Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Mater Dei — każijiet ta' emerġenza kawża ta' vjolenza domestika

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li rrikorrew għall-għajnuna medika fl-emerġenza tal-Isptar Mater Dei u oħrajn privati kawża ta' vjolenza domestika matul l-ewwel sitt xhur tas-sena separatament?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li minn tagħrif miġbur permezz tas-sistema tal-Hospital Activity Analysis (MDH) u l-Electronic Case Summary, kien hemm persuna waħda li ddaħħlet l- Isptar Mater Dei kawża ta' vjolenza domestika (ICD Code: Y07.0 – Y07.9) bejn Jannar u Mejju tal- 2012. Ta’ min wieħed ikun jaf li jista’ jkun hemm każijiet fejn ikun hemm suspett ta’ vjolenza domestika pero’ il-każ ikun għadu qed jiġi investigat u għalhekk ma jkunx irreġistrat. Kif ukoll minħabba li n-natura ta’ dawn l-inċidenti hija waħda daqshekk sensittiva, din l-informazzjoni tista’ ma tkunx imniżżla fl- Electronic Case Summary. Tajjeb li wieħed jagħraf li jkun hemm ukoll każijiet ta’ persuni li allegatament ikunu sofrew minn vjolenza domestika u jingħataw il-kura fid-Dipartiment tal-Emerġenza mingħajr ma jkollhom bżonn jiddaħħlu l-isptar bħala inpatients . Informazzjoni fuq sptarijiet privati ma tinġabarx.
Leg 11 PQ #36059 Sitting 498 2012-07-04 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Intern

kuntistabbli li weġġgħu waqt il-qadi ta' dmirijiethom

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' kuntistabbli li rapportaw li weġġgħu waqt il-qadi ta' dmirijiethom matul l-ewwel sitt xhur tas-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena kien hemm erbatax il-kuntistabbli li weġgħu waqt li kienu xogħol.
Leg 11 PQ #36109 Sitting 498 2012-07-04 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea — informazzjoni

