Legislature:
Category:
Reset
Active:

Iż-Żurrieq – Vjal ix-Xarolla — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex Vjal ix-Xarolla fiż-Żurrieq flimkien ma’ Triq il-Kuċċard, Ħal Safi suppost ilhom lesti aktar minn sitt xhur, ix-xogħol fuq Vjal ix-Xarolla speċjalment fejn tgħaqqad ma’ Blue Grotto Avenue u ma’ Triq il-Belt Valletta għadu mhux lest u x-xogħol fi Triq il-Kuċċard għadu lanqas biss beda tant li mill-2013 sal-lum għadu ma sar l-ebda progress fuq din it-triq? Jista’ jgħid x'kienet r-raġuni li mar jiftaħ Vjal ix-Xarolla fiż-Żurrieq meta fil-fatt ix-xogħol għadu mhux lest?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-proġett tal-bini mill-ġdid ta’ Vjal ix-Xarolla, li kien ilu ppjanat li jsir għexieren ta’ snin u baqa’ qatt ma sar, tlesta fil-ġimgħat li għaddew. Dan hekk kif imħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet fuq il-post, u li fiha l-awtoritajiet irringrazzjaw lir-residenti għall-koperazzjoni tagħhom, kif ukoll lil dawk kollha li ħadmu biex dan il-proġett tlesta minkejja l-isfidi tekniċi tas-sejbiet arkeoloġiċi fl-inħawi. Fit-tarf ta’ Vjal ix-Xarolla, fir-roundabout ma’ Vjal il-Blue Grotto, qed isir proġett ta’ tisbiħ separat minn entitajiet oħra. Dan ix-xogħol m’għandux x’jaqsam mal-proġett ta’ Vjal ix-Xarolla, li kif diġa spjegajna, tlesta. Il-proġett sabiex Triq il-Kuċċard, li minn Vjal ix-Xarolla tagħti għal Ħal Safi, tinbena mill-ġdid bl-istess disinn ta’ Vjal ix-Xarolla, ser jibda fil-ġimgħat li ġejjin. Hekk kif għamlet fi Vjal ix-Xarolla, fi Triq il-Kuċċard Infrastructure Malta ser issegwi l-istruzzjonijiet u l-miżuri kollha mitluba mill-awtoritajiet ambjentali u tal-ħarsien tal-wirt storiku u twettaq ix-xogħol taħt is-superviżjoni tal-arkeologi, peress li f’dawn l-inħawi qed jinstabu ħafna fdalijiet storiċi li jeħtieġ ikunu studjati u konservati.

Tender for the Construction and Resurfacing of Residential Road – xogħlijiet fuq toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'testijiet saru fuq it-toroq li ser isir ix-xogħol fihom qabel inħareġ it-Tender for the Construction and Resurfacing of Residential Roads (Ref. IM 004/18) biex jiġi stabbilit l-intervent li se ssir f'kull triq? Jista’ jgħid x'jiddetermina l-ħxuna ta' tarmak li se tingħata f'kull triq, kif se ssir l-istruttura tat-triq taħt il-livell tat-tarmak, eċċ.?

Response (BORG, IAN)

It-tħejjijiet għall-ħruġ tas-sejħa għall-offerti għall-ewwel 120 triq mill-lista tat-toroq li ser jinbnew mill-ġdid fl-2019 bħala parti mill-impenn tal-Gvern li jtejjeb il-kwalità u s-sostenibilità tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna, kienu jinkludi l-ġbir tat-tagħrif tekniku meħtieġ flimkien ma’ konsultazzjoni ma’ dawk kollha konċernati. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tax-xogħol tal-bini mill-ġdid tat-toroq imsemmija permezz ta’ din is-sejħa ser isir skont l-istandards ta’ kwalità u sigurtà, u r-regolamenti kollha applikabbli, hekk kif isir fil-bini mill-ġdid ta’ toroq oħra li qed isiru bħalissa.

