Legislature:
Category:
Reset
Active:

Żebbuġ — Vjal il-Ħelsin - soluzzjoni għall-ħruġ ta' vetturi

Question

Jista' l-Ministru jara jekk hux possibbli li tinstab soluzzjoni għall-ħruġ ta' vetturi minn Vjal il-Ħelsien f'Ħaż-Żebbuġ għal fejn ir-roundabout f'Triq l-Imdina li hi triq arterjali peress li waqt ir-rush hour hu diffiċli ħafna li l-vetturi joħorġu minħabba l-ammont tat-traffiku fit-triq arterjali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li għaddejt it-talba tiegħu lil Transport Malta biex tara x'jista' jsir.

WasteServ — ħaddiema tal-kuntratturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ħaddiema tal-kuntratturi li hemm impjegati fid-diversi faċilitajiet tal-WasteServ? Min hu l-kuntrattur li jforni dawn in-nies? X'inhu x-xogħol li jagħmlu dawn il-persuni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22378, ngħarrfu li ninsab infurmat li n-numru aġġornat ta’ ħaddiema tal-kuntrattur li huwa JF Services, huwa ta 298. Il-maġġoranza ta dawn l-ħaddiema huma f’livelli ta’ technicians, clerks, supervisors, drivers u operators/sorters.

Salina — proġett ta' riabilitazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proġett ta' riabilitazzjoni tas-Salina inkluż ir-restawr tax-Ximenes Redoubt? Meta hu ppjanat li se jitlesta dan ix-xogħol?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34391, ninfurmah li r-restawr tax-Ximenes Redoubt kważi tlesta u dalwaqt jibda ix-xogħol ta’ tlestija f’dan il-post li ser jinbidel f’Interpretation Centre. Rigward il-bini tat-tined tal-injam indikat fl-imsmmija tweġiba, x-xogħol miexi ġmielu u dalwaqt tibda titwaqqaf l-ewwel hut tal-injam Bħalissa qed jiġu żvojtati is-salt pans u dalwaqt jibda ix-xogħol tar-restawr tas-salt pans innifishom. Ser tibda ukoll it-tiswija fuq il-ħajt ta’ barra li kien iġġarraf fil-maltempata tal-2003.

Mosta — Triq it-Torri - Warden minħabba tfal tal-iskola

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex ħdejn l-iskola primarja, fejn it-triq tal-iskola tmiss ma' Triq it-Torri fil-Mosta, mhux qed ikun hemm warden la filgħodu u lanqas filgħaxija biex jara li ma jkunx hemm periklu għat-tfal tal-iskola?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ir-responsabbilità ta’ provediment ta’ warden hija tal-kunsill lokali u mhux tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol.

parkeġġ risevat

Question

Jista' l-Ministru jara li l-persuna amja minn Ħaż-Żebbuġ , li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament isirulha sinjali tal-parkeġġ risevat? Jekk fl-affermattiva meta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ma naħsibx li għandi ngħaddi din l-informazzjoni personali sakemm ma jkollix il-kunsens tal-individwu konċernat.
Leg 11 PQ #36681 Sitting 507 2012-10-10 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — infiq fuq fuel

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali ta' flus għall-fuel/petrol/diesel li jintuża mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru matul l-ewwel għaxar xhur tas-sena 2012? Jista' jipprovdi informazzjoni separata għal dik li hija l-istess ċifra għad-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li n-nefqa globali għall-fuel li ntuża mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru mill-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena s’issa hija ta’ Euros 268,560. Minn dawn €176,058 huma relatati mal-Forzi Armati ta’ Malta. Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija nirreferi għat-Tabella Annessa.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — infiq fuq fuel

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm kienet in-nefqa globali ta' flus għall-fuel/petrol/diesel li jintuża mill-Ministeru matul l-ewwel għaxar xhur tas-sena 2012? Jista' jipprovdi informazzjoni separata għal dik li hija l-istess ċifra għad-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul l-ewwel għaxar xhur ta' din is-sena nxtraw fuel/petrol/diesel f'ammont globali ta' €17,539 mill-Head Office u Dipartimenti f'Malta u €61,303 mill-Ambaxxati, Konsulati u Uffiċċji Rappresentativi ta' Malta li jinsabu f'diversi pajjiżi
Leg 11 PQ #36747 Sitting 507 2012-10-10 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Xagħra - Triq Marsalforn - rranġar ta' triq minħabba l-ilma tax-xita

