Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tqassim tal-frott fl-iskejjel

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36273 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk hemmx kuntratt jew le għat-tqassim tal-frott fl-iskejjel? Jekk fl-affermattiv għalkemm żmien huwa t-terminu ta' dan il-kuntratt u min għandu dan il-kuntratt u kemm hu l-prezz tiegħu? Liema huma l-iskejjel li qed jibbenefikaw minn dan u x'obbligu għandu l-kuntrattur bħal kemm-il darba jrid iqassam frott u jekk dan jistax iġib frott minn barra jew inkella minn Malta biss jew taħlita tat-tnejn?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li hemm kuntratt ta’ tliet snin (2011/12; 2012/13; 2013/14) mal-kuntrattur Frott Artna bil-prezz ta’ €0.30 għal kull tazza bil-frott jew ħaxix. It-tqassim ta’ dawn il-porzjonijiet isir fl-iskejjel kollha primarji tal-iStat, tal-Knisja kif ukoll dawk Privati għall-istudenti tal-etajiet bejn it-3 snin u l-10 snin (jiġifieri minn Kindergarten sa Year 6). It-tqassim huwa ta’ porzjon għal kull student kull ġimgħa matul is-sena skolastika, kif ukoll matul SkolaSajf. Il-kuntrattur huwa obbligat li jqassam darba porzjon ħaxix ma’ kull tliet darbiet frott. Il-kuntrattur jista’ jġib frott minn barra jekk kemm-il darba ma jkunx hemm biżżejjed provista ta’ frott lokali wara li jkun ġab l-approvazzjoni meħtieġa mill-Aġenzija għall-Pagamenti li tamministra din l-iskema.
Leg 11 PQ #36668 Sitting 505 2012-10-08 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Intern

Għasses tal-Pulizija mingħajr sistema ta' PIRS II

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma lil din il-Kamra jekk għadx fadal għasses tal-pulizija mingħajr sistema ta' PIRS II fit-30 ta' Settembru 2012? Jekk iva, liema huma dawn l-għasses tal-pulizija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi fil-preżent l-Għasses f’dawn il-lokalitajiet għadhom mingħajr is- sistema kompjuterizzata PIRS II: Tarxien Mqabba Għargħur Għarb Għasri Birgu Qrendi Mġarr M’Forn San Lawrenz Isla Safi Għadira Żebbuġ Fontana Kalkara Kirkop Ċirkewwa Sannat Munxar Xgħajra Sta. Venera Xagħra Qala Għaxaq Dingli Nadur Għajnsielem Gudja Mdina Xewkija Xlendi M’Xlokk Attard Kemmuna Kerċem Minn żmien għall żmien dawn il-lokalitajiet jiġu evalwati a bażi tad-demografija, it-topografija kif ukoll punti oħra. Fil-fatt f’dawn l-aħħar 4 snin din is-sistema ġiet introdotta għall lewwel darba fil-lokalitajiet tal-Floriana, Siġġiewi, Sta Luċia, Marsa, Mtarfa, Balzan u San Pawl il-Baħar. Barra minn hekk qed isiru l-arranġamenti meħtieġa sabiex is-sistema tal-PIRS tkun introdotta wkoll għall-ewwel darba f’dawn il-lokalitajiet – Ċirkewwa (ferry terminal), Kalkara (Smart City) u Mġarr (ferry terminal).
Leg 11 PQ #36669 Sitting 505 2012-10-08 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Intern

Korp tal-Pulizija — fixed points

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma lil din il-Kamra kemm attwalment qed isiru fixed points fuq bażi ta' kuljum mill-membri tal-Korp tal-Pulizija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi bħalissa hemm 19 il-point fejn issir għassa statika mill-Pulizija. Uħud minn dawn huma fuq bażi ta’ 24x7, oħrajn matul il-lejl u xi wħud matul il-ġurnata.
Leg 11 PQ #36670 Sitting 505 2012-10-08 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Intern

Laqgħat uffiċjali bejn il-Ministeru tal-Intern u l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il laqgħa uffiċjali saret bejn il-Ministeru tal-Intern u l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija bejn id-dati l-1 ta' Jannar 2008 u 30 ta' Settembru 2012? X'kienu d-dati ta' dawn il-laqgħat uffiċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #36671 Sitting 505 2012-10-08 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Intern

