Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pender Gardens — xogħol li qed joħloq inkonvinjent

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36129 u jgħid kemm se jdum għaddej ix-xogħol qrib Pender Gardens peress li qed ixekkel il-flow tat-traffiku permezz ta' obstruction ta’ triq arterjali prinċipali u anki b’bus terminus fil-qrib? Meta nbeda dan ix-xogħol u meta huwa mistenni jitlesta?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li l-proġett in kwistjoni, għalkemm għandu l-permessi meħtieġa mingħand Transport Malta, huwa żvilupp privat li ma' jaqax taħt il-kontroll tal-Ministeru tiegħi.

Kontijiet tad-Dawl u Ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ dwar l-ilment tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni ngħatat lill-ARMS Ltd. li min-naħa tagħha kkomunikat direttament mal-klijent.

Applikazzjoni quddiem id-Dipartiment tal-Artijiet

Question

Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ li jinsab f'idejn id-Dipartiment tal-Artijiet fejn il-perit bagħat ir-rapport?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern m’ għandu l-ebda rapport mibgħut min xi perit għan-nom tal-persuni li d-dettalji tagħhom intbagħtu separatament, u anqas ma jirriżulta li dawn il-persuni għandhom xi każ pendenti mad-Dipartiment. Għaldaqstant, ikun iktar għaqli jekk il-persuni in kwistjoni jagħmlu kuntatt dirett mal-uffiċċju tal-Customer Care tad-Dipartiment u jagħtu dettalji dwar il-każ tagħhom.
Leg 11 PQ #36343 Sitting 503 2012-10-02 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Intern

Gżira — ilmenti dwar studenti u storbju kkaġunat

Question

Jista' l-Prim Ministru jinvestiga għadd ta’ ilmenti li wasluli mingħand residenti qrib Triq W. Arena c/w Triq E. Bernard, Gżira dwar storbju sa tard bil-lejl (10.30 p.m. u ġieli aktar tard) li ġew rrapurtati mingħajr suċċess lill-pulizija – ikkawżat prinċipalment minħabba night excursions li qed jiġu organizzati għal studenti tal-language school Chamber College li tinsab fil-qrib? Jista' jara x'jista' jsir għax apparti mill-istorbju li qed jikkawżaw dawn l-istudenti f’dawk il-ħinijiet, minkejja li din hija żona purament residenzjali qed ikun hemm ħafna storbju ta’ buses, mini vans u coaches li jiġu biex jieħdu l-istudenti għall-excursions, filwaqt li fid-dawl tal-fatt li l-kulleġġ innifsu allegatament ikun magħluq f’dak il-ħin, ġieli anki jsiru abbużi mill-istudenti u jużaw bħala public convenience il-bibien residenzjali tan-nies fl-inħawi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi minn stħarriġ li għamlet il-pulizija jirriżulta illi kemm il-meeting points għall l-istudenti ta’ l-iskola imsemmija mill-Onorevoli Interpellant minn dan is-sajf kienu ġew mibdula għal fejn il-pixxina nazzjonali u fejn il-pont ta’ Manoel Island. Għaldaqstant it-trasport għall dawn l-istudenti ma baqax jipproċedi sabiex itella jew iniżżel dawn l-istudenti minn fejn din l-iskola. B’hekk l-inkonvenjent li seta’ kien jinħoloq minn dawn l-istudenti, issa spiċċa.

Sptar Mater Dei — flus depositati

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-flus li qed jiġu depositati mill-Accounts/Finance Department tal-Isptar Mater Dei sal-Bank Ċentrali qegħdin jiġu trasferiti bil-mod kif jirrekjedi l-Att dwar Gwardjani Privati u Lokali (Kap. 389) u speċifikatament li l-flus qed jinġarru ġo vettura armata mgħammra b’tal-inqas żewġ gwardjani privati speċjalizzati (tas-sewqan)?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li s-servizz tal-ġbir u ġarr ta’ flus mill-Isptar Mater Dei għall-Bank Ċentrali huwa rregolat minn kuntratt speċifiku li huwa bbażat fuq il-provedimenti tal-liġi relatata ma’ dan is-servizz. Il-kuntrattur huwn mistenni li jkollu l-vettura skont kif tesiġi il-liġi u l-ammont neċessarju ta’ uffiċjali kwalifikati għal dan is-servizz. Mill-informazzjoni li għandna nistgħu ngħidu li l-ġbir u l-ġarr tal-flus mill-Isptar għall-Bank Ċentrali qiegħed isir minn tnejn min-nies tal-istess kuntrattur.