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 35854 u 35855 separatament dwar il-pakkett finanzjarju sħiħ tas-Sur R Cachia Caruana kif wkoll dwar kemm dan qed jiswa lill-Kaxxa ta’ Malta fil-qadi ta’ dmirijietu, flimkien mal-kuntratti (oriġinali, emendati u/jew mibdula) mitluba li għadhom ma ġewx ippubblikati, u ċ-ċaħda u/jew konferma mitluba dwar jekk hu f’xi stadju jew ieħor ħa xi arretrati jew le, jista' l-Prim Ministru jagħti t-tagħrif sħiħ, kollu mitlub lil din il-Kamra f’ġieħ it-trasparenza u l-kontabbilità kif soltu jsir dwar kull uffiċjal elettiv jew le f’kwalunkwe kariga, diment li jkun imħallas strettament minn fondi pubbliċi kif jidher li huwa l-każ fir-rigward ta’ din il-persuna msemmija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninnota li l-Onorevoli Interpellant għamel dawn il-mistoqsijiet l-ewwel darba fil-Kumitat tal-Affarijiet Barranin u Ewropej fil-laqgħa tal-5 ta’ Ġunju 2012. Dakinhar, iċ-Chairman tal-Kumitat sostna li dawn il-mistoqsijiet kienu “irrelevanti” (out of order) għax ma kellhom xejn x’jaqsmu mal-mozzjoni li l-Kumitat kien qed jiddiskuti. Huwa ċar li din il-linja ta’ mistoqsijiet mhix motivata primarjament minn talba għal tagħrif magħmula b’rieda tajba li tista’ tiġi meqjusa fl-interess pubbliku, imma sabiex tikkarga aktar il-kampanja maħsuba li tweġġa’ il-fama tas-Sur Cachia Caruana. Fl-opinjoni tiegħi l-Oppożizzjoni qegħda tuża lil dan il-Parlament f’attentat sfaċċat biex tkompli twettaq aġenda personali fil-konfront ta’ persuna li qeda lil pajjiżu b’lealtà, professjonalità u serjetà għal ħafna snin. Jiena dejjem emmint li din il-Kamra jistħoqqilha imġieba aktar xierqa u aktar korretta minn dik li qed naraw bħalissa. Madanakollu, fid-dawl tal- istandards li jesiġu li aħna d-Deputati naġixxu in bonafede f’kull azzjoni, jidhirli li huwa xieraq li nqiegħed il-kampanja ta’ mistoqsijiet u qlajjiet dwar il-pakkett tas-Sur Cachia Caruana fil-kuntest veru tiegħu billi nagħti dawn il-fatti sempliċi: 1. Il-pożizzjoni ta’ Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-UE, li ovvjament ġie maħluq mas-sħubija ta’ pajjiżna fl-UE f’Mejju 2004, ma jista’ jiġi meqjus qatt bħala ekwivalenti għall-pożizzjonijiet ta’ Ambaxxaturi oħra. Bl-aktar mod ċar din il-pożizzjoni la hija posting bilaterali normali (bħal per eżempju Ambaxxatur għall-Italja) u lanqas posting multilaterali normali (bħal per eżempju r-Rappreżentant Permanenti għan-Nazzjonijiet Uniti ġewwa Ġinevra). Ir-Rappreżentant Permanenti għall-Unjoni Ewropea immexxi u jikkordina l-livelli kollha tar-relazzjoni bejn Malta u l-istituzzjonjiet tal-Unjoni Ewropea, mill-proċessi ta’ kuljum sal-ogħla skambji u diskussjonijiet Dan il-livell għoli ta’ responsabbilita` huwa ċar fil- job description li ġie mgħoddi lill-Kumitat tal-Affarijiet Barranin u Ewropej fil-11 ta’ Ġunju 2012 (kopja mehmuża). Għalhekk, irrispettivament minn min ikun jokkupa dan il-post, l-iskala ta’ din il-pożizzjoni hija salary scale 1, meta l-iskala normali ta’ ambaxxatur hija salary scale 3. Għalhekk huwa skorrett li l-Oppożizzjoni titlaq mill-punt fejn tqiegħed il-pożizzjoni ta’ Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-UE fl-istess keffa ma’ ambaxxaturi oħra, kif għamel l-Onorevoli Interpellant waqt il-laqgħat tal-Kumitat tal-Affarijiet Barranin u Ewropej ix-xahar li għadda. 2. Barra minn hekk, kif spjegat waqt il-Kumitat tal-Affarijiet Barranin u Ewropej, is-Sur Cachia Caruana okkupa żewg karigi minn Marzu 2004: dik ta’ Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-UE kif ukoll dik ta’ Konsulent tal-Prim Ministru dwar l-Unjoni Ewropea. Ir-responsabbilitajiet tas-Sur Cachia Caruana bħala Konsulent tal-Prim Ministru dwar l-Unjoni Ewropea huma deskritti fil- job description mgħoddi lill-Kumitat tal-Affarijiet Barranin u Ewropej fil-11 ta’ Ġunju 2012 (kopja mehmuża). 3. Minkejja li kien jokkupa żewġ karigi, s-Sur Cachia Caruana kellu pakkett wieħed li jkoprihom it-tnejn. 