Jista' l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu effettivament dwar mitigation ta' vapour recovery skont l-avviż legali relevanti dwar id-distribuzzjoni tal-petroleum lill-pompi tal-petrol biex ikun hemm control of volatile org. comp. emissions? Jista' jgħid jekk il-flotta tad-distribuzzjoni tal-Korporazzjoni Enemalta li tintuża għad-distribuzzjoni tal-fuel lill-petrol station hix equipped biżżejjed biex jiltaqa' għar-recovery ta’ dawn il-vapours?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 36005.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35636 u jgħid fl-aħħar disa' snin (sena b'sena) kemm kien hemm ilmenti minn persuni li allegaw li nqabżu inġustament f'interviews li saru mill-Human Resourses tal-Korporazzjoni Enemalta? Jista' jipprovdi lista ta' nomenklaturi li dwarhom l-Human Resourses tal-korporazzjoni stess irċieva ilmenti? Jista' jgħid jekk f'dawn is-snin kienx hemm xi forma ta' audit fuq l-operat tal-Human Resources tal-korporazzjoni? X'irriżulta minn dan l-auditing jekk fil-fatt sarx?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellanr għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru 36000.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35635 u jiċċekja u jgħid jekk l-individwu li isimu qed jintbagħat separatament u għandu l-grad ta' PDTO mal-Korporazzjoni Enemalta marx jagħmel xi kors fl-Università fl-aħħar disa' snin u kienx sponsorjat mill-korporazzjoni? Jista' jgħid jekk dan l-individwu gradwax? Jekk le, jista' jagħti risposta ċara li l-flus li l-korporazzjoni ħallsitu f'pagi fiż-żmien li għamel l-Università ġewx rifużi lura kollha, u meta ġew rifużi? Jista' jgħid min-naħa tal-korporazzjoni min huwa l-individwu li finalment huwa responsabbli li jara li dawn l-isponsorships jingħataw b'mod serju u li jekk l-individwu involut ma jġibx il-kwalifiki lura jinġabru l-flus lura mill-iktar fis? Jista' jagħti lista dettaljata tal-persuni mill-Korporazzjoni Enemalta li ntbagħtu jagħmlu korsijiet l-Università, jekk għaddewx u jekk le ġew rifonduti l-flus tal-isponsorship u meta?
Fid-dawl ta’ rapporti li dehru fil-media lokali dwar problemi b’uħud mill-filter bags fl-estensjoni tal-power station ta’ Delimara, jista' l-Ministru jgħid jekk:
a) tista' l-Korporazzjoni Enemalta tippubblika rapport uffiċjali dwar dak li verament ġara;
b) x’inhuma l-PM10, PM2.5, NOx u Sox levels li l-Korporazzjoni Enemalta tikkunsidra bħala l-massimu ttollerat indipendentement mill-BAT figures;
c) x’kienu dawn il-livelli qabel ma fallew uħud mill-filter bags;
d) hemm xi evidenza ta’ pressure eċċessiva fuq dawn il-bags? Jekk iva, dan il-high back pressure jista' li kien qed jkollu xi effett fuq il-performance, speċifikament fejn jidħlu power output, fuel consumption u anki effiċjenza;
e) kemm-il darba l-bags li ġew ruptured ma kenux difettużi, jista' jikkonferma li dan seta' kien ikkawżat minn faults fid-disinn tal-emissions mitigation system?
f) billi l-BWSC ġiet mitluba mill-Korporazzjoni Enemalta biex tagħti r-reazzjoni uffiċjali tagħha, jista' jgħid x’kienet u tippubblikaha kif wkoll jgħarraf lill-Kamra kif il-BWSC qegħdin jippjanaw li jirrisolvi din il-problema; u
g) jekk il-performance ta' setturi oħrajn tal-emissions mitigation plant humiex qed jaħdmu kif suppost f’mod sodisfaċenti?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru 36004.
