Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħaddiema fix-xogħol ta' kostruzzjoni tal-Parlament il-Ġdid, Bieb il-Belt u Teatru

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35838 u cioè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 35595, jista' l-Ministru jwieġeb għat-tieni parti tal-mistoqsija oriġinali u cioè kemm mill-403 persuna li qed jaħdmu fil-proġett tal-Parlament il-ġdid, Bieb il-Belt u t-teatru huma Maltin u kemm huma ta' nazzjonalità barranija? Kemm mill-ħaddiema ta' nazzjonalità barranija huma ċittadini ta' pajjiżi tal-Unjoni Ewropea?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra

siringi għal min għandu d-dijabete

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li waslet biex persuni bid-dijabete li għandhom bżonn l-insulina, u li kienu intitolati għas-siringi issa qed jingħataw nofs l-ammont li kienu intitolati għalihom bir-riżultat li qed jiġu mġiegħla jużaw l-istess siringa għal erba' darbiet biex iwasslu għal meta jkun jerġa' jmisshom jieħdu siringi oħrajn?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-lista ta’ kundizzjonijet kroniċi ta’ Skeda V ġiet emendata uffiċjalment fis-27 ta’ Marzu 2012 kif ġie stabilit fl-avviż legali 81 tal-2012. Id-Dijabete Mellitus hija waħda mill-kundizzjonijiet kroniċi li qabel kienet tingħata l-kura b’xejn permezz tal-kartuna r-roża u li issa żdiedet mal-lista ta’ kundizzjonijet kroniċi ta’ Skeda V. Pazjenti li kienu jieħdu l-kura tad-dijabete permezz tal-kartuna r-roża ser ikunu jistgħu jagħżlu jekk ikomplux jieħdu l-kura meħtieġa tad-dijabete permezz tal-kartuna safra jew roża. Il-pazjenti dijabetiċi li japplikaw skond l-emendi tas-Skeda V fl-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali (Kap 318) u li parti mit-trattament tad-dijabete jikkonsisti minn insulina ser ikunu intitolati għal tletin siringa ta’ l-insulina fix-xahar minflok għaxra fix-xahar.

Sptar Mater Dei — każijiet ta' emerġenza kawża ta' xorb eċċessiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li rikorrew għall-għajnuna medika fl-emerġenza tal-Isptar Mater Dei u oħrajn privati kawża ta' xorb eċċessiv matul l-ewwel sitt xhur tas-sena separatament?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

persuni b'diżabilità li qed jirreġistraw

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il persuna b'diżabilità qiegħda tirreġistra għax-xogħol taħt part I u part II bħalissa? X'inhuma l-opportunitajiet ta' xogħol varji li qed ifittxu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

kollezzjonisti — għajnuna għal esebizzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna teknika u materjali tingħata lil kollezzjonisti li jkunu jeħtieġu assistenza sabiex jorganizzaw l-esebizzjoni ta' dawn il-ħwejjeġ b'mod permanenti f'forma ta' mużew? Kemm-il persuna ġie mgħejjuna b'dan il-mod fl-aħħar snin?

Response (DEMARCO, MARIO)

Heritage Malta regolarment toffri għajnuna lil għadd ta’ għaqdiet kulturali f’Malta u Għawdex sabiex dawn jorganizzaw wirjiet temporanji. Madanakollu Heritage Malta qatt ma rċeviet talba għall-għajnuna teknika minn kollezzjonisti privati sabiex jesibixxu l-oġġetti tagħhom b’mod permanenti.

kollezzjonisti — kiri ta' art

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'prijorità tingħata lil kollezzjonisti li jkunu jixtiequ post loġistiku żgħir fejn ikunu jistgħu jesponu dawn il-ħwejjeġ b'mod permanenti f'forma ta' mużew? Kemm ġiet mikrija proprjetà pubblika għal dan il-għan matul din is-sena?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

