Legislature:
Category:
Reset
Active:

Vaganzi ta' skrivana

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34932, jikkonsidra l-Prim Ministru li qabel jagħlaq l-eżami fl-24 ta' Ġunju jiġu mimlija l-vaganzi ta' skrivan li hemm bħalissa u jiġi offrut xogħol lil dawk li talbu posponiment, kif hemm provdut u rregolat fi klawsola 1.1.15.6 tal-Public Service Management Code?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li: (i) ntlaħaq ftehim mal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku sabiex vakanzi eżistenti ta’ Skrivan ikunu jistgħu jimtlew, skont il-ħtiġijiet tas-Servizz, sa l-aħħar ta’ Settembru 2012; u (ii) talbiet ta’ posponiment jintlaqgħu skont sezzjoni 1.1.15.6 tal- Public Service Management Code, (updates).

Proprjetajiet taħt il-Joint Office u Lands Department b'ċens temporanju

Question

Jista' l-Ministru jgħid: a) fil-perjodu bejn 2007-2011 kemm kien l-ammont ta' proprjetajiet li jaqgħu taħt il-Joint Office u taħt il-Lands Department, rispettivament, li la huma residenzi privati u lanqas villeġjaturi, li kellhom ċens temporanju li kien se jiskadi fil-futur, u li ġie mifdi mis-sidien sena b'sena mill-Joint Office u mill-Lands Department separatament; u b) x'kienu l-ammonti globali li nġabru mill-Joint Office u mil-Lands Department f'dan ir-rigward, separatament, fuq bażi annwali?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat illi fil-perjodu bejn 2007-2011, id-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern daħħal is-somma globali ta’ €6,837,751.33 minn fidi ta’ ċnus temporanji ta’ 60 proprjetà li la huma residenzi ordinarji u lanqas villeġjatura. Din is-somma globali kienet magħmula minn dħul ta’ €4,436,666 minn fidi ta’ ċnus temporanji ta’ 46 proprjetà amministrati mill-Uffiċċju Konġunt u dħul ta’ €2,401,085.33 minn fidi ta’ ċnus temporanji ta’ 14-il proprjetà amministrati mid-Dipartiment tal-Artijiet. Id-dħul sena b’sena huwa kif elenkat fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħal Farruġ — kwestjoni dwar ġbir ta' mediċini

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ir-residenti ta' Ħal Farruġ li huwa hamlet li jagħmel ma' Ħal Luqa, m'għandhomx l-aċċess għall-iskema tal-Ispiżjar tal-Għażla Tiegħek, meta fir-raħal tagħhom, jiġifieri f'Ħal Luqa din l-iskema qiegħda topera? Għaliex ir-residenti ta' Ħal Farruġ qed jigu mitluba jmorru jiġbru l-mediċini bil-karta r-roża mill-ispiżerija ta' Raħal il-Ġdid, meta għal servizzi tas-saħħa oħra dawn ir-residenti jattendu fil-health centre tal-Furjana?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-dipartiment tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek ma jsib l-ebda diffikulta’ li jilqa’ applikazzjonijiet mingħand ir-residenti ta’ Ħal Farruġ biex dawn jibdew jinqdew mill-ispiżerji ta’ Ħal Luqa. It-talba għar-reġistrazzjoni ma’ spiżerija fl-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek trid tiġi mingħand il-pazjent, liema talba trid tiġi aċċettata mill-ispiżerija privata li l-pazjent ikunu għażel biex jirreġistra magħha. Barraminhekk, la darba Ħal Farruġ jagħmel ma’ Ħal Luqa, huwa ukoll il-kompitu tal-Ispiżeriji tac-Ċentri tas-Saħħa li jiggwidaw lir-residenti ta’ Ħal Farruġ. Minn naħa l-oħra mediċini għall-mard akut li jingħata bil-kartuna r-roża mhux provdut permezz tal-iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek, u għalhekk il-mediċini neċessarji jistgħu jinġabru mill-ispiżeriji tal-Gvern. Saru l-arranġamenti meħtieġa biex persuni li joqogħdu Ħal Luqa ikunu jistgħu jinqdew mill-ispiżerija ta’ Raħal Ġdid għall-mediċini li jista’ jkollhom bżonn. Dan it-tip ta’ servizz huwa provdut regolarment bejn it-7.45 a.m. u s-1.30 p.m.. Pazjenti jistgħu wkoll jiġbru l-mediċini bejn is-2.30 p.m. u l-5:15 p.m. minn Raħal Ġdid, Floriana jew Ħal Qormi, jiddependi kif ikun skedat is-servizz.

