Legislature:
Category:
Reset
Active:

Applikazzjoni biex persuna ssir sid tad-Dar

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 35717, jista' l-Ministru jgħid meta l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ikun jista' jkun sid ta' daru wara li żmien twil ilu għamel talba għal dan il-każ peress li dan għandu art u ċens huwa tal-knisja li issa ġie tal-gvern?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-residenza msemmija mhix proprjeta’ tal-Awtorita’ tad-Djar, u ghalhekk, l-Awtorita’ tad-Djar ma’ tistax toffriha ghall-bejgh.

Mediċina Erlotinib

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 35355, jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li pazjenti li għandhom bżonn il-mediċina li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament minħabba l-kanċer, ma tingħatax lilhom jekk dawn ikunu jpejpu bħall-każ tal-persuna li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-mediċina Tarceva fiha s-sustanza attiva erlotinib. Tarceva huwa indikat għall-kura primarja ta’ pazjenti b’kanċer tal-pulmun mhux taċ-ċellula żgħira (NSCLC) avanzat lokalment jew metastatiku b’mutazzjonijiet li jattivaw lil EGFR. Il-pilloli erlotinib 150mg jinstabu fil-Formularju tal-Gvern. Skont il-protokoll tal-Gvern Erlotinib 150mg huwa rakommandat għall-kura ta’ pazjenti b’NSCLC avanzat lokalment jew metastatiku, wara li falla imqar kors wieħed minn qabel ta’ kimoterapija.. It-trattament huwa riservat għall-adenokarċinoma tal-bronkus f’pazjenti li ma jkunux ipejpu. Pazjenti li ġa ppruvaw żewġ korsijiet ta’ kimoterapija ma jikkwalifikawx għal dan it-trattament. Skont it-twissijiet speċjali u prekawzjonijiet għall-użu fis-Sommarju tal-Karatteristiċi tal-Prodott, pażjenti li bħalissa jpejpu għandhom jiġu avżati sabiex jiefqu jpejpu, minħabba li l-konċetrazzjonijiet fil-plażma ta’ erlotinib f’pazjenti li jpejpu huma mnaqqsa meta mqabbla ma’ dawk li ma jpejpux. L-ammont ta’ tnaqqis huwa probabbli li jkun klinikament sinnifikanti. Bħalissa l-Medicines Entitlement Uni’ m’għandu l-ebda applikazzjoni pendenti tal-pazjenta imsemmija mill-Onor. Interpellant, għal din il-mediċina.

kumpess lill-ħaddiema tad-dockyard

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, se tieħu xi kumpens mir-riforma li saret li tikkonċerna lill-ħaddiema tad-dockyard peress li ġiet infurmata li se tingħata kumpens imma s'issa għadha ma rċeviet xejn?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

WSC — servizz tal-ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tara l-każ tal-anzjan li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li jgħix waħdu u ilu bla ilma għal dawn l-aħħar erbat ijiem?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn investigazzjoni li saret, irriżulta li ma kien hemm l-ebda rapport fuq dan il- każ. Uffiċċjali mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma żaru s-sit. Ġie stabbilit li xi żmien ilu kienet saret xi manutenzzjoni interna privata mill-istess sid. Jista jkun li in-nuqqas ta’ ilma kien ġej minħabba f’hekk għax il-pressa fiż-żona hija normali.

stennija għal operazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ilha żmien twil tistenna biex tagħmel operazzjoni f'irkobbitha u s'issa għadhom ma tawhiex appuntament?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-konsulent li huwa responsabbli mill-kura tal-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, ġie nfurmat b’din it-talba u wara li ikkunsidra l-każ tagħha, din il-klijenta ser tingħata appuntament għal Marzu 2013 fil-pre-admission clinic li jmiss.

talba biex persuna tmur f'residenza

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li tinsab ġewwa l-Isptar Monte Carmeli u tixtieq li tmur fir-Residenza San Vinċenz de Paul?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ġiet ammessa fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paul nhar il-Ħamis 6 ta’ Settembru 2012.