4. Kif spjegajt fl-2010, fit-tweġiba għall-mistoqsijiet simili f’dan il-Parlament, il-pakkett tas-Sur Cachia Caruana huwa bażat fuq skala 1 tal-istruttura tas-salarji tas-Servizz Pubbliku Malti li hija miżjuda b’10%. L-Oppożizzjoni ma staqsietx iżjed dwar din it-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari mogħtija fid-19 ta’ April 2010 għal sentejn sħaħ. Reġgħet qajjmet dan il-każ biss fil-5 ta’ Ġunju 2012 meta s-Sur Cachia Caruana kien qed jidher quddiem il-Kumitat tal-Affarijiet Barranin u Ewropej fuq mozzjoni speċifika. Iż-żieda ta’ 10%, li tammonta għal €3,818 fis-sena, mhix maħsuba biss biex tikkompensa għall-fatt li s-Sur Cachia Caruana jokkupa ż-żewġ karigi, imma kienet ukoll bħala għarfien li huwa wieħed mill-aktar individwi b’esperjenza fis-servizz tal-Gvern; huwa serva f’karigi għolja b’mod kontinwu mill-1998 u anke qabel l-1996. Mir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari mogħtija fid-19 ta’ April 2010, huwa ċar li s-salarju tas-Sur Cachia Caruana huwa €42,337 fis-sena. 5. Hija regola stabbilita għad-diplomatiċi Maltin kollha, u naf fiċ-ċert li l-Onorevoli Interpellant din jafha, li meta dawn ikunu jservu barra minn Malta, s-salarji tagħhom jiġu kkonvertiti permezz tal- Global Emoluments’ formula biex jirriflettu l-ispejjeż marbuta mal-pajjiż fejn dawn ikunu jservu. Din il- Global Emoluments’ formula ilha tiġi operata sa mill-1984 mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ta’ pajjiżna, u hija bażata fuq l-iskali uzati minn Nazzjonijiet Uniti f’dawn il-pajjiżi, għalkemm il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Malti inaqqas 10% mill-iskali tan-Nazzjonijiet Uniti. Il- Global Emoluments tas-Sur Cachia Caruana huma bażati fuq din il-formula. 6. Finalment, kien hemm spekulazzjoni dwar il- housing , housekeeping u support (xufier) provduti lis-Sur Cachia Caruana. L-arranġamenti provduti lis-Sur Cachia Caruana kienu identiċi għal dawk provduti lill-ambaxxaturi għall-Komunita Ewropea fis-snin ta’ qabel. Saħansitra il- housekeeper u x-xufiera tas-Sur Cachia Caruana matul it-tmien snin li għaddew, kienu impjegati ferm qabel l-2004 li hija s-sena meta huwa ġie maħtur Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-UE. Dawn huma l-fatti, izda l-aħjar perspettiva għall-ispekulazzjonijiet li għaddejjin tiġi mill-kalkolu ta’ x’ser ifisser il-ħatra ta’ persuna oħra minflok is-Sur Cachia Caruana. Għad trid tittieħed id-deċiżjoni dwar jekk is-Sur Cachia Caruana għandux jiġi sostitwit minn persuna waħda, li tkompli tagħmel iż-żewġ karigi tiegħu, jew minn żewġ individwi li wieħed minnhom jieħu biss il-kariga ta’ Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-UE. Jekk is-Sur Cachia Caruana jiġi sostitwit minn persuna waħda, u għall-grazzja biss tal-argument dan ikun id-Deputat tiegħu ta’ bħalissa fir-Rappreżentanza Permanenti, allura jien infurmat li skont il-kundizzjonijiet tad-diplomatiċi li jservu barra minn Malta, l-ispiża totali għall-Gvern biex jiġi sostitwit is-Sur Cachia Caruana tiżdied mill-€143,140 (€42,337 salarju + €100,803 Global Emoluments ) fis-sena tas-Sur Cachia Caruna għal izjed minn €148,000 għalkemm l-uffiċjal il-ġdid ikun fuq Skala 1 u mhux fuq l-iskala li għandu s-Sur Cachia Caruana (Skala 1 + 10%). Jekk mill-banda l-oħra, s-Sur Cachia Caruana jiġi sostitwit minn żewġ persuni, u l-pożizzjoni ta’ Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-UE tkun klassifikata fuq Skala 1 (minflok l-iSkala 1 + 10% tas-Sur Cachia Caruana) u l-Konsulent tal-Prim Ministru ikun klassifikat ukoll fuq Skala 1 (minflok l-iSkala 1 + 10% tas-Sur Cachia Caruana), allura jien infurmat li l-ispiża għall-Gvern tiżdied b’aktar minn €35,000 fis-sena meta mqabbla mal-pakkett sħiħ li jirċievi s-Sur Cachia Caruana. Is-Sur Cachia Caruana bbenefika minn dan il-pakkett mit-23 ta’ Marzu 2009. Qabel dakinhar, jiġifieri sa mill-ħatra tiegħu fl-2004, ir-remunerazzjoni tiegħu kienet bażata fuq skala 1 tas-Servizz Pubbliku li fl-2009 kienet €36,362. Din fissret pakkett totali ta’ €115,395.

Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea — informazzjoni

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 35854 u 35855 separatament dwar il-pakkett finanzjarju sħiħ tas-Sur R Cachia Caruana kif wkoll dwar kemm dan qed jiswa lill-Kaxxa ta’ Malta fil-qadi ta’ dmirijietu, flimkien mal-kuntratti (oriġinali, emendati u/jew mibdula) mitluba li għadhom ma ġewx ippubblikati, u ċ-ċaħda u/jew konferma mitluba dwar jekk hu f’xi stadju jew ieħor ħa xi arretrati jew le, jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti t-tagħrif sħiħ, kollu mitlub lil din il-Kamra f’ġieħ it-trasparenza u l-kontabbilità kif soltu jsir dwar kull uffiċjal elettiv jew le f’kwalunkwe kariga, diment li jkun imħallas strettament minn fondi pubbliċi kif jidher li huwa l-każ fir-rigward ta’ din il-persuna msemmija?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 36109.

MEPA — guidelines għaż-żbir tas-siġar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jew xi dipartiment ieħor li jaqa taħt ir-responsabiltà tiegħu għandux guidelines partikulari, li jridu jiġu osservati meta ssir ż-żabra tas-siġar? Jekk iva jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn il-guidelines? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar jekk il-kunsilli lokali humiex infurmati b'dawn l-istess guidelines li jridu jiġu osservati?

Response (DEMARCO, MARIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Restawr ta' niċċeċ

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm talbiet, minn residenti jew għaqdiet li ġejjin mis-7, il-11 u t-12 il-distrett elettorali li talbu għajnuna biex ikunu jistgħu jirrestawraw niċeċ li jinsabu fil-propjetajiet tagħhom? Jekk iva, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm talbiet, minn liema lokalitajiet kienu ġejjin, u kemm minnhom ġew aċċettati?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #36117 Sitting 498 2012-07-04 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

Minuti tal-Kunsill lokali

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kull kemm żmien għandhom jitqiegħdu fuq is-sistema tal-gvern, il-minuti tal-laqgħat tal-kunsilli lokali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li skont Artiklu 14A (8) tal-Ordinijiet Permanenti elenkati fis-Sitt Skeda “Is-Segretarju Eżekuttiv għandu jara li l-minuti approvati jiġu mdaħħla sew fil-file u jkun responsabbli għall-kustodja tagħhom. Is-Segretarju Eżekuttiv għandu jara li l-minuti approvati jitpoġġew fuq il-website uffiċjali tal-Kunsill.” Dwar dan ukoll il-Kunsilli Lokali huma gwidati permezz ta’ Memo 36/2011, li kopja tiegħu qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-liġi u l-ordinijiet permanenti ma jsemmu xejn dwar terminu ta’ żmien.
Leg 11 PQ #36118 Sitting 498 2012-07-04 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

Kunsilli lokali — staff vacancies

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma r-reġjuni (skont l-Att dwar il-Kunsilli Lokali) li għandhom staff vacancies fir-reġjun tagħhom? Kemm minnhom, u liema minnhom għandhom xi impjegati temporanji biex jaqdu l-funzjonijiet li suppost iwettaq ir-reġjun partikulari?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-Dipartiment għall-Gvern Lokali għandu talba għal impjegati klerikali mir-Reġjun tat-Tramunata, liema talba kienet approvata u l-istess Reġjun qiegħed jipproċessa s-sejħa tal-ingaġġ ta’ skrivan. L-istess Reġjun għandu wkoll talba pendenti għal impjegat ieħor. Ir-Reġjuni kollha għandhom impjegati temporanji biex jaqdu l-funzjonijiet li suppost iwettaq ir-Reġjun, ossija dawk relatati mal-funzjonijiet tat-Tribunali Lokali.