Guardian Angel School — żgħażagħ b'diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex żgħażagħ b'diżabilità li jmorru f'Guardian Angel School u għandhom l-età ta' bejn l-20 u l-25 sena għadhom ma ġewx trasferiti fir-Resource Centres? Tista' tgħid meta dan se jsir?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ir-Resources Centres fi ħdan id-Direttorat tas-Servizzi Edukattivi joffri servizz personalizzat lil żgħażagħ bejn l-eta’ ta’ 18 u l-25 sena. Kull żgħażugħ isirlu pjan u jiġi deċiż fejn se jkompli l-istudju tiegħu fl-MCAST, ETC jew l-ITS jew jekk jibdiex jattendi ċ-Ċentri tal-Adulti fi ħdan l-Aġenzija Sapport.

tankijiet tal-ossiġnu — deliveries

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex dawk, partikolarment anzjani, li jinħtieġu l-ossiġnu d-dar, ma ssirilhomx delivery, sabiex ma jkollhomx l-iskariġġ u lanqas tbatija żejda fi tqandil biex iġorru dawn it-tankijiet tal-ossignu d-dar? Għandu ħsieb li jibdew isiru dawn id-deliveries? Jekk iva meta se jibdew?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dipartiment tas-Saħħa ma joffrix transport taċ-ċilindri tal-ossiġnu direttament sad-dar tal-pazjent, minħabba l-fatt li numru sostanzjali ta' pazjenti ta' kull eta' jagħmlu użu minn dan is-servizz u l-ispejjeż involuti huma kbar. Madankollu, meta pazjent ikollu bżonn domanda qawwija ta' ossiġnu domiċiljari, l-ispeċjalista' jagħmel applikazzjoni biex il-pazjent jingħata konċentratur tal-ossiġnu li jkun mwassal u armat fir-residenza tal-pazjent, mill-kuntrattur maħtur mid-Dipartiment tas-Saħħa.

Kummissjoni kontra l-Inġustizzji — informazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jagħti din l-informazzjoni dwar il-Kummissjoni kontra l-Inġustizzji: a) meta waqfet tiffunzjona l-Kummissjoni; b) kemm tressqu każijiet quddiem din il-Kummissjoni; ċ) kemm minn dawn il-każijiet ġew deċiżi mill-Kummissjoni; d) kemm minn dawn il-każijiet deċiżi kienu deċiżi favur l-attur; e) kemm kien hemm każijiet li bdew jiġu ttrattati imma sakemm twaqqfet tiffunzjona l-Kummissjoni baqgħu mhux deċiżi; u f) kemm kien hemm każijiet li sakemm waqfet tiffunzjona kienu għadhom ma bdewx jiġu ttratti?

Response (SAID, CHRIS)

B’referenza ghad-domanda tal-Onor Membru fejn qed jirreferi ghall Kummissjoni kontra l-Ingustizzji nahseb li qed issir referenza ghat-Tribunal tal-Investigazzjoni tal-Ingustizzji. Din il-Kummissjoni ma kienetx taqa’ taht il-Ministeru tal-Gustizzja imma tirrapporta direttament lill-Ufficcju tal-Prim Ministru. Fir-rigward l-informazzjoni mitluba u minn dak li jirrizulta mir-records jidher li l-ahhar seduta saret fil-11 ta’ Lulju, 2005. Quddiem din il-Kummissjoni kienu tressqu 1233 kaz f’Malta u 103 f’Ghawdex. Kien hemm dsatax il-kaz iehor li kienu dahlu wara li ghalaq it-terminu sakemm kellhom jigu pprezentati tali talbiet u ghalhekk dawn l-ahhar 19 il-kaz ma setghux jigu accettati. Illi l-Kummissjoni ttrattat il-kazjiet kollha li dahlu u kollha kienu decizi jew ceduti u ma kien hemm l-ebda kaz li baqa’ pendenti u mhux terminat. Dwar il-mistoqsija (d) ninforma lill-Onor Interpellant li ma kienetx inzammet tali statistika u fil-fatt issir referenza ghal misoqsija parlamentari 19403 tal-2010.

