Jista' l-Prim Ministru jagħti informazzjoni preċiża għar-rigward ta':
(i) kemm intbagħtu gunners, lance bombardiers, bombardiers, surgenti, warrant officers I / II, logutenenti, kaptani u maġġuri, għat-testijiet tal-urina biex jiġi iddentifikat jekk kienx hemm abbuż mid-droga illegali;
(ii) kemm kien hemm minn dawn li nstabu pożittivi għad-droga u x'rank kellhom/għandhom; u
(iii) x'passi ttieħdu fil-konfront ta' min irriżulta pożittiv?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Armata tikkunsidra l-abbuż ta’ droga mill-membri tagħha bħala offiża serja li hija inkompatibbli mas-servizz militari u li tiddiskredita l-Forza f’għajnejn il-pubbliku in ġenerali. Perjodikament f’dan ir-rigward tiġi ppublikata Ordni Ġenerali fil-units rispettivi biex tfakkar lill-membri kollha li, kull min jew b’ammissjoni jew bi kwalunkwe mezz ieħor ta’ informazzjoni jinstab li jkun involut fl-abbuż tad-droga jiġi imkeċċi mill-Forza fl-interess tas-servizz apparti xi piena oħra li jista jngħata hekk kif stabbilit fl-Att dwar il-Forzi Armati ta’ Malta.
Kull persuna fil-FAM hija suġġetta għal
random drug checks
fi kwalunkwe żmien tas-sena filwaqt li dawk li ma jagħtux il-kunses għal dawn iċ-
checks
jiġu mkeċċija b’effett immedjat mill-FAM.
Ninsab infurmat li mill-ewwel ta’ Jannar 2012 sal lum intbagħtu tlieta u tletin (33) Gunner, Lbdr (1), żewġ (2) Bumbardiera, żewġ (2) Surġenti u Logutenent (1) sabiex jgħamlu t-testijiet tal-urina biex jiġi identifikat jekk kienx hemm abbuż mid-droga illegali. Minn dawn tlett Gunners instabu pożittivi għad- droga. It-tlieta kellhom is-servizz tagħhom itterminat in linea mal-
policy
msemmija.
Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment tar-residenti li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, minħabba spaction tad-drenaġġ li hemm fit-tarf tat-triq li minnhu qed jitilgħu ħafna ġrieden minnu u qed jikkawża periklu għas-saħħa tagħhom? Jista' dan l-ispaction jiġi rranġat?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn spezjoni li saret fuq il-post imsemmi jirriżulta li hemm manhole bil-kaptelli f’kundizjoni ħażina. Din ġiet rranġata.
Wied il-Għajn — żona taż-Żonqor - bus stages mibdula f'bus shelters
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk jikkonsidrax li wieħed miż-żewġ stages li hemm qrib il-pitch tal-waterpolo ta' Wied il-Għajn jinbidel f 'bus shelter sabiex ir-residenti taż-żona taż-Żonqor t'isfel jinqdew aħjar?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat illi Transport Malta ssottomettiet applikazzjoni lill-MEPA sabiex tkun tista’ tinstalla bus shelter fl-inħawi indikati ġewwa Triq iż-Żonqor f’Marsaskala.
Raħal Ġdid — Vjal it-28 ta' April - ħofor fit-triq
Question
Jista' l-Ministru jinvestiga l-istat ta' Vjal it-28 ta' April f'Raħal Ġdid peress li hemm numru ta' ħofor viċin ir-roundabout tal-Fgura li qed jikkawżaw periklu għas-sewwieqa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Vjal it-28 ta' April ma' taqax taħt ir-responsabbilta' ta' Transport Malta.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex ir-Reġistratur tal-Qorti għadu ma mxiex mad-digriet tal-Qorti tal-Maġistrati (Malta) li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?
Response (SAID, CHRIS)
B’referenza għall-interpellanza tal-Onor Membru jiġi sottomess li meta jkun hemm ordni tal-Qorti biex jiġu mibdija proċeduri ta’ disprezz fil-konfront ta’ xi persuna, kif kienet l-ordni tal-Qorti f’dan il-kaz, il-kaz jgħaddi għand il-konsulent legali tad-Dipartiment biex jieħu ħsieb jipprepara u jibda l-istess proċeduri. Fil-każ in kwistjoni, wara li sar ix-xogħol kollu meħtieġ, l-atti ġew ippreżentati fil-Qorti nhar il-Ġimgha 10 ta’ Awwissu, 2012.
Jista' l-Ministru jinvestiga fiex waslet l-applikazzjoni għal reserved parking tal-persuna b'diżabilità li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li qed tistenna l-approvazzjoni min-naħa ta' Transport Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li din l-applikazzjoni diġa' ġiet approvata.
Tista' l-Ministru tgħid xi ħsieb hemm biex kindergarten assistants 2 jingħataw taħriġ biex isiru ekwivalenti għal min se jidħol b'livell ta' degree fit-2015?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Fakulta tal-Edukazzjoni fl-Universita’ ta’ Malta offriet part-time kors għal dawk kollha eliġibbli li jixtiequ jagħmlu kors fil-livell ta’ Bachelors fl-Edukazzjoni Bikrija. Dawk il-Kindergarten Assistants li kienu interessati li jilħqu għalliema setgħu japplikaw għal dan il-kors.
