Legislature:
Category:
Reset
Active:

Vjaġġi tal-karozza tal-linja — ħinijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema ħinijiet suppost kellhom jitilqu, u f’liema ħinijiet fil-fatt telqu, il-vjaġġi tal-karozza tal-linja bin-numri li ġejjin mill-Belt għal-lokalitajiet rispettivi fin-nofsinhar ta’ filgħaxija tal-Ġimgħa 24 ta’ Novembru 2017? a) 1 mill-Isla; b) 2 mill-Birgu; c) 3 mill-Kalkara; d) 4 mill-Birgu; e) 51 mill-Imtarfa; f) 52 minn Ħad-Dingli; g) 53 mir-Rabat Tal-Virtù; h) 56 minn Ħad-Dingli; i) 61 minn Ħaż-Żebbuġ; j) 62 mis-Siġġiewi; k) 63 minn Ħal Qormi; l) 64 minn Ħal Qormi; m) 71 miż-Żurrieq; n) 72 mill-Qrendi; o) 73 miż-Żurrieq; p) 74 miż-Żurrieq; q) 81 minn Marsaxlokk; r) 82 minn Birżebbuġa; s) 83 minn Santa Luċija; t) 84 miż-Żejtun; u) 85 minn Marsaxlokk; v) 88 mill-Gudja.

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li setgha kien hemm servizzi li ttardjaw matul din il-ġurnata partikolari li inti qed tistaqsi dwarha. Tajjeb ngħidu li din il-ġurnata tal-24 ta’ Novembru hija magħrufa aħjar bħalha Black Friday. Il-Gvern huwa kommess li jkompli jaħdem sabiex ikollna servizz ta’ Trasport Pubbliku aktar effiċjenti u fl-istess ħin jindirizza l-isfida tal-konġestjoni ta’ traffiku.

Kumpanija tat-Trasport Pubbliku – reklam għal ingaġġ ta’ sewwieqa

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4193 fejn kien ġie mistoqsi rigward reklam tal-kumpanija tat-trasport pubbliku, jew kumpaniji jew individwi mqabbdin minnha biex jiddaħħlu 300 sewwieq mill-Pakistan kollha rġiel mal-kumpanija tat-trasport pubbliku u għalkemm il-kumpanija Malta Public Transport Services Ltd. hija kumpanija privata, imma l-poplu Malti qed iħallas madwar €30 miljun mit-taxxi tiegħu f'sussidji, għaldaqstant il-poplu m'għandux dritt għar-risposti neċessarji? Il-Ministru ma jħossx li dan imur kontra l-prinċipju bażiku ta' equal opportunities employer? Peress li din l-informazzjoni kienet tidher fuq is-siti tal-media socjali fejn setgħu jaċċessawha mijiet ta' eluf ta' nies, għaliex fir-risposta tiegħu l-Ministru qal li peress li din hi kumpanija privata, l-informazzjoni rikjesta mhux disponibbli?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'għandix aktar x'inżid mar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 4193.

Kumpanija tat-Trasport Pubbliku – ingaġġ ta’ ħaddiema ġodda

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4194, jista’ l-Ministru jġib l-informazzjoni neċessarja u jgħid kemm daħlu ħaddiema ġodda mal-kumpanija tat-trasport pubbliku, f'liema grad, x'tip ta' xogħol jagħmlu u ta’ liema nazzjonalità huma, xahar b'xahar minn Jannar 2014 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Peress li din il-kumpanija qiegħda titħallas madwar €30 miljun f'sussidji kull sena mit-taxxi tal-poplu, ma jaħsibx il-Ministru li din l-informazzjoni hi ta' interess pubbliku? Din l-informazzjoni l-Ministru talabha lill-kumpanija tat-Trasport Pubbliku? Jekk fl-affermattiv, imma l-informazzjoni mitluba ma nagħtatlux, u peress informazzjoni relatata mal-kumpanija kienet disponibbli għall-Ministru ta' qablu, x'inhi r-raġuni li hu mhux jingħata l-informazzjoni mitluba?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'għandix aktar x'inżid mar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 4194.