Sptar Mater Dei — servizzi tad-dentistrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid min hu eliġibbli għas-servizzi tad-dentistrija b'xejn fl-Isptar Mater Dei? X'tip ta' servizzi jingħataw? Dawn is-servizzi huma ddeterminati skont l-età tal-persuna u/jew skont xi means test? Jista' jagħti dettalji sħaħ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li kulħadd huwa eliġibbli għal dawn is-servizzi: A. Kura t’Emerġenza: li primarjament tinkludi qlugħ ta’ snien jew tneħħija t’wġieħ. B. Kura Preventiva: li tinkludi edukazzjoni fil-kura tas-snien u t-tneħħija tal-ġebla kif ukoll prevenzjoni u kura tal-mard tal-ħanek. C. Check up ma’ dentista jew konsulta ma’ konsulent D. Kirurġija tal-ħalq. Kura Restorattiva: Kull min għandu karta roża u tfal sa sittax-il sena huma eliġibbli. Din il-kura tinkludi kura u mili ta’ snien, root canal treatment , prosthetics (dentaturi) kif ukoll kura tal-mard tal- ħanek. Servizz limitat ta’ din il-kura huwa offrut bil-loppju ġenerali lil dawk li jsofru minn xi diżabilita` fiżika jew mentali. Dan is-servizz huwa mogħti b’diskrezzjoni tal-konsulent/i. Orthodontics (kura bil- braces ): Adulti u tfal sa sittax-il sena huma intitolati għall-konsulta u parir għall- braces . Tfal sa sittax-il sena huma eliġibbli għall- braces skond il-protocolli stabiliti mid-dipartiment. Għal tgħalim ta’ dentisti ( post graduate studies ) il-konsulent jista’ jaġħżel xi każijiet li ma jaqawx taħt dan il- protocol.

Żejtun — Ġebel San Martin - servizzi tad-dawl u ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir xogħol f'Binja San Klement ġewwa Ġebel San Martin Housing Estate fiż-Żejtun minħabba li f'kamra isfel tal-blokka, s-servizzi tad-dawl u l-ilma huma flimkien meta suppost dawn ikunu separati? Peress li dan l-aħħar kien meħtieġ xi tiswijiet imma l-ħaddiema ma ħassewx li kien safe biżżejjed biex jagħmlu x-xogħol meta kien hemm dawn is-servizzi flimkien, jista' allura dan jiġi solvut ħalli ma jkunx hemm periklu għall-ħaddiema?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-meters ġew installati fil-kamra li ġiet allokata mis-sidien tal-blokka stess. Id-deċiżjoni li l-meters tad-dawl u ta’ l-ilma jiġu nstallati flimkien kienet ukoll ittieħdet mis-sidien tal-blokka. Kif jidher mir-ritratt li kopja tiegħu qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, il- meters tal-elettriku huma stallati kif suppost bis- service boxes u l-apparat tal- meters kollha tal- plastic u iżolati. Jista’ jiġi nnutat li apparti l- meters tal-elettriku nbidlu wkoll il- meters tal-ilma u jidher illi dawn twaħħlu iktar fil-għoli bir-riżultat li ġew qrib tal- meters tal-elettriku. Hija r-responsabbilta’ tas-sidien illi jassiguraw li fil-propjeta’ tagħhom dawn is-servizzi ma jkunux aċċessibbli faċilment billi jistallaw kompartamenti biex jiżolaw aħjar dawn iż-żewġ servizzi. Madankollu, tajjeb li wieħed jgħid illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma ser tikkomunika mas-sidien, ħalli tiġi offruta lokazzjoni alternattiva fejn jeħlu l- meters .