rapporti dwar qtugħ ta' siġar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru, jew xi dipartiment li jaqa' taħtu rċeviex rapporti ta' qtugħ ta' siġar mhux awtorizzat, minn xi kunsilli lokali? Jekk iva, fejn kienu l-każijiet u x'passi ttieħdu fil-konfront ta' min ma osservax l-istess regolamenti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tal-PARK u Inizjattivi ma rċevejna l-ebda rapport minn Kunsill Lokali ta’ qtugħ ta’ siġar mhux awtorizzat.

każijiet ta' sajd illegali

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm każijiet ta' sajd illegali li ġew rappurtati lid-dipartiment ikkonċernat, jew lil Ministeru? Jekk kien hemm x'tip ta' illegalità ġiet irrapurtata u f'liema lokalitajiet allegatament seħħet din l-illegalità?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar tlett xhur daħlu tlett rapporti lid-Dipartiment tal-Kontroll tas-Sajd li kienu jirrigwardaw possibiltajiet ta’ sajd illegali, kif ġej: 1. Sajd illegali bil-parit f’San Pawl l-Bahar u għaddejin proċeduri fil-Qorti fil-konfront tal-persuna konċernata 2. Rapport ta’ sajd f’żona protetta fl-inħawi tad-Dwejra Għawdex, li wara rriżulta li ż-żona ma kienetx protetta 3. Sajd bil-pariti fil-Marfa iżda li wara li saret spezzjoni l-AFM irriżulta li kien fin-negattiv

Swatar — traffic lights

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk Transport Malta qatgħetx barra is-suġġeriment u/jew proposta li jkun hemm traffic lights biex residenti fin-naħa ta' Tal-Qroqq Str u l-parti t’isfel tas-Swatar jaqsmu għan-naħa tal-Università? Jekk dan huwa minnu u billi qed jiġu nkoraġġiti bħala residenti biex jużaw aktar is-subway li hemm, jistgħu jittieħdu passi flimkien mal-awtoritajiet kompetenti biex dan jiġi mdawwal aħjar, joffri aktar sigurtà u ma jkunx hemm overflowing tad-drenaġġ kif irrapurtawli li qed jiġri spiss?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

sptar tal-onkoloġija — parking

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk issa li qed jinbena sptar ġdid tal-onkoloġija ħasibx biex persuni li jkunu se jagħmlu użu minn dawn is-servizzi u l-familjari tagħhom ikollhom fejn jipparkjaw? Jista' jgħid jekk huwx se jinbena xi car park ieħor ħdejn l-Isptar Mater Dei?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ċ-ċentru tal-onkoloġija ġewwa l-Isptar Mater Dei se jkollu numru ta’ postijiet għall-parkeġġ sabiex persuni u viżitaturi li jkunu ser jagħmlu użu mis-servizzi taċ-ċentru tal-onkoloġija u l-familjari tagħhom ikollhom fejn jipparkjaw. Infakkar lil Onor. Interpellant li ċ-ċentru tal-onkoloġija huwa estensjoni tal-Isptar Mater Dei u l-faċilitajiet ta’ parkeġġ eżistenti tal-Isptar Mater Dei ser ikunu għad-disposizzjoni ta’ dawk li jużaw is-servizzi taċ-ċentru tal-onkoloġija. Madankollu il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi qed tistudja l-possibilta’ li żżid il-parkeġġ tal-karozzi fuq sit biswit l-Isptar Mater Dei. Aktar dettalji dwar dan jingħataw hekk kif ikunu magħrufa.

regolatur fuq prodotti importati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 35221, 34979, 34225, 33489 u 32492 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk jeżistix xi body-regulator li jirregola kemm importatur irid u għandu d-dritt li jagħmel profitt fuq il-prodotti li jimporta? Jista' jgħid jekk humiex l-istess regolamenti li jirregolaw lil dan il-body irrelevanti minn xi jkun qed jiġi impurtati?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