Malta Public Transport – ħaddiema li rriżenjaw

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4195, jista’ l-Ministru jġib l-informazzjoni neċessarja u jgħid kemm kien hemm ħaddiema li rriżenjaw mill-impjieg mal-Malta Public Transport, f'liema grad kienu, x'tip ta' xogħol kienu jagħmlu u ta’ liema nazzjonalità huma, xahar b'xahar minn Jannar 2015 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Peress li din il-kumpanija qiegħda titħallas madwar €30 miljun f'sussidji kull sena mit-taxxi tal-poplu, ma jaħsibx il-Ministru li din l-informazzjoni hi ta' interess pubbliku? Din l-informazzjoni l-Ministru talabha lill-kumpanija tat-Trasport Pubbliku? Jekk fl-affermattiv imma l-informazzjoni mitluba ma nagħtatlux, u peress informazzjoni relatata mal-kumpanija kienet disponibbli għall-Ministru ta' qablu, x'inhi r-raġuni li hu mhux jingħata l-informazzjoni mitluba?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'għandix aktar x'inżid mar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 4195.

Kumpanija tat-Trasport Pubbliku — impjegati

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4196, jista’ l-Ministru jġib l-informazzjoni neċessarja u jgħid kemm kien hemm impjegati jaħdmu mal-kumpanija tat-trasport pubbliku u ta' liema nazzjonalità huma matul is-sena l-oħra (2017)? Peress li din il-kumpanija qiegħda titħallas madwar €30 miljun f'sussidji kull sena mit-taxxi tal-poplu, ma jaħsibx il-Ministru li din l-informazzjoni hi ta' interess pubbliku? Din l-informazzjoni l-Ministru talabha lill-kumpanija tat-Trasport Pubbliku? Jekk fl-affermattiv però l-informazzjoni mitluba ma nagħtatlux, u peress li informazzjoni relatata mal-kumpanija kienet disponibbli għall-Ministru ta' qablu, x'inhi r-raġuni li hu mhux jingħata l-informazzjoni mitluba?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'għandix aktar x'inżid mar-risposta li ngħatat għall- mistoqsija parlamentari 4196.

Awtorità tal-Artijiet – talba għal clearance

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il talba saret għal clearance mill-Awtorità tal-Artijiet f'każ ta' applikazzjonijiet għal żvilupp fuq art jew binjiet li huma tal-Gvern matul l-2016 u l-2017? Kemm qed tieħu żmien biex talba għal clearance mill-Awtorità tal-Artijiet tkun ipproċessata? Jista’ jgħid jekk hux minnu li clearances qed jieħdu xhur sħaħ biex jiġu pproċessati u dan b'detriment ta' min jitlob tali clearance?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ applikazzjonijiet illi ġew proċessati fl-2016 u l-2017, minn meta ħarġu l-applikazzjonijiet f’Mejju 2016 sal-aħħar tal-2017, jammontaw għal-1,725. It-talbiet għall-clearance in principle jiġu proċessati skont il-mertu tagħhom. Hemm linji gwida fejn jekk applikazzjoni tkun skont il-mertu ta’ dawk il-linji gwida, din tiġi pproċessata fi żmien 24 siegħa. Jekk ma tkunx taqa’ f’dawk il-parametri, allura din l-applikazzjoni trid tiġi għall-konsiderazzjoni u approvazzjoni tal-Bord. Iż-żmien ta’ kemm iddum biex tiġi approvata applikazzjoni jvarja ukoll skont kemm l-informazzjoni provduta mill-applikant hija korretta.

Fidi ta’ ċens ta’ art taħt Home Ownership Scheme – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament se jkun jista’ jifdi ċ-ċens ta' biċċa art tal-Gvern li tagħmel parti mill-Home Ownership Scheme li fuqha kienet inbniet dar? Jekk hemm bżonn li tinħareġ Presidential Order qabel dan l-individwu jkun jista’ jifdi ċ-ċens, jista’ jgħid fiex wasal il-proċess biex toħroġ il-Presidential Order u meta jaħseb li se toħroġ?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jista’ jifdi ċ-ċens permezz ta’ Skema Q iżda l-kuntratt tal-bejgħ ikun jista’ jsir ġaladarba l-Awtorità tal-Artijiet tittrasferixxi dan il-plot lill-Awtorità tad-Djar. It-talba għat-trasferiment saret formalment lill-Awtorità tal-Artijiet u għalhekk qed nistennew mingħand l-istess Awtorità.