Benefiċċju lill-Anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk l-anzjani li jagħlqu t-80 sena matul din is-sena humiex ukoll intitolati għall-€300 li ġew imħabbra fl-aħħar budget? Jekk fl-affermattiv dawn jieħdu l-ammont kollu jew parti minnu? Jekk fil-każ kif tiġi maħduma s-somma li jingħataw? Jista' jgħid ukoll jekk din l-għotja ta' €300 hux se titkompla s-sena d-dieħla wkoll jew le?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli nterpellant illi dawk l-anzjani li jilħqu l-eta’ ta’ tmenin matul is-sena jkollhom dritt għal parti mill-ammont ta’ €300 bħala Għotja għall-Anzjani. L-ammount dovut jirrifletti n-numru ta’ ġimgħat li jkun fadal sal-aħħar tas-sena mid-data li fiha l-anzjan jew l-anzjana jilħqu l-eta’ ta’ tmenin sena. Nikkonferma ukoll illi l-Għotja msemmija ser tkompli titħallas is-sena d-dieħla ukoll.

Ħal-Qormi — tindif ta' widien

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx it-tindif tal-widien f'Ħal Qormi (Wied is-Sewda, Wied il-Kbir u Wied iċ-Ċawsli) li jwasslu sal-Marsa qabel l-istaġun tax-xitwa 2012 u 2013? Jekk dan it-tindif sar, meta sar? X'tip ta' tindif sar? Jekk dan it-tindif sar, ifisser li l-widien tnaddfu minn tarf sa' ieħor? Jekk dan it-tindif ma sarx, għaliex? Meta se jsir?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li partijiet sostanzjali minn Wied il-Kbir, Wied iċ-Ċawsli u Wied is-Sewda kienu tnaddfu b’mod estensiv fis-sajf tal-2011, meta kienu tneħħew mas-6,800 tunellata ta’ materjal. Għalhekk dan is-sajf id-Dipartiment wettaq ħidma ta’ tindif f’diversi widien oħra, fosthom Wied il-Qlejgħa, Wied il-Luq, Wied tal-Isqof, Wied Mofru, Wied Ġebel Għomor u Wied Baqqiegħa. Id-Dipartiment ippjana wkoll li jsir tindif ta’ rutina f’Wied il-Kbir, Wied is-Sewda u Wied iċ-Ċawsli. Għalkemm il-maltempata li għamlet fil-bidu ta’ Settembru fixklet dawn il-pjanijiet, huwa maħsub li dan it-tindif hekk kif il--kundizzjoni ta’ dawn il-widien tippermetti. Madanakollu ftit tal gimghat ilu rega inghata il-kuntratt ta’ xoghlijiet fuq pontijiet fuq il-kanal ta l-ilma li jghaddi minn Hal Qormi. Dan ix-xoghol ukoll ser jghin fil-futur, wara li jitlesta ix-xoghol fuq il-pontijiet kollha, flimkien mad-devjazzjoni hawn fuq imsemmija, u bil-manutenzjoni regolari tal-widien, biex kemm jista jkun jitnaqqas ir-riskju ta’ l-gharghar ghar-residenti ta’ Hal Qormi. Tajjeb jinghad ukoll li fl’inhawi ta’ Hal Qormi, il-progett nazzjonali ghal-kontra l-gharghar hu mahsub biex itaffi din il-problema billi jinbiddlu diversi pontijiet u tittejjeb il-korsa ta’ l-ilma sabiex l-infrastruttra shiha tkun aktar adekwata mall-kwantitajiet ta l-ilma li dejjem qed jizdiedu. Il-Progett nazzjonali jinkludiw wkoll devjazzjoni parzjali ta ilmijiet li bhalissa jibqgħu neżlin fuq Hal Qormi minn Wied Incita. B’din id-devjazzjoni, dawn l-ilmijiet issa se jibdew immorru ġo mina li se tagħti minn Ħ’ Attard għall ta’Xbiex.Din id-devjazzjoni tkun effetiva biss wara li l-parti tal-proġett ta’ Birkirkara titlesta għal kollox fi żmien sentejn oħra.

