Legislature:
Category:
Reset
Active:

Agrikultura — Agroponics u Hydroponics – sistemi innovattivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern bediex jaħdem fuq Public Private Partnership biex jiġu introdotti sistemi innovattivi bħal ma huma l-agroponics u l-hydroponics għat-tkabbir ta' prodotti agrikoli?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-miżura tal-manifest elettorali ‘Nikkunsidraw mudell ta’ public-private partnership f’sistemi innovativi bħal ma huma l-agroponics u hydroponics għal tkabbir ta’ prodotti agrikoli inkluż dawk immirata lejn l-esportazzjoni ser tkun implimentata fuq perjodu ta’ erbgħa snin. Bħalissa qed isiru preparamenti sabiex ikun jista jigi stabbilit mudell tal-hydropinics bħala demostrazzjoni ġewwa l-Għammieri.

Prodotti Agrikoli esportati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-prodotti agrikoli li preżentament qegħdin jiġu esportati barra l-pajjiż u lejn liema pajjiżi? X'qed jagħmel il-Gvern biex aktar prodotti agrikoli jiġu esportati barra l-pajjiż? Liema pajjiżi qegħdin jiġu targeted li ssir esportazzjoni ta' prodotti agrikoli lejhom?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Politika Agrikola Nazzjonali, li preżentament qiegħda fil-fażi sabiex tiġi ppublikata, tippromwovi miżuri sabiex prodotti agrikoli, li sa llum għadhom mhumiex kummerċjalizzati, jkunu jistgħu jiġu prodotti u preżentati aħjar. Dan bil-għan li dan il-prodott jiġi diversifikat u jinfetħu swieq ġodda, fosthom is-suq tal-‘esportazzjoni’. Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija dwar statistika t’esportazzjoni preżenti lill-Ministru kkonċernat.

Settur Agrikolu — scholarships

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw scholarships għal min irid jagħmel riċerka b’metodi ġodda kif ittejjeb is-settur agrikolu mill-2013 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tiegħi ma tax scholarships lil studenti fuq riċerka ta’ metodi ġodda kif ittejjeb is-settur agrikolu. Madankollu, qed jiġu offruti opportunitajiet ta’ student placements fl-Għammieri fejn studenti tal-biedja tal-MCAST qed ikunu jistgħu jitħarrġu u jiksbu esperjenza fl-istudji tagħhom.

Bank Ġenetiku tal-pjanti u żrieragħ endemiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk twaqqafx il-bank ġenetiku tal-pjanti u żrieragħ endemiċi? Jekk dan il-bank għadu ma twaqqafx, meta hemm il-ħsieb li jsir dan?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Bank Ġenetiku tal-Pjanti u Żrieragħ ser jiġi mwaqqaf bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Manifest Elettorali tal-Gvern. Dan ser jiġi żviluppat f’numru ta’ fażijiet bejn l-2018 u l-2021. Ix-xogħol fuq dan il-proġett diġa beda. Il-proġett mistenni jkun lest fl-2021.

Postijiet ta’ żbark ta’ merkanzija u portijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'kontrolli qed isiru f'postijiet ta' żbark ta' merkanzija u l-portijiet biex jiġi assigurat level playing field u kompetizzjoni ġusta partikolarment f'dak li qiegħed jiġi impurtat bil-baħar f'pajjiżna?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru għall-Finanzi.