Fidi ta’ ċens ta’ art taħt Home Ownership Scheme – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament se jkun jista’ jifdi ċ-ċens ta' biċċa art tal-Gvern (u ċjoè li taqa’ taħt ir-responsabilità tal-Awtorità tal-Artijiet) li tagħmel parti mill-Home Ownership Scheme li fuqha kienet inbniet dar? Jekk hemm bżonn li tinħareġ Presidential Order qabel dan l-individwu jkun jista’ jifdi ċ-ċens, jista’ jgħid fiex wasal il-proċess biex toħroġ il-Presidential Order u meta jaħseb li se toħroġ?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fir-rigward tal-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, l-art li fuqha ġiet mibnija l-proprjeta’ msemmija għadha ma ġietx akkwistata mill-Gvern la b’kuntratt mas-sidien orignali u lanqas b’dikjarazzjoni fil-Gazzetta tal-Gvern wara l-2003. Il-propjeta’ msemmija hija maqsuma f’żewġ biċċiet art indikati bħala plot 4_1 fuq pjanta P.D. numru 66_91_5 u bħala plot 5 fuq pjanta L.D. numru 66/91. Għaldaqstant, irid jiġi stabbilit li l-istima li hemm fir-rigward tal-akkwist taż-żewġ biċċiet art, hija waħda li tikkwalifika a bażi tal-Kapitolu 573 tal-liġi. Ngħarraf lill-Interpellant illi parti mill-art li fuqha tinsab mibnija din il-proprjeta’ hija maqbuda b’avviż leġali li ħareg a bażi tal-Att dwar Arei għall-Iżvilupp tal-Bini (BDA) . Għaldaqstant, is-sidien oriġinali jridu jippreżentaw rikors il-Qorti għall-Kumpens mill-Gvern, liema kumpens jingħata la darba ikun hemm sentenza finali.

Birżebbuġa – Karozzi tal-linja

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-karozzi tal-linja 82 u 210 li jgħaddu minn Birżebbuġa jibdew ibaxxu l-ewwel tarġa biex persuni ta' ċertu età jkunu jistgħu jitilgħu f’tal-linja?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ser inkunu qegħdin nesiġu’ mal-Operatur tat-Trasport Pubbliku sabiex jizgura li ix-xufiera li qegħdin fuq is-servizz tat-trasport pubbliku isegwu din il-prattika.

Trasport Pubbliku – multi għal nuqqas ta’ osservanza ta’ ħinijiet

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 4189 dwar kemm ħallset f’multi l-kumpanija tat-trasport pubbliku għal nuqqasijiet fir-rigward ta' puntwalità u affibilità fl-2015, fl-2016 u fl-2017, jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fir-risposta tiegħu qal li l-ammont ta' multi fl-2016 kien jammonta għal €82,125 meta għall-istess mistoqsija li saret fit-12-il Leġiżlatura bin-numru 29165, fir-risposta tiegħu l-Ministru preċedenti responsabbli mit-Trasport Pubbliku kien qal li l-multi kienu jammontaw għal €135, 520? X'sar minnhom it-€53,395 diskrepanza?

Response (BORG, IAN)

Nibda billi nserraħ ras l-Onorevoli Interpellant li ma’ hemm l-ebda diskrepanza la fil-figuri li kienu ngħataw fir-risposta għall-mistoqsijja parlamentari 29165 u dik bin-numru 4189. Infakkar lill Onorevoli Interpellant li fil-mistoqsijja 29165 ġiet mitluba ċifra ta’ kemm il-Malta Public Transport weħlu multi għal servizz ħażin. B’servizz ħażin wieħed jifthem li dan jirrigwarda kwalunkwe ħaga li t’affetwa is-servizz negattivament. Dan ma jikkonċernax biss l-affidabilita’ w il-puntwalita iżda jinkludi affarijiet oħra wkoll. Għaldaqstant, l-ammont li kien ingħata f’din ir-risposta ma’ kienx jinkludi biss penalitajiet li jirrigwardaw l-affidabilita u l-puntwalita iżda kienu jinkludu penalitajiet oħra. Mill-banda l-oħra l-mistosijja bin-numru 4189 kienet qiegħdha titlob speċificament dwar penalitajiet li nħargu lill-Operatur tat-Trasport Pubbliku għal dak li jirrigwarda l-puntwalita u affidabilita’.