relocation tal-irziezet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 35222, 35058 u 34651 u cioè: B'referenza għall-proġett tar-relocation ta' 17-il razzett, issa niżlu għal 12-il razzett, flimkien mal-impjant tat-trattament tad-demel ġos-south/Qrendi, liema proġett ilu mwiegħed mill-2007, sallum għad lanqas l-out line permit ma ħareġ, jista' l-Ministru jgħid: a) fejn/fliema stadju wasal; b) kemm intnefqu flus sa issa, u kif intnefqu; ċ) kemm hemm raħħala li konfermaw bil-miktub/intrabtu li jmorru l-Qrendi; d) kemm hu maħsub li jiġi jiswa dan l-impjant, full cost breakdown ; u e) kemm hu maħsub li jiġi jiswa kull razzett, full costs breakdown u min se jħallas?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess tal EIA wasal fl-istadju ta’ konsultazzjoni u saret laqgħa pubblika għal dan il-għan nhar l-4 ta’ Mejju 2012. Bħala preparamenti meħtieġa, saru numru ta’ studji (inklużi minn naħa arkejoloġika) u pjanti flimkien mar-rapporti meħtieġa għall-EIA u li b’kollox ġew jiswew €123,753.Sadanitant għaddejjin laqgħat ta’ diskussjoni mal- KPH u ‘l-fuq minn 10 r-raħħala li esprimew l-interess tagħhom u l-konvinzjoni tal-bżonn li jimmodernizzaw is-servizzi tagħhom.Huwa stmat li l-impjant għat-trattament tad-demel huwa mistenni jqum madwar €7 miljuni. Sejra issir applikazzjoni għall fondi ta’ l-Unjoni Ewropea għall-finanzjament ta’ dan il-proġett.

pubblikazzjoni -B'Għaqal u b'Serjetà Biss Nirbħu l-Maltemp

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35226 u jgħid kemm ġew ippubblikati u kemm ġew jiswew dawn il-pubblikazzjonijiet - B'Għaqal u b'Serjetà Biss Nirbħu l-Maltemp tal-Budget 2012?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-publikazzjoni, li ipprovdiet informazzjoni lill-pubbliku ġenerali dwar l-inizjattivi u l-iskemi mħabbra fil-Budget 2012 sewa €3,150+VAT għad-diżinn u produzzjoni, u €30,600 +VAT għall-istampar ta’ 157,000 kopja.

Sptar Mater Dei — stennija ġol-holding bay

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-ħin ta' stennija li qattgħu l-pazjenti jistennew wara li jidħlu ġewwa l-holding bay fl-Isptar Mater Dei qabel ma jittellgħu ġewwa s-swali tagħhom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għall-liema parti eżatt tal-Isptar qed jirreferi għaliha.

Ministeru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura — informazzjoni dwar konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33422 u jagħti lista ta' konsulenti jew kumpaniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-Ministeru tiegħu, inkluż l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul l-2011 ? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Jista' jgħid jekk kull servizz mogħti, ingħatax b’direct order jew le?

Response (DEMARCO, MARIO)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34401. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli bid-dettalji taż-żewġ awtoritajiet li kien għad jonqos jingħataw fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34401.

Proġett tal-Corporate Village

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma x'sar mill-proġett ta' Corporate Village u meta mistenni jinbeda?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-proġett tal-Corporate Village bħalissa wasal fil-fażi ta’ Request for Proposals (RFP). Dal-proċess ikompli billi eventwalmemt jiġu identifikati żviluppaturi potenzjali u wara jintagħżel żviluppatur wieħed. Id-data biex jinbeda il-proġett tiddependi fuq dan il-proċess.

Qbajjar u l-Munxar — Sajd projbit

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex ikun hemm żona li fiha se jkun projbit li jsir sajd anki minn sajjieda żgħar? Jista' jgħid jekk din iż-żona hix bejn il-Qbajjar u l-Munxar?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-Pjan ta' Azzjoni għall-Qawra/Dwejra Heritage Park li ġie ppubblikat fl-2005 hemm proposti ta' twaqqif ta' xi żoni biex jirregolaw attivitajiet fil-baħar. Kull attività f’żoni protetti għandha tkun kontrollata sabiex jiġi assigurat li l-attività ma tagħmilx ħsara lill-biodiversità li tgħix f’dik iż-żona. Dan isir permess ta’ mmaniġjar liema pjan ikun diskuss mal-istakeholders kollha.