Legislature:
Category:
Reset
Active:

talba għal reviżjoni tas-salarji

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33896, jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għamilx kuntatt mal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament biex jgħaddi l-informazzjoni relatata mas-salarji kurrenti sabiex issir reviżjoni tal-pensjoni ta' din l-istess persuna?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li d-Dipartiment informa bil-miktub bl-iżviluppi li seħħew lill-persuna kkonċernata.

Malta Health Review Tribunal

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35388 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja u issa ġiet riferuta lilu u jara li jerġa' jiġi appuntat il-Malta Health Review Tribunal?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Bormla u Wied il-Għajn — servizz tat-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir xi ħaġa u s-servizz tat-trasport pubbliku bejn Bormla u Wied il-Għajn jerġa' jkun kif kien sa ftit ilu, u cioè li mhux is-servizz bejn dawn il-lokalitajiet jieqaf fit-8.00 p.m.?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lil Transport Malta.

San Ġiljan u Tas-Sliema — rotta ċirkulari

Question

Jista' l-Ministru jara li l-karozza ċirkulari li konna drajna sa Lulju 2011 terġa' tibda għar-residenti kemm ta' San Ġiljan u Tas-Sliema? Għaldaqstant, jista' l-Ministru jinfurmani meta dan is-servizz se jerġa' jitħalla jibda? Min se jagħmel dan is-servizz u r-rotot ġew stabiliti mal-kunsilli rispettivi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi s-servizz li kien organizzat mill-kunsilli lokali ta’ Tas-Sliema kif ukoll dak ta' San Ġiljan twaqqaf minħabba illi skont regolament 68B tar-Regolamenti dwar is-Servizzi ta’ Ġarr ta’ Passiġġieri (L.S. 499.56), Transport Malta ma tistax tawtorizza tali servizzi. Dan minħabba li, skont l-istess regolament huwa biss l-operatur li jkun daħal fi ftehim mal-awtorità wara sejħa għall-offerti, li bħalissa huwa s-soċejtà Arriva Malta Limited, illi jistà jagħti servizzi ta' trasport tal-passiġieri pubbliċi. Għaldaqstant, l-ebda entita’ oħra ma tista’ tħaddem servizz ta’ trasport bi skeda, kemm bi ħlas kif ukoll b’xejn. Infurmat ukoll illi bit-tibdil li seħħ fir-rotot fis-27 ta' Mejju, il-maġġoranza tal-inħawi li kienu servuti bir-rotta ċirkulari ta' tas-Sliema ġew milħuqa permezz tar-rotot li ġew modifikati jew introdotti.

Palumbo Shipyards — Permessi ta' tliet tower cranes

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35591 u jgħid jekk it-tliet tower cranes li għandhom Palumbo Shipyards għandhomx il-permessi meħtieġa u jekk iva fuq liema kriterji nħarġu meta hemm dockside cranes mat-Tarzna kollha? Meta se jiżżarmaw iż-żewġ dockside cranes li hemm fuq boiler wharf li wkoll qed ikerrħu l-ambjent u qed isiru ċappa sadid?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-installazzjoni u l-operat ta' tali apparat (dockside cranes) li jifformaw parti 'ntegrali mill-użu li ilu stabbilit fit-tarzna għal bosta snin (ship repairs) ma jirrekjedux la permess ta' żvilupp (planning permission) u l-anqas dak ambjentali (environmental permit) mill-Awtorita'. Barra minn hekk l-awtorità m'għandhiex kontroll dwar meta se jiżżarmaw il-cranes il-qodma li hemm fuq il-post.

Part-time Fishermen

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu permessi għal part-time fishermen mis-sena 2008 'l hawn, sena b’sena? Kemm kien hemm talbiet li ġew miċħuda?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet mgħotija għall-Mistoqsijiet Parlamentari 21105, 14036, u 10183, nigbed l-attenzjoni li dan il-Ministeru ma joħroġx liċenzji ta’ sajjieda iżda liċenzji ta’ bastimenti liċenzjati għas-sajd. Kif kont diġa spjegajt, rigward reġistrazzjoni ta’ persuni bħala sajjieda, dan isir mal-Korporazzjoni għall-Impjiegi u Taħriġ

Belt, Furjana, Kottonera u Imdina — Tindif ta' swar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il metru kwadru ta' swar ġie mnaddaf fl-aħħar snin fil-Belt, il-Furjana, l-Kottonera u l-Imdina, sena b'sena, lokalità b'lokalità?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’ seduta oħra.