Aġenzija Infrastruttura Malta — Tender for the Construction and Resurfacing of Residential Roads – standards u speċifikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid skont liema standards u speċifikazzjonijiet se jsir ix-xogħol ta' toroq li se ssir permezz tat-Tender for the Construction and Resurfacing of Residential Roads (Ref. IM 004/18)? Jista’ jgħid xi jridu jgħidu l-Aġenzija Infrastruttura Malta bil-kliem fit-tender: ‘where in this tender document a standard is quoted, it is to be understood that the Contracting Authority will accept equivalent standards’?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards tax-xogħol tat-toroq imsemmija huma kif deskritt fil-Legislazzjoni Sussidjarja 499.57 “New Roads and Road Works Regulations”. Il-kliem ikkwotat f’din il-mistoqsija huwa spjegat fis-sezzjoni Instructions to Tenderers, klawsoli 1.3 i) sa v) tal-istess sejħa għall-offerti indikata. Il-kliem indikat, li huwa fil-fatt parti minn klawsola li tiġi inkluża f’kull sejħa għall-offerti ta’ dan it-tip, tfisser hekk “fejn f’dan id-dokument ta’ tender jiġu kkwotati standards, għandu jiġi meqjus li l-awtorità kontraenti taċċetta standards ekwivalenti.”

Aġenzija Infrastruttura Malta — Tender for the Construction and Resurfacing of Residential Roads - lottijiet

Question

Peress li t-Tender for the Construction and Resurfacing of Residential Roads (Ref. IM 004/18) inqasmet f'ħames lottijiet, jista’ l-Ministru jgħid x'inhi li jiddetermina x'toroq jidħlu taħt kull lott? Jekk l-Aġenzija Infrastruttura Malta se tesiġi li x-xogħol fuq il-5 lottijiet jibda fl-istess ħin, ma jaħsibx il-Ministru li peress li f'lottijiet differenti hemm toroq tal-istess lokalità, se nispiċċaw f'sitwazzjoni li f'lokalità jkun hemm numru ta' toroq, li wħud minnhom huma toroq distributorji, fejn ikun għaddej ix-xogħol fuqhom fl-istess ħin u allura tista’ tinħoloq konġestjoni sħiħa ta’ traffiku?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-bini mill-ġdid tat-toroq, bħala parti mill-investiment bla preċedent tal-Gvern, b’€700 miljun, biex itejjeb l-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna, ser jiġi ppjanat u kkordinat kif meħtieġ, sabiex jiġu evitati diffikultajiet għal dawk li jgħixu jew jivvjaġġaw fihom ta’ kuljum.

Malta Public Transport – depot/interchange – faċilitajiet sanitarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk f'kull depot/interchange tal-Malta Public Transport hemmx il-faċilitajiet sanitarji neċessarji kollha hekk kif stipulat fil-Collective Agreement bejn il-ħaddiema u l-Malta Public Transport? Fin-nuqqas ta' dan, x'passi ttieħdu/se jieħu mir-regolatur fil-konfront tal-operatur?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu tikkonċerna direttament lill-Malta Public Transport Services Ltd li hija kumpanija privata. Għaldaqstant din l-informazzjoni mhix disponibbli li tingħata.

Transport Malta – enforcement officers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm enforcement officers impjegati ma' Transport Malta, sena b'sena, mill-2012 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant kif waqt li fl-2013 kienu biss 11-il uffiċjal fi ħdan l-Awtorita’ responsabbli mill-infurzar u mmangjar ta’ traffiku f’Malta u Għawdex kollha, illum Transport Malta ghandha 114 il-persuna sabiex jassistu fl-immanigjar tat-Traffiku, jasisstu l-għexieren ta’ xogħolijiet fuq toroq li għaddejjin madwar il-pajjiż, jinfurzaw madwar il-pajjiż kollu inkluż bit-taqsima tal-clamping u muturi, kif ukoll jagħtu servizz lil privat bi ħlas fuq xogħolijiet li jkunu qed isiru fuq siti ta’ kostruzzjoni.