Kampanja nazzjonali ta’ promozzjoni ta’ xiri ta’ prodotti lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif il-Gvern se jikkontribwixxi lejn kampanja nazzjonali li tippromwovi x-xiri ta' prodotti lokali bħalma huma dawk agrikoli, laħam u ħut bil-għan li jkun megħjun il-prodott lokali Malti u Għawdxi hekk kif kien wiegħed fil-programm elettorali tiegħu l-Partit Laburista? Meta se jiġu introdotti ċ-ċertifikazzjoni ta' kwalità tal-prodott Malti? X'inhi r-raġuni li din iċ-ċertifikazzjoni għadha ma daħlitx?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat ta’ l-Agrikoltura għaddej bl-iskema nazzjonali ‘Prodotti ta’ Kwalità’ li ġiet varata f’Jannar ta’ din is-sena. L-iskema, li hi miftuħa għas-setturi agrikoli kollha, hija waħda volantarja u għalhekk il-parteċipazzjoni f’din l-iskema hija waħda volontarja wkoll. Id-Direttorat qiegħed jaħdem sabiex iqanqal interess f’din l-iskema bil-għan li jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tal-produtturi. Hemm diskussjonijiet għaddejjin ma’ setturi varji fosthom is-settur tal-Ħalib, tal-Laħam, tal-Majjal, tal-Għasel u tat-Tadam tal-iproċessar. La darba jkun hemm il-prodotti li jidħlu f’din l-iskema, ikun possibbli li tibda l-kampanja għall-promozzjoni ta’ Prodotti ta’ Kwalità sabiex jingħata mportanza lil dawk il-prodotti b’din il-marka. Ta min isemmi li bħalissa għaddejja kampanja li timpromwovi nbejjed ta’ kwalità li huma prodotti f’Malta. Id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura jippromwovi l-konsum tal-ħut lokali permezz ta’ diversi proġetti, fosthom il-proġett “EFF313 – Titjib tal-Konsum tal-Ħut permezz tal-Edukazzjoni/ Kuxjenza u Diversifikazzjoni” magħruf aħjar bis- slogan “Kul ħut frisk” li tnieda fl-2015. L-iskop ewlieni ta’ dan il-proġett kien biex jgħin fl-isforz għal sajd aktar sostenibbli, diversifikazzjoni fl-għażla ta’ tipi ta’ ħut lokali għall-ikel, diversifikazzjoni ta’ prodotti tal-ħut li jinbigħ fis-suq lokali u biex ikun hemm żieda fil-kompetittività tas-settur. Bl-użu ta’ pubbliċità, reklamar u ta’ strateġiji ta’ kummerċjalizzazzjoni, il-proġett ħoloq kuxjenza fost il-pubbliku in ġenerali rigward il-benefiċċji nutrittivi meta tiekol ħut frisk lokali u kif wieħed jista’ jżid il-konsum ta’ ħut maqbud mis-selvaġġ u speċi ta’ ħut imrobbi fl-akkwakultura. Id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura qed jaħdem fuq it-tnedija tal-proġett “EMFF 4.3.1 - Nesploraw Flimkien it-Teżori tal-Baħar”. L-għan ewlieni ta’ dan il-proġett huwa li jiġu komunikati tliet messaġġi prinċipali, li huma: (i) għarfien dwar l-istat tal-istokkijiet tal-ħut lokali (ii) konsum sostenibbli tal-ħut lokali u (iii) r-rwol ta' kull individwu biex jiżdiedu l-isforzi ta' konservazzjoni. L-udjenza prinċipali ta’ dan il-proġett huma diversi studenti fl-iskejjel primarji matul is-sena skolastika 2017-2018 u l-pubbliku in ġenerali fuq diversi pjattaformi tal-mass midja.

New Polished water

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux se jżomm mal-wegħda elettorali tiegħu li l-ilma l-ġdid (new/polished water) se jiġi pprovdut kollu kemm hu b'xejn lill-bdiewa li jkollhom aċċess għalih u li dan l-ilma jibqa’ jingħata bla ħlas lis-settur agrikolu?

Response (MIZZI, JOE)

L-Onor. Interpellant għandu jkun jaf li l-Gvern preżenti jwettaq dak li jwiegħed.