Neuromedical Ward tal-Isptar Mater Dei

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23965, jista' l-Ministru jgħid jekk il-problemi msemmija ġewx issa solvuti u allura l-apparat magħruf bħal 24 Hour Telemetry EEG System li kien ġie stallat fin-Neuromedical Ward tal-Isptar Mater Dei f'Settembru 2009 qed jaħdem mija fil-mija u kif suppost?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-problemi fuq l-apparat magħruf bħal 24 Hour Telemetry EEG, ġew kollha ssolvuti.
Leg 11 PQ #35929 Sitting 496 2012-07-02 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Shelter għall-annimali

Question

Peress li f'Għawdex ħlief l-SPCA mhemm l-ebda post li jintuża bħala shelter għall-annimali, tista' l-Ministru tgħid xi pjannijiet hemm għall-ħarsien tal-annimali f'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li ġiet sottomessa pjanta għall-kunsiderazzjoni tal-MEPA wara li saru diversi diskussjonijiet bejn l-SPCA, il-Ministeru għal Għawdex u l-MEPA. Infurmata wkoll illi din il-pjanta ġiet ikkunsidrata mill-MEPA fil-'pre-submission stage'. Il-MEPA sussegwentement infurmat lill-SPCA li tali pjanta ma kinitx kunsidrata aċċettabbli u ssuġġeriet tibdiliet li jridu jsiru. Bħalissa dawn qegħdin jiġu kkunsidrati.
Leg 11 PQ #35930 Sitting 496 2012-07-02 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Testijiet tas-sanita

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jibdew isiru t-testijiet tas-sanità f'Għawdex stess peress li saħansitra biex isiru testijiet fuq l-ilma dawn isiru l-Evans Building f'Malta?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-analiżi fuq l-ilma u ikel iridu jsiru f'laboratorju akkreditat u dan skont il-parametri stabbiliti fid-direttivi relevanti tal-Unjoni Ewropea. F'Malta u Għawdex l-uniku laboratorju akkreditat għal dawn l-analiżi jinsab fil-kumpless Evans Building fil-Belt Valletta.
Leg 11 PQ #35931 Sitting 496 2012-07-02 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Sannat — Triq Skerla - manutenzjoni tat-triq

Question

Peress li r-residenti ta' Triq Skerla, Sannat qed jilmentaw dwar l-istat ħażin tat-triq, tista' l-Ministru tgħid meta se ssir il-manutenzjoni fuq din it-triq?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li t-triq imsemmija taqa' taħt ir-responsabilità tal-Kunsill Lokali u għalhekk nitlob lill-Onorevoli Interpellant tirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Ċentru ta' Ħal Far — nuqqas ta' post għall-wheelchair cases

Question

Jista' l-Ministru jara li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament tiġi kkuntatjata peress li t-tifla tagħha weġġgħet u Ċentru ta' Ħal Far mhemmx post fil-vann għall-wheelchair cases u din it-tifla tixtieq li terġa' tmur l-iskola?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li diġà saru u qed isiru diversi kuntatti mal-persuna ikkonċernata u l-familjari tagħha mis-Social Worker taċ-Ċentru. Saret ukoll home visit u viżita waqt li l-persuna kkonċernata kienet l-isptar. L-omm tal-persuna ġiet infurmata li l-aġenzija qiegħda taħdem sabiex tipprova ssib soluzzjoni.

Maintenance ta' gallarija

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi proċessata l-applikazzjoni dwar maintenance ta' gallerija tal-post li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi l-Awtorità tad-Djar ma rċeviet l-ebda applikazzjoni mill-persuna indikata.

