Skema l-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek — Memorandium of Understanding
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta jiskadi l-Memorandium of Understanding li għandu mal-ispiżeriji involuti fl-Iskema l-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek u jekk qegħdin isiru xi diskussjonijiet mal-Kamra tal-Ispiżjari?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-Memorandum of Understanding skada fis-27 ta’ Lulju 2012. Il-ftehim ġie estiz sa Diċembru 2012. Bħalissa qed isiru diskussjonijiet bejn il-partijiet kollha kkonċernati f’dan ir-rigward.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk għadhomx għaddejjin diskussjonijiet mar-Royal College of Surgeons tal-Irlanda, St George's Medical School u John Hopkins University separatament, biex dawn jiftħu medical schools Malta? Jekk iva fiex waslu dawn id-diskussjonijiet? Jekk le, x'inhi r-raġuni għaliex dawn id-diskussjonijiet sfaw fix-xejn?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li sar proċess ta’ għażla wara sejħa għall-proposti mis-St George’s Medical School u r-Royal College of Surgeons tal-Irlanda. F’Jannar tal-2011, s-St George’s Medical School kienu nfurmati li kienu ntagħzlu mill-Bord tal-Għażla. Sfortunatament, is-St George’s ma kienux laqgħu l-istedina tal-Gvern biex jitwaqqaf dan il-programm. Bħalissa ma hemm ebda proċess ta’ diskussjonijiet biex titwaqqaf skola medika, ma’ ebda parti msemmija f’din il-Mistoqsija Parlamentari.
Tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra jekk għadhomx għaddejjin diskussjonijiet mar-Royal College of Surgeons tal-Irlanda, St George's Medical School u John Hopkins University separatament, biex dawn jiftħu medical schools Malta? Jekk iva fiex waslu dawn id-diskussjonijiet? Jekk le, x'inhi r-raġuni għaliex dawn id-diskussjonijiet sfaw fix-xejn?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 36755 li ġiet imwieġba mill-Onor. Ministru Cassar.
Minħabba l-inkonvenzji li qed isaqqfu wiċċhom magħhom ir-residenti ta' naħa ta' fuq tal-Kappara fi Triq Sliema u l-madwar speċjalment dawk anzjani, jista' l-Ministru jgħid jekk il-bus stop li kien hemm f'Regional Road qrib it-tarf ta' Triq Sliema, jerġa jibda jiġi użat minħabba li jgħaddu minn quddiemu l-buses 24, 34 202 u 203?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-imsemmi bus stop tneħħa milli jintuża minħabba raġunijiet ta’ sigurtà.
Transport Malta — Traffic Impact Assessment fuq Kappara Junction
Question
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istudji kollha ambjentali u dawk ħolistiċi fuq traffic impact assessments li saru jew ġew ikkumissjonati minn Transport Malta qabel għamlet l-għażliet rakkmandati tagħha dwar l-iżviluppi proposti dwar Kappara Junction? Meta saru dawn l-istudji? Minn min saru, u meta ġew ikkummissjonati? Id-deċiżjonijiet ta' Transport Malta dwar din l-issue, fuq liema livell ittieħdu u jekk qabel sar dan kienx hemm konsultazzjoni ma Ministeri u entitajiet governattivi oħra?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn non-Eurpoean Union nationals li għandhom work permit biex jaħdmu xogħol ta' accountants u partly qualified accountants u/jew trainee accountants ma' audit firms u accountancy firms Maltin?
Response (CRISTINA, DOLORES)
In-numru ta` non-European Union nationals li għandhom work permit biex jaħdmu xogħol ta` accountants u partly qualified accountants u/jew trainee accountants ma` audit firms u accountancy firms Maltin, huwa dak ta` 21.