Transport Malta — ċaqliq ta' bus stop

Question

Jista' l-Ministru jara li Transport Malta flimkien mal-kumpanija Arriva tinvestiga ċ-ċaqliq tal-bus stop lejn Tas-Sliema meta wieħed ikun ġej minn Baħar iċ-Ċagħaq għaliex dik li kien hemm quddiem High Ridge issa tniżżlet għal qrib il-Wembley Garage, St Andrews – xi ħaga li tolqot fil-laħam il-ħaj lir-residenti speċjalment meta jkun l-maltemp?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li dan il-bus stop tneħħa minn din iż-żona minħabba raġunijiet ta' sigurta'. Minn stħarriġ li għamlet l-Awtorita', fl-inħawi msemmija ma' nstabx post adekwat fejn jista’ jitwaħħal bus stop li ma jkunx ta' periklu għal dawk illi jridu jużawh. Infurmat ukoll li l- bus stop ta’ quddiem il-Wembley Garage f' St Andrews ilu jintuża għal numru ta’ snin.

Għargħur — Triq Santa Katarina - spiera tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jara x'jista' jsir peress li fi Triq Santa Katarina, Għargħur allegatament il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma mhux dejjem jieħdu ħsieb ibattlu l-ispiera tad-drenaġġ bil-konsegwenza li meta tfur, id-drenaġġ joħroġ fit-triq u kull meta l-kunsill jinduna li qed isir hekk, ninsab nfurmat li jgħarrfukhom dwar dan sabiex tibagħtu l-bowser? Hemm xi pjanijiet biex l-ispiera titqabbad mal-main tad-drenaġġ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Bachelor of Education in Early Childhood Education and Care — kors part-time

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex il-kors Bachelor of Eduction (Honours) In Early Childhood Education and Care m'għadux jiġi offrut fuq bażi part-time għall-istudenti fl-Università?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-kors li jwassal għal grad ta’ B.Ed.(Hons.) fil-qasam tat-tfulija bikrija (Early childhood education & care) infetaħ fl-2009, fl-2010 u fl-2011 dejjem bħala evening course li jtul għal ħames snin. L-għan għal dan kien li jintlaħqu nies li diġà kienu bdew u bnew/qed jibnu karriera f’dan il-qasam imma riedu jtejbu l-grad tagħhom fid-dawl tal-ftehim bejn il-Gvern u l-MUT (2007) li minn 2015 ’l quddiem, nies li jaħdmu f’dan il-qasam u għandhom grad universitarju fil-qasam, jitqiesu bħala għalliema kwalifikati. Fil- cohorts ta’ tliet snin, in-numru ta’ nies li qed japplikaw u jidħlu għall-kors li huma diġà impjegati fil-qasam dejjem naqas. Rajna ukoll żieda ta’ numru ta’ studenti li qed ifittxu bidla fil-karriera tagħhom. Għalhekk, din is-sena, il-Fakultà mhux se toffri l- evening course fuq bażi part-time biex (a) tirrevedi l-kors u tagħmel reviżjonijiet meħtieġa (b) issir diskussjoni dwar il-possibilità li dan il-kors jibda jsir full-time biex b’hekk jibdew jitħarrġu studenti żgħażagħ f’dan il-qasam. Minkejja l-fatt li din is-sena l-Università mhix ser toffri dan il-kors fuq bażi part-time , mhix teskludi l-possibilità li dan jiġi offrut minn żmien għal żmien fil-futur.

Ħal Qormi — Triq Luqa - leakages

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-leakage ta' ilma fi Triq Luqa, Ħal Qormi (quddiem il-binja tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament) li ilu ħiereġ għal aktar minn ġimagħtejn?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma investigat u rriżulta li l-ilma kien ħiereġ minn residenza privata. Sar kuntatt mas-sid u min-naħa tiegħu ħa l-passi neċessarji biex iwaqqaf dan l-ilma.
Leg 11 PQ #36393 Sitting 503 2012-10-02 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Xagħra — manutenzjoni fl-iskola

Question

Peress li fl-iskola tax-Xagħra matul dan is-sajf kellhom isiru xogħlijiet ta' manutenzjoni u tiswijiet iżda s'issa dawn għadhom ma sarux u peress li issa dalwaqt terġa' tibda l-iskola u allura kemm l-istudenti u kif ukoll l-istaff ta' din l-iskola se jsibu l-ambjenti tal-iskola għar milli ħallewhom qabel is-sajf, ma taħsibx il-Ministru li dan in-nuqqas għandu jiġi indirizzat minnufih?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li d-dipartiment konċernat ħareġ offerta għal xogħol ta' manutenzjoni f'din l-iskola partikolari. Però dan ix-xogħol għadu ma tlestiex peress li fuq ir-rakkomandazzjoni tal-perit inkarigat l-ewwel ser isiru xi xogħlijiet li ma setgħux ikunu previsti u wara jitkompla dan ix-xogħol. Iżda minkejja din is-sitwazzjoni l-ambjent tal-iskola ma huwiex dak illi ddeskriviet l-Onorevoli Interpellant.