qtugħ tal-provista tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ qtugħ fil-provista tal-elettriku bejn l-1 ta’ Ġunju u l-31 ta’ Awwissu ta’ din is-sena? Jista' jagħti d-dati ta’ kull waħda minn dan il-qtugħ tad-dawl? Jista' jgħid f’liema ħin inqata' d-dawl u f’liema ħin ġie lura għal kollox, f’kull każ b’mod separat? Jista' jgħid f’kull każ, b’mod separat, liema kienu l-lokalitajiet milquta? Jista' jgħid f’kull każ, b’mod separat, x’kienet il-kawża tal-qtugħ tad-dawl?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi dettalji mitluba huma fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

qtugħ fil-provista tal-elettriku — policy tal-korporazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhi l-policy tal-Korporazzjoni Enemalta dwar ħsarat u danni li l-klijenti tagħha jsofru minħabba qtugħ fil-provista tal-elettriku?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi meta konsumatur jilmenta mal-Korporazzjoni li ġarrab xi ħsara minhabba qtugħ fil-provvista tal-elettriku. Il-Korporazzjoni tinvestiga u tevalwa kull każ skont il-merti u proċeduri interni. Jekk jiġi stabbilit li l-korporazzjoni kienet negliġenti u liable , jiġi kwantifikat id-dannu skont l-parametri finanzjarji stabbiliti.

qtugħ fil-provista tal-elettriku minħabba xogħlijiet fuq toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhi l-policy tal-Korporazzjoni Enemalta dwar ħsarat li jsiru fuq cables waqt xogħlijiet fuq toroq u li minħabba fihom il-klijenti tagħha jsofru qtugħ fil-provista tal-elettriku? Jista' l-Ministru jgħid jekk il-korporazzjoni tfittix għad-danni lil min iwettaq ħsarat fuq il-cables tagħha? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm kienu l-każijiet bejn l-2008 u l-aħħar ta’ Awwissu 2012 fejn il-korporazzjoni ħadet dan il-pass u x’irriżulta f’kull każ?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi f’każ li l-cables u r-rotta tagħhom ikunu ġew immarkati u ndikati mir-rappreżentat tal-korporazzjoni lill-kuntrattur imqabbad mill-Enemalta jew lill-kuntrattur imqabbad mill-entita’ responsabbli, il-Korporazzjoni żżomm responsabbli u timmulta lill-kuntrattur kwalunkwe spejjeż relatati mat-tiswijiet meħtiega li jinkludi l-materjal u ħin tax-xogħol li l-impjegati tal-Korporazzjoni jkunu għamlu. Il-Korporazzjoni tikteb b’mod uffiċċjali lil min ikun wettaq il-ħsara sabiex jersaq għall-ħlas tad-danni. Jekk dawn l-ispejjeż ma jitħallsux fi ¿mien stipulat, imbagħad il-Korporazzjoni tmexxi l-każ b’mod legali fil-Qorti sabiex tissalvagwardja l-interessi tagħha. Bejn is-sena 2008 u l-aħħar ta’ Awwissu 2012 kien hemm 291 każ fejn kuntratturi ikkawżaw ħsara fuq il- cables ta’ l-Enemalta. Minn dawn il-każijiet, f’29 minnhom il-Korporazzjoni kellha tipproċedi b’mod legali fejn 13-il każ ġew konklużi favur il-Korporazzjoni, 7 każi ġew konklużi kontra l-Korporazzjoni, filwaqt li 9 każi għadhom pendenti. Il-kumplament tal-każi qed jiġu riżolti barra l-Qorti fejn 66 minnhom ħallsu u l-każ ingħalaq. Fil-każ ta’ 75 oħra, il-Korporazzjoni qed tikkonsidra x’passi ulterjuri se tieħu, filwaqt li 121 każ għadhom pendenti.

