Legislature:
Category:
Reset
Active:

Regoli ta' ħidma

Question

Jista' l-Ministru jara jekk hux possibli li kif sar f'pajjiżi oħra, tiġi introdotta legalazzjoni li permess tagħha persuni ma jittħallewx jaħdmu fuq barra meta is-sħana tax-xemx u l-livell tal-UV ikun tant għoli li jista' jkun hemm periklu tas-saħħa tal-impjegat?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Permessi ta' fabbriki

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li filwaqt li l-kundizzjoni li l-ex tabbrika Lowenbrau tintuża biss bħala birrerija ġiet imneħħija gratis permess ta' kuntratt ta' 3 ta' Diċembru 2009, mhux l-istess qiegħed issir rigward is-sit ta' ex lukanda Les Lapins f'Ta' Xbiex, kif jidher mis-sejħa għall-offerti li qegħda issir taħt avviz numru 82?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat illi l-Kundizzjoni li l-ex fabbrika Lowenbrau għadha tintuża biss bħala birrerija ma ġietx imneħħija gratis. Iċ-ċens tal-art fejn kien hemm il-fabbrika tal-Lowenbrau kien ċens perpetwu mhux riveddibli u skont is-Sezzjoni 1501 tal-Kodiċi Ċivili tal-Liġijiet ta’ Malta, ċens perpetwu mhux riveddibli jista’ jinfeda meta ikun irid iċ-ċenswalista kif fil-fatt ġara fi 3 ta’ Diċembru 2009. Peress li ċ-ċens ingħata biss bħala fabbrika għall-produzzjoni ta’ xorb u minkejja li l-kumpanija kellha d-dritt kollu li tifdi ċ-ċens kif għamlet, id-Dipartiment tal-Artijiet ħass li ma kienx ġust li l-kundizzjonijiet taċ-ċens kellhom jaqgħu mal-fidi taċ-ċens. Għalhekk permezz ta’ kuntratt tal-5 ta’ Ġunju 2012 ġie emendat il-kuntratt tat-3 ta’ Diċembru 2009 billi kif jipprovdi l-Att dwar it-Trasferiment ta’ Art tal-Gvern (Kapitolu 268) tal-Liġijiet ta’ Malta, il-prezz tal-bejgħ tal-kundizzjonijiet ġie impartat ma’ kumpens dovut lis-sidien, għal art li kienet qiegħda tiġi akkwistata taħt l-Ordinanza dwar l-Akkwist ta’ Artijiet għal Skopijiet Pubbliċi (Kapitolu 88) tal-Liġijiet ta’ Malta. Kopja ta’ dan il-kuntratt qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Rigward iċ-ċens ta’ l-ex lukanda Les Lapins f’Ta’ Xbiex, iċ-ċens huwa wieħed temporanju għal perjodu ta’ 99 sena u għaldaqstant, qatt ma jista’ jinfeda. Peress li l-kuntratt għandu klawsola speċifika li parti mill-art trid tiġi żviluppata bħala lukanda, u peress li skont il-Kapitolu 268 li jirregola t-trasferiment ta’ art tal-Gvern kwalunkwe modifika f’kuntratt tfisser trasferiment ta’ art daqs li kieku d-Dipartiment tal-Artijiet qiegħed jiddisponi minn art mill-ġdid, il-modifika ta’ din il-kundizzjoni setgħet issir jew b’permezz ta’ sejħa għall-offerti jew permezz ta’ Riżoluzzjoni tal-Parlament. Din il-modifika saret permezz ta’ sejħa għall-offerti fejn l-istess ċenswalista kien l-uniku offerent.

Belt — kiri tas-Saluting Battery

Question

B'referenza għat-tweġibiet li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari 34533, 35174 u 35169 u ġaladarba l-Ministru ma poġġiex fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti mitluba fil-mistoqsija parlamentari 35174, jista' l-Ministru jgħid taħt liema klawsola tal-kapitlu 268 tal-Liġijiet ta' Malta, jiġifieri tal-att li jirregola t-trasferiment tal-proprjetà tal-gvern, saret il-konċessjoni esklussiva lill-Island Caterers?