Transport Malta – enforcement officers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati enforcement officers ma’ Transport Malta, xahar b'xahar, minn Lulju 2016 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u minn liema lokalitajiet ġejjin? Xi proċedura ntużat biex iddaħħlu dawn l-enforcement officers, saret call pubblika jew intużat xi proċedura oħra? Jekk saret l-interview, min kien fuq il-bord ta' dawn l-interviews? X'kienu r-requirements biex jiddaħħlu l-enforcement officers?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess u l-proċedura li ntużat biex jiġu inġaġġati l-enforcement officers hija bħal kull vacancy oħra billi inħarġet seħja pubblika u saru l-interviews mill-interviewing board magħmul minn tlett persuni. Ġew impjegati 71 enforcement officers ma’ Transport Malta minn 28 lokalita’ differenti. Ir-requirements mitluba biex jiddaħħlu l-enforcement officers huma dawn li ġejjin; Liċenzja tas-Sigurtà kif maħruġa mill-Kummissarju tal-Pulizija u Ċertifikat Mediku li wieħed jinsab tajjeb biex jassumi r-responsabbiltajiet. Li persuna jkollha ħiliet ta'komunikazzjoni tajbin kemm verbali u kif ukoll bil-kitba bl-Ingliż u bil-Malti. Ġiet mitluba l-kondotta nadifa tal-Pulizija, iċ-Ċertifikat tal-Ewwel Għajnuna fuq il-post tax-Xogħol u ċ-Ċertifikat tal-Fire Fighter u l-Prevenzjoni kontra n-Nar. Tajjeb li wieħed jkollu wkoll il-Liċenzja tat-trailers (kategorija B+E).

Transport Malta — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx impjegati ma' Transport Malta li preżentement huma sospiżi? Jekk fil-fatt hemm, dawn qegħdin sospiżi bla paga, b'nofs paga jew b'paga sħiħa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm żewġ impjegati sospiżi b’nofs paga.

Transport Malta – Enforcement officer – fixed point

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal kemm tul ta' ħin huwa fixed point għal enforcement officer ta' Transport Malta waqt li jkunu għaddejjin xogħlijiet ta’ toroq jew meta għal xi raġuni jew oħra ikun hemm diversion tat-traffiku jew tingħalaq triq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tul ta’ ħin huwa stabbiliet skond l-eżiġenzi tal-mument tax-xogħolijiet u proġetti diversi, filwaqt li l-Awtorita` dejjem tieħu ħsieb li tkun konformi sew man-normi, kif ukoll mal-liġijiet li jħarsu s-saħħa u sigurta’ fuq il-post tax-xogħol.

Transport Malta – enforcement officers

Question

Peress li meta persuni ġodda jiġu impjegati bħala enforcement officers ma’ Transport Malta u jiġu impjegati fil-grad ta' Assistant Enforcement, hemm xi perjodu ta' żmien biex dawn jogħlew fil-grad u jsiru enforcement officers u senior enforcement officers? Jista’ jikkonferma jew jiċħad li f'każ ta' dawn il-promozzjonijiet, is-seniority qiegħda tiġi injorata?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemm l-ebda perjodu stabbiliet sabiex wieħed jitla’ għal grad ta’ Enforcement Officer jew ta’ Senior Enforcement Officer.Kull promozzjoni ssir skont kriterji li jkopru firxa wiesa ta’ aspetti li għandhom x’jaqsmu max-xogħol u d-dmirijiet li jkunu mistennja jwettqu dak maħturin.
Leg 13 PQ #7611 Sitting 167 2018-11-13 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

