Jista' l-Ministru jgħid fejn waslet it-talba li għamlet il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li applikat għall-voucher ta' dawl xi ftit tax-xhur ilu?
Response (SAID, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna ndikata minnu qed tiġi infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.
Għassa ta' Bormla — passi rigward periklu li kien hemm fil-fond
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi ħadu l-għassa ta' Bormla rigward il-periklu li hemm fil-fond li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi l-pulizija ma kellha ebda rapport dwar il-periklu imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Madankollu l-pulizija se tieħu dawk il-passi kollha neċessarji sabiex primarjament tara jekk hemmx periklu jew le u jekk iva tkun tista' tittieħed dik l-azzjoni skont il-liġi.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-Awtorità tad-Djar qed tinjora t-talba tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Response (SAID, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sabiex l-awotrità tkun tista’ twieġeb għal din il-mistoqsija parlamentari għandha bżonn tkun taf x’kienet it-talba tal-persuni kkonċernati.
Master Plans tax-Xlendi u Marsalforn — flus vutatati għall-proġett
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 36043 dwar il-master plans tax-Xlendi u Marsalforn, tista’ l-Ministru tgħid tgħid kemm hemm flus ivvotati għal dawn il-proġetti separatament għal din is-sena? Taħt liema Item ta’ nefqa ġew approvati dawn il-flus fl-Estimi Ġenerali għall-2012? Kemm intefqu flus s’issa fuq dawn iż-żewġ proġetti separatament?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
M'għandi xejn xi nżid mar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 36043.
Jista’ l-Ministru jgħid x’jisimha l-kumpanija/joint venture li qed topera s-servizz tal-baħar bejn Malta u Għawdex?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-isem tal-joint venture li qed jopera s-servizz tal-baħar bejn Malta u Għawdex huwa Gozo Channel Transport Joint Venture.
Ministeru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja — serqiet rapportati
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet ġew rapportati lill-Pulizija li saru mill-Ministeru, dipartimenti, d-dekasteru u awtoritajiet oħra li jaqgħu taħtu fl-ewwel sitt xhur tas-sena?
Response (SAID, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija s-segwenti:
- Awtorita’ tad-Djar: nil
- Kummissarju ghall-Ghaqdiet Volontarji: nil
- Dipartiment Standards fil-Harsien Socjali: nil
- Kummisjoni Vjolenza Domestika: nil
- Kummissarju ghat-Tfal: nil
- Kunsill Malti ghall-izvilupp Ekonomiku u Socjali: nil
- MEUSAC: nil
- Kummissjoni Nazzjonali ghal Promozzjoni tal-Ugwaljanza: nil
- Relazzjonijiet Industrijali: nil
- Sigurta’ Socjali: nil
- Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Dizabilta’: Serqa ta’ laptop bejn id-9 u l-10 ta’ Mejju 2011
- Fondazzjoni ghas-Servizzi ghall-Harsien Socjali:
Agenzija Sapport – fl-2004 u l-2005 saru 2 serqiet mill-ufficju tal-Imtarfa, fl-2008 serqa mir-residenza ta’ Bormla u fl-2009 serqa mill-Cottonera Resource Centre
Agenzija Appogg – fl-2009 serqa mic-Children’s fund
- Qrati t’Ghawdex: nil
- Qrati ta’ Malta: fl-2011 serqa fid-Direttorat tal-Qrati u Tribunali Civili, kif ukoll fl-istess sena 2 serqiet mid-Direttorat tal-Qrati u Tribunali Kriminali.
Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol — serqiet rapportati
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' serqiet ġew rapportati lill-Pulizija li saru mill-Ministeru, dipartimenti, d-dekasteru u awtoritajiet oħra li jaqgħu taħtha fl-ewwel sitt xhur tas-sena?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' serqiet ġew rapportati lill-Pulizija li saru mill-Ministeru, dipartimenti, d-dekasteru u awtoritajiet oħra li jaqgħu taħtha fl-ewwel sitt xhur tas-sena?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li n-numru ta' serqiet li ġew rapportati lill-Pulizija fl-ewwel sitt xhur tas-sena jammonta għal tnejn.