Pulizija re-instated

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew re-instated pulizija f'dawn l-aħħar erba' xhur sat-30 ta' Settembru 2012, xahar b'xahar? F'liema grad huma dawn il-pulizija? Kemm minn dawn il-pulizija re-instated kienu nisa u kemm minnhom kienu rġiel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi l-ewwel ta’ Ġunju u l-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena kien hemm 4 membri tal-Korp tal-Pulizija li ġew reinstated, kollha f’Ġunju. Dawn kienu Surġent mara u 3 kuntisabbli rġiel.
Leg 11 PQ #36672 Sitting 505 2012-10-08 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Intern

Rekwiżiti biex tidħol fil-Korp tal-Pulizija

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħarraf lil din il-Kamra x'kienu r-rekwiżiti sabiex persuna, kemm raġel u kemm mara, setgħet tidħol fil-Korp tal-Pulizija, fl-aħħar ħames intakes?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi r-rekwiżiti sabiex persuni, kemm irġiel kif ukoll nisa, setgħu japplikaw għall ingaġġ bħala kuntistabbli fil-Korp tal-Pulizija kienu dawk kif pubblikati fil-Gażżetti tal-Gvern kif ġej: 7 ta’ Settembru 2007, paġna 8281; 10 ta’ Marzu 2009, paġna 2179; 18 ta’ Mejju 2010, paġna 4282; 8 ta’ April 2011, paġna 2807; 8 ta’ Mejju 2012, paġna 7191. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kopji rispettivi ta’ dawn is-sejħiet.
Leg 11 PQ #36673 Sitting 505 2012-10-08 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Intern

Inmates eskortati l-Qorti

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma lil din il-Kamra kemm kien hemm inmates li riedu jiġu eskortati l-Qorti nhar it-28 ta' Ġunju 2012? Kemm kien hemm pulizija xogħol bħala skorta ma' dawn l-inmates fl-istess ġurnata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li nhar it-28 ta’ Ġunju 2012 kien hemm 39 inmate li ġew skortati l-Qorti. Għal raġuni ta’ sigurtà ma jkunx prudenti li tingħata informazzjoni dwar skorta li tintuża f’dawn iċ-ċirkostanzi.

Servizz tat-trasport pubbliku — rotta 24

Question

Jista' l-Ministru jara li Transport Malta tinvestiga rapporti li waslu li bejn il-weekend li għadda u l-bieraħ fejn kien hemm każijiet fejn ir-rotta 24 mill-Belt għal Ta' Giorni ġieli ma ħadmitx f’ċerti ħinijiet minħabba nuqqas ta’sewwieqa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi minn stħarrig li għamlet Transport Malta fuq ir-rotta 24, jirriżulta illi bejn id-29 ta' Settembru u l-1 t' Ottubru 2012 kull vjaġġ skedat twettaq. Madanakollu, jirriżulta wkoll illi 11% tal-vjaġġi ttardjaw sa ħames minuti, 6% tal-vjaġġi ttardjaw bejn sitta u għaxar minuti, 9% tal-vjaġġi ttardjaw bejn ħdax u għoxrin minuta, filwaqt li 9% tal-vjaġġi ttardjaw b'aktar minn 21 minuta fit-tluq tagħhom mill-venda tal-Belt. Fin-nuqqasijiet imsemmija, Transport Malta tapplika il-penalitajiet lil Arriva Malta Ltd skont kif hemm stipulat fil-kuntratt.
Leg 11 PQ #36736 Sitting 505 2012-10-08 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tal-Intern

kunsilli lokali — nies li jagħmlu xogħol ta' avukat

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35236 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni li jagħmlu xogħol ta’ avukat mal-Kunsilli Lokali ta’ Birkirkara, is-Swieqi, Sta Venera, il-Belt Valletta, Ħal-Lija, tas-Sliema, l-Imtarfa, Ħal-Kirkop u San Pawl il-Baħar u l-kuntratti tagħhom? Jekk m’hemm ebda kuntratt, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra xi kitba oħra li jista’ jkun hemm u jgħid il-kriterija li ntużaw biex tintagħżel il-persuna kkonċernata u kemm dawn jitħallsu fis-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35236. Intant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti eżistenti jew xorta oħra ta’ dokumentazzjoni dwar is-servizzi professjonali li qed tirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant, hekk kif provduti mill-Kunsilli Lokali nfushom.
Leg 11 PQ #36737 Sitting 505 2012-10-08 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tal-Intern

kunsilli lokali — nies li jagħmlu xogħol ta' perit

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35237 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni li jagħmlu xogħol ta’ perit mal-Kunsilli Lokali ta’ Birkirkara, is-Swieqi, Sta Venera, il-Belt Valletta, Ħal-Lija, Tas-Sliema, l-Imtarfa, Ħal-Kirkop u San Pawl il-Baħar u l-kuntratti tagħhom? Jekk m’hemm ebda kuntratt, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra xi kitba oħra li jista’ jkun hemm u l-kriterija li ntużaw biex tintagħżel il-persuna kkonċernata u kemm dawn jitħallsu fis-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35237. Intant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti eżistenti jew xorta oħra ta’ dokumentazzjoni dwar is-servizzi professjonali li qed tirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant, hekk kif provduti mill-Kunsilli Lokali nfushom.
Leg 11 PQ #36738 Sitting 505 2012-10-08 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tal-Intern