Peress li fl-1992, meta ġiet imwaqqfa l-Korporazzjoni għas-Servizz tal-Ilma, l-ħaddiema li kienu impjegati tal-gvern li għażlu li jibqgħu mal-korporazzjoni kien ingħatalhom id-dritt li jkunu jistgħu jmorru lura f'xi dipartiment tal-gvern; u billi l-istess ħaddiema li kienu fir-Revenue Section tal-korporazzjoni wara kienu ġew assenjati mal-ARMS Ltd; u peress li dawn il-ħaddiema issa qed jiġi mitluba li jagħżlu bejn li jibqgħu ma' ARMS Ltd jew li jmorru lura mal-korporazzjoni, u peress li l-ftehim mal-unions kien jassigura li l-impjegati jistgħu jmorru lura mal-gvern biss f'każ li ARMS Ltd tiġi xolta, jista' l-Ministru jgħid jekk id-dritt li dawn l-impjegati, fil-każ li jagħżlu li jibqgħu mal-ARMS Ltd, hux se jibqagħlhom id-dritt li jmorru lura mal-gvern?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li skond il-ftehim kollettiv li ġie ffirmat fl-10 ta’ Mejju, 2012, u li jkopri l-perjodu mill-2012 sal-2015, ġie stabbilit u miftiehem mill-partijiet kollha ‘kkonċernati li, impjegati ‘detailed’ mal-Arms jibqgħu jibbenefikaw ‘mutatis mutandi’, minn dak li hemm stipulat fl-ittra li nħarġet mill-OPM lill GWU, iddatata 29 ta’ Jannar, 1996, rigwardant “Ħaddiema tal-Gvern ma’ Entitajiet Pubbliċi.”
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — ammont ta' flus lill-avukat u l-kumpanija
Question
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 35155, fejn il-Ministru kien irrisponda permezz ta' mistoqsija parlamentari 34774, u peress li fil-mistoqsija 35155 kont tlabt kemm tħallas mill-Air Malta l-avukat u l-kumpanija tal-avukat li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, u peress li fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34774, l-Air Malta ma semmiet imkien, jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35155?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ma tistax tingħata minħabba li hi ta’ natura kummerċjalment sensitiva.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hemmx xi membri tal-bord tad-diretturi (inkluż is-segretarju tal-istess bord) tal-kumpanija Gozo Channel li matul l-aħħar 12-il xahar taw servizz professjonali kemm huma personalment kif ukoll żwieġhom u/jew kumpaniji li huma jew żwieġhom ħadmu jew jaħdmu magħhom, lill-kumpanija Gozo Channel stess? Jista' jgħid min kienu l-persuni u/jew kumpaniji li taw tali servizz? Jista' jgħid b'liema tip ta' sejħa ġie kkuntrattat kull servizz professjonali imsemmi? Jista' jgħid jekk saritx sejħa pubblika għall-offerti dwar min ħa d-deċiżjoni li jingħataw direct orders? Jista' jgħid jekk dawn il-persuni u/jew kumpaniji ddikjaraw il-kunflitt ta' interess tagħhom? Jista' jgħid kemm kienet l-istima oriġinali għal kull servizz ikkuntrattat u kemm kien il-ħlas effettiv għal kull servizz?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-kumpanija Gozo Channel Co. Ltd f’dawn l-aħħar tnax-il xahar għamlet użu mis-servizzi ta’ Dr. Georgine Grech minn Grech & Grech Associates.
Dr. Grech hija s-segretarja tal-bord tal-Gozo Channel.
Is-servizz ta’ Dr. Grech ingħata b’Direct Order b’kuntratt ta’ 4 snin (Direct Order Office Ref. No. MF 100/05/2).
Il-ħlas dovut lil Dr. Grech huwa ta’ €1,200 fix-xahar fejn €200 huwa ħlas għal servizzi ta’ Board Secretary u €1000 huwa retainer fee għall-servizzi legali.
Jista' l-Ministru jitlob lill-Transport Malta biex tinsisti ma' korporazzjoni kkonċernata ħalli t-tappieri tal-ħadid li hemm hekk kif wieħed joħroġ mill-Magħtab fid-direzzjoni tan-Naxxar, fid-direzzjoni Salina/Naxxar, jitqegħdu b'mod tajjeb għaliex qed nirriskjaw li dawn it-tappieri jikkawżaw xi inċidenti tat-traffiku?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jekk qed jirreferi għat-Triq T'Alla w' Ommu, Naxxar, il-manutenzjoni tagħha taqa’ taħt ir-responsabbilta' tal-kunsill lokali tan-Naxxar u għalhekk għandu jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid minn kemm ibbenefika kull kunsill lokali f'fondi mill-Unjoni Ewropea sena b'sena? Fl-liema proġetti ġew allokati jew se jiġu allokati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B’referenza għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35937 fis-seduta numru 498 tal-4 ta’ Lulju 2012, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-bqija tal-informazzjoni mitluba wara li din inġabret mingħand il-Kunsilli Lokali.
Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ xogħol ta’ konsulenza u/jew xogħol ieħor għamel il-perit li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament għal Malta Enterprise? Jista’ jagħti l-ispiża ta’ kull xogħol kif ukoll ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kull rapport li sar? Fuq liema kriterju ntagħżel il-perit għal dawn ix-xogħlijiet?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi skont il-Memorandum li gie iffirmat fis 6 ta Gunju 2012, il-Malta Industrial Parks se tieħu ħsieb it-tisbiħ ġenerali u l-investiment li jrid isir fuq l-infrastruttura fiż-żoni komuni, kif ukoll tindif u landscaping tal-Crafts Village. L-MIP se tagħti wiċċ ġdid lil dawk it-toroq li l-aktar jeħtieġu attenzjoni, liema xogħol mistenni jibda fil-gimgħat li ġejjin.
Min-naħa tagħha, l-GRTU qed taqbel li tinkoraġġixxi lill-artiġġjani biex jinvestu fl-operat u l-bini tagħhom sabiex b’hekk ikunu qed jaħdmu mal-MIP fl-iżvilupp taż-żona.
Il-Memorandum jesprimi wkoll l-intenzjoni tal-MIP illi tkun flessibbli fir-rigward tas-somma ta' investiment illi jrid isir mis-sidien tal-ħwienet tax-xogħol kif stipulat fil-konvenji, biex b'hekk l-operaturi jkunu jistgħu jagħmlu proposta ta' investiment aktar konformi ma' dak li jifilħu għalih illum.
Il-proposti għall-iżvilupp tal-ħwienet tax-xogħol iridu jkunu approvati mill-MIP sabiex tinżamm kwalità tajba fid-disinn u l-materjali li jintużaw u b’hekk titjieb id-dehra taż-żona tal-villaġġ kollu. Intant, l-MIP qed tressaq ukoll talba sabiex il-villaġġ kollu jingħata status ta’ DNO mill-MEPA u b’hekk il-proċess għall-iżvilupp mill-ġdid tal-ħwienet tax-xogħol ikun jista’ jitħaffef aktar.
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-merħliet f'Malta u Għawdex matul is-snin 2007/8/9/10/11 - lokal b'lokal tal-mogħoż, majjal, ngħaġ, baqar, barrin u żwiemel? Kemm hawn tiġieġ li jipproduċu l-bajd għal konsum domestiku?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba, niġed l-attenzjoni li l-informazzjoni mitluba għar-rigward taż-żwiemel bdiet tinġabar mill-2009 u ma tistax titqies bħala waħda kompluta u għaldaqstant qiegħda tingħata bħala tabella separata.
Din l-informazzjoni qed tingħata b’ mod globali, minħabba li biex tingħata lokal b’lokal tirrikjedi tfittxija manwali li tieħu ħafna ħin.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir mill-baqar tal-ħalib wara li dawn jispiċċaw jeħilbu? Kemm huwa n-numru ta' baqar li jkollhom jiġu mibdula mill-merħla Maltija u Għawdxija kull sena jekk dawn jieqfu jeħilbu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-baqar tal-ħalib li jieqfu jeħilbu jinqatlu għall-laħam. It-tibdil tal-merħla jiddependi mill-maniġġ tar-razzett, iżda b'mod ġenerali t-tul ta’ żmien li baqra tinżamm għal-ħalib hawn Malta hija ta' madwar 5-6 snin. Dan ifisser rata anwali ta’ bdil ta' bejn is-sittax u l-għoxrin fil-mija.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir mit-tiġieġ tal-bajd wara li dawn jispiċċaw ibidu? Kemm huwa kbir in-numru ta' tiġieġ li jispiċċaw ibidu u jkunu jridu jinbidlu ma' għawwietaq iżgħar kull sena? Jista' jgħid kemm inqatlu tiġieġ li refgħu mill-bajd kull sena, sena b'sena mill-2007 sal-2011?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tiġieġ tal-bajd jagħmlu normalment ċiklu ta' sena jbidu u għalhekk meta tiġieġa tal-bajd tinqatel din ikollha bejn wieħed u ieħor età ta’ 68 ġimgħa
Dawn it-tiġieġ jinqatlu fil-bicceriji tat-tiġieġ regolari w l-laħam tagħhom jiġi rkuprat u esportat għaliex hawn Malta ma' hawnx suq għalih. Ikun hemm okkazjonijiet fejn, jekk ma' jkunx hemm l-anqas suq għalihom barra minn Malta, dawn it-tiġieġ jinqatlu u jinħarqu.