Response (MARCO, MARIO DE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #36316 Sitting 502 2012-10-01 Oral · Final From: EDWIN VASSALLO To: Ministeru tal-Intern

Kunsill Lokali tal-Mosta — deċiżjoni għad-dawl fil-ġnien ta' wara l-knisja

Question

Jista' l-Prim Ministru jara li l-Kunsill Lokali tal-Mosta jieħu d-deċiżjoni u iwettaq il-ħidma sabiex il-ġnien ta' wara l-Knisja parrokjali jkun aktar imdawwal sabiex jitnaqqsu l-abbużi li qed isiru u qed iwasslu għal indiċenzi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mosta li f’April li għadda ħa ħsieb xogħolijiet ta’ titjib tal-ġnien imsemmi. Fost l-oħrajn il-Kunsill Lokali sejjaħ diversi drabi lill-kuntrattur tad-dawl dwar in-nuqqas ta’ dawl li kien hemm fil-ġnien. Infurmat mill-Kunsill Lokali li jirriżultalu li l-parti l-kbira tal-ġnien tinsab imdawwla.

Transport Malta — kulur liż-zebra crossings

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-inkarigu lill-Transport Malta sabiex fil-pjazza tal-Mosta jerġa' jingħata l-kulur liż-zebra crossings li hemm fi Triq il-Kostituzzjoni u fit-Triq il-Kungress Ewkaristiku?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-ġimgħat li għaddew inżebgħu tmien zebra crossings li hemm fi Triq il-Kostituzzjoni u Triq il-Kungress Ewkaristiku, il-Mosta.

Mosta — proċess għall-ftuħ ta' triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-proċess li jmiss li jsir sabiex Triq Gio C. dei Marchesi Mallia Tabone, fil-Mosta tkun miftuħa u wiesgħa peress li parti minn din it-triq għadha mhux possibbli li tkun aċċessibli?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-parti tat-triq li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hija art privata u għaldaqstant sabiex tinfetah sid l-art irid jiddeciedi li jiżviluppa u jkollu l-obbligu li jifforma t-triq kollha.

Mosta — għeluq ta' post

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex kamra li hemm fil-Mosta ħdejn il-Kappella tal-Isperanza u l-pumping station tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li fl-imgħoddi kienet tintuża mill-ħaddiema tal-Indafa Pubblika tkun magħluqa sabiex fiha ma jibqax jintremma skart?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-post imsemmi sar xogħol ta’ tindif u peress li din il-kamra ma kinitx użata għal dawn l-aħħar għaxar snin u m’hemmx pjanijiet li tintuża fiż-żmien qarib, kien deċiż li l-bieb jiġi mbarrat bil-bricks biex dan ma jirrepetix ruħu.

Mosta — Wied il-Għasel - żieda maċ-ċnut

Question

Jista' l-Ministru jieħu d-deċiżjoni sabiex isir ix-xogħol li jwassal sabiex ċnut fuq il-postijiet li jaqsmu Wied il-Għasel tiżdidilhom filata ma' dak li hemm fil-preżent, peress li l-punt li jaqsam Wied il-Għażel f'Triq il-Kostituzzjoni illum jitqies periklu u huwa baxx ħafna, filwaqt li l-pont il-Kbir li jaqsam Wied il-Għasel li hemm f'tarf Triq il-Fortizza jkun utli li dan tiżdidlu filata ma dak li hemm fil-preżent?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni.