National Geological Survey — pariri

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk hawn Malta għandniex National Geological Survey nazzjonali bħala organizzazzjoni permanenti li tagħti pariri lill-Gvern dwar il-ġeoloġija tal-pajjiż? Jekk le, għaliex hawn Malta bqajna l-unika pajjiż fl-Unjoni Ewropea mingħajr dan is-servizz?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Sa mis-snin disgħin l-entita responsabbli mit-tiftix għaż-żejt bdiet tassumi r-rwol ta’ Geological Survey. Illum il-Continental Shelf Department huwa membru tal-Euro Geo Surveys li jirraprezenta il-Geological Surveys tal-Ewropa. Fl-1993, id-Dipartiment għat-Tiftix għaż-Żejt kien ippublika l-mappa ġeoloġika ta’ Malta u s-sena li għaddiet din il-mappa inqalbet f’format diġitali u tista tinkiseb b’xejn minn fuq is-sit elettroniku tad-Dipartiment. Id-Dipartiment qed jieħu sehem f’żewġ proġetti tal-Ewropa bħala parti minn konsorzju magħmul mill-Geological Surveys tal-Ewropa: Proġett Emodnet u flimkien mal-Energy and Water Agency fil-proġett GeoERA.
Leg 13 PQ #7612 Sitting 167 2018-11-13 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tfittix taż-żejt

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid min huma l-konsulenti relatati mat-tfittix taż-żejt ingaġġati mill-Gvern minn April 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? X'inhu l-ħlas ta' dawn il-konsulenti għas-servizz li jagħtu? Xi kwalifiki akkademiċi relatati mat-tħaffir għaż-żejt kif ukoll esperjenza f'dan il-qasam għandu/għandha kull konsulent? Kif ġew ingaġġati dawn il-konsulenti, b'interview jew abbażi ta' postion of trust? Għal kemm tul ta' żmien sar kull kuntratt ma’ kull konsulent ingaġġat? X'kienu r-riżultati miksuba minn kull konsulent fir-rigward tal-konsulenza li qed jagħti/tagħti?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Qed inpoġġi t-tagħrif mitlub fuq l-Mejda tal-Kamra.. Ngħarraf lill-Onor Interpellant li numru minn dawn il-konsulenti ilhom ingaġġati fuq xogħol relatat mal-Continental Shelf Department sa minn qabel l-2013.
Leg 13 PQ #7613 Sitting 167 2018-11-13 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Sejbien ta’ żejt

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx prospetti tajbin ta' sejbien ta' żejt fl-areas ta' tiftix ta' żejt li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni Maltija?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Il-Gvern mhux se jispekula fuq dan is-suġġett.

Xiri ta’ biljetti tal-karozzi tal-linja

Question

Peress li qabel il-kumpanija tat-Trasport Pubbliku, il-Malta Public Transport, ġiet trasferita lil Autobus De Leon, jekk passiġġier kien jixtri biljett ta' €1.50, kemm fis-sajf kif ukoll fix-xitwa, kien jista’ jagħmel ġurnata jivjaġġa bil-karozza tal-linja, illum, jekk tixtri biljett minn fuq tal-linja bl-istess prezz, kemm tista’ ddum tivjaġġa bih? Jista’ l-Ministru jgħid illum hemm differenza fil-prezz tal-biljett bejn is-sajf u x-xitwa?

Response (BORG, IAN)