Ninforma ll-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dukument bl-informazzjoni mitluba.
Jista l-Ministru jgħid x'qed jiġri miż-żwiemel li jkunu l-Marsa għat-tiġrijiet u dawn jkollhom aċċident u joqtluhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li żwiemel użati fil-kompetizjonijiet ma' jistgħux jinqatlu għall-konsum mill-bniedem skont regolamnet numru CR504/2008 tal- Unjoni Ewropeja li jagħmel referenza għal trattamenti mediċinali li possibilment ikunu ingħataw. Għalhekk dawn iż-żwiemel jinqatlu u jinħarqu peress li ma jeżistix impjant hawn Malta li jista’ jipproċessah bħala pet food.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex veru li kien hemm tender għaddej biex tiġieġ li jkunu tal-bajd wara li jieqfu mill-bajd kienu qed jiġu esportati lejn pajjiżi tat-tielet dinja? Jista' jgħid jekk dan il-proċess huwiex se jkompli jew le? Jekk iva, min huwa responsabli u għaliex? Jekk le, se jieqaf?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Wasteserv kienet ħarget tender lokali sabiex dawn it-tiġieġ, wara li jieqfu mill-bajd jiġu ppreparati sabiex imbagħad jiġu esportati għal ikel sekondarju. Kien maħsub li b’hekk ikun ingħata bidu għal process li biħ is-settur tal-produzzjoni tal-bajd ikunu jistgħu jesportaw dawn it-tiġieġ taħt forma ta’ laħam minflok ma dawn jinqerdu bħala skart fl-inċineratur. Dan it-tender kien proġett pilota għal-sena bil-ħsieb li l-laħam ta’ dawn it-tiġieġ imorru għal konsum sekondarju flok jinħaraq.
Dan il-proġett pilota wera li eżerċizzju bħal dan hu viabbli u għaldastant nistennew li jitkompla mis-settur privat stess, biex inaqqas l-ispiża għax jesporathom hu minflok ma jibqa l-għewwietaq jinħarqu bħala skart, liema eżerċizzju huwa aktar għoli.
Jista' l-Ministru jgħid xi jsir mill-ġilda tal-annimali li jinqatlu l-biċċerija? Xi jsir mill-intern tal-istess bhejjem u min huwa responsabli biex jara li dan isir?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ġlud tal-baqar u barrin li jinqatlu l-biċċerija jiġu tteggjati u mibgħuta go ABP (Animal by Product) intermediate plant approvata għal dan il-għan, mis-, sidien ta' dawn il-glud. Dawn is-sidien normalment ikunu middlemen li jkunu xtraw il-bhejjem. Meta jkun hemm ammont kbir biżżejjed biex jkun organizzat transport, dawn il-ġlud jkunu esportati mill-istess sidien privati.
Il-ġlud tal-bhejjem l-oħra jintremew u jinħarqu għaliex ma hemmx talba għalihom u mpjanti approvati biex jiġbruhom. L-approvazjoni ta' l-impjanti u proċeduri huma regolati mid-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja.