Japprezza l-Ministru li bix-xogħlijiet li jiġu kondotti fi Triq ir-Repubblika, il-parti tagħha li tmiss ma' Triq l-Arcissqof u Triq San Kristofru l-Belt, qed jinħoloq inkonvenjent kbir u preġudizzju lil min imexxi il-ħwienet f'din il-parti tat-triq u dan ġie aktar aggravat bil-fatt li ttella' dividing wall tal-injam fuq il-bankina biex b'hekk dawn il-ħwienet qed jinħonqu għal kollox? Japprezza li b'dan il-mod dawn in-nies qed isofru b'saħħithom għax apparti li tilfu l-arja, qed isofru sħana kbira u naturalment tilfu l-kummerċ kollu tagħhom fl-aktar staġun tas-sena importanti għalihom? Jidhirlu li f'dawn iċ-ċirkostanzi għandu joffrilhom kumpens adekwat?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li qabel ma' nbdew ix-xogħlijiet fi Triq ir-Repubblika, sar il-koordinament neċessarju mal-istakeholders kollha (Kunsill, GRTU, ħwienet u banek) dwar il-fażijiet differenti ta' kif se jsir ix-xoghol. Il-hoarding ġie mtella’ sabiex jitnaqqsu sostanzjalment it-trabijiet u nkonvenjent ieħor relatat max-xogħol. Fil-fatt dan il-hoarding beda jinqala’ wara ġimgħatejn li nbeda x-xogħol, wara li l-maġġor parti ta' l-iskavar u servizzi ta' taħt l-art kienu lesti. Wara li l-proġett tal-pavimentar tal-imsemmija triq ikun lest, se tkun l-istess komunita' kummerċjali li se tgawdi minn dawn ix-xogħlijiet.
Water Works Department u Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — informazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif, rispettivament għal Water Works Department 1989, 1990, 1991 u Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, għall-2009, l-2010 u l-2011, kemm kienu b’kollox l-impjegati u kemm kienet n-nefqa rikorrenti u kapitali?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-Tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jaf il-Ministru li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament qed tinżamm kontra r-rieda tagħha f'Dar il-Wens f'Għajn Dwieli? Jaf li l-avukati tagħha ilhom għal aktar minn xahar u nofs jikkomunikaw mas-support services, l-Isptar Monte Carmeli, Ċentru Ħidma Soċjali u ħaġa tal-għaġeb ħadd m'hu kapaċi jagħti spjega ta' x'qiegħed jiġri u saħansitra jgħidu li ma jafux għaliex tinsab detenuta kontra l-volontà tagħha? Jidhirlu li dan huwa inaċċettabbli u li qed jilludi d-drittijiet inerenti tal-persuna konċernata? Jista' l-Ministru jintervjeni f'din il-materja u jagħti struzzjonijiet opportuni?
Response (SAID, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi peress illi l-informazzjoni mitluba tittratta persuna specifika ser nghaddilu l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x’saret mill-applikazzjoni tal-persuna li d-dettalji taghha qed jingħataw separatament, sabiex tidħol fil-Korp tal-Pulizija? Japprezza li l-persuna indikata ilha li applikata minn meta kien hemm sejħa f’Mejju li għadda u jidher li għaddiet mill-physical test u saritilha anke interview, però baqgħet bla risposta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi l-persuna msemmija mill-Onorevoli Interpellant, ma għadditx mill-intervista.
Għawdex — Xagħra - Triq Għajn Qamar - kwalità tal-ilma
Question
Peress li r-residenti ta' Triq Għajn Qamar, Xagħra, Għawdex qed jilmentaw mill-kwalità tal-ilma għaliex qed ikun kollu sadid, jista' l-Ministru jara li din il-problema tiġi indirizzata?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ I-ilma sewwiet ħafna ħsarat, u kellha tgħalaq l-ilma f’ċerti każi. Dan irriżulta f’tqanqil ta’ sadid. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tat washout lis-sistema, u issa rranġat.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-inkjesta interna wara l-mewt tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, li mietet fl-Isptar Mater Dei fl-istess jum li kienet ddaħħlet l-isptar b'uġiegħ f'saqajha? Ma jaħsibx li għaddew sew iż-żmien biex din l-inkjesta titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-Isptar Mater Dei m’ġħamilx inkjesta interna fuq il-każ li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant, iżda qed issir inkjesta maġisterjali, li ġħadha ġħaddejja. L-istorja medika tal-persuna msemmija qegħda għand il-maġistrat li qiegħed imexxi l-inkjesta. F’dan id-dawl, din il-Mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-drone li ġa kien użat f'Malta, u possibilment se jerġa' jkun użat, huwiex legali, fis-sens li jista' jibdew il-prassi li xi ħadd jibda jifilmja lill-Maltin mill-ajru u b'hekk ikun qed jikser id-dritt tal-privatezza?
