Xagħra Għawdex — Triq Parisott - miżuri biex titnaqqas il veloċità
Question
Peress li r-residenti ta' parti minn Triq Parisott fix-Xagħra Għawdex senjatament il-parti t'isfel fejn tidjieq it-triq qed jiltmentaw minħabba perikolu li l-vetturi jgħaddu b'veloċità qawwija, jista' jara li jittieħdu l-miżuri kollha opportuni sabiex il-vetturi jnaqqsu l-veloċità u b'hekk ma jkunux ta' periklu għan-nies t'hemmhekk?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta se tinforma lill-Kunsill Lokali tax-Xagħra Għawdex dwar din it-talba sabiex tara x'jista' jsir.
Rapport Regolatorju tal-MFSA — BOV LA Vallette Multi Manager Property Fund
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 36815 u 35699 u cioè: B’referenza għar-Rapport Regolatorju tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzajrji ta’ Malta dwar misselling mill-Bank of Valletta in kwantu għal La Vallette Multi Manager Property Fund, jista’ l-Ministru javza lill-Kamra għaliex l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta:
a) wara li diġa fit-23 ta’ Awwissu 2011 kienet stqarret f’Media Release tagħhom li “
it has arrived at its conclusions on this matter
”;
b) wara li fit-3 ta’ Novembru 2011 f’Media Release oħra, l-istess Awtorità stqarret li “
the investigations on misselling of the Fund to inexperienced investors it also at an advanced stage and the MFSA shall be communication its final position on this matter to Bank of Valletta by the end of the year
” bla spjegazzjoni u bl-ebda sens ta’ kontabilità bħala awtorità pubblika, għadha tkarkar saqajha u ttawal biex wara dawn ix-xhur kollha r-Rapport għadu ma ħariġtx waqt li l-investituri mġarrba jkomplu jbatu emozzjonalment u materjalment?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tinġħata f’seduta oħra.
Rapport Regolatorju tal-MFSA — Investment protection lill-min kellu La Vallette Multi Manager Property Fund
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 36816 u 35700 u cioè: B’referenza għar-Rapport Regolatorju tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzajrji ta’ Malta dwar misselling mill-Bank of Valletta in kwantu għal La Vallette Multi Manager Property Fund, jaf il-Ministru li statutorjament l-Awtorità twaqqfet bl-iskop, espressament msemmi taħt Artiklu 4 – Funzjonijiet tal-Awtorità - li tipprovdi investment protection liċ-ċittadini ta’ dan il-pajjiż u li tissodifa l-aspettativi leġittimi ta’ konsumaturi ta’ servizzi finanzjarji, iżda minflok qiegħda taqdi dan id-dmir, qiegħda minflok, għaliex trid jew inkella għaliex toqgħod għall-pressjonijiet esterni, sservi ta’ tarka minn deċiżjonijiet oħra kontra l-istess Bank of Valletta u l-kapijiet protetti tiegħu wara li dawn diġà instabu mill-istess MFSA ħatja ta’ nuqqasijiet l-aktar serji f’Ġunju 2011 u Jannar 2012 dwar it-tmexxija tal-La Valette Multi Manager Property Fund u bejgħ ta’ prodotti preferred perpetual bħal ta’ Lehman u oħrajn?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tinġħata f’seduta oħra.
Rapport Regolatorju tal-MFSA — La Vallette Multi Manager Propery Fund tal-BOV
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 36817 u 35701 u cioè:B’referenza għar-Rapport Regolatorju tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzajrji ta’ Malta dwar misselling mill-Bank of Valletta in kwantu għal La Vallette Multi Manager Property Fund, jaf il-Ministru li l-biċċa l-kbira tal-mijiet ta’ konsumaturi li għamlu l-ilment tagħhom ta’ misselling mal-Awtorità, ħafna minnhom sa 18-il xahar ilu, jifformaw parti minn dik il-faxxa tal-populazzjoni l-aktar vulnerabbli li tikkonsisti f’ċittadini anzjani li jippruvaw ilaħħqu mal-ħajja fuq il-pensjoni soċjali minkejja l-ispejjeż riżultat tal-mard kroniku tagħhom, u li ħafna minn dawk li ilmentaw – mhux biss il-pensjonanti li ssemmew qabel – għandhom livell akkademiku bażiku u edukazzjoni finanzjarja mill-aktar fqira, u li sa frattant, lkoll ġew kategorizzati bħala “Experienced Investors” mill-Bank of Valletta bl-iskop li jbiegħulhom il-Fond, u li dawn li lmentaw lkoll taw evidenza dokumentata lill-MFSA li la huma investituri ta’ esperjenza fuq livell sostantiv u lanqas wieħed formali?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tinġħata f’seduta oħra.