kollezzjonisti — assistenza permess ta' programmi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna teknika tingħata lil kollezzjonisti li jkunu jeħtieġu assistenza permess ta' programmi tal-Unjoni Ewropea sabiex jorganizzaw l-espożizzjoni ta' dawn il-ħwejjeġ b'mod permanenti f'forma ta' mużew? Kemm-il applikant għal programm tal-Unjoni Ewropea talab għajnuna għal dan il-għan fl-aħħar snin?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli iNterpellant li l-MEUSAC iwassal informazzjoni dwar kull tip ta’ programmi ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea (UE) u jassisti lil għaqdiet mhux governattivi u lill-kunsilli lokali fil-mili ta’ applikazzjonijiet għal proġetti ffianzjati jew ko-finanzjati mill-UE. Il-promozzjoni ta’ dawn il-programmi ta’ fondi ssir, fost oħrajn, permezz ta’ seminars, workshops, laqgħat, il- MEUSACNews li jiġi distribwit kull ħmistax ma’ gazzetta lokali kif ukoll permezz tas-sit elettroniku www.funding 360.eu. Dan is-sit jagħti perspettiva wiesgħa ħafna ta’ kif jaħdmu l-fondi tal-UE. Kull xahar jintbagħtu wkoll web elerts bl-aħħar tagħrif dwar il-programmi disponibbli lil kull min hu rreġistrat mas-sit. F’dak li għandu x’jaqsam l-għajnuna lil kollezzjonisti li jkunu jeħtieġu assistenza permess ta' programmi tal-Unjoni Ewropea sabiex jorganizzaw l-espożizzjoni ta' dawn il-ħwejjeġ b'mod permanenti f'forma ta' mużew, il-MEUSAC jista’ jgħin lil għaqdeit mhux governattivi u kunsilli lokali biex jimlew l-applikazzjoni ladarba jiġi identifikat proġett li jista’ ikun eliġibbli. S’issa, kien hemm biss entità waħda li applikat bl-għajnuna tal-MEUSAC. Il-proġett kien biex jiġi żviluppat mużew fi ġnien f’din il-lokalita’ partikolari. Ta min wieħed jgħid li ma jistgħax jigi eskluż li ma kienx hemm proġetti oħra ta’ dan it-tip. Filfatt matul il-perjodu ta’ fondi tal-UE 2007 u 2013 jeżistu żewg possibilitajiet għat-twettiq ta’ dawn it-tip ta’ proġetti għalkemm fil-preżent dawn is-sejħiet mhumiex miftuħa: § Il-Fond Ewropew għall-Iżvillup Reġjonali (FEZR) - Assi ta’ Prijorita’ 2 Nippromwovu Turiżmu Sostennibli (ġestit mid-Dipartiment għall-Koordinazzjoni tal-Ippjanar u l-Prijoritajiet fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru - PPCD); § Skema għal proġetti turistici għal intraprizi (ġestita mill-Awtorita’ tat-Turiżmu - MTA) Nistieden lill-Onorevoli interpellant biex jekk jixtieq iktar tagħrif dwar dawn l-imsemmija programmi, jitlob din l-informazzjoni mingħand il-Ministri responsabbli mill-PPCD u l-MTA rispettivament.

Proprjetà tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-proprjetà li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, hijiex tal-gvern jew le? Jekk hija proprjetà tal-gvern, hemm xi opportunità li l-art tingħata għall-kiri jew għall-bejgħ?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Ħlas ta' kumpens għall-biċċa art li ttieħdet biex tinfetaħ triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-ħlas tal-kumpens għat-talba li kienet saret wara li biċċa art kienet ittieħdet sabiex tinfetaħ triq, u li d-dettalji tal-file qed jingħataw separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra

Applikazzjoni għal refund ta' ħlas

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-status ta' talba għal refund ta' ħlas li kien sar żejjed u li l-applikazzjoni għal dan il-ħlas ilha li saret minn Mejju 2008? Jista' jgħid meta se jsir ir-refund imsemmi fil-każ li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li uffiċjali mit-taqsima tat-Taxpayer Service tad-dipartiment diġà għamlu kuntatt mal-persuna indikata biex id-diffikultà li għandha tiġi mwieġba.

Transport Malta — permessi għaż-zebra crossing

Question

Jista' l-Ministru, permezz ta' Transport Malta jgħid x'konsultazzjoni kienet saret minn Transport Malta fil-proċess ta' ħruġ ta' permessi mill-istess Transport Malta għall-awtorizzazzjoni ta' zebra crossing li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-konsultazzjoni neċessarja mar-residenti hija r-responsabbiltà tal-Kumitat Amministrattiv u tal-Kunsill Lokali rispettiv.