Siġġiewi — xogħol ta' embellishment f'Tal-Provvidenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ix-xogħol ta' embellishment li qed isir f'Tal-Provvidenza s-Siġġiewi (u li r-ritratti dwar dan qed jingħataw separatament), il-livell tal-art se tiġi mgħollija fil-livell taz-zuntier tal-kappella bil-konsegwenza li l-ilma tax-xita se jispiċċa jxaqleb fuq iz-zuntier tal-kappella?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol imsemmi mhux qiegħed isir minn dan il-Ministeru u għaldaqstant nistiednu jressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura.

Sistema tad-drenaġġ misduda

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-problema ta' din il-familja li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, li ghandha s-sistema tad-drenaġġ tal-gvern misduda (mill-bankina għal mat-triq) bil-konsegwenza li qed jikkawża inkonvenjent fid-dar tagħhom?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi għalkemm is-sadd kien fil-house connection tal-konsumatur jiġifieri bejn il-bankina u s-sewer main tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, il-Korporazzjoni għenet lill-konsumatur biex ineħħi dan is-sadd u jsolvi l-problema.
Leg 11 PQ #36400 Sitting 503 2012-10-02 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru tal-Intern

Kunsilli Lokali — dokumenti finanzjarji fuq is-sit elettroniku tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex filwaqt li l-kunsilli lokali għandu jkollhom id-dokumenti finanzjarji kollha aġġornati u mtellgħa fuq is-sit elettroniku tal-gvern lokali, għaliex id-Dipartiment tal-Gvern Lokali m'għandux l-istess informazzjoni għall-Kumitati Reġjonali fuq is-sit elettroniku tiegħ? Għaldaqstant, jista’ jinforma lill-Kamra jekk il-Artikolu 33(m) u (o) tal-Liġi dwar Gvernijiet Lokali humiex fis-seħħ? U jekk iva b’liema avviz sar dan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li tali dokumenti jkunu pubblikati fuq is-sit tal-Gvern Lokali li hija www.lc.gov.mt u mhux fuq is-sit tad-Dipartiment tal-Gvern Lokali li hija www.dlg.gov.mt. Il-kategoriji ta’ rapporti tat-tlett livelli ta’ Gvern Lokali li għandhom jitpoġġew fuq is-sit imsemmi huma r-rapporti ta’ kull tlett xhur, l-estimi annwali, l-pjan ta’ ħidma, r-rapporti amministrattivi u r-rapporti tal-awdituri. Jirriżulta li sa issa l-Kumitat Reġjonali tax-Xlokk biss, minn fost il-ħames Kumitati Reġjonali, li daħħal l-estimi annwali tiegħu għas-sena 2012. Id-Dipartiment għall-Gvern Lokali qiegħed f’kuntatt mal-ħames Kumitati Reġjonali dwar dan.

Triq Diċembru 13 — mafkar ta' Jum ir-Repubblika

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir mill-mafkar ta' Jum ir-Repubblika li kien jinsab fi Triq Diċembru 13? Jista' l-Ministru jgħid f'liema stat jinsab dan il-mafkar bħalissa u għaliex inqala' minn postu mingħajr method statement professjonali u mingħajr indikazzjoni x'se jsir minnu kif jitolbu r-regolamenti u s-sens komun?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li minħabba x-xogħlijiet tal-bini ta’ underpass fi Triq Diċembru 13 u minħabba li dawn jinkludu wkoll il-bini mill-ġdid tat-triq, il-monument ta’ Jum ir-Repubblika kellu jinqala’ biċċa biċċa mingħajr ma ssirlu ħsara u jitpoġġa temporanjament ġo store. Qabel jitlesta l-proġett, dan il-monument se jerġa’ jitpoġġa fi Triq Diċembru 13 f’post identifikat mill-bidu fid-disinn. Fil-proċess huwa maħsub li dan il-monument jitnaddaf u jiġi rrestawrat. Biex sar dan ix-xogħol, Transport Malta kienet inkarigat Perit li jaħdem fir-restawr biex jikteb method statement ta’ kif għandu jsir ix-xogħol, li ġie ppublikat mat- tender tax-xogħlijiet bħala linji gwida. Qabel ma beda x-xogħol fuq il-monument, il-kuntrattur ippreżenta method statement miktub minn Perit li jaħdem fir-restawr biex jispjega kif se jsir ix-xogħol.