Question

Tista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36424, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u ssa ġiet riferuta lilha u cioè: Peress li r-residenti ta' Triq Marsalfron fix-Xagħra Għawdex qed jilmentaw mill-istat ħażin tat-triq kif ukoll minħabba l-kumulu t'ilma li jkun hemm kull meta tagħmel ix-xita tant li r-residenti jkunu kostretti jibqgħu fi djarhom għaliex inkella jinġarru mill-wied tal-ilma kif ukoll ikun hemm ħsarat fil-proprjetajiet appuntu minħabba l-influss qawwi t'ilma, peress li l-Gvern ilu żmien wiegħed li din it-triq se tingħata l-attenzjoni meħtieġa iżda dan qatt ma seħħ, tista' l-Ministru tgħid meta se jsiru x-xogħlijiet meħtieġa f'din it-triq kemm għal benefiċċju tar-residenti kif ukoll għal dawk kollu li jagħmlu użu minn din it-triq?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li Triq Marsalforn fix-Xagħra hija responsabilità tal-kunsill lokali ta' din il-lokalità, u għalhekk dwar manutenzjoni nitlob lill-Onorevoli Interpellant tirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat. Dwar il-kumulu tal-ilma, it-tekniċi tal-Ministeru għal Għawdex ser jaraw x'inhi l-aħjar soluzzjoni skont il-gravità tal-problema.
Leg 11 PQ #36748 Sitting 507 2012-10-10 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru tal-Intern

Għawdex — Fontana - asfaltar ta' trejqa

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36418 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta se tiġi asfaltata Trejqet Wara d-Idjar fil-Fontana, Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi minn korrispondenza bejn id-Dipartiment għall-Gvern Lokali u l-Ministeru għal-Għawdex irriżulta li: ‘...Peress li din it-triq għadha mhix asfaltata,ix-xogħol tat-tarmak irid isir mill-Gvern Ċentrali’.
Leg 11 PQ #36772 Sitting 507 2012-10-10 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Qala - Triq il-Kunċizzjoni - għargħar

Question

Peress li r residenti tal-parti tal-bidu ta' Triq il-Kunċizzjoni fil-Qala, qed jilmentaw li meta tkun ix-xita qed ikollhom inkonvenjent tal-għargħar, tista' l-Ministru tara li jsiru x-xogħlijiet opportuni biex jiġi eliminat dan l-inkonvenjent?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li Triq il-Kunċizzjoni fil-Qala hija responsabilità tal-kunsill lokali ta' din il-lokalità, minkejja dan, it-tekniċi tal-Ministeru għal Għawdex ser jaraw x'inhi l-aħjar soluzzjoni skont il-gravità tal-problema tal-għargħar.

Għawdex — Qala - Triq il-Kunċiżżjoni - problema ta' dħaħen

Question

Peress li r-residenti ta' Triq il-Kunċizzjoni fil-Qala qed jilmentaw minħabba l-kwantità ta' dħaħen ġejjin mill-vetturi u trakkijiet li jgħaddu minn din it-triq, jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet u/jew x'miżuri qed jieħu l-gvern biex jindirizza dan l-inkonvenjent li qed jikkaguna ħafna mard u problemi respiratorji?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-triq indikata hija aċċessibbli għall-vetturi u trakkijiet f’direzzjoni waħda biss, u dan minħabba li hija l-unika triq li tista’ tiġi wżata sabiex dawn il-vetturi jaslu fejn il-barriera li tinsab f’dawk l-inħawi. Fir-rigward ta’ miżuri li ħa l-Gvern biex itejjeb il-kwalità tal-vetturi fit-toroq tagħna, ninsab infurmat li Transport Malta, b’mod partikolari f’dawn l-aħħar snin, saħħet il-kwalità tal-kontroll tagħha f’dak li għandu x’jaqsam ma’ stazzjonijiet tal-VRT u t-testijiet li dawn iwettqu fuq il-vetturi. Barra minn hekk, Transport Malta twettaq kontrolli regolari fit-toroq sabiex tiżgura li l-vetturi jkunu fi stat tajjeb ta’ manutenzjoni u ma jkunux qegħdin jarmu dħaħen eċċessivi. Il-Gvern ukoll ħoloq inċentivi għas-sidien ta’ trakkijiet kbar sabiex dawn jibdlu l-vetturi tagħhom ma' oħrajn li għandhom livelli ta’ emissjonijiet Euro IV u Euro V, billi eżenta lill-vetturi ta’ dan it-tip mit-taxxa tar-reġistrazzjoni. Ninsab infurmat ukoll li Transport Malta qed twettaq kontrolli aktar spissi fuq vetturi li għandhom aċċess għal din it-triq. Tajjeb infakkar lill-Onor. Interpellant, li mis-sena 2005 bdiet titħaddem Emission s Alert Campaign, fejn il-pubbliku jista' jagħmel rapport permezz ta' sms.