Siġġiewi — xogħol ta' embellishment f'Tal-Providenza
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36395 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u issa ġiet riferuta lilu u jgħid għaliex ix-xogħol ta' embellishment li qed isir f'Tal-Providenza s-Siġġiewi (u li r-ritratti dwar dan qed jingħataw separatament), il-livell tal-art se tiġi mgħollija fil-livell taz-zuntier tal-kappella bil-konsegwenza li l-ilma tax-xita se jispiċċa jxaqleb fuq iz-zuntier tal-kappella?
Response (MARCO, MARIO DE)
Ix-xogħol fuq il-pavimentar qiegħed isir bħala parti mill-proġett MaltaGoesRural u li hu ko-finanzjat mill-unjoni Ewropeja taħt il-fond EAFRD.
L-għan ta’ dan il-proġett hu jinħolqu numru ta’mixjiet f’żoni rurali filwaqt li qed isir xi tisbiħ ta’ postijiet ta’ interess rurali. Fil-Providenza ser issir it-triq ta’ quddiem il-knisja li kienet bl-asfalt u minflok ser issir parti bil-qawwi
(hardstone)
fil-parti ta’ quddiem il-kappella u bil-
grass blocks
fi triq li twassal sa’ din il-pjazzetta. Inbidlu wkoll xi ħitan tas-sejjieħ u ser titwaħħal għamara ta’ barra ġdida.
Ninsab infurmat illi għalkemm il-livell tal-madum (qawwi) se jgħolli xi ftit il-livell tal-art, ix-xogħolijiet ser ikunu maħduma sabiex jaraw li ilma tax-xita ma jxaqlibx fuq iz-zuntier.
Jista' l-Minsitru jordna li ssir zebra crossing f'Gate Street, Ħal Luqa biswit is-soċjetà tal-Museum u dan peress li kuljum jinġabru numru kbir ta' tfal u t-triq hija traffikuża?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta ma rċeviet l-ebda talba għal zebra crossing fi Triq ix-Xatba, Luqa. Minħabba li Triq ix-Xatba mhix triq arterjali jew distributorja, tali talba għandha tiġi sottomessa mill-kunsill lokali.
Tista' l-Ministru tgħid kemm irriżenjaw għalliema fl-aħħar erba' xhur mid-DES? Liema suġġett kienu jgħallmu u kemm kien ilhom fis-servizz?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra lista li tindika kemm irreżenjaw għalliema fl-aħħar erba’ xhur mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi u liema suġġetti kienu jgħallmu dawn l-għalliema.
F’dawn l-aħħar erba’ xhur 15-il għalliem irriżenja minn mad-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi.
4 - marru jgħallmu f’iskejjel oħra
2 - marru jaħdmu barra minn Malta
1 - sab xogħol ieħor
1 - sab it-tagħlim difiċli (kien supply)
7 - raġunijiet oħra
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-Ministeru tiegħu flimkien mad-Diviżjoni tas-Saħħa kienu ssottomettew Expression of Interest b'riżultat ta' avviż maħruġ minn avukati privati u ppubblikat f'gazzetta lokali li permezz tiegħu l-istess Ministeru wera interess li jikri jew jixtri l-Isptar St Philip's f'Santa Venera mingħand il-persuna li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament liema expression of interest waslet biex il-Ministru japprova Memorandum of Understanding li permezz tiegħu l-Gvern Malti jopera dan l-isptar kif ukoll ingħata Letter of Undertaking mill-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment minkejja li r-Regolamenti Finanzjarji ta' Prokurar f'pajjiżna gestiti permezz ta' Avviż Legali 296/10 li huma transposizzjoni ta' direttivi ewropej dwar prokurar ma jippermettux li jsir dan imma bil-maqlub kellu jkun il-gvern li joħroġ sejħa għall-offerti li tistieden offerenti biex joffru s-servizz ta' sptar lill-gvern?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li skont ir-Regolament 17 (1)(f) tar-Regolamenti dwar Kuntratti Pubbliċi (Avviż Legali 296/10), dawn ir-regolamenti ma’ japplikawx għal akkwist jew kiri ta’ art, bini, propjeta immobiljari jew xi drittijiet fuq propjeta’.