Kunsilli lokali — nies li jagħmlu xogħol ta' accountants

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35235 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni li jagħmlu xogħol ta’ accountants mal-Kunsilli Lokali ta’ Birkirkara, is-Swieqi, Sta Venera, il-Belt Valletta, Ħal-Lija, Tas-Sliema, l-Imtarfa, Ħal-Kirkop u San Pawl il-Baħar u l-kuntratti tagħhom? Jekk m'hemmx kuntratt, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra xi kitba oħra li jista’ jkun hemm u jgħid il-kriterji li ntużaw biex tintagħżel il-persuna kkonċernata u kemm dawn jitħallsu fis-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35235. Intant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti ezistenti jew xorta oħra ta’ dokumentazzjoni dwar is-servizzi professjonali li qed tirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant, hekk kif provduti mill-Kunsilli Lokali nfushom.
Leg 11 PQ #36739 Sitting 505 2012-10-08 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

Kunsilli lokali — laqgħat ta' konsultazzjoni fis-7 distrett elettorali

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm saru laqgħat ta' konsultazzjoni, għal kull kunsill lokali tas-7 distrett, saru mill-1 ta' April 2012 sat-30 ta' Settembru 2012? X'kien is-suġġett li dwaru saret il-konsultazzjoni f'kull każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat mill-Kunsilli rispettivi li saret laqgħa waħda ta’ konsultazzjoni fil-perjodu msemmi. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji skont kull Kunsill Lokali.
Leg 11 PQ #36740 Sitting 505 2012-10-08 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

Kunsilli lokali — laqgħat ta' konsultazzjoni fil-11-il distrett elettorali

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm saru laqgħat ta' konsultazzjoni, għal kull kunsill lokali tal-11-il distrett elettorali, saru mill-1 ta' April 2012 sat-30 ta' Settembru 2012? X'kien is-suġġett li dwaru saret il-konsultazzjoni f'kull każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat mill-kunsilli rispettivi li saru tliet laqgħat ta’ konsultazzjoni fil-perjodu msemmi. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji tal-laqgħat skont kull kunsill lokali.
Leg 11 PQ #36741 Sitting 505 2012-10-08 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

Kunsilli lokali — laqgħat ta' konsultazzjoni fit-12-il distrett elettorali

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm saru laqgħat ta' konsultazzjoni, għal kull kunsill lokali tal-12-il distrett elettorali, saru mill-1 ta' April 2012 sat-30 ta' Settembru 2012? X'kien is-suġġett li dwaru saret il-konsultazzjoni f'kull każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat mill-Kunsilli rispettivi li saru seba’ laqgħat ta’ konsultazzjoni fil-perjodu msemmi. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji tal-laqgħat skont kull Kunsill Lokali.
Leg 11 PQ #36742 Sitting 505 2012-10-08 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

San Pawl il-Baħar — Kunsill Lokali - theddid

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 36635, u b'referenza għar-rapport li deher dwar ħruq ta' skips u theddid lill-ħaddiema fl-istess stqarrija li dehret fil-media u mhux għal dak mogħti bħala parti mir-risposta, jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm rapporti lill-kunsilli lokali li għalihom kienu riferenza fl-istqarrija li ħareġ il-kunsill? Min kien involut f'dan l-inċident?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi għat-twegiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 36635, ibbażata fuq informazzjoni li kienet inkisbet mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar. Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar kien qed jirreferi għal każ ieħor li ma għandux x’jaqsam ma’ dak oriġinali msemmi fil-Mistoqsija Parlamentari 36635. F’dan id-dawl il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar talab li ssir kjarifika peress li proprjament it-theddid li rrefera għalih l-Onorevoli Interpellant kien taħt forma ta’ graffiti miżbugħa fil-post fejn inħarqu xi skips fil-lokalità. Dan it-theddid sar fil-konfront tal-kuntrattur responsabbli mill-ġbir tal-iskart riċiklabbli fil-lokalità. Infurmat ukoll li l-aġent Segretarju Eżekuttiv mar fuq il-post u nforma lill-Pulizija bil-każ. Mill-informazzjoni li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar għadda lid-Dipartiment jirriżulta wkoll li sar rapport minn terzi persuni dwar il-każ u li l-Pulizija qed tinvestiga l-każ.
Leg 11 PQ #36744 Sitting 505 2012-10-08 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