Rapport Regolatorju tal-MFSA — La Vallette Multi Manager Propery Fund tal-BOV

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35701 u cioè:B’referenza għar-Rapport Regolatorju tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzajrji ta’ Malta dwar misselling mill-Bank of Valletta in kwantu għal La Vallette Multi Manager Property Fund, jaf il-Ministru li l-biċċa l-kbira tal-mijiet ta’ konsumaturi li għamlu l-ilment tagħhom ta’ misselling mal-Awtorità, ħafna minnhom sa 18-il xahar ilu, jifformaw parti minn dik il-faxxa tal-populazzjoni l-aktar vulnerabbli li tikkonsisti f’ċittadini anzjani li jippruvaw ilaħħqu mal-ħajja fuq il-pensjoni soċjali minkejja l-ispejjeż riżultat tal-mard kroniku tagħhom, u li ħafna minn dawk li ilmentaw – mhux biss il-pensjonanti li ssemmew qabel – għandhom livell akkademiku bażiku u edukazzjoni finanzjarja mill-aktar fqira, u li sa frattant, lkoll ġew kategorizzati bħala “Experienced Investors” mill-Bank of Valletta bl-iskop li jbiegħulhom il-Fond, u li dawn li lmentaw lkoll taw evidenza dokumentata lill-MFSA li la huma investituri ta’ esperjenza fuq livell sostantiv u lanqas wieħed formali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

La Vallette Multi Manager Property Fund — Prospett Supplimentari

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35702 u cioè: B’referenza għall-Prospett Supplementari viġenti tal-La Valette Multi Manager Property Fund tal-10 t’Awwissu 2010, jista’ l-Ministru jgħid jekk jafx li l-La Valette Multi Manager Property Fund għadu miftuħ għal sottoskrizzjonijiet ġodda abbażi tal-Prospett Supplementari viġenti tal-10 t’Awwissu 2010? Jista’ jgħid jekk jafx li tul dawn l-aħħar xhur inġiebet diversi drabi għall-attenzjoni taċ-chairman u tad-Direttur Ġenerali tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta li l-verżjoni viġenti tal-Prospett Supplementari tal-La Valette Multi Manager Property Fund, jiġifieri dik tal-10 t’Awwissu 2010, tikser il-liġijiet tal-Att dwar is-Servizzi tal-Investiment kif ukoll ir-Regoli maħruġa bis-saħħa tagħha mill-istess Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta, u dan bi ħsara għal konsumaturi li għandhom dritt jistrieħu fuq Prospett ta’ prodott ta’ investiment u li jkunu qed jikkunsidraw jidħlu f’dan il-Fond?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

La Vallette Multi Manager Property Fund — Prospett Supplimentari - ksur ta' Investiment Restrictions

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35703 u cioè: B’referenza għall-Prospett Supplementari viġenti tal-La Valette Multi Manager Property Fund tal-10 t’Awwissu 2010, jista' l-Ministru jgħid jekk jafx li l-konsegewenzi naturali tar-Rapport tal-istess Awtorità tas-16 ta’ Ġunju 2011 u dak tal-25 ta’ Ġunju 2011 fil-konfront ta’ Valletta Fund Management Ltd u tal-Bank of Valletta plc dwar il-La Valette Multi Manager Property Fund, fejn l-Awtorità kkonfermat ksur ta’ Investment Restrictions mil-Valletta Fund Management Ltd u ħruġ ta’ Rapporti annwali tal-Kustodju mhux veritjiera anzi li jiżvijjaw lil investituri mill-Bank of Valletta, u liema konkluzjonijet tal-Awtorità ma ġewx appellati, ifisser neċessarjament li l-Prospett Supplementari viġenti ta’ dan il-Fond hu inkorrett, falz, mhux veritjiet, jiżvijja lill-pubbliku u inkonsistenti, in kwantu il-Prospett ma ġiex aġġornat u ppubblikat biex jistqarr li Investment Restriction (vi) inkisret b’mod ripetut u fit-tul u li ħafna mill-fondi sottostanti għadhom fil-fond bi ksur tal-kondizzjoni tal-Prospett sal-ġurnata tal-lum?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