San Pawl il-Baħar — triq is-Simar - tender dwar xogħlijiet fit-triq
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi żviluppi kien hemm għal dak li jikkonċerna t-tender dwar ix-xogħol fi Triq is-Simar, f'San Pawl il-Baħar?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Triq is-Simar f’San Pawl il-Baħar tagħmel parti mill-programm ta’ xogħlijiet ta’ din is-sena, pero' hemm problema biex jinbeda x-xogħol minħabba raġunijiet ta' ffurmar ta' triq. Huwa l-obbligu legali tas-sidien tal-proprjetajiet li jiffurmaw it-triq ta’ quddiemhom, sa nofs it-triq għal triq bi proprjetajiet fuq iż-żewġ naħat tat-triq, u il-wisgħa kollha ta’ triq għal triq bi proprjetajiet fuq naħa waħda ta’ triq. Meta t-triq tkun iffurmata sew, il-Gvern Ċentrali għandu l-obbligu li jagħti l-wiċċ fuq dawn it-toroq. F’dan il-każ, it-triq mhix iffurmata sew u lanqas hija ffurmata l-wisgħa kollha. It-triq hija wkoll magħmula minn materjal dgħajjef u hemm diżlivell qawwi fuq naħa waħda. Għaldaqstant, Transport Malta se tagħmel studju ddettaljat sabiex tinstab soluzzjoni għal din it-triq.
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 35633 fejn ntqal li l-gvern jidhirlu li hu aktar bżonnjuz li ninvestu f’mina milli jsir it-tkabbir tal-Port tal-Imġarr, jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx cost-benefit analysis taż-żewġ proġetti? Jekk sar, il-gvern għamel analiżi komparattiv taż-żewġ proġetti? X’inhuma l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ kull proġett? Fuq liema kriterji l-gvern wasal għall-konklużjonijiet tiegħu? X’inhuma t-timeframes għall-proġett tal-mina? Hemm xi studji li qed isiru bħalissa? Jekk hemm, dwar xiex qed isiru? Min qed jagħmilhom? Jekk m’hemmx, hemm xi ħsieb li jsiru? Dwar xiex se jsiru u meta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li wara l-pubblikazzjoni tar-rapport “Preliminary Analysis – Assessment of Road Tunnel Options between Malta and Gozo” f’April 2012, il-Kabinett kien idderiġa lil Transport Malta sabiex tikkummissjona studju ta’ fattibilita` sħiħ fir-rigward ta’ mezzi ta’ trasport bejn Malta u Għawdex. Dan l-istudju ta’ fattibilita’ se jinkludi fid-dettal assessment li huwa kumparattiv fil-qasam tekniku, ambjentali u finanzjarju ta’ kull mezz ta’ trasport (fixed u non-fixed link options) li jinkludu mina bejn Malta u Għawdex, u l-possibilita’ ta’ żvilupp tal-port tal-Imġarr f’dak li jirrigwarda ferry services.
Jista’ l-Ministru jgħid fejn qegħdin il-bagi u l-pontoons li jorbtu magħhom il-cruiseliners f’Għawdex? Kemm hemm bagi u pontoons f’kull post? Meta tqiegħdu? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sit fejn tqiegħdu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-uniku baga li tqegħdet minn Transport Malta għall-irmiġġ tal-cruise liners f' Għawdex hija dik li hemm barra mill-bajja tax-Xlendi kif indikata fil-pjanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Din il-baga ġiet installata f'Marzu 2010. Ma hemm l-ebda pontoon f’Għawdex fejn jistgħu jsorġu cruise liners miegħu.
Ħolqien ta' faċilitajiet għall-irmiġġ tal-cruiseliners f'Għawdex
Question
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 6068, 21310, 26885 u 35622, jista’ l-Ministru issa jaġġorna lill-Kamra dwar il-feasibility study u environmental impact assessment (EIA) li kien ikkumissjonat mill-Awtorità Marittima fl-2005 għall-iżvilupp ta’ cruise berth ’l barra mill-port tal-Imġarr, Għawdex u dwar l-aġġornament tal-istess studju li ntalbet tagħmel mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Jista’ jaġġorna lill-Kamra ukoll dwar disinji iktar dettaljati u fuq ir-reviżjoni tal-proġett li kellhom isiru? Jista’ jgħid x’alternattivi oħra ġew ikkunsidrati għal dan il-proġett? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istudji li saru?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposti li ngħataw għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 35741 u 35744.