informazzjoni dwar kariga ta' persuna

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, bħalissa x'kariga qed jokkupa u x' funzjonijiet qed jaqdi fil-gvern? Jista’ jagħti lista tagħhom u jpoġġi l-kuntratti u dokumenti relevant fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kif kont diġa’ stqarrejt, jiena nqis li huwa fl-interess nazzjonali li l-Gvern ikompli jagħmel użu mill-esperjenza twila u l-ħila ta’ din il-persuna f’dak li għandu x’jaqsam mal-Unjoni Ewropea. Għalkemm huwa aċċetta li jservi ta’ konsulent dwar materji marbuta mal-Unjoni Ewropea, huwa talab li jagħmel dan fuq bażi part-time u rrifjuta li jirċievi salarju. La sar u lanqas huwa maħsub li jsir kuntratt, imma nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra datata 26 ta’ Settembru u mibgħuta lis-Sur Richard Cachia Caruana.

Malta Government Scholarships Post-Graduate Scheme

Question

B'referenza għal Malta Government Scholarships Post-Graduate Scheme, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, tista' l-Ministru tikkonferma jekk applikanti li ma jiġux magħżula jistgħux jappellaw dwar il-marki li jkunu ngħataw? X'inhuma r-raġunijiet li minħabba fihom ir-riżultati tal-awards ma joħroġux aktar dettaljati, per ezempju juru wkoll l-areas of interest/priority ta' kull applikant u l-marki li jkunu ngħataw għall-istess areas, biex ikun hemm aktar trasparenza? B'riferenza għall-Awards 2012 (Dottorat), tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra x'kienu l-areas of interest/priority ta' kull applikant li jidher fir-riżultat uffiċjali u x'kienu l-marki li l-applikanti ngħataw għal kull area of interest/priority? B'referenza għall-Awards 2012 (Dottorat), tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra liema minn dawk li ngħataw scholarship qed jew se jsegwu d-Dottorat fuq bażi full-time u kemm fuq bażi part-timeu tgħid liema huma dawk li qed jew se jsegwu l-kors fl-Università ta' Malta u liema huma dawk li se jew qed isegwu l-kors f'Università barra minn Malta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sptar Mater Dei — żjara mill-Università ta' Louvain

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar x'kien ir-riżultat minn dik il-viżita li għamlet id-delegazzjoni mill-Università ta' Louvain xi tliet snin ilu hawn Malta rigward is-settur tas-saħħa u l-Isptar Mater Dei? Jista' jgħid għadx hemm xi kuntatti mal-University Hospital ta' Louvain? Jekk fl-affermattiv, f'liema settur u fuq liema livell?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fis-sena 2010 gie iffirmat ftehim bejn il-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita` u l-Universita Kattolika tal-Leuven. Permezz ta’ dan il-ftehim żewg tobba Maltin fil-livell postgraduate, wieħed fil-kirurgija u l-ohra fl-anesteżija ibbenefikaw minn taħriġ intensiv fl-isptar ta’ din l-Universita`. Iż-żewg tobba temmew it-taħriġ tagħhom b’success. Fl-2013, l-ispeċjalita` tal-Anesteżija ser tibgħat trainee ieħor għall-perjodu ta’ taħriġ. Tul l-2011, żewġ delegazzjonijiet mill-kirurġija u anki mill-anesteżija żaru ukoll dan l-isptar tal-Universita’ Kattolika ta’ Leuven bħala parti mill-istess ftehim.

Skema l-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm s'issa spiżeriji involuti fl-Iskema l-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek u kemm minn dawn għandhom l-aċċess għall-persuni b'diżabilità?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li hemm 162 spiżerija privata li qed tipparteċipa fl-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek. Il-POYC ma żżomx informazzjoni fuq aċċess għall-persuni b’diżabilità fl-Ispiżeriji li qegħdin jipparteċipaw fl-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek.

Skema l-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek — spiżerija li nqatgħu mis-sistema

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi spiżeriji li wara li kienu involuti fl-Iskema l-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek iddeċidew li jinqatgħu minn din l-sistema u għal liema raġunijiet?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li minn mindu bidet l-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek fl-2007 kien hemm żewġ spiżeriji li ddeċidew li jinqatgħu minn din is-sistema. Fiż-żewġ każi, ir-raġuni l-ingħatat kienet li dawn ma setgħux ikomplu għar-raġunijiet personali.