Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #36336 Sitting 504 2012-10-03 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Ministeru tal-Intern

kunsill lokali — fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 35937, jista' l-Prim Ministru jgħid meta se jkun lest l-eżerċizzju imsemmi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35937.

Birżebbuġia — Triq San Mikiel - tiswijiet fil-kanna tal-ilma

Question

Jista' l-Ministru jara, stante t-tentattivi inutili da parti tar-residenti, li l-kanna maqsuma fi Triq San Mikiel, Birżebbuġia tiġi rranġata u ma jibqax ħiereġ l-ilma?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħadet il-passi neċessarji u l-ħsara ssewwiet.

Residenza San Vinċenz de Paul — sala tad-demensia

Question

Jista' l-Ministru jara li l-anzjan li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u li jinsab fir-Residenza San Vinċenz de Paul jiġi trasferit fis-sala tad-demensia peress li qed ibati minn din il-kundizzjoni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-kundizzjoni li jinsab fiha l-anzjan li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant m’għadiex idonja sabiex jiġi trasferit fis-sala speċjaliżżata għall-persuni li jbatu bid-dimentia, minħabba l-livell ta’ dipendenza. L-anzjan jinsab f’sala oħra li titratta persuni b’kundizzjonijiet mediċi.

WSC — ħsarat f'kanna

Question

Jista' l-Ministru jara l-ilment tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward xi kanna li qiegħda tqattar wara li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għamlet xi xogħlijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma installat xi apparat ta’ komunikazzjoni mal-meter, u minħabba li ċċaqlaq ix-xogħol, ikkawża leak żgħir. Din il-ħsara qatt ma ġiet irrapurtata lill-korporazzjoni, biss kif daħlet l-informazzjoni, ġiet imsewwija minnufih.

ilmenti dwar kont tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-mara li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li għalkemm ħallset l-arretrati kollha tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma, għadha qed tirċievi kontijiet għoljin?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ngħatat lil ARMS Ltd li min-naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijient.

ilment dwar xogħol ġo barriera

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar damet tliet snin biex twaqqaf ix-xogħol li kien qed isir f’barriera ġewwa ċentru ta’ raħal? X’żamm milli jitwaqqaf ix-xogħol immedjatament hekk kif bdew jidħlu l-ilmenti lill-awtorità u ma twaqqafx anqas wara li saret protesta spontanja mill-President tal-PN u sindku tal-PN fis-Siġġiewi? Ir-residenti se jiġu kkumpensati għal dak li għaddew minnu u li għadhom jiffaċjaw? Meta se jibda l-bini fl-imsemmi sit u x’metodi se jintużaw biex din id-darba tiġi salvagwardjata s-saħħa tar-residenti? Se jkun hemm time frame ta' kemm suppost irid idum l-iżvilupp? In-numru tal-permess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-isem tal-perit tax-xogħlijiet imsemmija u tas-sinku u president tal-PN qed jintbagħtu separatament.