Nibda billi niċċara li ix-xebħ li qiegħed jagħmel l-Onorevoli Interpellant għar-rigward it-tarriffi tat-trasport pubbliku hekk kif kienu japplikaw qabel Lulju 2015 u wara mhux korret. U dan minħabba li l-istruttura tan-nollijiet kien inbidel. Waħda mill-miri ta’ dan il-gvern meta kien qiegħed jiġi mfassal il-kuntratt il-ġdid tat-trasport pubbliku bi skeda kien li kemm jista jkun jieħu miżuri sabiex jitnaqqas il-ħin tat-traġit tal-karrozza tal-linja. Waħda min dawn il-miżuri kienet li jitnaqqas il-ħin li passiġġier jieħu biex iħallas in-noll sabiex jagħmel użu mis-servizz tal-karrozzi tal-linja. Dan il-għan intlaħaq bl- introduzzjoni ta’ Transport Card magħrufa aħjar bħala Tallinja Card fl-Lulju ta’ 2015 fejn permezz ta sempliċi swipe tal-card passiġġier iħallas in-noll tal-vjaġġ. Din il-mizura kienet ta’ suċċess tant li llum il-fuq minn 80% tal-vjaġġi jsiru permezz tal-użu tal cards. Kull minn juża il-card biex jivjagga il-prezz ta’ sagħtejn vjaġġar jiswa hekk kif ġej: · Tfal bejn l-eta ta erbgħa u għaxar snin, anzjani (minn 60 sena il-fuq) kif ukoll persuni b’disabilita li għandhom il- Blue Badge jew Disabled Special Identity Card iħallsu €0.25 sa massimu ta’ €0.50 kull jum u massimu ta’ €2.00 fil-ġimgħa; · Persuni li għandhom l-eta ta bejn il-ħdax u is-sittax il-sena kif ukoll persuni li qegħdin jistudjaw b’mod full time jħallsu €0.75 sa’ massimu ta €21.00 fix xahar jew inkella €55.00 f’90 ġurnata; · Persuni bejn l-etajiet ta 17 u 59 sena iħallsu €0.75 sa massimu ta €26.00 fix -xahar. Biex jiddisinċentiva persuni milli jħallsu n-noll direttament fuq il-karozzi tal-linja, il-prezz li wieħed irid iħallas huwa għola jiġifieri €1.50 fix-xitwa u €2.00 fis-sajf. Dan il-biljett jintitola il-passiġġier għal vjaġġ wieħed ta’ sagħtejn .

Malta Public Transport – regolatur tat-trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-regolatur tat-trasport pubbliku hux jivverifika li x-xufiera barranin li qed jiġu ngaġġati mal-Malta Public Transport ikunu kapaċi jitkellmu sew bil-lingwa Ingliża? Kien hemm istanzi fejn wara spezzjonijiet mir-regolatur tat-trasport pubbliku nstabu xufiera barranin li kienu ingaġġati mill-kumpanija tat-Trasport Pubbliku li ma kenux jafu jitkellmu sew bl-Ingliż? X'passi ttieħdu f'dawn l-istanzi mir-regolatur fil-konfront tal-kumpanija Malta Public Transport?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn spezzjonijiet li jsiru minn uffiċċjali ta’ Transport Malta jirriżulta li meta xufier ma jkunx kapaci jikkomunika bil-Malti jew bl-Ingliż jittieħdu provvedimenti kif kontemplat fil-kuntratt. Ninsab infurmat li l-operatur tat-trasport pubbliku, minn żmien għal żmien, jorganizza korsijiet fl-Ingliż bażiku sabiex jgħin lix-xufiera jikkomunikaw aħjar bl-Ingliż.

Xufiera ta’ coaches u karozzi tal-linja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xufiera ta' coaches u karozzi tal-linja ta' nazzjonalità barranin li jiġu jaħdmu hawn Malta jkollhom liċenzja simili maħruġa f'pajjiżhom ikunu jistgħu jibdew jaħdmu b’mod immedjat jew ikunu jridu jagħmlu xi kors ma' Transport Malta? Kemm idum dan il-kors? Xufiera oħra barranin li jiġu jaħdmu ma’ kumpaniji oħra privati, jingħataw l-istess trattament?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont il-leġislazzjoni Sussidjarja 65.18, Regolament numru 5, kwalunkwe persuna tista`, sa perjodu ta’ sena, issuq f’Malta vettura skont il-liċenzja maħruġa lilha ġewwa pajjiżna. Sabiex persuna tkun tista` ssuq vetturi għal ġarr tal-passiġġieri minbarra l-liċenzja tas-sewqan Kategorija D, jew dik ekwivalenti, irrid ikollha wkoll dak li huwa magħruf bħala ċ-ċertifikat ta’ kompetenza professjonal (CPC). Dan iċ-ċertifikat ikun jista jinkiseb wara li l-kandidat jattendi għall-kors u jgħaddi mill-eżami fl-aħħar tal-kors. Sabiex jinħareġ il-permess ta’ xufier (Tag), li allura tippermetti lil dik il-persuna ssuq dawn it-tip ta’ vetturi, l-applikant irrid ikollu kondotta nadifa, liema kondotta tkun trid tiġi miġjuba kemm minn Malta kif ukoll mill-pajjiż tal-oriġini tal-applikant. Fl-aħħar issir “assessment” tal-ħiliet tal-applikant f’dak li għandu x` jaqsam ma’ sewqan ta’ vetturi tat-trasport pubbliku. Huwa wara li l-applikant jissoddisfa dawn il-kriterji li tkun jista` jinħareġ il-permess ta’ xufier (Tag). Dan il-provediment japplika għal kulħadd l-istess.