ħsara fil-cables minħabba t-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux diskussjonijiet bejn il-Korporazzjoni Enemalta u Transport Malta wara d-dikjarazzjoni tiegħu li l-cables tal-Korporazzjoni Enemalta qed isofru ħsarat bil-piż tat-traffiku fuqhom, wara li t-tarmak idub bis-sħana qawwija tas-sajf ? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x’irriżulta minn dawn id-diskussjonijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni qiegħda tagħmel analiżi interna dwar il-ħsarat rapportati fis-sistema ta’ distribuzzjoni. Dan se jinkludi wkoll diskussjonijiet ma’ Transport Malta.

ambulanzi tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jeżistu ambulanzi tal-gvern illum? Jista' l-Ministru jgħid kemm ilha fis-servizz kull waħda minn dawn l-ambulanzi?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fl-isptar Mater Dei hemm seba’ ambulanzi li jiġu wżati regolarment, tlieta minnhom ilhom jagħtu servizz mill-elfejn u sebgħa (2007), u erbgħa minnhom ilhom jagħtu servizz mill-elfejn u tlieta (2003). L-isptar Mater Dei ġieli wkoll juża s-serviżż ta’ żewġ ambulanzi oħra, waħda ilha fuq it-triq mill-elfejn u wieħed (2001), u l-oħra ilha fuq it-triq mill-elfejn u sitta (2006) Fil-garage tal-ambulanzi ta’ Gwardamanġa hemm erba’ ambulanzi, tnejn minnhom ilhom jagħtu servizz mill-1995, u t-tnejn l-oħra ilhom jagħtu servizz mill-1997.

ambulanzi — ħsarat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm bejn l-2008 u l-aħħar ta’ Awwissu 2012, xahar b’xahar u b’mod separat, każijiet ta’ ħsarat fl-ambulanzi tal-gvern u jgħid fiex kienet tikkonsisti l-ħsara?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

ambulanzi li waqfu bil-ħsara

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm bejn l-2008 u l-aħħar ta’ Awwissu 2012, xahar b’xahar u b’mod separat, każijiet fejn ambulanzi tal-gvern ħarġu fuq xogħol iżda waqfu bil-ħsara f’nofs triq?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fl-isptar Mater Dei hemm seba’ ambulanzi li jiġu wżati regolarment, u l-manutenzzjoni ta’ dawn il-vetturi ilhom taħt ir-responsabilita’ tad-Dipartiment tal-Biomediku fl-isptar Mater Dei, mill-2010 sal-ġurnata ta’ llum. L-informazzjoni fejn dawn l-ambulanzi waqfu bil-ħsara bejn l-2010 u l-2012, hija hekk: Awwissu 2011 Novembru 2011 Jannar 2012 Awwissu 2012 Settembru 2012 Settembru 2012 Settembru 2012 Fil-garage tal-ambulanzi fi Gwardamanġa hemm erba’ ambulanzi, u l-informazzjoni fejn dawn waqfu bil-ħsara bejn l-2008 u l-2012, hija hekk: Novembru 2009 Settembru 2011 Frar 2010 Ġunju 2011 Awwissu 2010 Jannar 2011 Ġunju 2010 Lulju 2010 Ottubru 2010 Lulju 2011 Awissu 2011 Ottubru 2011
Leg 11 PQ #610 Sitting 502 2012-10-01 Written · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Sptar Ġenerali - ambulanzi mibdula

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-ambulanzi fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex kenux ġew mibdula? Jekk le, x’inhi r-raġuni?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-flotta tal-ambulanzi tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex ġiet imsaħħa peress li żewġ ambulanzi nbidlu b'żewġ ambulanzi ġodda. Dawn bdew jintużaw fil-5 ta' Ġunju 2012.

Persuni li siefru taħt titlu ta' konsulent

Question

Jista' l-Ministru jindika jekk nies mill-ministeru siefrux fuq xogħol ta’ dekasteru bit-titlu ta’ konsulent matul is-snin 2010 sal-lum? Jekk fl-affermattiv min kienet il-persuna, x’kin l-iskop tas-safra u min kienu n-nies l-oħra li vvjaġġaw?

Response (GATT, AUSTIN)

Kien hemm żewġ Konsulenti li siefru. Dawn kienu dwar - Blue Med Social Forum, Blue Med 176 Task Force First meeting, Blue Med FAB Project meeting with EU Commission u meeting with FAB in line with FAB Roadmap Blue Med. Ma kienx hemm nies oħra li vjaġġaw.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — awtoritajiet, entitajiet u bordijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24771, jista' l-Ministru jagħti dettalji ta' kemm hemm persuni fuq kull awtorità jew bord li huma taħt id-dekasteru tiegħu u kemm jitħallsu kull sena?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 24771.