La Vallette Multi Manager Property Fund — Prospett Supplimentari
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 36818 u 35702 u cioè: B’referenza għall-Prospett Supplementari viġenti tal-La Valette Multi Manager Property Fund tal-10 t’Awwissu 2010, jista’ l-Ministru jgħid jekk jafx li l-La Valette Multi Manager Property Fund għadu miftuħ għal sottoskrizzjonijiet ġodda abbażi tal-Prospett Supplementari viġenti tal-10 t’Awwissu 2010? Jista’ jgħid jekk jafx li tul dawn l-aħħar xhur inġiebet diversi drabi għall-attenzjoni taċ-chairman u tad-Direttur Ġenerali tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta li l-verżjoni viġenti tal-Prospett Supplementari tal-La Valette Multi Manager Property Fund, jiġifieri dik tal-10 t’Awwissu 2010, tikser il-liġijiet tal-Att dwar is-Servizzi tal-Investiment kif ukoll ir-Regoli maħruġa bis-saħħa tagħha mill-istess Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta, u dan bi ħsara għal konsumaturi li għandhom dritt jistrieħu fuq Prospett ta’ prodott ta’ investiment u li jkunu qed jikkunsidraw jidħlu f’dan il-Fond?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tinġħata f’seduta oħra.
La Vallette Multi Manager Property Fund — Prospett Supplimentari - ksur ta' Investiment Restrictions
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 36819 u 35703 u cioè: B’referenza għall-Prospett Supplementari viġenti tal-La Valette Multi Manager Property Fund tal-10 t’Awwissu 2010, jista' l-Ministru jgħid jekk jafx li l-konsegewenzi naturali tar-Rapport tal-istess Awtorità tas-16 ta’ Ġunju 2011 u dak tal-25 ta’ Ġunju 2011 fil-konfront ta’ Valletta Fund Management Ltd u tal-Bank of Valletta plc dwar il-La Valette Multi Manager Property Fund, fejn l-Awtorità kkonfermat ksur ta’ Investment Restrictions mil-Valletta Fund Management Ltd u ħruġ ta’ Rapporti annwali tal-Kustodju mhux veritjiera anzi li jiżvijjaw lil investituri mill-Bank of Valletta, u liema konkluzjonijet tal-Awtorità ma ġewx appellati, ifisser neċessarjament li l-Prospett Supplementari viġenti ta’ dan il-Fond hu inkorrett, falz, mhux veritjiet, jiżvijja lill-pubbliku u inkonsistenti, in kwantu il-Prospett ma ġiex aġġornat u ppubblikat biex jistqarr li Investment Restriction (vi) inkisret b’mod ripetut u fit-tul u li ħafna mill-fondi sottostanti għadhom fil-fond bi ksur tal-kondizzjoni tal-Prospett sal-ġurnata tal-lum?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tinġħata f’seduta oħra.
La Vallette Multi Manager Property Fund — Prospett Supplimentari - MFSA
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 36820 u 35704 u cioè: B’referenza għall-Prospett Supplementari viġenti tal-La Valette Multi Manager Property Fund tal-10 t’Awwissu 2010, jaf il-Ministru li dan kollu qed iseħħ f’wiċċ l-Awtorita għas-Servizzi Finanzjarji u taħt imnieħirha li allura qiegħda turi ruħha bla personalità u impotenti li tinforza r-Regolamenti tagħha stess li jeżiġu li Prospett irid ikollu “the essential elements of which to be kept up to date” sabiex “for investors to make informed judgement about the investment proposed to them”, inkluż informazzjoni dwar “the investment objectives, policies and restrictions of the scheme, together with the extent of use of leverage”?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tinġħata f’seduta oħra.
Għawdex — Qala - Triq Mons. Ġużeppi Vella - asfaltar ta' triq
Question
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 36619 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilha u tgħid meta se tiġi asfaltata Triq Mons. Ġużeppi Vella, fil-Qala Għawdex peress li r-residenti ilhom snin twal jistennew li din it-triq issir?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li nħarġet tender għall-asfaltar ta' din it-triq u bħalissa qed jiġu evalwati l-offerti għal dan ix-xogħol.