Jista' l-Ministru jara li jinkludi fil-xogħlijiet ir-restawar il-barrakka li hemm fit-telgħa tas-Saqqajja r-Rabat? Billi l-lum l-lista ta' din il-barrakka huwa tali ta' ħafna konsenturi, ġebel immermer, soqfa jqattru ħafna ilma u sa żewg siġriet kibru fuq is-saqaf bil-periklu li l-għeruq iwaqqgħu l-ġebel tas-saqaf u billi ukoll hija ħasra li barrakka ta' daqstant storja tal-arkitett magħruf Lorenzo Gafà titħalla taqa' biċċiet, jista' l-Ministru jgħid meta se jibdew ix-xogħlijiet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li diġa hemm maħsub li se ssir evalwazzjoni tax-xogħol meħtieġ għar-restawr tal-fond imsemmi sabiex eventwalment tkun tista’ tiddaħħal fil-programm ta' xogħol ta’ restawr.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra għaliex injora li ssir il-manutenzjoni tal-Barrakka li hemm fit-telgħa tas-Saqqajja Rabat ? Jista' jinforma lill-Parlament għaliex kawża ta' din it-traskuragni ċ-ċelebrazzjonijiet tat-tiġrijiet li jsiru għall-festa tradizzjonali tal-Imnarja kellhom isiru f'din il-kundizzjoni ta' bini abbandunat u bi struttura perikoluża?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nirrefer lill-Onor.Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari nru: 36152, ninsab konvint li l-Onor.Membru japrezza x-xogħol vast ta’ retawr li għaddej bħalissa f’pajjiżna, kemm b’ fondi tal-EU kif ukoll fondi tal-Istat. Nittama li jifhem li minħabba restrizzjonijiet ta’ nies imħarrġa , mhux kollox jista jsir f’daqqa u wieħed jkun kostrett li tkun stabilita lista ta’ prijorità.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 35960, jista' l-Ministru jinfurmani bl-istima li se tinvolvo xogħlijiet ta' tindif f'dawn il-widien imsemmija?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-ispiża għax-xogħol ta’ tindif tal-wieden leħqet is-somma ta’ ftit aktar minn mija u ħamsa u sebgħin elf euro (€175,000).
Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li xi ħaddiema mill-Awtorità tad-Djar kellhom jibdew xi xogħol ta' manutenzjoni imma s'issa għadu ħadd ma mar?
Response (SAID, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-awtorità irċeviet talba mill-inkwilina fil-5 ta’ Lulju, 2012, sabiex jinbidel bieb tal-bejt mill-injam għal wieħed tal-aluminju.
L-inkwilina hija mħeġġa tavviċina l-Customer Care tal-Awtorità tad-Djar biex tapplika għal skema sabiex isir dan ix-xogħol
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li applikat għal post tal-gvern imma s'issa għadha bla risposta?
Response (SAID, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tal-applikanta in kwestjoni ġiet ipproċessata mal–applikazzjonijiet l-oħra għall-akkomodazzjoni alternattiva. L-applikazzjoni qed tingħata l-attenzjoni meħtieġa flimkien mal-applikazzjonijiet tal-istess kategorija.
Jista' l-Ministru jara li l-każ tal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jiġi solvut għax minkejja li anke l-Kunsill Lokali ta' Ħal Tarxien ikkuntatja lill-Korporazzjoni Enemalta, il-każ għadu ma ġiex solvut?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn investigazzjoni li saret min-naħa tal-Korporazzjoni Enemalta, irriżulta li s-sena l-oħra kienet intbagħtet ittra mill-Kunsill Lokali sabiex tigi installata din il-bozza. Min-naħa tagħha l-Enemalta talbet lill-Kunsill biex jimla l-formola u jagħti aktar dettalji, iżda dan qatt ma sar min-naħa tal-Kunsill.
Jista' l-Ministru jara jekk jistax isir lift fil-flat li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li hemm persuna bi bżonnijiet speċjali?
Response (SAID, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar ghandha skema fejn inkwilini jistghu japplikaw ghall-installar ta’ lift gewwa blokka tal-gvern. L-inkwilin ghandu jikseb aktar informazzjoni mis-sit tal-Awtorità tad-Djar. Hekk kif tidhol applikazzjoni taht din l-Iskema, l-Awtorità tad-Djar tkun f’pozizzjoni li tanalizza jekk lift jistax jigi nstallat jew le.
Jista' l-Prim Ministru jara li jitneħħa crane li qiegħed fi triq li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li qed ikun ta' inkonvinjent għar-residneti tal-inħawi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-crane li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant kien kopert bil-permessi neċessarji tal-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard kif suppost. Infurmat ukoll li l-crane żżarma u tneħħa minn postu matul il-ġurnata tas-Sibt l-1 ta’ Settembru 2012.
Tista' l-Ministru tara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, peress li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ tefgħu fuq part 2 mingħajr ma jieħu l-ebda benefiċċju minn kemm ilu wieqaf?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Minħabba li l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura kunfidenzjali u privata, l-individwu huwa mħeġġeġ li jagħmel kuntatt mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ sabiex jingħata r-raġunijiet.
Jista' l-Ministru jagħti rendikont kemm kien hemm pilloli out of stock matul Jannar sal-aħħar ta' Settembru 2012? Jista' jgħid kemm minn dawn il-pilloli damu out of stock?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm disposables li jintużaw fl-Isptar Mater Dei u ċentri tas-saħħa madwar Għawdex u Malta li kienu out of stock matul ix-xhur ta' Jannar u Awwissu 2012?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.