Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm talbiet għal bidla tal-perit, minn klijenti li kellhom applikazzjoni pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, matul l-ewwel ħames xhur ta' din is-sena?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skond is-sistema tal-informatika ta' l-Awtorità, kien hemm mija u tmienja u ħamsin (158) bidla tal-perit magħmula fl-istess sistema msemmija, f'applikazzjonijiet quddiem l-istess Awtorità, matul l-ewwel ħames xhur ta' din is-sena.
Jista' l-Prim Ministri jgħid min hu kkonsidrat bħala l-proprjetarju tal-billboards li huma mwaħħlin f'diversi postijiet madwar Malta li ħafna minnhom qed jintużaw biex fuqhom jitwaħħlu reklami? Min hu responsabbli għalihom? Jekk ir-reklami li qed jitwahhlu fuqhom humiex bi ħlas, jinħtieġ permess għalihom? Min hu responsabbli għall-ħruġ tagħhom u għand min jgħaddu l-flus tar-reklami?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita` m'għandhiex informazzjoni dwar min huma l-proprjetarji tal-billboards, iżda biss dettalji ta' min japplika (li ħafna drabi jkunu applikanti diversi). Sabiex jitqegħdu dawn it-tip ta' billboards jinħtieġ il-permess tal-MEPA. Billboards li ma jinħtieġux permess huma dawk elenkati f'Artiklu 4 tal-Avviż Legali LN 171 tal-1993 (Ordni tal-1993 dwar Reklami). Is-siti li fuqhom jista jitpoġġew il-Billboards ġew approvati bi ftehim bejn il-MEPA u Transport Malta.
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-aħħar parti tal-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistux xi pjanijiet biex żoni pubbliċi li fihom jipparkjaw il-karozzi jinbidel il-managment tagħhom? Jekk iva, b'liema mod se jinbidlu?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 34480.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn car park attendents f'Malta u Għawdex? Jista' jgħid kif dawn huma reġistrati?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li hemm 58 car park attendants li għandhom liċenzja maħruġa minn Transport Malta. Wieħed minn dawn huwa assenjat f’parkeġġ tal-karozzi skedat f’Għawdex.
Il-liċenzja ta' dawn il-
car park attendants
inħarġet skont il-kundizzjonijiet stipulati fir-regolament 65 tar-Regolamenti dwar il-Vetturi bil-Mutur (L.S. 65.11). Kopja ta’ dan ir-regolament qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu spazji pubbliċi jew parkeġġi mibnija li huma tal-istat u li qegħdin jitmexxew mill-privat? Jista' jgħid kif huwa l-ftehim bejn l-istat u min qed imexxi dawn il-parkeġġi? Kemm fadal żmien biex dan il-ftehim jiskatta u jekk bdewx id-diskussjonijiet biex l-ftehim eżistenti jinbidel?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm l-istat qed idaħħal flus mill-parkeġġi li għandu mikrija lil kumpaniji privati , bħal dak l-parkeġġ li hemm ġewwa l-Isptar Mater Dei?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35228 u jgħid kemm ġew ippubblikati fuljetti u pubblikazzjonijiet mid-Department of Information u mill-Ministeri, ministeru b'ministeru matul is-sena 2011?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant dwar fuljetti u pubblikazzjonijiet matul l-2011 mid-Dipartiment ta’ l-Informazzjoni u Dipartimenti oħra li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Rigward Ministeri oħra nitolbu jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kienu l-inizjattivi li ħadu l-kunsilli lokali lokal lokal vis-à-vis għal żoni pedonali fil-lokalitajiet tagħhom mis-sena 2011 sal-lum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
strateġija nazzjonali dwar l-immaniġġjar tat-traffiku
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li titwettaq strateġija nazzjonali dwar l-immaniġġjar tat-traffiku?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta għandha diversi policies u linja gwida għall-immaniġġjar tat-traffiku kif ukoll strutturi u prattiċi ta' xogħlijiet stabbiliti li flimkien jiddefinixxu l-istrateġija għall-immaniġġjar tat-traffiku.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'ġara mill-ħaddiema tat-Tribunali Lokali f'Malta u Għawdex waqt it-transizzjoni minn Kumitati Konġunti għal Kumitati Regjonali u x'qed isir sabiex jiġu integrati f'dan ir-rigward?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35812.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inbnew toroq ġodda s’issa din is-sena u fejn jinsabu dawn it-toroq f'kull lokal? Jista' jgħid kemm hemm toroq f'kull lokal li r-responsabbilità li jsiru huma tal-gvern ċentrali u għadhom ma sarux? Meta mistennija li ssir kull triq f'kull lokal?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra lista ta’ toroq residenzjali li nbnew minn Transport Malta matul din is-sena, kif ukoll lista ta’ toroq li qegħdin fil-programm ta’ din is-sena. Ninsab infurmat li, dejjem jekk ma jinqala’ xejn imprevist, dawn ikunu lesti sal-aħħar tas-sena. Il-lista turi wkoll it-toroq li huma parti minn dan il-programm li pero’ għandhom problema biex jinbnew minħabba raġunijiet ta’ esproprazzjoni u ta’ ffurmar ta’ triq.