Response (SAID, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għal dak li jirrigwarda l-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data, biex fil-każ imsemmi mill-Onor. Interpellant ikun hemm ksur tad-dritt għall-privatezza, il-film irid juri persuna identifikabbli jew identifikata. Persuna tkun identifikabbli jekk din tkun tista tiġi identifikata, kemm direttament jew indirettament.
Ninsab infurmat ukoll li, mill-
filming
permezz tad-
drone,
liema
filming
ġie pprovdut lill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data, ma rriżultax li kienet tidher xi persuna identifikata jew identifikabbli.
Jista' l-Prim Ministru jghid fuq liema kriterju l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li applika biex jidħol fil-Korp tal-Pulizija, ġie aċċettat u wara ġie rifjutat minħabba l-contact lenses meta membri oħra tħallew jidħlu b'kundizzjoni simi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi l-persuna msemmija mill-Onorevoli Interpellant, ma ssodisfatx ir-rekwiżit dwar il-vista tal-għajnejn skont ir-regolament 3(b)(ii) tar-Regolamenti dwar il-Pulizija ta' Malta (Avviż Legali 14/60 kif sussegwentament ammendat) u dan wara li naqset li tilbes il-contact lenses sabiex tkun tista' tikkorreġi l-vista tagħha.
B'referenza għal storm water tunnels and other infrastructural works as part of the National Flood Relief Project (NFRP), with proposals for the areas of Żabbar and Marsascala with a discharge point at Xgħajra, as outlined in the Cost-Benefit and EIA studies and Technical Assistance reports and other documents prepared by Politecnica, jista' l-Ministru jgħid jekk dan il-proġett kienx konkluż? Jekk iva, jaf il-Ministru li s-sitwazzjoni għadha l-istess u li dan jista' jarah mis-sitwazzjoni fit-triq l-antika ta' Wied il-Għajn u tispiċċa sa ħdejn ix-xatt nhar il-3 ta' Settembru wara l-maltempata? Jekk le, meta hu ppjanat li jitlesta?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-imsemmi rapport kien biss parti minn proċess ferm itwal bħala preparament għat-twettiq ta’ dan il-proġett nazzjonali li huwa stmat li jiswa madwar sittin miljun ewro inkluz il-VAT (€ 60 miljun), b’ko finanzjament mill-fondi strutturali tal-Unjoni Ewropea.
Fid-dawl ta’ dan, sussegwentement saret applikazzjoni lill-MEPA liema permess inħareġ mill-MEPA fil-fl-ewwel nofs ta’ din is-sena. Kien biss wara l-ħruġ tal-permess mill-MEPA li setgħet tkun sottomessa formalment l-applikazzjoni lill-Kummissjoni għall-fondi għal dan il-proġett. Dan sar Awwissu li għadda. Għalkemm s’issa għad ma kienx hemm ebda risposta formali mill-Kummissjoni, r-rakkomandazzjoni tal-JASPERS, li huma organizzazzjoni mqabbda mill-Unjoni Ewropea u mill-EIB biex jghinu fil process, kienet waħda posittiva.
Kif kien spjegat diversi drabi, inkluż fil-mezzi tax-xandir, wara l-ħruġ tal-permess għal dan il-proġett mill-MEPA, ġew ippublikati t-tenders u bħalissa qed ikunu evalwati l-offerti li daħlu għal din il-parti tal-proġett. Hu maħsub li l-kuntratt jingħata sa l-aħħar ta’ din is-sena waqt li x-xogħlijiet jkunu jistgħu jibdew fis-sena 2013 u jitlestew fis-sena 2014.
Jista' l-Ministru jikkonferma li s-salespersons tal-open top buses ġew mogħtija hawkers licence biex jistgħu jiġru fit-toroq? Kemm-il liċenzja bħal din inħarġet? X'tagħlim jew korsijiet ta' sales għandhom dawn il-hawkers? X'forma ta' ħlasijiet għandom u x'sistema għandom meta jiġbru l-flus mingħand it-turist?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Wara l-promulgazzjoni tal-Avviż Legali 229 tal-2012 li fih qed tingħata amnestija fil-każ ta' btieħi mibnija mhux skont il-Liġi tas-Sanità, jista' l-Ministru jgħid jekk il-General Services Board huwiex se jibqa' jiddiskuti u jiddeċiedi każijiet ta' dan it-tip?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-General Services Board se jibqa’ jevalwa kull applikazzjoni li jirċievi skont il-liġi fuq il-merti tagħha.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-pulizija hux se jkunu qed jinvestigaw kriminalment ir-rapporti li dehru fil-mezzi tax-xandir li persuni mietu kawża ta’ intossikazzjoni mit-trattament tal-kemoterapija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi l-pulizija qed tinvestiga l-allegazzjonijiet imsemmija mill-Onorevoli Interpellant, kif ukoll qed issir inkjesta mill-Maġistrat ta’ l-Għassa.