Peress li l-Artiklu 269(5) tal-Kap 16 tal-Ligijiet ta' Malta qed jiġi interpretat b'tali mod li ġenituri addottivi mhux qed jitħallew iġibu ċertifikati tat-twelid sħaħ tal-ulied addottati jekk mhux b'digriet tal-qorti, peress li bl-intervent u b'inizjattiva tar-reġistratur tal-qorti volontarja adozzjonijiet ġodda qed ikollhom inkorporat fid-digriet finali l-fakultà għal ġenituri biex ikunu jistgħu jottjenu ċertifikat tat-twelid sħiħ u peress allura li minħabba din l-interpretazzjoni qed jinħoloq inkonvenjent u kif ukoll qed tinħoloq diskriminazzjoni bejn ġenituri naturali u dawk addottivi kif ukoll bejn ġenituri addottivi li għaddew mill-proċess tal-qorti reċentement u dawk li ilhom: ma jaħsibx il-Ministru li dan l-artikolu għandu jiġi amendat biex titneħħa din l-anomalija legali?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-interpretazzjoni li qed tingħata tal-artikolu 269(5) ma’ toħloqx diskriminazzjoni bejn ġenituri naturali u dawk addottivi u dan għaliex ai termini ta’ l-istess artikolu, kullħadd, barra l-addottant innifsu meta jkun għalaq it-tmientax –il sena, għandu l-ewwel jikseb l-awtorizzazzjoni tal-Qorti qabel ma jkun jista’ jiġbor iċ-ċertifikat ta’ l-adozzjoni. Dan ifisser li din l-awtorizzazzjoni trid tinkiseb mhux mill-ġenituri addottivi biss, iżda anke mill-ġenituri naturali u minn kull persuna oħra li b’xi mod jista’ jkollha xi interess barra, kif diġa ingħad, mill-addottant innifsu meta dan ikun laħaq l-età ta’ tmientax –il sena;
Din l-interpretazzjoni tal-artikolu 269(5) hija ġustifikata għaliex tipprevjeni milli tinħoloq sitwazzjoni fejn kull min irid ikun jaf jekk persuna hijiex addottata taqbad u tmur id-Dipartiment tar-Reġistru Pubbliku u tistaqsi għaċ-ċertifikat. L-ispirtu wara dan l-artikolu huwa fil-fatt li tipproteġi l-minuri addottant milli tiġi sparsa tali informazzjoni fuqu mingħajr ma jkun hemm skop jew raġuni valida.
Hija l-intenzzjoni li fl-emendi ghal-ligi tal-adozzjoni li ser jigu prezentati issir emenda ukoll biex taghmilha aktar facli ghall-genituri addottivi li jigbru dan ic-certifikat u jitnehhew dawn l-anomaliji.
Peress li s-servizz ta wi-fi fil-Qorti t'Għawdex huwa limitat u ma jkoprix il-maġġoranza tal-bini tal-Qorti, tista' l-Ministru tara li l-wi-fi jissaħħaħ?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li s-servizz tal-wi-fi fil-bini tal-Qorti t'Għawdex, ikopri it-tliet awli bil-waiting areas ta' madwarhom, u areas oħra fil-viċinanza.
Se jiġi evalwat jekk hemmx bżonn li din il-faċilità tiżdied biex tkopri aktar spazju.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 35975 u 35823 u jgħid ta' min hi l-art li bħalissa l-Korporazzjoni Enemalta tuża għall-Gas Division fil-Qajjenza, limiti ta' Birżebbuġa?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x’inhuma l-kriterji biex ikun hemm fixed point tal-pulizija wara jew ħdejn residenza ta’ xi ħadd? Jista' jgħid kemm hawn mxerrda ma' Malta u Għawdex u f’liema lokalitajiet qiegħdin? Kemm hi l-ispiża biex iżżomm fixed points?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Bħal ma diġa ġie spjegat fi Tweġibiet għall Mistoqsijiet oħra simili, mhix il-prassi li tagħrif dwar miżuri ta’ sigurtà li jittieħdu mill-awtoritajiet kkonċernati u l-modalitajiet ta’ tali protezzjoni u fejn jittieħdu, għandu jkun ippublikat. L-istess sigurta’ hekk titlob.