Kunsilli lokali tat-12-il distrett elettorali — sejħiet għall-works managers
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 36776, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm persuni li applikaw għal post indikat, xi kwalifiċi/esperjenza għandhom dawk li applikaw? Peress li mid-dokument anness mar-risposta jidher li t-talba kienet għal quotation kemm hu l-massimu li tali kwotazzjoni tista' tilħaq għal kemm żmien?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li rċieva sittax (16)-il applikazzjoni għal servizz ta’ works manager għal San Pawl il-Baħar (SPBLC-Q-13-2012), sittax (16)-il applikazzjoni għal servizz ta’ works manager għal Buġibba u l-Qawra, ħmistax (15)-il applikazzjoni għal servizz ta’ works manager għal Burmarrad u l-Wardija u erbatax (14)-il applikazzjoni għal servizz ta’ works manager għax-Xemxija, l-Limbordin u San Martin.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-kwalifiċi u l-esperjenzi tal-applikanti.
Peress li s-sejħa saret a bażi ta’ kwotazzjonijiet, l-ammont massimu ta’ xogħol li jista’ jingħata jammonta għal 4,660 ewro f’ammont ta’ siegħat, liema ammont ikun stabbilit skont ir-rata kwotata.
Awtorità tad-Djar — passi neċessarji biex jitneħħa periklu minn dar
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-Awtorità tad-Djar mhux qed tieħu l-passi neċessarji sabiex it-talba tal-persuna li d-dettali dwarha qed jingħataw separatament tiġi solvuta b'urġenza speċjalment minħabba l-periklu li hemm fil-fond indikat?
Response (SAID, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar lestiet tliet tenders għal xogħlijiet simili f’diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex. Dawn ser joħorġu fil-ħmistax li ġejjin.
Siġġiewi — Fawwara - trinka għal high tension cable
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ix-xogħol li sar fuq it-trinka għal high tension cable fil-Fawwara s-Siġġiewi, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u sal-lum ghadu ma ngħatax it-tarmak?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tinġħata f’seduta oħra.
Tista' l-Ministru tagħti indikazzjoni jekk l-għalliema li għadhom kemm iggradwaw din is-sena fil-PSD hux se jiġu impjegati mid-Direttorat u meta huwa ppjanat li dan jseħħ? Tista' tgħid fil-preżent kemm hemm vacancies fil-PSD?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Bħal issa m’hemm ebda vakanzi ta’ għalliema tal-PSD (Personal and Social Development).
Għalliema ġodda jiġu impjegati jekk tinħoloq xi vakanza f’xi skola tal-istat.
San Pawl il-Baħar, Buġibba u Qawra — ġbir ta' skart
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-ħinijiet tal-ġbir tal-iskart f'San Pawl il-Baħar u b'mod partikulari fl-inħawi ta' Buġibba u l-Qawra għaliex in-nies qed kontiwament jilmentaw mil-ħinijiet tal-ġbir tal-istess skart, u minħabba l-iskart li qed ikun hemm fit-toroq tal-inhawi matul il-jum kollu? Billi saru bidliet fil-ħinijiet tal-ġbir fl-inħawi ta Buġibba u l-Qawra. jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm ukoll bidliet f'dawk li huma kuntratturi responsabbli mill-ġbir tal-iskart kemm ilhom li bdew jaħdmu l-kuntratturi ġodda?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-ġbir tal-iskart fiż-żona ta’ Buġibba u l-Qawra, mit-Tnejn 15 ta’ Ottubru, se jibda jsir wara t-8.30 am. Intant infurmat ukoll li ma kien hemm l-ebda tibdil fil-kuntrattur li jipprovdi s-servizz. Huma l-istess kuntratturi li ngħataw it-tender f’Settembru.
Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar — investigazzjoni dwar insulti lill-ħaddiema tal-kunsill lokali
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk sarux investigazzjonijiet dwar allegazzjonijet ta' insulti minn persuni mhux imħaddma mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar fil-konfront ta' ħaddiema tal-istess kunsill lokali? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt sarux tali rapporti, li iżda wara ġew irtirati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li fl-aħħar ġimgħat irċieva ittra mingħand l-impjegati tal-kunsill rigward ċertu mġieba min terza persuna fil-konfront tal-ħaddiema. Is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali għadda kopja ta’ din l-ittra lid-Dipartiment għall-Gvern Lokali sabiex jimmoniterja l-każ.