La Vallette Multi Manager Property Fund — Prospett Supplimentari - MFSA

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35704 u cioè: B’referenza għall-Prospett Supplementari viġenti tal-La Valette Multi Manager Property Fund tal-10 t’Awwissu 2010, jaf il-Ministru li dan kollu qed iseħħ f’wiċċ l-Awtorita għas-Servizzi Finanzjarji u taħt imnieħirha li allura qiegħda turi ruħha bla personalità u impotenti li tinforza r-Regolamenti tagħha stess li jeżiġu li Prospett irid ikollu “the essential elements of which to be kept up to date” sabiex “for investors to make informed judgement about the investment proposed to them”, inkluż informazzjoni dwar “the investment objectives, policies and restrictions of the scheme, together with the extent of use of leverage”?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

La Vallette Multi Manager Property Fund — MFSA - Prospett Supplementari

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35705 u cioè: B’referenza għall-Prospett Supplementari viġenti tal-La Valette Multi Manager Property Fund tal-10 t’Awwissu 2010, jista’ l-Ministru jgħid lil min sewwa sew qed tipproteġi l-MFSA?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Leg 11 PQ #36822 Sitting 507 2012-10-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Intern

Depot — persuni li waqgħu

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35952 u jgħid fl-aħħar għaxar snin (Jannar 2002 sa Ġunju 2012) kemm kien hemm persuni li "waqgħu" mis-sur għal isfel tliet sulari għoli fin-naħa ta' wara tad-depot magħrufa bħala tal-klandestini? Kemm minn dawn il-persuni kienu barranin? Kemm kienu Maltin? F'kull każ xi ġralhom wara li "waqgħu"? Kemm minnhom mietu, kemm minnhom weġġgħu iżda fiequ u baqgħu ħajjin, kemm minnhom ma fiequx u mietu u kemm minnhom ma ġralhom xejn? F'kull każ saret investigazzjoni mill-pulizija x'kien ġara?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li mir-records disponibbli, n-numru ta’ persuni involuti f’sitwazzjoni bħal ma qed jindika l-Onorevoli Interpellant bejn l-2002 u llum huma tlettax, li tnax minnhom ma kienux Maltin. Erba’ mit-tlettax weġġgħu u ngħataw kura. Wieħed minnhom miet wara diversi jiem rikoverat fl-isptar. Ninsab infurmat li għamlet investigazzjoni f’kull każ il-Pulizija. In vista ta’ ċerta kummenti li saru, inkluż mill-Onorevoli Interpellant, għar-rigward tal-inċident fejn kienet involuta persuna li mietet wara li kienet rikoverata l-isptar, nixtieq intenni li l-Gvern m’għandu l-ebda interess ieħor għajr li toħroġ il-verità sħiħa. Dan kien l-għan ta’ dawn iż-żewġ inkjesti li saru. Għal darb’oħra niddikjara li, jekk xi ħadd jaf b’xi abbuż f’dan il-każ, il-Gvern lest li jagħti protezzjoni u amnestija lil min jixhed taħt ġurament f’Qorti sabiex toħroġ il-verità sħiħa.

Ħaż-Żabbar — Triq il-Farfett tal-Fejgel - speed ramp

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir xi speed ramp jew sleeping policeman fi Triq il-Farfett tal-Fejgel Ħaż-Żabbar għax ta' spiss qed ikun hemm sewqan esagerat li jista' jwassal għal xi inċident?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta ma rċeviet l-ebda talba għal speed ramp jew sleeping policeman fi Triq il-Farfett, Żabbar. Minħabba li Triq il-Farfett mhix triq arterjali jew distributorja, tali talba għandha tiġi sottomessa mill-kunsill lokali.

Post alternattiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn waslet l-applikazzjoni għall-post alternattiv tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tal-applikanta in kwestjoni ġiet ipproċessata mal-applikazzjonijiet l-oħra għall-akkomodazzjoni alternattiva nhar is-17 t’April, 2012. L-applikazzjoni tagħha se tingħata l-attenzjoni meħtieġa flimkien mall-applikazzjonijiet tal-istess kategorija.