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-sit in kwistjoni ma jikkonsistix minn barriera kif deskritt fl-interpellanza, imma minn sit kbir ta' kostruzzjoni kopert bill-permessi meħtieġa. Il-permess (PA 3277/06) jawtorizza diversi livelli ta' basement garages taħt il-livell tat-triq li allura jirrekjedu qtugħ ta' blat estensiv. Peress li l-ġebla kienet ta' kwalita' tajba ħafna, ġiet aċċettata talba sabiex din ma tintremix u li kellha tinqata' b'tali mod li terġa' tintuża. Il-permess inkluda Construction Management Plan (CMP) li rregola din il-materja. Fost affarijiet oħra, is-CMP speċifika l-qies u l-forma tal-ġebla li kellha tinqata' mill-post u l-makkinarju li kellu jintuża. Fil-fatt l-mineral kellu jinqata' fi blokki kbar u jinġarr għal post ieħor fejn kellu jkun ipproċċessat. Allura f'dak l-istadju x-xogħol tħalla jsir kif approvat. L-Awtorita` kienet tissorvelja l-operat u interveniet kemm il-darba sabiex tassigura prattiċi ta' xogħol li ma jikkawżax danni għall-pubbliku. Pero eventwalment l-iżviluppatur ċekken il-qies tal-ġebla minn blokki kbar għall-daqs ta' kantun u beda juża makkinarju differenti, kontra kif approvat fil-Construction Management Plan (CMP). F'dan l-istadju allura l-uffiċċjali tal-Infurzar tal-Awtorita` waqqfu x-xogħol f' April 2011 skont Avviż ECF 172/11. Dan l-Avviż ġie irtirat f'April, 2012 wara li kienu approvati emendi fis-CMP li issa aċċetta metodu differenti fejn il-blat kellu jitkisser bil-musmar u mhux iżjed jinqata' f' forma ta' blokki biex jerġa' jintuża. Il-permess għandu validita ta' ħames snin u jiskadi f'Diċembru tal- 2014. L-Awtorita' ma tidħolx fi drittijiet ċivili ta' kumpens bejn is-sid u terzi.

Awtorità tad-Djar — ittra mhux imwieġba

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-Awtorità tad-Djar mhux qed tirrispondi l-ittra li ntbagħtet minn omm ta' persuna b'diżabilità li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fil-25 ta' Ġunju 2012 minħabba l-problema li għandha fil-fond tal-gvern?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-individwu sarlu appuntament mal-Kap Ezekuttiv tal-Awtorità tad-Djar nhar it-Tlieta 2 t'Ottubru, 2012, flimkien mas-social worker sabiex jiġi diskuss il-proċess tal-applikazzjoni tal-individwu.

Isla — ilment dwar substation

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi se tieħu l-Korporazzjoni Enemalta rigward substation li hemm fi Triq 4 ta' Settembru l-Isla minħabba sħana kbira li qed ikun hemm peress li l-fannijiet fejn hemm fil-magni mhumiex mixgħulin b'konsegwenza li qed ikun hemm ħafna sħana?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li minħabba li qed isir xi xogħol fil-bieb tas-substation, kien hemm il-ħtieġa li jinqala’ l-extractor fan li kien imwaħħal mal-bieb. Temporanjament twaħħal exractor fan ieħor fuq in-naħa ta’ ġewwa tas-substation. Malli x-xogħol ikun lest se jerġa' jitwaħħal l-extractor fan mal-bieb kif kien qabel.

ilment dwar individwu

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li, għad li daħlu ilmenti fil-konfront tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, minħabba imġieba skorretta u illegali, dan sal-lum dejjem ġie protett u qatt ma ttieħdu passi kontra tiegħu? Jista' jgħid għalfejn l-imġieba skorretta u illegali ta' dan l-individwu, għad li huwa sigriet magħruf, dejjem ġiet aċċettata mill-awtorità? Jista' jgħid jekk dan l-individwu jgawdix xi forma ta' privileġġ minħabba li dejjem tħalla jaġixxi b'mod skorrett u illegali?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-unika każ allegat lill-MEPA fil-konfront tal-uffiċċjal imsemmi, kien mgħoddi u sussegwentement investigat mill-Pulizija ftit xhur ilu. Il-Pulizija eventwalment infurmaw lill-MEPA li nvestigat bir-reqqa l-każ u ma sabet ebda raġuni biex titteħed azzjoni mill-Pulizija fuq dan l-uffiċċjal. Il-MEPA, kontra għal dak li qed tgħid il-mistoqsija, ma kellhiex allegazzjonijiet oħrajn fir-rigward ta' dan l-uffiċċjal. Jekk l-Onor. Interpellant għandu xi informazzjoni dwar "aġir skorrett u llegali", kif semma, huwa mitlub iressaq kollox lill-MEPA jew lill-Pulizija.