Kif ukoll spjegat fit-Tweġiba preċedenti, huwa diffiċli sabiex wieħed jikkwantifika kemm tiswa s-sigurta’ li l-pulizija tagħmel ma’ persuni. Waħda mir-raġunijiet għal dan hija d-differenza fl-iskala tas-salarju fil-grad ta’ kuntistabbli tal-pulizija. Però jekk wieħed jieħu in konsiderazzjoni paga medja ta’ kuntistabbli, mingħajr
allowances
ta’ Ħdud u festi, huwa stmat illi fil-preżent din tiswa madwar €1,353 kull ġurnata, mingħajr ħlasijiet ta’
overtime
li jista’ jkun hemm.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx il-ħsieb li jkun hemm xi bidliet għal dawk li huma l-ħinijiet tad-dħul tal-bdiewa u x-xerrejja fil-pitkalijia ċentrali f'Ta' Qali? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk il-ministeru rċeviex xi rappreżentazzjonijiet dwar dawn il-ħinijiet jew mingħand il-bdiewa nkella mingħand ix-xerrejja?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Għaqda tal-Bdiewa, flimkien mal-Koperattiva tal-Bdiewa ressqu talba sabiex isir bdil fil-ħin, din it-talba qiegħda tingħata l-konsiderazzjoni xierqa imma wieħed irid ifakkar li fl-operat tal-Pitkalija hemm involuti operaturi oħra barra l-bdiewa u għaldaqstant mhux faċli li l-proposta tkun aċċettata minn kulħadd.
Jista' l-Ministru jinvestiga l-qtugħ ta' siġar li sar fuq il-front ta' Buġibba, fejn uħud mis-siġar inqatgħu, (suppost inżabru), iżda oħrajn ma nżabrux? (mhux qed nirreferi għall-palm)
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-Ministeru, la permezz tad-Dipartiment tal-PARKS u lanqas permezz ta’ ELC, ma kien involut fil-qtugħ jew żbir ta’ siġar fuq il-front ta’ Buġibba.
Tali investigazzjoni għaldastant trid issir mill-MEPA għax hi l-awtorità kompetenti.
Tista’ l-Ministru tagħti, sena b’sena, minn mindu twaqqaf l-MCAST sal-lum, kemm ingħataw kuntratti definiti għal lecturing posts, kemm fuq bażi full-time kif ukoll part-time, u kemm minnhom ma ġewx imġedda għal bażi indefinita?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Sptar Mater Dei — Pazjenti jistennew sodda fil-kuriduri
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm pazjenti li stennew korsija fl-ewwel 5 xhur tas-sena 2012 qabel dawn ma ngħataw sodda fis-sala li ngħataw il-kura fiha?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li mill-informazzjoni li nġabret mis-sistema tal- Patient Administration System tal- Isptar Mater Dei, in-numru ta’ pazjenti li stennew ġo sodda fil-kurutur sakemm ingħatalhom sodda fis-sala fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena (2012) huwa hekk:
Xahar
Nru. Ta' pazjenti
Jannar
390
Frar
214
Marzu
76
April
59
Mejju
87
Il-kurutur imsemmi, jirreferi għall-
Paediatric Corridor
ġewwa d-Departiment tal-Emerġenża fl-Isptar Mater Dei.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jiftħu l-istaġuni li jmiss għall-kaċċa u nsib? Fuq liema speċi dawn ikunu jistgħu jikkaċjaw u jonsbu?
Response (DEMARCO, MARIO)
Skont ir-Regolamenti tal-2006 dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi (Avviż Legali Numru 79 ta’ l-2006 kif emendati) id-deċiżjoni dwar ftuħ ta’ staġun għall-kaċċa u nsib tiġi meħuda mill-Ministru responsabbli mill-ambjent fuq rakkomandazzjoni tal-Kumitat Ornis. L-istaġun li jmiss huwa dak tal-Ħarifa.