Trasport Pubbliku – rapport dwar l-aħħar vjaġġ tal-karozza tal-linja — thresholds

Question

B'referenza għar-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 4190 fejn kien ġie mistoqsi x’passi jieħu l-Ministeru tiegħu kontra l-kumpanija tat-trasport pubbliku partikolarment meta passiġġieri jirrappurtaw li l-aħħar vjaġġ tal-karozza tal-linja ta’ xi ġurnata lejn xi lokalità ma jkunx sar, jista’ għalhekk il-Ministru jgħid x'inhuma dawn t-thresholds fix-xahar għal kull rotta u kemm huwa permissibli li jinqabżu vjaġġi qabel ma jiġu applikati l-multi li għamel referenza għalihom fir-risposta tiegħu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dettalji tat-thresholds rigward l-affidabilità tas-servizz jinsabu fil-kuntratt li kien ġie mpoġġi fuq il-mejda tal-kamra fi Frar 2016.

Bdiewa u Sajjieda – tneħħija ta’ taxxa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se titwettaq il-wegħda elettorali li saret mill-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet li kienet tgħid li “l-bdiewa u s-sajjieda ma jħallsux income tax billi titneħħa t-3% taxxa ikkalkulata fuq il-bejgħ globali”?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Joint Office – bdiewa u raħħala – artijiet/irziezet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess li għandu jwassal biex il-bdiewa u r-raħħala li qed jaħdmu art jew għandhom irziezet tal-Gvern u/jew amministrati mill-Joint Office biex ikollhom titlu legali b'saħħtu biex dawn is-setturi jkunu jistgħu jinvestu fir-raba’/irziezet tagħhom? Peress li din kienet waħda mill-wegħdi elettorali kemm tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll tal-Partit Laburista, ma jħossx il-Ministru li din il-wegħda elettorali għandha titwettaq mill-aktar fis possibbli u li għandha tingħata l-prijorità neċessarja?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nassigura lill-Onor. Interpellant li l-Gvern qed jagħti l-akbar importanza għall-wegħda li qed jirreferi għaliha u fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern ser ikun qed iħabbar il-miżuri li ser jittieħdu fir-rigward.

Bdiewa – trasferiment ta’ art agrikola lill-bdiewa oħra

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk bdiewa li jixtiequ jittrasferixxu fuq bdiewa oħra, art agrikola li hi tal-Gvern jew tal-Joint Office li qiegħda għandhom bi qbiela, kif jistgħu jagħmlu dan? (bdiewa bona fede li jittrasferixxu t-titlu legali ta’ art, raba’ jew irziezet li huma jkunu jgawdu lill-ulied, aħwa u/jew neputijiet kemm inter vivos u kemm causa mortis u tingħata l-opportunità li jsiru wkoll trasferimenti bejn bdiewa reġistrati bejniethom.)

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi żmien qarib, kull min ikollu interess, għandu jagħmel applikazzjoni minn fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità tal-Artijiet. Kull każ jiġi ġġudikat separatament skont il-mertu tiegħu abbażi tal-Avviż Legali 159 tal-2017. Fir-rigward tal-irziezet, dawn iridu jkunu wkoll konformi mal-liġijiet relattivi Maltin u Ewropej. Finalment dawn l-applikazzjonijiet jiġu ġġudikati mill-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità.

Awtorità tal-Artijiet – reġistru ta’ artijiet li huma bi qbiela għand terzi jew vakanti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Artijiet għandhiex katast (reġistru) ta' artijiet li huma tal-Gvern jew tal-Joint Office u jekk humiex bi qbiela għand terzi jew inkella vakanti?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tip ta’ reġistru, li ġie mgħoddi lill-Awtorita tal-Artijiet mid-Dipartiment tal-Artijiet, jeżisti. Ngħarraf lill-Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu trid l-ewwel tiġi estratta mill-Geographical Information System u wara minn diversi fajls li għadhom ma ġewx diġitizzati fuq sistema elettronika. Għaldaqstant, l-informazzjoni mitluba tirrikjedi ammont konsiderevoli ta' siegħat ta' xogħol u riżorsi sabiex tinġabar. Fl-assenza ta' raġuni valida għaliex l-Onor. Interpellant jixtieq jingħata din l-informazzjoni, ikun aktar għaqli li l-ħin u r-riżorsi utilizzati għal dan il-għan, minflok jiġu utilizzati fuq xogħol aktar effettiv u produttiv.