Transport Malta — Rotta għall-akwati tal-Ibraġġ

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga, flimkien mal-kumpanija Arriva, l-ilmenti varji mingħand residenti fl-akwati tal-Ibraġġ li filwaqt li qabel kellhom ir-rotta 64 li kienet teħodhom il-Belt u Tas-Sliema b'regolarità kbira, u llum hemm il-bus 233 li teħodhom Tas-Sliema biss kull siegħa u n-numru 33 li teħodhom il-Belt, bir-riskju li jekk wieħed jitlef waħda minnhom għax kważi qatt ma jiġu fil-ħin u tant qed ikun hemm nuqqas ta' puntwalità li f'ħafna ċirkostanzi, r-residenti lanqas biss ikunu jafu l-karozza tal-linja tkunx diġà għaddiet mill-bus stop jew le u b'hekk jispiċċaw ikollhom idumu jistennew xi sagħtejn għad-destinazzjoni tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li r-Rotta 33 topera b’servizz ta’ kull siegħa mill-lokalita’ tal-Ibraġġ lejn il-Belt Valletta u tgħaddi via l-Isptar Mater Dei. Ir-Rotta 233 topera wkoll kull siegħa u tgħaqqad il-lokalita` tal-Ibraġġ ma’ San Ġiljan u tas-Sliema. Ir-Rotta li kienet topera qabel it-3 ta’ Lulju 2011 kienet topera minn tal-Ibraġġ għall-Belt Valletta via tas-Sliema u San Ġiljan iżda r-residenti ma kellhomx servizz dirett lejn l-isptar Mater Dei. Dan it-tibdil fir-rotot kien sar wara konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali tas-Swieqi. Infurmat ukoll li minn stħarriġ li għamlet Transport Malta fuq iż-żewġ rotot imsemmija, jirriżulta li ma kinux irrappurtati każijiet fejn xi passiġġieri tħallew l-art għaliex ix-xarabank kienet mimlija.

Furjana — Triq Sarria - bus stop shelter

Question

Jista' l-Ministru jara jekk Transport Malta tistax tirrakmanda li jsir bus stop shelter fi Triq Sarria l-Furjana?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat lli l-bus stops fl-imsemmija triq jintużaw prinċipalment sabiex passiġġieri jtemmu l-vjaġġ tagħhom fuq dawn il-bus stops u mhux biex jibdew il-vjaġġ. Għaldaqstant, l-awtorità ma tarax il-bżonn illi jsiru bus shelters fuq dawn il-bus stops.

Bieb il-Belt, il-Parlament il-gdid u t-Teatru Rjal — flus minfuqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus fuq il-proġett ta' Bieb il-Belt, il-Parlament il-gdid u t-Teatru Rjal u kemm tħallsu b'mod separat sal-lum? Minn fejn ġew finanzjati? Jista' jgħid f'liema stadju wasal kull wieħed minn dawn il-proġetti? Jista' jgħid jekk ix-xogħlijiet humiex on schedule ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li s'issa intefqu u tħallsu kif ġej: € 9,327,536 għal Bieb il-Belt; €27,648,762 għal Bini tal-Parlament il-Ġdid; u € 6,700,018 għat-Teatru u l-Pjazza Dawn l-ispejjeż kienu ffinanzjati mill-Grand Harbour Regeneration Corporation u Malita plc. Il-progress fuq kull proġett miexi kif ippjanat u wasal fl-istadju kif ġej: 35% għal Bieb il-Belt; 58% għal Bini tal-Parlament il-Ġdid; u 60% għat-Teatru u l-Pjazza Ix-xoghlijiet kollha huma on schedule .

ħlas lil kumpanija tal-awditjar

Question

Jista’ l-Ministru jagħti breakdown tal-flus li tħallsu lill-kumpanija tal-awditjar PWC mis-sena 2009 sal-lum, filwaqt li jindika d-deskrizzjoni tax-xogħol mitlub u l-ammont imħallas?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant ikun aktar ċar fil-mistoqsija tiegħu.