Barra minnhekk, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġibiet li tajt għall-mistoqsijiet parlamentari Nru. 32623, 31657 u 31516.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kien sar mill-każ ta' fejn raġel Malti li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li jgħix il-Kanada rrapporta li weġġa', lil għassa ta' Bormla, minħabba l-proġett tal-Baċir Numru 1 Bormla s-sena l-oħra? X'passi ħadu l-Pulizja fuq dan il-każ s'issa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi nhar il-5 ta’ Novembru tas-sena l-oħra, s-Sur David Bonanno kien għamel rapport fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Bormla, fejn allega illi ħames t’ijiem qabel, iġifieri fil-31 ta’ Ottubru, waqt li huwa kien miexi fi Triq il-Pellegrinaġġ, Bormla, sabiex imur fil-fergħa tal-HSBC, huwa kien tfixkel ġo ħofra u waqa’ ma’ l-art. Is-Sur Bonanno żied jgħid li b’konsegwenza ta’ dan huwa kien sofra ġrieħi f’saqajħ il-leminija. Huwa kompla jirraporta li l-għada, ċioe’ nhar l-1 ta’ Novembru, huwa kellu jmur l-Isptar Mater Dei minħabba l-uġieħ li kellu f’saqajħ, fejn wara li kien eżaminat ġie ċċertifikat li kien qed isofri minn ġrieħi ta’ natura hafifa. Is-Sur Bonanno kompla jinforma lill-Pulizija li huwa kien qed jagħmel ir-rapport għal referenza futura.
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 35628, jista’ l-Ministru jgħid f’liema dati Transport Malta rċeviet is-16-il notifika biex cruiseliners jorbtu mal-bagi jew mal-pontoons f’Għawdex?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li n-notifiki tal-cruise liners li talbu li jżuru Għawdex din is-sena waslu għand Transport Malta kif ġej:
16 ta' Dicembru 2010 - Seabourne Cruises - 12 il-waqfa
11 ta' Ottubru 2011 - Boudicca
31 ta’ Marzu u l-1 ta' April 2012 - Prinsendam - 2 waqfiet
Infurmat ukoll li l-vapur Deutschland li ġie ndikat fil-lista li se jżur Għawdex fil-15 ta' Ottubru mhux se jieqaf Għawdex.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 35265, jista’ l-Ministru issa jgħid jekk ir-riżultat tal-intervista li kienet saret għall-ingaġġ ta’ casual social assistants ħariġx? Jekk ħareġ meta u kemm ġew impjegati casual social assistants ġodda minn dawk li kkwalifikaw minn dak l-eżami? Jekk ir-riżultat għadu ma ħariġx, għaliex? Meta mistenni joħroġ?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li s-sejħa għall-applikazzjonijiet għal Social Assistants li ħarġet fl-2010 kienet intiża biex tagħti opportunita’ lil dawk li kienu diġa ġew ingaġġati bħala Part-time Social Assistants mal-Gvern sabiex jakkwistaw impjieg mal-Gvern fuq bażi regolari u permanenti. Biss, in vista tan-numru kbir ħafna ta' applikazzjonijiet li din is-sejħa attirat minn persuni li ma kienux diġa Social Assistants mal-Gvern, deher biċ-ċar li dan l-iskop ma kienx se jintlaħaq. Għaldaqstant il-Gvern daħal f'diskussjonijiet mal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, li qablet li għandha tirrakkomanda direttament li dawk kollha li kienu qed jaħdmu u jagħtu servizz tajjeb bħala Part-time Social Assistants mal-Gvern jingħataw il-ħatra ta' Social Assistant fis-Servizz Pubbliku. Dan sar f'Novembru tal-2010 u b'hekk ma baqax il-bżonn li jsir il-proċess tal-għażla skont is-sejħa għall-applikazzjonijiet.
delegazzjonijiet ministerjali — spejjeż fuq żjarat
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 35743, fejn il-Ministru kellha tagħti l-breakdown tal-ispiża kollha ta’ kull żjara li saret barra minn Malta ta’ delegazzjonijiet ministerjali tagħha mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-aħħar ta’ Mejju 2012 u tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-GA27 u GA27A għal kull safra li saret u peress li fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 35204 ntqal li kien hemm żewġ safriet ministerjali, cioè waħda f’Mejju 2011 fl-Estonja u l-oħra f’Settembru 2011 fid-Danimanrka, tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-GA27 u GA27A għal dawn iż-żewġ safriet?
Response (FENECH, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru responsabbli minn Għawdex.
MAster Plans tax-Xlendi u Marsalforn — flus vutatati għall-proġett
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 30730, 33317 u 35626 dwar il-master plans tax-Xlendi u Marsalforn, tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet huma koperti fl-applikazzjoni lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għall-Master tax-Xlendi? Kemm hemm flus ivvotati għal dan il-proġett għal din is-sena? Taħt liema Vot u Item ġew approvati dawn il-flus fl-Estimi Ġenerali għall-2012?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-applikazzjoni li saret mal-MEPA u li ġiet approvata tkopri xogħlijiet ta' tisbiħ mal-'waterfront' tax-Xlendi li jikkonsistu minn pavimentar u xogħlijiet fuq bankini fi Triq ix-Xatt, kif ukoll f'toroq tal-madwar. L-allokazzjoni għal dan il-proġett taqa' taħt il-vot kapitali tal-Ministeru għal Għawdex.