Investigazzjoni rigward nurses pakistani

Question

B'referenza għall-każ ta' sfruttament tan-nurses Pakistani, f'Mejju tas-sena 2011, u peress li l-Ministru kien għadda l-każ biex jiġi investigat mill-pulizija iżda s'issa għadu ma ħareġ xejn minn din l-investigazzjoni, jista' l-Ministru jagħti d-dettalji ta' kif żvolġew dawn l-investigazzjonijiet u x'kien l-eżitu? Jista' jikkonferma li wieħed mid-Diretturi ta' Chrism Services fetaħ kawża l-Qorti kontra waħda mill-infermiera Pakistana (id-dettalji tal-każ qed jingħataw separatament) għax din ma onoratx il-kuntratt ta' Chrism Services?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Dwar l-allegazzjonijiet ta’ sfruttar ta’ infermiera ta’ nazzjonalità Pakistana, peress li hemm investigazzjonijiet għaddejjin minn-naha tal-Pulizija, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat. Ghar-rigward il-Mistoqsija dwar xi kawża fil-Qorti li wieħed mid-Diretturi ta’ Chrism Services seta’ fetaħ kontra waħda mill-infermiera ta’ nazzjonalità Pakistana, nerġa’ nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jaghmel din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Dipartiment tas-Saħħa — applikazzjonijiet għal diversi karigi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġu sejħiet għall-applikazzjonijiet għal mili ta' diversi karigi mad-Dipartiment tas-Saħħa fis-snin 2009, 2010, 2011 u fis-sena kurrenti - 2012? Fuq liema bażi jiġi deċiż jekk kariga partikolari għandiex toħroġ mis-Servizz Pubbliku jew inkela mill-Foundation for Medical Services? Kemm inħarġu sejħiet mill-Foundation for Medical Servces jew b'sejħa diretta (mhux mill-PSC), kemm ġew ingaġġati nies b'dan il-metodu u jekk kienx hemm impjegati li wara li ġew ingaġġati b'dan il-metodu (mhux mill-PSC), ġew irregolarizzati mall-PSC?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Stennija għall-appuntamenti tal-MRI

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti jistennew biex joqogħdu għat-test tal-MRI u kemm hemm dewmin biex wieħed jingħata appuntament għall-MRI?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li hemm elfejn sitt mija u tlieta u sebgħin pazjent jistennew għat-test tal-MRI. Id-dewmien biex jingħata appuntament huwa ta’ bejn għaxra u ħmistax–il ġurnata (working days) għal każijiet urġenti. F’dawk il-każijiet indikati bhala mhux urgenti, id-dewmien biex isirilhom test tal-MRI hu ta’ ħdax–il xahar. Testijiet li huma urġenti jsiru skont kif indikat mill-konsulenti tar-radjoloġija.

talba għal railing ġo blokka appartamenti

Question

Billi fil-block ta' appartamenti li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, hemm familji li għandhom anki żewġ membri b’diżabilità u mhux kulħadd jagħmel użu mis-servizz tal-lift, jista' l-Ministru jgħid jekk jistgħux jitwaħħlu railings fit-taraġ tal-istess lift?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil jiem li gejjin l-Awtorità Tad-Djar se żżur din il-binja u tieħu l-azzjonijiet meħtieġa biex bil-partiċipazzjoni tar-residenti tinsab soluzzjoni għal din il-problema.
Leg 11 PQ #35947 Sitting 496 2012-07-02 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Intern

Għajn tal-Ħasselin — informazzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk iż-żamma u tindif tal-Għajn tal-Ħasselin, l-Imsida taqax taħt il-gvern ċentrali jew il-kunsill lokali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Birżebbuġia — enforcement notice

Question

Jista' l-Ministru jispjega għaliex l-enforcement notice li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, wara 11-il sena għadha ma ġietx infurzata? Jaf li din l-scrap yard għadha topera b'detriment kbir għall-ambjent u għas-saħħa tar-residenti tal-inħawi?

Response (DEMARCO, MARIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #35952 Sitting 496 2012-07-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Intern

Depot — persuni li waqgħu

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid fl-aħħar għaxar snin (Jannar 2002 sa Ġunju 2012) kemm kien hemm persuni li "waqgħu" mis-sur għal isfel tliet sulari għoli fin-naħa ta' wara tad-depot magħrufa bħala tal-klandestini? Kemm minn dawn il-persuni kienu barranin? Kemm kienu Maltin? F'kull każ xi ġralhom wara li "waqgħu"? Kemm minnhom mietu, kemm minnhom weġġgħu iżda fiequ u baqgħu ħajjin, kemm minnhom ma fiequx u mietu u kemm minnhom ma ġralhom xejn? F'kull każ saret investigazzjoni mill-pulizija x'kien ġara?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.