Pensjoni għall-persuni b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li minkejja li l-Budget 2012 kien jindika li persuni b'diżabilità kienu se jieħdu u/jew jibqgħu jieħdu din il-pensjoni sħiħa irrispettivament mid-dħul tagħhom, issa ċerti koppji li żżewġu wara ċertu żmien qabel il-cut off date magħżula arbitrarjament mid-dipartiment, qed isibu li m'għadhomx intitolati? Ma jaħsibx li din l-anomalija għandha tiġi rranġata għaliex tista' tkun interpretata bħala waħda diskriminatorja?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li l-miżura tal-baġit 2012 li qed jagħmel riferenza għaliha kienet estensjoni ta’ miżura oħra tal-baġit għas-sena 2007. Fil-miżura tal-2007, għal skop ta’ test tal-mezzi biex persuna tikkwalifika għal Pensjoni għal Diżabilita’, id-dħul kollu tal-konjugi tal-persuna b’diżabilita’ li tiżżewweġ wara s-6 ta’ Jannar 2007, kien qed jiġi injorat. Il-Gvern ħass li din l-eżenzjoni għandha tiġġedded b’sena kull sena wara minn Jannar 2012. U appuntu d-Dipartiment qed jimplimenta din il-miżura kif maħsuba fil-baġit. Nista’ nżid li fil-preżent qed isiru l-istudji neċessarji biex jiġi deċiż jekk u kif għandha tiġi estiża din il-miżura biex tolqot kategoriji oħra ta’ persuni b’diżabilità.

Kummissjoni ta' Kontra l-Korruzzjoni — aċċes għas-Simblija

Question

Jista' l-Ministru jgħarraf lill-Kamra jekk ir-rapport finali tal-Kummissjoni ta' Kontra l-Korruzzjoni 392/11/11 dwar il-każ ta' aċċess għas-Simblija ġiex konkluż u preżentat lill-gvern? Jista' jgħid ukoll jekk din l-investigazzjoni ġietx inizjata min-naħa ta' xi Ministeru jew entità governattiva?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-każ għadu qed jiġi investigat mill-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni. L-investigazzjoni ġiet inizjata fuq talba ta’ individwu.

Kappara — servizz tat-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jara jekk jistgħux isiru xi arrangamenti mal-Arriva sabiex ir-residenti f’Upper Kappara jkollhom aċċess għal trasport pubbliku li mhux biss jgħaddi minn qribhom iżda li anke jieqaf fil-viċin minħabba l-inkonvenjenza li spiss qed tirriżulta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi preżentament hemm żewġ rotot li jservu l-inħawi tal-Kappara. Dawn huma: Rotta 24 – li għandha servizz ta’ kull siegħa mill-Belt Valletta u li tgħaddi mill-Imsida, Tal-Qroqq, San Ġwann (Triq Sliema), żoni oħra ġewwa San Ġwann, Ta’ Ġiorni u tas-Sliema. Għaldaqstant ir-residenti tal-Kappara għandhom aċċess għall-Belt Valletta u nħawi oħra mill- bus stops li hemm fi Triq Sliema. Rotta 120 – li għandha servizz ta’ kull nofs siegħa u li tgħaqqad l-inħawi tal-Kappara mal-Isptar Mater Dei, San Ġiljan, Pembroke, San Ġwann (Ċentru), Birkirkara, Marsa Park and Ride, Raħal Ġdid, Fgura, Żabbar u x-Xgħajra. Din ir-rotta tgħaddi minn Triq Birkirkara u l-parti ta’ fuq ta’ Triq Sliema. Infurmat ukoll illi meta ġie mniegħed is-servizz il-ġdid fit-3 ta’ Lulju 2011, l-inħawi msemmija kienu servuti bir-rotta 123 iżda din kienet tneħħiet minħabba l-ilmenti li Transport Malta rċeviet mir-residenti tal-inħawi li ma' xtaqux li dan is-servizz jibqa’ jgħaddi miċ-ċentru tal-Kappara