Talba għall-ħlas fuq ħsarat

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-proċess għat-talba tal-ħlas, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, li saret lid-dipartiment ikkonċernat li jaqa' taħt il-Ministeru rispettiv? Jista' jgħid jekk il-ħlas mitlub hemmx xi possibiltà li jsir?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Direttorati tal-Edukazzjoni — post vakanti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm postijiet vakanti fid-Direttorati tal-Edukazzjoni? Liema grad? Fejn wasal il-proċess biex jimtlew? Kemm applikaw f'kull każ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

ranġar ta' bieb ta' bejt ta' post tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jara li l-ħaddiema tal-housing jaraw li l-bieb ta' bejt tal-post tal-gvern tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, jiġi rranġat?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-jiema li ġejjin l-awtorità se tivverifika dan il-bieb u tieħu l-passi neċessarji.

Ċimiterju tat-Torok fil-Marsa — irranġar ta' Triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta sar ix-xogħol biex ġiet irranġata t-triq li minn ħdejn iċ-Ċimiterju tat-Torok fil-Marsa, twasslek sa ħdejn ir-roundabout fil-parti ta' isfel nett ta' Triq l-Imdina f'Ħal Qormi? Jista' jgħid kemm kienet l-ispiża oriġinali fuq dan ix-xogħol u kemm kienet l-ispiża finali? Jista' jgħid min wettaq dan ix-xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħol sar f’Settembru 2009. L-istima oriġinali fuq dan ix-xogħol kienet ta’ €143,975 waqt li l-ispiża finali kienet ta’ €149,329.05. Il-kuntrattur li wettaq dan ix-xogħol huwa Schembri Infrastructures Ltd.

Marsaxlokk — Triq San Franġisk - periklu għat-tfal tal-iskola

Question

B' referenza għall-ittra li ġġib id-data tad-19 t'April mibgħuta mill-Kunsill lokali ta' Marsaxlokk lil Transport Malta, jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex konxju tal-periklu li qed jiġu esposti għalih ta' kuljum it-tfal tal-iskola, għaliex Triq San Franġisk mhux qed tingħalaq kif, u fil-ħinijiet li talab saħansitra l-Kunsill tal-Iskola? Għaliex minkejja dan il-periklu, sal-lum għadu ma sar xejn dwar it-talba tal-kunsill lokali għall-ftuħ ta' Triq S. Bartolomi, li tista' tkun instrumentali biex tissolva din il-problema mingħajr ma jinħoloq aktar inkonvenjent lir-residenti bl-għeluq ta' Triq San Frangisk f'ħinijiet partikulari?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li dwar it-tabella għall-għeluq ta' Triq San Franġisk, Transport Malta kienet kkonsultat mal-Ministeru u d-dipartiment tal-Edukazzjoni. Madanakollu kien deċiż li din it-triq ma' tingħalaqx minħabba li r-residenti ta' din it-triq m'għandhom ebda aċċess ieħor. Din it-talba tkun tista' terġa tkun ikkunsidrata meta u jekk is-sidien privati ta' dik il-parti minn Triq Bartolomew li hija mhix miftuħa jiddeċiedu li jiżviluppaw l-art u jiffurmaw t-triq skont il-liġi. Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bejn Transport Malta u d-dipartiment tal-Edukazzjoni dwar x'miżuri oħra ta' sigurtà, bħal tabelli u sinjali, li jkunu jistgħu jittieħdu biex jitnaqqas ir-riskju li jista' jkun hemm.

Transport Malta — impjegati ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu nies ġodda ma' Transport Malta minn Awwissu 2011 sal-lum? Kif ġie rreklamat kull impjieg? Kemm kien hemm applikazzjonijiet għal kull vakanza? Kif saret l-għażla? Minn liema lokalità huma dawk li ntgħażlu?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ex MMA Berths

Question

Jista' l-Ministru jgħid min qed jopera l-Ex MMA Berths ta’ Tignè u jipproduċi kopja tal-kuntratt li jixhed it-trasferiment tal-operat tal-kumpanija preżenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-Marina qed tiġi operata minn AB Marine Services Ltd. Kopja tal-kuntratt qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sptar Mater Dei — Trattament tal-IVF

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'apparat relatat mat-trattament tal-IVF hemm fl-Isptar Mater Dei? Jista' jgħid kemm kienet l-ispiża fuq dan l-appart? Jista' jgħid jekk minn meta fetaħ l-Isptar Mater Dei qatt sarx użu minn dan l-appart? Jista' jgħid jekk dan l-apparat għadux tajjeb biex jiġi użat sal-lum?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.