Mina bejn Malta u Għawdex – Site Investigation

Question

B'referenza għas-site investigation tar-rotta għal mina proposta li tgħaqqad b'mod permanenti lil Malta ma' Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid: a. kemm-il core saru; b. kif ingħata dan ix-xogħol ta' coring , b' tender jew b' direct order u kemm sewa flus dan ix-xogħol; c. lil min ingħata dan ix-xogħol; d. x'riżultati ħarġu minn din is- site investigation; e. ipoġġi dan l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra; f. x'tip ta' testijiet saru; u g. x'tip ta' informazzjoni nġabret? Jista’ jassigura li dawn it-testijiet saru kif suppost?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ ppjanar u tħejjijiet għat-tħaffir u l-bini tal-mina bejn Malta u Għawdex qed javvanza b’ritmu mgħaġġel, iżda b’attenzjoni sħiħa sabiex niksbu l-aħjar valur għal dan l-investiment kapitali kbir. Fost oħrajn, f’dawn l-aħħar xahrejn tlesta l-mudell ġeoloġiku taż-żona taħt investigazzjoni, li minnha hu meqjus li titħaffer il-mina. F’dawn l-aħħar ġimgħat, ir-riżultati ta’ dan il-mudell ġew diskussi ma’ diversi esperti u entitajiet u awtoritajiet konċernati u issa qed jiġu mirquma u ffinalizzati. Sabiex inġabar it-tagħrif tekniku għal dan l-istudju saru disa’ cores. Wara li ġew analizzati permezz ta’ studji differenti, fosthom soil testing, rock testing u water pressure tests, it-tagħrif miksub qed jiġi integrat f’mudell ġeoloġiku u f’rapport li jiġbor fih is-sejbiet u d-dettalji meħtieġa għall-istadji li jmiss tal-proġett. It-tħaffir tal-cores, b’valur ta’ €751,645.60, sar mill-kumpanija GEOTEC spa, li rebħet sejħa għall-offerti maħruġa għal dan ix-xogħol. Ix-xogħol meħtieġ sar skont l-istandards u r-rekwiżiti speċifikati fil-kuntratt ta’ dan ix-xogħol.