Ta' Xbieb — ilment minħabba nemus u ġrieden

Question

B'referenza għan-nemus u anki ġrieden li qed ikun hemm spiss, jista' l-Ministru jara jekk jistgħux jittieħdu passi dwar il-mod kif bitħa bejn Triq G. Mitrovich u n-naħa ta' wara ta' Triq G. Calì, Ta’ Xbiex qed tintuża bħala dumping ground għal karozzi abbandunati u msadda li ntefgħu ġo fiha mis-sidien ta' garaxx fil-qrib, b’inkonvenjent kbir għar-residenti fl-inħawi?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fis-7 ta’ Settembru, 2012 uffiċċjali għas-Saħħa Ambjentali fi ħdan id-Direttorat għal Saħħa Ambjentali wettqu spezzjoni ġewwa bitħa li tappartjeni lil Helena Flats, Triq Emanuele Galizia u li tinsab fil-viċinanzi ta’ Triq G. Mitrovich, Ta’ Xbiex u dan wara li ġew ikkuntatjati xi nies li joqgħodu fl-istess triq rigward din il-bitħa. Waqt din l-ispezzjoni minnbarra karozzi pparkjati ġie nnutat akkumulu zgħir ta’ żibel kemm taħt il-karozzi kif ukoll imxerred fil-bitħa. Is-sid tal-bitħa ġie ordnat sabiex ineħħi dan l-akkumulu. Bħala prekawzjoni s-sid tal-istess bitħa ġie nfurmat sabiex jagħmel trattament għal kontra l-ġrieden ġol-istess bitħa. Fis-7 ta’ Settembru, 2012 sar ukoll trattament għal kontra l-ġrieden fit-toroq indikati minn ħaddiema tal-Pest Control Unit fi ħdan id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali. Uffiċċjali għas-Saħħa Ambjentali reġgħu għamlu spezzjoni fil-11 ta’ Settembru, 2012 fil-bitħa in kwestjoni fejn ġie kkonfermat li l-akkumulu tneħħa u l-bitħa tnaddfet.

Meals on Wheels

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament minn l-Isla li applikat għas-servizz aktar minn sena u nofs ilu ta' meals on wheels għadha bit-talba tagħha pendenti?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li t-talbiet għas-servizz tal-Meals-On-Wheels żdiedu sostanzjalment. Biex naqdu dawn it-talbiet, il-Maltese Cross Corps li tieħu ħsieb it-tqassim tal-ikel kellha żżid van ieħor mat-tlieta li diġa’ għandha biex iqassmu madwar 295 ikla kuljum f'47 lokalità f'Malta. Il-lokalita’ fejn toqgħod il-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ma hiex inkluża fis-servizz għax s’issa din kienet l-unika applikazzjoni li hemm minn din il-lokalita’. It-talba tal-applikanta qed tiġi pproċessata u kkunsidrata għal mal-estensjoni tas-servizz li qed jiġi ppjanat.

Transport Malta — Rotta għall-akwati tal-Ibraġġ

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga, flimkien mal-kumpanija Arriva, l-ilmenti varji mingħand residenti fl-akwati tal-Ibraġġ li filwaqt li qabel kellhom ir-rotta 64 li kienet teħodhom il-Belt u Tas-Sliema b'regolarità kbira, u llum hemm il-bus 233 li teħodhom Tas-Sliema biss kull siegħa u n-numru 33 li teħodhom il-Belt, bir-riskju li jekk wieħed jitlef waħda minnhom għax kważi qatt ma jiġu fil-ħin u tant qed ikun hemm nuqqas ta' puntwalità li f'ħafna ċirkostanzi, r-residenti lanqas biss ikunu jafu l-karozza tal-linja tkunx diġà għaddiet mill-bus stop jew le u b'hekk jispiċċaw ikollhom idumu jistennew xi sagħtejn għad-destinazzjoni tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #36454 Sitting 504 2012-10-03 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Rabat - Triq Ċetta Mintoff u Triq Manuel Dimech