F’Malta ilu jinħass il-bżonn għal faċilita` ġdida ta’ riabilitazzjoni. Fil-fatt il-gvern preżenti kien identifika din il-ħtieġa u inkludiha bħala wegħda elettorali għal din il-leġiżlatura. Meta wieħed jikkunsidra l-esperjenza miksuba mill-isptar Karen Grech, l-evidenza bbażata fuq l-iżviluppi fil-mediċina ta’ riabilitazzjoni fuq skala internazzjonali u wkoll il-bidliet demografiċi lokali, joħroġ ċar li s-separazzjoni tal-funzjonijiet tal-kura ġerjatrika u tar-riabilitazzjoni hija essenzjali sabiex is-servizzi ta’ riabilitazzjoni ikunu jistgħu jiżviluppaw b’mod li jindirizzaw tajjeb il-ħtiġiet tal-popolazzjoni tagħna.
Il-ħtieġa u t-talba għal servizzi ta’ riabilitazzjoni huma marbuta direttament mal-iżviluppi li qed iseħħu fis-sistema tagħna tas-saħħa bħala risposta għal mod kif qed tinbidel l-epidemoloġija, b’mod partikolari riżultat ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ u riżultat ukoll tal-iżviluppi fil-mediċini u teknoloġiji ġodda li bihom qed ikun trattat il-mard kroniku. Dawn iż-żewġ fenomeni irriżultaw f’numru dejjem jiżdied ta’ persuni li jbatu minnmard kroniku (bħal
osteoarthritis
) u li jkunu jeħtieġu proċeduri ta’ kirurġija, kif ukoll persuni li jkollhom trauma, problemi serji tal-qalb u mard cerebrovaskulari (puplesija). Il-benefiċċji li wieħed jista’ jikseb minn servizzi ta’ riabilitazzjoni tajbin u effettivi għandhom impatt enormi fuq l-individwi u l-familji tagħhom kif ukoll fuq is-soċjeta b’mod ġenerali. Persuni li jkunu kapaċi jirritornaw għal ħajja indipendenti jew semi-indipendenti iħossuhom ferm aħjar u f’pożizzjoni li jikkontribwixxu lejn is-soċjeta` u lejn l-ekonomija tal-pajjiż.
Il-vojt li jeżisti bħalissa fil-firxa ta’ servizzi ta’ riabilitazzjoni pprovduti, b’mod partikolari minħabba l-infrastruttura eżistenti, nuqqas ta’ apparat meħtieġ u l-frammentazzjoni tas-servizzi offruti, irriżulta f’talbiet minn individwi li jieħdu t-trattament neċessarju barra minn Malta f’Ċentri ta’ eċċellenza fir-riabilitazzjoni. Sal-lum ħadd ma kien riferut għal din il-kura kemm minħabba t-tul ta’ żmien u wkoll minħabba l-ispejjeż involuti.
L-infrastruttura preżenti tikkonsisti fi:
(i) Servizzi offruti lill-pazjenti ġewwa sala waħda f’Karen Grech
(ii) Servizzi ta’ “Outpatient” (OPD, li jinkludu fiżjoterapija,
occupational therapy
u idroterapija) li sal-lum għadhom kollha ġewwa l-Isptar St Luke’s peress li qatt ma kienu parti mill-Brief tal-Isptar Mater Dei
(iii) L-
Orthotics and Prosthetics Unit
(OPU), li wkoll tinsab fl-Isptar St. Luke’s.
Għaldaqstant il-bżonn li dawn it-tlett servizzi jiġu rilokati f’post ieħor sar wieħed urġenti.