Tħaffir ta’ Mina bejn Malta u Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-eventwalità li tiġi mħaffra l-mina bejn Malta u Għawdex: a. kemm ġejja tiswa din il-mina; b. x'tip ta' metodu ta' tħaffir se jintuża; c. meta hemm il-ħsieb li jibda dan ix-xogħol; d. kemm hu l-ħsieb li jdum għaddej dan ix-xogħol; e. kemm hu proġettat li jiġi jiswa dan ix-xogħol; f. kif se jiġi ffinanzjat dan ix-xogħol, minn fondi nazzjonali jew minn fondi tal-Unjoni Ewropea u b'liema proporzjon?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ ppjanar u tħejjijiet għat-tħaffir u l-bini tal-mina bejn Malta u Għawdex ilu għaddej sentejn u nofs u qed javvanza b’ritmu mgħaġġel, iżda b’attenzjoni sħiħa sabiex niksbu l-aħjar valur għal dan l-investiment kapitali kbir. Fost oħrajn, f’dawn l-aħħar xahrejn tlesta l-mudell ġeoloġiku taż-żona taħt investigazzjoni, li minnha hu meqjus li titħaffer il-mina. F’dawn l-aħħar ġimgħat, ir-ri¿ultati ta’ dan il-mudell ġew diskussi ma’ diversi esperti u entitajiet u awtoritajiet konċernati u issa qed jiġu mirquma u ffinalizzati. Fl-istess waqt, tkomplew l-istudji tekniċi speċifiċi li jiffurmaw parti mill-istudju għall-Impatt Ambjentali (EIA) meħtieġ mill-proċess tal-permessi tal-iżvilupp ta’ proġetti kbar bħal dan. Qed isiru wkoll is-surveys topografiċi fiż-żoni fejn qegħdin jiġu proposti l-fetħiet (portals) tal-mina f’Malta u Għawdex. Qed jitħejja wkoll il-conceptual design tal-mina nnifisha. Fl-istess waqt, minbarra l-kontinwazzjoni tal-ippjanar tekniku tal-proġett, sabiex ma jintilifx ħin, għaddejjin ukoll it-tħejjijiet għad-dokumentazzjoni meħtieġa sabiex joħorġu s-sejħiet pubbliċi għall-offerti għar-riżorsi meħtieġa biex jitwettaq il-proġett, fosthom l-immaniġġjar tal-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tax-xogħol fil-post, kif ukoll ix-xogħol ta’ tħaffir u bini tal-mina u s-servizzi kollha relatati biex il-proġett jitlesta. Għaddejjin ukoll studji oħra ekonomiċi, li wkoll huma meħtieġa sabiex jiżguraw li din l-infrastruttura ġdida tintuża bl-aktar mod sostenibbli. Fi proġett ta’ dan id-daqs, l-istadju tal-ippjanar huwa parti integrali mil-proċess tat-twettiq tiegħu. Wara li jitlestew l-istadji tal-proġett li għaddejjin bħalissa, fosthom il-proċess tal-ippjantar tekniku, il-proċeduri tal-istudji u l-evalwazzjoni għall-permessi ta’ dan l-iżvilupp mill-awtoritajiet konċernati, kif ukoll l-għażla tal-kuntratturi meħtieġa permezz tas-sejħiet pubbliċi, ikun imiss li jibda x-xogħol infrastrutturali fuq il-post. Aktar dettalji speċifiċi dwar dan il-proġett ikunu magħrufa wara li jiġu determinati skont l-istudji tekniċi, ekonomiċi u dawk tal-EIA, u wara li jkunu ħarġu u ġew evalwati s-sejħiet għall-offerti meħtieġa biex titħaffer il-mina u tinbena l-infrastruttura kollha tagħha.

Mina bejn Malta u Għawdex — blat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta' blat instab li hemm fir-rotta tal-mina bejn Malta u Għawdex? Ġew identifikati faults fil-blat minn fejn se tgħaddi l-mina?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ ppjanar u tħejjijiet għat-tħaffir u l-bini tal-mina bejn Malta u Għawdex ilu għaddej sentejn u nofs u qed javvanza b’ritmu mgħaġġel, iżda b’attenzjoni sħiħa sabiex niksbu l-aħjar valur għal dan l-investiment kapitali kbir. It-tagħrif indikat ikun disponibbli wara li tintemm l-analiżi tal-istudji li saru f’dawn l-aħħar xhur, hekk kif indikat fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 7606.

Bini tal-Mina bejn Malta u Għawdex — tenders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se joħorġu t-tenders biex isir it-tħaffir u bini tal-mina bejn Malta u Għawdex? Jista’ jgħid x'tip ta' tender se toħroġ?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ ppjanar u tħejjijiet għat-tħaffir u l-bini tal-mina bejn Malta u Għawdex ilu għaddej sentejn u nofs u qed javvanza b’ritmu mgħaġġel, iżda b’attenzjoni sħiħa sabiex niksbu l-aħjar valur għal dan l-investiment kapitali kbir. Is-sejħiet għall-offerti għat-tħaffir u bini tal-mina bejn Malta u Għawdex mistennija jiġu ppublikati fl-2019. Dettalji dwar dawn is-sejħiet jingħataw dalwaqt.