Question

Peress li r-residenti tat-toroq Ċetta Mintoff u triq Manuel Dimech fir-Rabat, Għawdex għandhom problema ta' għargħar meta tagħmel ix-xita b'dan li r-residenti qed ibagħtu minn inkonvenjent; peress li biex tissolva l-problema irid isir proġett għaż-żona kollha; tista' l-Ministru tgħid kif din il-problema ta' għargħar se tiġi indirizza peress li r-residenti ilhom is-snin iġibu din il-problema a kunjizzjoni tal-awtoritajiet?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li x-xogħlijiet imsemmija se jsiru aktar 'il quddiem meta jkun possibbli.
Leg 11 PQ #36455 Sitting 504 2012-10-03 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru tal-Intern

Għawdex — Rabat - Triq Anton Tabone - xogħlijiet mill-kunsilli lokali

Question

Peress li r-residenti ta' Triq Anton Tabone fir-Rabat, Għawdex in partikolari dik il-parti tat-triq li tinsab qrib il-Knisja ta' Pompej fir-Rabat, Għawdex qed jilmentaw għaliex il-gradi li saru mill-kunsill lokali mhux biżżejjed biex jilqgħu l-ilma u għalhekk meta għamlet ixxita kien hemm kumulu ta' ilma f'dik il-parti tat-triq, u peress li jidher li dawn ix-xogħlijiet saru mill-kunsill lokali, jista' l-Prim Ministru jara li l-gandotti li hemm u l-gradi li hemm fuqhom ikunu biżżejjed biex jilqa l-ilma kollu li jkun hemm f'dik il-parti tat-triq?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-gradi li qed tirreferi għalihom l-Onor. Interpellant ma sarux mill-Kunsill Lokali tar-Rabat. It-triq hi waħda arterjali/distributorja u allura ma taqax taħt ir-responsabilità tal-Kunsill Lokali.
Leg 11 PQ #36456 Sitting 504 2012-10-03 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru tal-Intern

Għawdex — Żebbuġ - Triq Sagħtrija - xogħlijiet fuq triq

Question

Peress li r-residenti ta’ triq Sagħtrija, fiż-Żebbuġ, Għawdex qed jilmentaw għaliex parti mit-triq qed iċċedi u fil-parti ta’ fuq tat-triq li tmiss ma' Triq Skapuċċina hemm ukoll ħofra fonda, jista' għalhekk il-Prim Ministru jara li din it-triq tingħata l-attenzjoni meħtieġa mill-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ li se ssir site visit mill-Perit tal-Kunsill fit-toroq li rreferiet għalihom l-Onorevoli Interpellant.

Għawdex — Imġarr - irwejjaħ

Question

Peress li fl-Imġarr, Għawdex hemm problema minħabba rwejjaħ ta' drenaġġ ikkagunati minn blockage fis-sistema tad-drenaġġ għaliex instaddu l-mini; peress li meta sar ir-rapport lid-dipartiment konċernat, id-dipartiment qed jgħid li dan ix-xogħol ma jistax isir għaliex f'Għawdex m'hawn l-apparat ta' sigurtà meħtieġa u nel frattemp il-problema qed tippersisti u dan b'inkonvenjent kbir, jista' l-Ministru jara x'hemm bżonn isir biex din il-problema tiġi riżolta?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-ilma bdiet ix-xogħol meħtieġ fuq il-mina, fejn ifforma blockage qawwi, x’aktarx ikkaġunat mill-maltempata qawwija tal-bidu ta’ Settembru. Dan huwa xogħol ta’ natura perikoluża u għalhekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-ilma tieħu miżuri għolja ta’ prekawzjoni għas-saħħa tal-ħaddiema tagħha. Dawn il-miżuri jinkludu li l-apparat tas-sigurta’, inkluż dak ta’ Għawdex, perjodikament jinħareġ mis-servizz għall-manutenzjoni u ċertifikazzjoni.
Leg 11 PQ #36459 Sitting 504 2012-10-03 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Ministeru tal-Intern

Kunsilli lokali — accountants u awdituri

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-accountants kif ukoll l-awdituri tal-kunsill lokali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.