Il-faċilita` ta’ riabilitazzjoni ġdida se tkun il-post fejn jinġiebu flimkien grupp ta’ professjonijisti u ħaddiema bil-kompetenzi u l-esperjenza meħtieġa sabiex jiggwidaw, jimmotivaw u jagħtu s-sapport meħtieġ lill-individwi u l-familji tagħhom sabiex jerġgħu jakkwistaw l-ogħla livell ta’ indipendenza possibbli (kemm fiżika, sensorjali, intellettwali u psikoloġika) wara proċedura, marda jew aċċident. Is-servizzi li se jkunu offruti mill-esperti kliniċi għandu jkun imwieżen bl-investiment meħtieġ f’infrastruttura moderna u l-apparat meħtieġ għal riabilitazzjoni b’suċċess.
Is-servizzi ta’ riabilitazzjoni se jkunu pprovduti lil dawk il-pazjenti li jkunu jikkwalifikaw għalihom. Mil-lat kliniku, din il-faċilita` se tkun tifforma parti mid-direttorat kliniku il-ġdid tan-Neurosciences and Rehabilitation. Il-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita` qed jipproponi li jaħdem fil-qrib ma’ esperti barranin f’dan il-qasam sabiex din il-ħidma tkun suċċess.
Huwa maħsub li l-profil tipiku ta’ dawk li se jkunu qed jużaw dan is-servizz ikun dan li ġej:
§ Pazjenti li saritilhom amputazzjoni u oħrajn li kellhom amputazzjonijiet u li jeħtieġu riabilitazzjoni u
prosthetic training
intensiv;
§ Pazjenti li sarulhom proċeduri ortopediċi bħal
hip/knee replacements
;
§ Pazjenti li saritilhom xi operazzjoni;
§ Pazjenti li jkunu qed isofru min effetti ta’ trawma, kemm wara operazzjoni u kemm jekk le:
§ Pazjenti li jkunu qed isofru minn kundizzjonijiet newroloġiċi bħal puplesija;
§ Pazjenti li jkunu għamlu operazzjonijiet fl-ispina u
neurosurgical procedures
;
§ Pazjenti li jkollhom bżonn riabilitazzjoni tal-qalb (għad trid tkun żviluppata);
§
Paediatric rehabilitation
(
to be developed
)
Huwa stmat li hemm bżonn ta’ faċilita` b’280 sodda sabiex ikunu koperti dawn is-servizzi. L-Isptar St Philip`s kien identifikat bħala tajjeb sabiex jieħu 100 sodda b’mod immedjat, u b’hekk ikun qed itaffi 100 sodda mis-sistema tas-saħħa tagħna u wkoll jagħti lok li s-sodod fl-Isptarijiet Mater Dei u Karen Grech ikunu utilizzati aħjar, speċjalment issa li ġejjin ix-xhur kesħin tax-Xitwa. Il-proċess sabiex is-sit ikun jista’ jiġi żviluppat sabiex jinkorpora 280 sodda se jkun analizzat mal-MEPA.
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' konsulenti Maltin u barranin (individwi jew kumpaniji) li l-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu għamel użu minnhom minn 2008 sal-lum? Jista' jgħid jekk kull servizz mogħti ġiex magħżul wara sejħa għall-offerti jew b'direct order? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw? Għal kemm perjodu ta' żmien kienu ingaġġati ? Jekk iżjed minn sena jew term wieħed, għal kemm-il term jew sena mill-ewwel darba li ġew appuntati biex jagħtu dan is-servizz ilhom jagħmlu dan? Kemm kienu il-fees u spejjeż oħra relatati li tħallsu? Jekk il-każ fuq it-terminu ta' żmien li matulu kienu qed jipprovdu dan is-servizz kemm tħalsu globalment fuq medda ta' żmien min mindu ġew appuntati l-ewwel darba?