Residenza San Vinċenz de Paul — użu ta' ħrieqi

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-ħrieqi stil pull ups ma jintużawx fir-Residenza San Vinċenz de Paul għal dawk il-pazjenti li huma indipendenti, iżda jinħtieġu ħarqa? Jekk hija issue ta' finanzi, x'inhija d-differenza fil-prezz bejn ħarqa normali u dik stil pull up?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fir-Residenza San Vinċenz de Paule il-problema tal-inkontinenza hija għolja ħafna u għalhekk id-Dipartiment jixtri kwalita’ differenti ta’ ħrieqi li huma tajbin għal min hu nkontinenti ħafna kif ukoll għal min għandu problema minima ta’ nkontinenza. Barra l-ħrieqi d-Dipartiment jixtri wkoll pads tal-irġiel kif ukoll tan-nisa. Kull klijent li ġie riferut għal dawn it-tip ta' ħrieqi, dawn ġew eżaminati minn infermiera kwalifikati u ingħataw is-support u l-prodotti neċessarji.

Rabat Għawdex — Triq Tabib Anton Tabone - bus shelter

Question

Peress li r-residenti tal-parti tat-Triq Tabib Anton Tabone f'Taċ-Ċawla fir-Rabat Għawdex qed jilmentaw li hemm bus shelter f'dik il-parti tat-triq ta' qabel jibda l-Qasam ta' Sannat, iżda li minkejja li hemm dan il-bus shelter m'hemm ebda servizz għar-residenti lejn iċ-ċentru tar-Rabat u allura dan qed ikun kaġun ta' ħafna inkonvenjent bla bżonn, jista' l-Ministru jispjega din is-sitwazzjoni u jara li dawn in-nies jiġi moqdija billi jkollhom is-servizz ta' trasport pubbliku?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-bus shelter li tinsab fi Triq it-Tabib Anton Tabone tiġi wżata mir-rotta 305 li titlaq mir-Rabat, tgħaddi minn taċ-Ċawla, għal Sannat, Ta’ Ċenċ, il-Munxar u lura lejn ir-Rabat. Minn naħa l-oħra, ir-residenti ta’ taċ-Ċawla li jkunu jridu jmorru lejn iċ-ċentru tar-Rabat jistgħu jużaw żewġ rotot oħra li jieqfu fl-istess żona. Dawn huma r-rotot 302 u 323. Il-bus stop ta’ dawn ir-rotot tinsab fuq in-naħa opposta u ftit aktar 'il quddiem mill-bus shelter imsemmi hawn fuq.

Għawdex — Xagħra - Triq Marsalforn - rranġar ta' triq minħabba l-ilma tax-xita

Question

Peress li r-residenti ta' Triq Marsalfron fix-Xagħra Għawdex qed jilmentaw mill-istat ħażin tat-triq kif ukoll minħabba l-kumulu t'ilma li jkun hemm kull meta tagħmel ix-xita tant li r-residenti jkunu kostretti jibqgħu fi djarhom għaliex inkella jinġarru mill-wied tal-ilma kif ukoll ikun hemm ħsarat fil-proprjetajiet appuntu minħabba l-influss qawwi t'ilma, peress li l-Gvern ilu żmien wiegħed li din it-triq se tingħata l-attenzjoni meħtieġa iżda dan qatt ma seħħ, jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru x-xogħlijiet meħtieġa f'din it-triq kemm għal benefiċċju tar-residenti kif ukoll għal dawk kollu li jagħmlu użu minn din it-triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Enemalta — wires tad-dawl

Question

Jista’ l-Ministru jinvestiga l-problema ta’ din il-familja li d-dettalji dwarha qed jitbagħtu separatament li għandhom wires tad-dawl għaddejjin minn mal-bieb tal-gallarija tagħhom b’inkonvenjent u periklu għalihom u minkejja li l-uffiċjali tal-Korporazzjoni Enemalta kienu anke marru fuq il-post sal-lum dawn ma tneħħewx?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi wara li saret spezzjoni fuq is-sit imsemmi, ġie kkonfermat li għalkemm saru xi tibdiliet fil-livelli tal-bini l-ebda applikazzjoni ma kienet sottomessa lill-Korporazzjoni Enemalta biex jiġu mressqin il-linji.

Tarzna — għoti ta' arretrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ma rċeviet xejn bħala arretrati tat-Tarzna?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.