Joint Office/Gvern – raba’ agrikola li mhux tinħadem/vakanti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, lokalità b'lokalità, kemm-il tomna raba' agrikola tal-Gvern jew tal-Joint Office qiegħda bi qbiela għand terzi u kemm-il tomna raba' agrikola hi vakanti u ma qiegħed jaħdimha ħadd?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu hija impossibli tikkumpilaha riżultat ta’ nuqqas ta’ investiment li ma sarx matul iż-żmien fi proċessi li jagħmlu din it-tip ta’ informazzjoni disponibbli u aċċessibli f’qasir żmien. Tapprezza li biex tinġabar l-informazzjoni fuq medda ta’ iktar minn 25 sena, tirrikjedi ħafna xogħol u ħin u jkun aktar għaqli li l-ħin u r-riżorsi utilizzati għal dan il-għan, minflok jiġu utilizzati fuq xogħol aktar effettiv u produttiv. Jekk l-Interpellant irid informazzjoni dwar xi każijiet speċifiċi, nitolbu jagħmel mistoqsija apposta u jagħtina aktar dettalji biex eventwalment tinġabar l-informazzjoni mitluba.

Trasferiment ta’ raba’ agrikola lill-persuni gradwati mill-MCAST (Ċentru tal-Agrikoltura)

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta bdiewa se jkunu jistgħu jibdew jittrasferixxu raba’ agrikolu fuq il-gradwati li jkunu lestew kors mill-MCAST miċ-Ċentru tal-Agrikoltura biex b'hekk aktar żgħażagħ jibdew karriera fl-agrikultura?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant li din il-materja tifforma parti mill-wegħda elettorali li hemm referenza għaliha fil-Mistoqsija Parlamentari 4687. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għal din il-Mistoqsija Parlamentari.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali – bini li jżommu b’titolu ta’ kera

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' bini li d-dipartimenti/entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu jżommu b’titolu ta' kera sena b'sena mill-2013 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jindika liema huma dawn il-binjiet, minn liema dipartiment/entitá qed jinkrew u min huma s-sidien tagħhom? Jista' jgħid kemm qed tkun in-nefqa f’kiri għal dawn il-binjiet fis-sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub qiegħed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

CTB Concessions, Regularisation of CTB Concession u Regularisation of Development Inside Development Zone

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi d-differenza bejn CTB Concession, Regularisation of CTB Concession u Regularisation of Development Inside Development Zone? Jista’ l-Ministru jgħid jekk proprjetà li kien inħarġilha CTB Concession tkunx tista’ tiġi kkunsidrata bħala proprjetà li għandha l-permessi neċessarji tal-bini?

Response (BORG, IAN)

Ir-risposti għad-domandi tal-Onor. Interpellant jemerġu mil-ligi. Issir riferenza għall-Artikolu 91 u t-tmien skeda tal-Kapitolu 504 tal-Ligijiet ta’ Malta, kif ukoll għall-Avviz Legali 229/2012. Issir referenza wkoll għar-regolamenti 3(b) u 4 (2) tal-Avviż Legali 285/2016, u għar-regolamenti 3(a) u 4(1) tal-istess Avviż Legali. Dwar l-import ta' CTB, issir riferenza għad-deciżjoni ġudizzjarja fl-ismijiet L-Avukat Dottor Christian Farrugia bħala mandatarju tal-assenti Barry Eustance vs Karkanja Developments Limited - Qorti tal-Magistrati (Ghawdex) deċiża nhar it-Tlieta, 28 ta’ Ġunju, 2016; Rikors Ġuramentat Numru 104/2014JVC. Hemm appell pendenti dwar din id-deċiżjoni.

Awtorità tal-Ippjanar – Planning Gain — bilanċi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta' bilanċi ta' fondi li jifformaw parti mill-Planning Gain li kull kunsill lokali separatament għandu jieħu mill-Awtorità għall-Ippjanar? X'ammonti minn dawn il-flus huma diġà committed u għal liema proġetti? X'bilanċi ta' fondi għadhom mhux committed?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub qiegħed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra maqsum f’żewġ tabelli. Waħda turi l-bilanċi ta' fondi li jifformaw parti mill-Planning Gain li kull kunsill lokali separatament għandu għad-dispozizzjoni tiegħu u għadhom mhux committed. Fit-tieni tabella hemm indikat l-ammont ta’ flus li huma committed iżda għadhom mhux imħallsa, flimkien mal-proġett li għalih huma committed dawn il-fondi. Qed nifhmu li l-użu tat-terminu Planning Gain fil-fatt qed jirreferi għad Development Planning Fund kif kontemplat fl-artiklu 59 tal-Att 7 tal-2016.