Kemm kienet ir-rata kull siegħa tal-
fees
li tħallsu ?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar karozzi mixtrija jew mikrija u li qiegħdin għall-użu tal-uffiċjali fil-Ministeru tiegħu, inkluż l-enti kollha li jaqgħu taħtu? Kemm hi l-ispiża ta' kull sena għas-snin 2010, 2011 u 2012 fuq dan ir-rigward mill-Ministeru u mill-enti kollha li jaqgħu taħtu?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti lista tal-benefikanti minn sponsorships u donazzjonijiet li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-enti kollha li jaqgħu taħtu , dawk li kienu ta' 'l fuq minn €2500 kull għotja fis-snin 2010, 2011 u 2012? Kemm ingħata lill kull benefikant? Kif ġew magħżula biex jibbenefikaw minn dawn il-fondi?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid il-monument li sar mill-Kunsill Lokali ta' Ta' Xbiex, kemm kienet l-orħos offerta? Jista' jgħid kemm sewa biex tlesta dan il-monument?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindika għal liema monument qiegħed jirreferi.
Kunsilli lokali tas-7 distrett elettorali — sejħiet għall-works managers
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema mill-kunsilli lokali tas-7 distrett elettorali ħarġu sejħiet għall-impjieg ta' works manager bejn l-1 ta' April 2012 u t-30 ta' Settembru 2012? Xi kwalifiki speċifiċi kienu mitluba minn dawk li setgħu jikkwalifikaw għal dan ix-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li ebda Kunsill Lokal rispettiv ma ħareġ sejħa kif staqsa’ l-Onorevoli Interpellant.
Kunsilli lokali tal-11-il distrett elettorali — sejħiet għall-works managers
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema mill-kunsilli lokali tal-11 -il distrett elettorali ħarġu sejħiet għall-impjieg ta' works manager bejn l-1 ta' April 2012 u t-30 ta' Settembru 2012? Xi kwalifiki speċifiċi kienu mitluba minn dawk li setgħu jikkwalifikaw għal dan ix-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li ebda Kunsill Lokal rispettiv ma ħareġ sejħa kif staqsa l-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, qed tirċievi l-għajnuna għall-qgħad bi tnaqqis?
Response (SAID, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid saritx laqgħa f'Awwissu li għadda mis-CEO tal-OSCE u/jew ODIHA dwar meta sa ssir l-elezzjoni ġenerali t'Malta? Ingħatatx id-data lil din l-organizzazzjoni internazzjonali? X'ġie diskuss? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-minuti tal-laqgħat li nżammu mas-CEO msemmi fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma saret ebda laqgħa mas-CEO tal-OSCE. Saret laqgħa mas-Segretarju Generali tal-OSCE, f'liema laqgħa ma ssemmitx meta se ssir elezzjoni ġenerali
kumpanija tar-reklamar Lighthouse and Ashley — direct orders
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29642 u jgħid b'mod dettaljat wieħed, wieħed u waħda, waħda x'kuntratti u direct orders ingħataw mill-Ministeru tiegħu u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu lill-kumpanija tar-reklamar Lighthouse and Ashley fil-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2007 sal-lum, inkluż il-valur tagħhom, għal liema skop kien ordnat ix-xogħol relattiv u kemm f'kull każ tħallsu flejjes fuq l-istess direct orders? Kemm jonqos li jitħallsu f'kull każ skont il-każ partikolari, filwaqt li għal kull ħlas jgħid ma' liema sejħa għall-offerti jew direct order hu marbut?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il kunsilli lokali applika għall-program Intact Summer School in Stasbourg li sar f'Lulju li għadda u Lulju 2011? Kemm kienu l-kunsilli li bagħtu lil xi ħadd għal dan il-program? Kemm sewa kull parteċipant u min ħallas l-ispejjeż għalihom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali qed jiġbor l-informazzjoni rikjesta mill-Onorevoli Interpellant permezz ta’ Memo 37/2012 li nħareġ mill-istess Dipartiment. Hekk kif dan l-eżerċizzju jkun komplut, l-informazzjoni tkun ppreżentata fil-Parlament.