Bormla u Wied il-Għajn — servizz tat-trasport pubbliku

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 35892, jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi progress rigward is-servizz pubbliku bejn Bormla u Wied il-Għajn?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li bejn Bormla u Wied il-Għajn hemm servizz bin-numru tar-Rotta 124 li topera kull siegħa, l-aħħar ħin minn Bormla jitlaq fit-8.27 ta’ filgħaxija filwaqt li l-aħħar ħin minn Wied il-Għajn jitlaq fit-8.08 ta’ filgħaxija. Ninsab infurmat ukoll li Transport Malta evalwat din il-materja u ma nħassx il-bżonn li testendi l-ħin tal-operat ta’ din ir-rotta għall-iskeda tax-xitwa u dan minħabba li r-residenti ta’ dawn iż-żewġ lokalitajiet għandhom l-aċċess li jirkbu rotot oħra li jeħduhom ġewwa l- interchange ta’ Raħal Ġdid minn fejn jistgħu jibdlu r-rotta għal diversi lokalitajiet oħra u bi frekwenzi aktar spissi.

Transport Malta — kumpanija ta' sigurtà

Question

Jista' l-Ministru jindika kemm-il kumpanija tas-sigurtà offriet jew qed toffri s-servizzi tagħha lil Transport Malta? Jista' jgħid x'tip ta' sigurtà ġew offruti sa mill-2010? Jista' jagħti tagħrif dwar min huma l-kumpaniji flimkien ma' kull nefqa involuta ghal kull servizz?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Transport Malta — Administration Department

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Administration Department joperax fi ħdan it-Transport Malta? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jindika min huma u kemm jokkupa uffiċjali flimkien ma' impjegati ta' dan id-dipartiment?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta m' għandhiex Administration Department iżda dan ir-rwol huwa integrat fid-Direttorat tal- Corporate Services.

Transport Malta — nefqa tal-overtime fid-dipartiment tal-manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa f'overtime fid-dipartiment tal-manutenzjoni fi ħdan Transport Malta mis-sena 2011 sal-lum? Jista' jagħti rendikont separat u dettaljat għal kull impjegat flimkien max-xogħlijiet li ġie mwettaq minnhom xahar b'xahar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-nefqa f'overtime fid-dipartment tal-manutenzzjoni fi ħdan Transport Malta mis-sena 2011 sal-lum kienet ta' €54, 510. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti raġuni valida l-utilità ta' tali nformazzjoni, għax ma naħsibx li l-ħin u x-xogħol involut biex tinġabar l-informazzjoni mitluba jiġġustifika dan.

Transport Malta — xiri ta' mobiles, laptops u ipads

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li nxtraw u ngħataw ipads lill-uħud mill-management tat-Transport Malta waqt li dawn kienu diġà ġew mogħtija mobiles kif ukoll laptops? Jista' jgħid kemm kienet in-nefqa fuq dawn l-imsemmija mill-2010 sal-lum?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ipads li għalihom qed jagħmel referenza ma ġewx mixtrija iżda ġew akkwistati b’xejn skont il-ftehim kontrattwali bejn l-Awtorita' u s-service provider. Dawn il-ħames ipads qed jintużaw għal skopijiet differenti, fosthom fuq stands tal-Awtorita’ waqt fieri u exhibitions internazzjonali dwar il-qasam marittimu u/jew tal-avjazzjoni. Jintużaw ukoll għal testing u moniteraġġ fuq applikazzjonijiet elettroniċi (website, geoportal, u servizzi elettroniċi oħrajn) li l-Awtorita' qed tiżviluppa u tuża fil-komunikazzjoni mal-pubbliku. Dan il-hardware huwa wkoll użat mill-uffiċċju taċ-Chairman u CEO għall-eżiġenzi differenti fejn mobilita' u aċċess immedjat għal emails, kalendarju u sistemi oħrajn huwa essenzjali. Nifhem li l-Onor. Interpellant għandu diffikulta' ideoloġika biex jifhem għalfejn it-teknoloġija għandha użu fuq dan ix-xogħol.
Leg 11 PQ #36589 Sitting 508 2012-10-15 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