New/Polished Water — lokalitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f'liema lokalitajiet/żoni fejn hemm raba’ agrikolu se jitwassal l-ilma l-ġdid (new/polished water) u meta hu ppjanat li dan l-ilma jitwassal f'kull lokalità/żona agrikola? B'liema metodu ta' distribuzzjoni se jitwassal dan l-ilma? Dan l-ilma se jibqa’ jiġi pprovdut kollu kemm hu b'xejn lill-bdiewa li jkollhom aċċess għalih? Jista’ jipprovdi l-ġarr ta' dan l-ilma bil-bowsers lejn għelieqi li ma għandhomx aċċess għad-distribuzzjoni ta' dan l-ilma?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li bħalissa qegħdin fil-fażi biex noħorġu t-tenders tar-Reġjun tat-Tramuntana. Fir-Reġjun tan-Nofsinhar u r-Reġjun t’Għawdex ix-xogħol għandu jibda wara. Waqt dan ix-xogħol ir-Reġjun tan-Nofsinhar se jkun servut bil-kanali l-antiki filwaqt li f’Għawdex se jiġu nstallati numru ta’ dispensing points fejn wieħed ikun jista’ jinqeda bil-bowser. Meta jkun lest il-proġett, il-metodu ta’ tqassim se jkun minn ġo mains fit-toroq u l-ilma jiġi aċċessat permezz ta’ dispensers elettroniċi.

Restawr ta’ ġwiebi għal ġbir ta’ ilma tax-xita

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni kien hemm għal restawr ta' ġwiebi għall-ġbir tal-ilma tax-xita? Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet se jieħdu l-fondi biex isir ix-xogħol? Meta hu ppjanat li jingħataw dawn il-fondi?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-lum daħlu total ta’ 40 applikazzjoni li jikkonċernaw ġwiebi għall-ġbir u l-ħażna tal-ilma taħt il-Programm tal-Iżvilupp Rurali għal Malta 2014-2020. Bħalissa dawn l-applikazzjonijiet qed jiġu evalwati mill-kumitat maħtur għal dan l-għan u l-ewwel riżultati tal-applikazzjonijiet magħżulin għandhom jiġu ppubblikati mill-Awtorità ta’ Ġestjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza fil-ġimgħat li ġejjin. Għaldaqstant, qabel ma jingħalaq dan il-proċess ta’ evalwazzjoni m’huwiex magħruf kemm minn dawn l-40 applikazzjonijiet se jitqiesu eleġibbli u mbagħad jiġu magħżula sabiex jieħdu l-fondi. Dan il-proċess jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità ta’ Ġestjoni (MEAE) li hija l-entità responsabbli għat-tnedija tal-miżuri u l-għażla u l-kuntrattar tal-applikazzjonijiet taħt l-iskemi tal-Programm tal-Iżvilupp Rurali 2014-2020 għal Malta.

Pitkalija — tmexxija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Pitkalija hijex se tibqa’ mmaniġġjata mill-Gvern jew jekk hux se tingħata lill-privat?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-lum il-Gvern ma ħa l-ebda deċiżjoni li l-Pitkalija tingħata lill-privat, iżda l-Gvern se jaċċerta li din ir-riforma tkun waħda li tagħti l-aħjar servizz lill-bidwi u lill-konsumatur.

Berġa ta’ Marsaxlokk — rilokazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet li l-Berġa ta' Marsaxlokk tiġi rilokata? F'każ li se tiġi rilokata, x'inhi r-raġuni għal tali rilokata, x'inhi r-raġuni għal tali rilokazzjoni u fejn hemm il-ħsieb li tiġi rilokata din il-berġa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa l-Berġa ta’ Marsaxlokk tinsab ġol-Għassa tal-Puliżija tal-lokal, li biswita qed isir xogħol ta’ kostruzzjoni maġġuri. Għaldaqstant, is-servizz li jingħata minn din il-berġa ġie temporanjament trasferit għas-sala parrokjali għal raġuni ta’ saħħa u sigurtà tal-pazjenti u tal-ħaddiema. Sadanittant bdew it-taħdidiet biex jitnieda l-proċess tad-devoluzzjoni tal-Berġa mal-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk.

Għassa tal-Pulizija ta’ Marsaxlokk — rilokazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet li l-Għassa tal-Pulizija ta' Marsaxlokk tiġi rilokata? F’każ li se tiġi rilokata, x'inhi r-raġuni għal tali rilokazzjoni u fejn hemm il-ħsieb li tiġi rilokata din l-Għassa tal-Pulizija?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm taħditiet dwar il-possibiità ta’ rilokazzjoni imma għadha ma ttieħditx deċiżjoni finali.