Jista' l-Ministru jispjega r-razzjonal għaliex il-kaċċaturi qed jiġu mitluba jħallsu liċenzja oħra qabel ma jibda l-istaġun tal-kaċċa meta dawn diġà jkunu ħallsu l-liċenzji neċessarji fil-bidu tas-sena? Jista' jgħid fejn qed jintużaw dan il-flus li jinġabru minn din il-liċenzja addizzjonali?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-flus li jinġabru minn din l-liċenzja addizzjonali qed jintużaw biex titħaddem is-sistema tal-Carnet de Chasse. Dawn l-ispejjeż jinkludu il-produzzjoni tal-booklets tal-kaċċa u tal-insib, it-tqassim u l-ġbir ta' dawn il-booklets, id-data entry, surveys dwar l-għasafar, is-servizz tal-pulizija waqt l-istaġun tal-kaċċa, il-produzzjoni ta' armbands għall-kaċċaturi u spejjeż amministrattivi oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm kaċċaturi li ħallsu biex jkollhom liċenzja speċjali ħalli jkunu jistgħu jikkaċjaw fl-istaġun li għadu kemm għalaq tal-Kaċċa? Jista' jgħid kemm-il tip ta' liċenzja u permessi jridu jħallsu kaċċaturi u nassaba biex ikunu eleġibli biex jikkaċjaw u jonsbu għal kull tip ta' kaċċa li tippermetti l-liġi Maltija?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din is-sena l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar irċeviet total ta’ 6,117-il talba għal liċenzja speċjali għall-kaċċa fir-rebbiegħa. Minn dawn l-applikazzjonijiet erbgħa kienu meqjusin bħala invalidi, peress li l-applikanti ma kellhomx liċenzja tal-kaċċa tal-Pulizija valida (licenzja għall-ġarr ta’ arma tan-nar għall-kaċċa ta’ għasafar fuq l-art) fid-data tal-għeluq tal-applikazzjoni. Għaldaqstant, fl-2012 l-Awtorità ħarġet total ta’ 6,113-il liċenzja għall-kaċċa fir-rebbiegħa.
Nitlob lill-Onor Interpellant biex jirreferi t-tieni parti tal-mistoqsija lill-Ministru responsabbli mill-Korp tal-Pulizija.
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-sistema biex tieħu l-liċenzja f'Malta tal-muturi hijiex ikkupjata minn xi pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea jew inkella dawn ir-regolamenti li fosthom biex issuq kull tip ta' mutur trid tinżel għat-test b'mutur 650cc humiex regolamenti lokali? Veru li fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea biex issuq kull tip ta' mutur jekk tinżel għat-test b'mutur 350cc huwa biżżejjed?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li mhux minnu li biex issuq kull tip ta' mutur trid tinżel għat-test tal-licenzja b'mutur 650cc. Ir-regolamenti applikabbli f'Malta huma r-regolamenti dwar vetturi bil-Mutur (Liċenzja tas-Sewqan) u li saru bħala traspożizzjoni tad-direttiva tal-Unjoni Ewropja dwar l-istess materja. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tat-Tielet Skeda tal-imsemmija regolamenti li turi r-rekwiżiti tekniċi minimi għal vetturi użati fit-testijiet dwar ħila u mġieba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn żoni pubbliċi li jipparkjaw fihom il-karozzi? Jista' jgħid f'liema lokalitajiet qegħdin dawn u x'inhi l-kapaċità ta' karozzi li jesgħu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat illi l-karozzi jistgħu jipparkjaw f'kull żona pubblika fejn hu permess.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-Awtorità tad-Djar mhux qed tirrispondi għall-ilment li l-familja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għamlet għal post alternattiv lill-Awtorità tad-Djar?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tal-applikanti in kwestjoni qiegħda pproċessata mal-applikazzjonijiet l-oħra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li applika snin ilu biex jieħu post tal-gvern u fil-preżent għandu 220 punt, l-Awtorità tad-Djar qiegħda tiddiskrimina kontrih?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni in kwestjoni qeghda tiġi proċessata mal-applikazzjonijiet l-oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk id-deċiżjoni li jsiru linji sofor fl-inħawi magħrufa tal-Fossa, il-Belt Valletta, sabiex ma jsirx aktar ipparkjar ta' vetturi, u li minħabba f'hekk intilfu 'l fuq minn 35 parkeġġ, itteħdietx waqt laqgħa tal-kunsill?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta li d-deċiżjoni sabiex isiru linji sofor fl-inħawi magħrufa tal-Fossa, l-Belt, ma tteħditx waqt laqgħa tal-Kunsill Lokali. Dan sar biex tiġi ndirizzata l-problema ta’ aċċessibilità għas-servizzi fl-inħawi, fosthom il-passaġġ ta’ servizzi ta’ emerġenza. Dan wara li ambulanza ma setgħetx tgħaddi minħabba l-vetturi pparkjati.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-awtoritajiet ikkonċernati ħadu deċiżjoni biex fil-jiem li għaddew ineħħu aktar minn 35 post ta' parkeġġ miż-żona aktar magħrufa l-Fossa, il-Belt Valletta?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li l-kwistjoni tikkonċerna lill-Kunsill Lokali u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lil Ministeru konċernat.