użu tat-tieni karozza ministerjali — car allowance

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għal kemm tammonta l-car allowance li jingħata kull xahar il-Ministru li jagħżel li ma jagħmilx użu mit-tieni karozza ministerjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-prassi tat-tieni karozza ministerjali ilha fis-seħħ għal għadd ta’ leġislaturi. L-allowance għal min ma jagħmilx użu minn din il-karozza hija €7,000 fis-sena li huma soġġetti għat-taxxa. Ninsab infurmat li l-car allowance tal-Kap tal-Oppożizzjoni hija ta’ €7,000 fis-sena wara t-taxxa.

Ħ'Attard — industrial estate - xogħol ta' resurfacing tat-triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar mix-xogħol ta' resurfacing tat-triq fl-industrial zone ta' Ħ'Attard liema xogħol suppost sar xi tliet snin ilu, skont mistoqsija parlamentari 11766 u li sal-lum ma sar xejn? Jista' jgħid ukoll f'liema stadju wasal il-master plan għal dan l-industrial estate li ukoll ilu jiġi mwiegħed tliet snin?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Malta Industrial Parks lestiex xi xogħlijiet ta’ resurfacing fiż-żona imsemmija fl-2011. Minn dak iż-żmien kienu qed isiru xi xogħoljiet ta’ kostruzzjoni minn Island Beverages Co Ltd b’użu ta apparat u vetturi relatati li qed jagħmlu użu mit-toroq taż-żona ta’ spiss. Għalhekk ma kienx meqjus għaqli li jitkomplew it-toroq qabel dan ix-xogħol jitlesta biex ma jkunx hemm ir-riskju li issir ħsara lit-toroq u b’hekk jinħlew il-finanzi investiti fihom. Il-Malta Industrial Parks qed tħeġġeġ lin-negozji taż-żona biex jiffurma tenant’s association taħt is-Service Charge Regime li gie mħabbar reċentament bejnha u il-Malta Chamber of Commerce, sabiex kwistjonijiet bħal dawn jigu indirizzati bejn l-okkupanti u l-MIP abbażi tad-disponibilita tal-fondi. Jekk l-okkupanti jagħqdu din l-assoċjazzjoni, id-disinn tal-master plan għandu jkun parti mid-diskussjonijiet bejnhom u bejn il-Malta Industrial Parks sabiex kwistjonijiet u nuqqasijiet partikulari fit-tmexxija taż-żona jigu ndirizzati minn qabel.

monument ta' Jum ir-Repubblika

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-monument ta' Jum ir-Repubblika li kien hemm fi Triq Diċembru 13 fil-Marsa u li tneħħa minħabba x-xogħlijiet li qegħdin isiru? Fejn se jitpoġġa dan il-monument appena jitlestew ix-xogħlijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija Parlamentari Nru. 36407.

Furjana — bini ta' parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-bini tal-parkeġġ fejn qabel kien hemm it-taraġ fl-area tal-Indipendenza fil-Furjana? Meta hu maħsub li se jitlesta dan ix-xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li 50% tax-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant twettaq. Dejjem jekk ma jinqala' xejn imprevist, dan ix-xogħol hu mistenni li jitlesta sa l-aħħar tas-sena.

Tlestija ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'persentaġġ ta' xogħol hu kkalkulat li tlesta sal-lum u meta hu ppjanat li jitlesta x-xogħol kollu fuq dawn il-proġetti ta' toroq: Triq iċ-Ċirkewwa, il-bypass tal-Mellieħa, it-triq mix-Xewkija sar-Rabat Għawdex u l-underpass tal-Marsa?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.