Il-Mosta – Triq il-Qares — tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se tingħata t-tarmak Triq il-Qares fil-Mosta peress li din it-triq qatt ma sarilha wiċċ bit-tarmak?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed taħdem fuq lista ta’ interventi f'diversi lokalitajiet. Ix-xogħlijiet se jkunu qed isiru skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Il-Mosta – Triq ta’ Vnezja — tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se tingħata t-tarmak Triq Ta’ Vnezja fil-Mosta peress li din it-triq qatt ma sarilha wiċċ bit-tarmak?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed taħdem fuq lista ta’ interventi f'diversi lokalitajiet. Ix-xogħlijiet se jkunu qed isiru skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Il-Mosta – Triq in-Naġġar — tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se tingħata t-tarmak Triq in-Naġġar fil-Mosta peress li din it-triq qatt ma sarilha wiċċ bit-tarmak?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed taħdem fuq lista ta’ interventi f'diversi lokalitajiet. Ix-xogħlijiet se jkunu qed isiru skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Il-Mosta – Triq il-Bennej — tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se tingħata t-tarmak Triq il-Bennej fil-Mosta peress li din it-triq qatt ma sarilha wiċċ bit-tarmak?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed taħdem fuq lista ta’ interventi f'diversi lokalitajiet. Ix-xogħlijiet se jkunu qed isiru skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Transport Malta – periti impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm periti impjegati ma' Transport Malta, sena b'sena u dipartiment/entità b'dipartiment/entità, mil-2012 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif indikata fit-tabella sussegwenti:- SENA NUMRU TA' PERITI LI KIENU IMPJEGATI TA’ TRANSPORT MALTA DIRETTORAT 2012 31 29 Roads and Infrastructure / 2 Traffic Management & Road Safety 2013 31 29 Roads and Infrastructure / 2 Traffic Management & Road Safety 2014 29 27 Roads and Infrastructure / 2 Traffic Management & Road Safety 2015 29 27 Roads and Infrastructure / 2 Traffic Management & Road Safety 2016 32 30 Roads and Infrastructure / 2 Traffic Management & Road Safety 2017 32 30 Roads and Infrastructure / 2 Traffic Management & Road Safety 2018 27 20 Roads and Infrastructure / 2 Traffic Management & Road Safety / 4 Senior Operating Officer Office / 1 Enforcement

Transport Malta – periti impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu impjegati periti ma' Transport Malta, sena b'sena u dipartiment/entità b'dipartiment/entità, mil-2012 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif indikata fit-tabella sussegwenti:- SENA NUMRU TA' PERITI IMPJEGATI ĠODDA MA' TRANSPORT MALTA DIRETTORAT 2012 4 Roads and Infrastructure 2013 3 Roads and Infrastructure 2014 2 Roads and Infrastructure 2015 2 Roads and Infrastructure 2016 4 Roads and Infrastructure 2017 1 Roads and Infrastructure 2018 0

Transport Malta – periti li tterminaw l-impjieg

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm itterminaw l-impjieg tagħhom periti minn ma' Transport Malta, sena b'sena u dipartiment/entità b'dipartiment/entità, mil-2012 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif indikata fit-tabella sussegwenti:- SENA NUMRU TA' PERITI LI TTERMINAW L-IMPJIEG TAGHHOM MINN MA' TRANSPORT MALTA DIRETTORAT 2012 3 Roads and Infrastructure 2013 4 Roads and Infrastructure 2014 2 Roads and Infrastructure 2015 1 Roads and Infrastructure 2016 1 Roads and Infrastructure 2017 5 Roads and Infrastructure 2018 1 Roads and Infrastructure

Bordijiet/Awtoritajiet — membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri ta' kull bord/awtorità li jaqgħu taħtu? X'kariga għandu kull membru u x'rimunerazjoni u benefiċċji qed jieħu kull membru? Kif ġie appuntat kull membru ta' kull bord?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.