Intant infurmat ukoll li ma jirriżultax li kien hemm rapporti b’xi involviment ta’ impjegati, u li wara kienu rtirati.
MEPA — applikazzjoni għal żviluppi fil-lokalità tat-12-il distrett
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema mill-kunsilli lokali tat-12-il distrett għandhom pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar applikazzjonijiet għal żviluppi fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom? Fil-każ tal-kunsilli li għandhom applikazzjonijiet pendenti x'inhuma l-iżviluppi li għandhom proposti u li għadhom pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?
Response (MARCO, MARIO DE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għandha quddiema sitt applikazzjonijiet pendenti fejn l-applikant huwa wieħed mill-Kunsilli lokali li jaqgħu taħt it-tnax il-distrett.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji mitluba.
Din l-informazzjoni ngabret mis-sistema tal-informatika ta' l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fejn ġew mfittxija applikazzjonijiet pendenti li fl-isem jew l-indirizz ta' l-applikant hemm xi waħda mill-kliem
• Kunsill
• Council
• Local
• Lokali
u li huma mill-Kunsilli ta' l-Mellieħa, San-Pawl il-Baħar u n-Naxxar.
moll taċ-Ċirkewwa — sigurtà u standards internazzjonali
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-moll taċ-Ċirkewwa huwiex mgħammar bis-sinjali u strutturi kollha ta' sigurtà rikjesti mil-liġi u minn standards internazzjonali? Jista' jippubblika rapporti li jiċċertifikaw dan?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-moll taċ-Ċirkewwa huwa ddisinjat biex jaqdi l-ħtiġijiet tekniċi u strutturali u biex jilħaq il-funzjonalita` stabbilita u l-ispeċifikazzjonijiet tad-disinn. Miżuri ta' sigurta' huma ta' natura operattiva u jaqgħu taħt ir-responsabbilta` tal-Operatur.
moll tal-Imġarr — sigurtà u standards internazzjonali
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-moll tal-Imġarr huwiex mgħammar bis-sinjali u strutturi kollha ta' sigurtà rikjesti mil-liġi u minn standards internazzjonali? Jista' jippubblika rapporti li jiċċertifikaw dan?
Jista' l-Ministru jgħid, minn mindu twaqqaf il-commuted parking scheme, li tħallsu minn żviluppaturi u oħrajn fuq żvilupp ġo Tas-Sliema, cioè mill-bidu sal-lum, kemm huwa t-total ta' fondi tul dan iż-żmien, kemm tnefqu ġo Tas-Sliema stess u kemm għad fadal flus f'dan il-fond? Kien hemm fondi li nġabru minn ġo żviluppi f'Tas-Sliema u ġew allokati ġo lokalitajiet oħra?
Response (MARCO, MARIO DE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm pazjenti li għandhom ir-residenza tagħhom f’Għawdex irċevew servizzi ta’ out-patients u in-patients separatament kull sena mill-2002 sal-2011 f’kull sptar tal-istat f’Malta separatament? Jista’ jagħti dan it-tagħrif skont in-numru ta’ drabi li ngħataw servizz?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jew xi dipartiment ieħor li jaqa taħt ir-responsabilità tiegħu għandux guidelines partikulari, li jridu jiġu osservati meta ssir ż-żabra tas-siġar? Jekk iva jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn il-guidelines? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar jekk il-kunsilli lokali humiex infurmati b'dawn l-istess guidelines li jridu jiġu osservati?
Response (MARCO, MARIO DE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-Regolamenti tal-2011 dwar il-Ħarsien tas-Siġar u l-Imsaġar, Avviż Legal 200 tal-2011, jirreferi għall-“żbir” bħala l-prattika li jinqatgħu l-friegħi bil-għan li jitneħħew il-partijiet tas-siġra li jkunu morda jew imħassra, jew biex jiġi kontrollat l-għoli jew il-ftuħ laterali, jew biex tiżdied il-produzzjoni tal-fjur jew tal-frott. Dan jeskludi forom ta' żbir li jaffetwa s-siġra jew il-forma tagħha b'mod negattiv.
F'applikazzjonijiet għall-żbir ta' siġar, il-MEPA tiġbed l-attenzjoni ta' l-applikanti sabiex jiġu segwiti l-prattiċi tajbin ta' l-arborikultura, skond kif preskritt fil-liġi msemmija.