Lokali tal-Mosta, tal-Imsida, tan-Naxxar (x2), tal-Munxar, ta' Ħal Luqa u Ta' Sannat.

Xemxija — mobile toilet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 35923, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta saritx taf min poġġa l-mobile toilet fil-parti indikata fil-mistoqsija? Tista' Transport Malta tinvestiga min talab li tali toilet jitpoġġa fejn tpoġġa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta ma tafx min poġġa l-mobile toilet fil-parti indikata fil-mistoqsija u li mhux kompitu ta' Transport Malta li tagħmel xi investigazzjoni fir-rigward.
Leg 11 PQ #36022 Sitting 496 2012-07-02 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

Operaturi tal-bejgħ ta' ikel u xorb — permessi

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 35727, ladarba skont ir-risposta li ngħatat, dawk kollha li armaw imxew mal-kundizzjonijiet imposti fil-permess, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kif kien hemm stqarrijiet, uħud minnhom pubbliċi, biex jikkundanaw id-diżorganizzazzjoni li kien hemm fuq il-post?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi il-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar ma ħareġ l-ebda stqarrijiet ta’ kundanna imma stqarrija fejn b’dispjaċir innota li l-influss ta’ klijenti f’dan il-party ħoloq ħafna problemi fosthom fit-tmexxija u l-parkeġġ tal-vetturi apparti wkoll li l-ħoss tal-mużika urtat bil-kbir lir-residenti fl-inħawi.