Intervisti permezz ta' video conferencing

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 33724, fejn il-Ministru qal li kien ġie deċiż li jitwaqqfu l-intervisti permezz ta’ video conferencing lill-applikanti barranin għall-post ta’ Staff Nurse mal-Ministeru minħabba diversi diffikultajiet li bdew jinqalgħu biex isiru dawn l-intervisti, u li b’konsegwenza ta’ dan 117-il kandidat li kienu eligibbli ghall-post imsemmi, u li l-applikazzjonijiet taghhom ma kienux gew sottomessi mill-Chrism Co. Ltd, tilfu l-opportunità ta’ mpjieg, jista' l-Ministru jgħid x’kienu preċiżament dawn id-diffikultajiet li l-Ministru qal li bdew jinqalgħu u li minhabba fihom kellhom jieqfu l-intervisti permezz ta’ video conferencing lill-applikanti barranin għall-post ta’ Staff Nurse mal-Ministeru? Kienu qamu xi diffikultajiet bhal dawn meta qabel kienu gew intervistati permezz ta’ video conferencing madwar 117-il kandidat oħra ta' nazzjonalità Pakistana li l-applikazzjonijiet taghhom għall-post ta’ Staff Nurse mal-Ministeru kienu ġew sottomessi personalment fit-Taqsima għar-Rizorsi Umani minn rapprezentanti tal-Chrism Co. Ltd? Barra minn hekk, kienu qamu xi diffikultajiet simili meta bord taħt il-presidenza ta’ ufficjal għoli tal-Ministeru kien intervista lill-istess infermiera Pakistani permezz tal-video-conferencing mid-dar tad-Direttur tal-Chrism Co. Ltd. in konnessjoni mal-applikazzjoni taghhom għar-Reġistrazzjoni mal-Kunsill ta' l-Infermiera u Qwiebel? Jista' jikkonferma jekk dan l-uffiċjal għoli tal-Ministeru kienx l-istess persuna li ngħatat il-presidenza tal-Bord li ntervista permezz ta’ video conferencing lill-madwar 117-il kandidat Pakistani msemmija li applikaw permezz tal-Chrism Co. Ltd. għall-post ta’ Staff Nurse mal-Ministeru?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

Investigazzjonijiet tat-Taqsima tal-Pulizija ta' kontra r-reati ekonomiċi — infermiera pakistani

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet tat-Taqsima tal-Pulizija ta' Kontra r-Reati Ekonomiċi rigward il-każ fejn infermiera Pakistani kienu qegħdin jiġu sfruttati mill-Chrism Co. Ltd billi kienu qegħdin jiġu mggħela jħallsuha pagamenti kbar? X’kienu l-passi li ttieħdu s’issa, inkluzi passi mill-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti ta’ Inkjesta Kriminali, kontra d-Direttur u diriġenti oħra tal-kumpanija? Kien hemm xi eżitu fil-kawża li wieħed mid-dirigenti tal-Chrism Co. Ltd fetaħ fil-Qorti kontra Infermiera Pakistani dwar ksur ta’ ftehim li kien jipprovdi għall-ħlas ta’ €120 kull xahar għas-sullokazzjoni ta’ appartament b’żewġ kmamar tas-sodda u kamra waħda tal-banju li fih kienu jgħixu 11-il persuna biex b’hekk dan id-diriġent tal-Kumpanija kien jiġbor b’kollox €1,320 fix-xahar minn għandhom?

Response (SAID, CHRIS)

Ninsab Infurmat illi l-Pulizija bdiet proceduri kriminali quddiem il-Qorti kontra 4 persuni b’konnesjoni ma’ dan il-kaz. Infurmat ukoll illi dawn il-proceduri ghadhom pendenti quddiem il-Qorti. Minn informazzjoni li ghandi jirriżulta li fl-2011 saret kawża fil-Qorti tal-Maġistrati (Ċivili) minn wieħed mill-persuni - li kontra tiegħu nbdew il-proċeduri tal-Pulizija – kontra persuna ta’ nazzjonalita` Pakistana fejn intalbet il-kundanna għall-ħlas ta’ €4080 rappreżentanti danni minħabba t-terminazzjoni bikrija tal-kuntratt ta’ kirja. Din il-kawża għadha pendenti u qegħda differita għall-provi tal-inti mati għall-15 ta’ Ottubru 2012.

Imtarfa Home — Airconditioning bil-ħsara

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu bil-ħsara l-airconditioning fl-Imtarfa Home? F'liema ġranet kien bil-ħsara? Kemm dam biex issewwa? Għaliex dam daqshekk?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li meta l-arja kundizzjonata ġewwa d-Dar tal-Anzjani tal-Imtarfa kienet bil-ħsara (darbtejn matul ix-xahar ta’ Lulju), din kienet għal ftit siegħat biss għax immedjatament ġew meħuda il-passi neċessarji biex din tiġi irranġata.

Residenza San Vinċenz de Paul — Night Shelter għal anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'capacity fih dan in-Night Shelter fir-Residenza San Vinċenz de Paul, jiġifieri kemm se jieħu anzjani? Mil-liema lokal jew lokalitajiet se jittieħdu dawn l-anzjani? B'liema mod dawn l-anzjani se jiġu f'dan in-Night Shelter fir-Residenza San Vinċenz de Paul peress li mhux qiegħed fil-qalba ta' xi raħal? Kemm ġie jiswa dan in-Night Shelter? Jista' jagħti breakdown tax-xogħlijiet kollha li saru biex sar dan in-Night Shelter u l-ispiża għal kull item?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #36333 Sitting 502 2012-10-01 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Rabat - Triq Kerċem - ilmenti

Question

Peress li qed isiru diversi ilmenti dwar l-istat u kundizzjoni ta' Triq Kerċem fir-Rabat, Għawdex, tista' l-Ministru tindirizza dawn l-ilmenti?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li din it-triq qed issirilha manutenzjoni kif ikun meħtieġ.

Għawdex — Rabat - Triq Gedrin - irwejjaħ

Question

Peress li r-residenti ta' Triq Gedrin fir-Rabat Għawdex qed jilmentaw minħabba rwejjaħ ta' drenaġġ ħerġin mit-tappieri, jista' l-Ministru jindirizza dawn l-ilmenti?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma ħadet il-passi meħtieġa biex issolvi l-problema.

irċevuti tal-VAT — lotterija

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma, jew le, li l-irċevuti tal-VAT kollha huma eliġibli biex jieħdu sehem fil-lotterija ta' dawn l-istess irċevuti li titla' kull xahar? Jekk le, għaliex issa wara dawn is-snin kollha, rappreżentant tad-Dipartiment tal-VAT spjega (fuq Radio RTK) li mhux l-irċevuti kollha huma eliġibli?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li kemm id-darba jkunu riċevuti fiskali maħruġa skont il-liġi tal-VAT dawn ikunu eliġibbli biex jieħdu sehem fil-lotterija tal-VAT. Ninsab infurmat ukoll li rappreżentant tad-dipartiment spjega li riċevuti fiskali jkunu eliġibbli, kemm il-darba jittellgħu, u jkunu validi skont il-provvidimenti tal-liġi tal-VAT.

kont tad-dawl u l-ilma — ilment

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-kont li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, minħabba l-ammont eċċessiv li nħareġ dan l-aħħar peress li din il-familja qed tilmenta li qatt ma ġie kont daqshekk għoli?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ingħatat lil-ARMS Ltd li minn naħa tagħha ser tikkomunika direttament mal-klijent.
Leg 11 PQ #36353 Sitting 502 2012-10-01 Oral · Final From: JOE DEBONO GRECH To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Suldati għassa — uniformi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex is-suldati li jagħmlu għassa fuq barra m'għandhomx ilqugħ mix-xemx qawwija tas-Sajf u qed ikunu saħansitra ordnati jilbsu flokk u ġakketta f'dik ix-xemx tiżreġ? Jista' jirrimedja s-sitwazzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li dawk is-suldati kollha li jagħmlu xi għassa ġewwa xi wieħed mill-Barracks tal-Armata għandhom permess li jagħmlu l-għassa tagħhom bil-PT vest minflok bil-Combat Jacket għal-perjodu sħan tas-Sajf. Dawk li minn naħa l-oħra jagħmlu għassa ma’ xi Ambaxxata jew residenzi ta’ Ambaxxaturi jkunu meħtieġa li jilbsu l-combat jacket imxammra b’T shirt minn taħt. F’dan il-każ kull sentry għandu sentry box bħala lqugħ mill-elementi.

kamra tan-nar li ngħatat lill-iscouts

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif u għaliex il-kamra tan-nar li kienet qabel magħrufa bl-isem ta' St Helena fil-limiti tal-Iklin (biswit il-kamra tan-nar San Gabriel) u li kienet proprjetàtal-Kolleġġjata ta' Sant' Elena ta' Birkirkara ngħatat lill-Iklin Scout Group meta din qiegħda madwar ħamsin metru biss 'il bogħod mill-kamra tan-nar ta' San Gabriel ta' Ħal Balzan?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.