Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitkompla u jispiċċa x-xogħol fuq Triq il-Kuċċard Ħal Safi li ilu wieqaf mill-2013 peress li dan ix-xogħol kien jifforma parti integrali mix-xogħol ta' Vjal ix-Xarolla ż-Żurrieq?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Konsultazzjoni mal-kunsilli lokali fuq il-prioritizzazzjoni tax-xogħol ta’ toroq
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux il-kunsilli lokali kollha qed jiġu kkonsultati fuq il-prioritizzazzjoni tax-xogħlijiet ta' toroq li qegħdin isiru minn Infrastructure Malta? Min qiegħed jiddeċiedi liema toroq jinbnew mill-ġdid jew jekk jingħatalhomx wiċċ ġdid?
Response (BORG, IAN)
Il-proġetti u l-ħidmiet ta’ Infrastructure Malta, bħala parti mill-investiment bla preċedent tal-Gvern sabiex intejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna, qed jiġu ppjanati b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. F’Jannar li għadda, din l-aġenzija bdiet tibni mill-ġdid 31 minn fost l-ewwel 120 mil-lista tat-toroq li ser tkun qed tibni mill-ġdid din is-sena. Sussegwentement, tħabbret it-tieni sejħa għall-offerti sabiex aktar tard din is-sena jibda l-bini mill-ġdid ta’ madwar 170 triq oħra. Aktar toroq li ser jinbnew mill-ġdid fil-bidu tas-sena d-dieħla jitħabbru fiż-żmien li ġej.
L-investiment tal-Gvern f’dawn it-toroq residenzjali m’huwiex sempliċiment xogħol ta’ manutenzjoni iżda l-bini mill-ġdid ta’ kull triq li jinkludi t-tneħħija tal-wiċċ eżistenti, il-bdil jew it-tisħiħ tal-pedamenti, it-tibdil ta’ servizzi tad-distribuzzjoni taħt l-art u t-titjib jew bini tal-bankini, skont il-ħtieġa. Il-wiċċ ġdid tat-triq b’diversi saffi ta’ asfalt isir wara li jitlestew dawn ix-xogħlijiet estensivi. It-toroq imbagħad jitlestew bis-sistemi ta’ saħħa u sigurtà skont il-ħtieġa, sinjali u marki tat-triq u faċilitajiet oħrajn. Infrastructure Malta qiegħda tikkonsulta u tikkollabora mal-entitajiet rispettivi biex qabel ma jsir il-wiċċ tat-triq jiġu mtejbin jew mibdulin, skont il-bżonn, is-servizzi ta’ distribuzzjoni tal-ilma, tal-elettriku u tat-telekomunikazzjoni li hemm għaddejjin minn taħt l-art f’dawn it-toroq. Fil-fatt, ix-xogħlijiet fl-ewwel 31 triq li nbdew kienu jinkludu t-tqegħid ta’ 32 kilometru ta’ pajpijiet ġodda tal-ilma, cables tal-elettriku u trinek għas-servizzi tal-Internet u t-telekomunikazzjoni.
Wara li tikkonsulta lill-Kunsilli Lokali u entitajiet oħrajn konċernati, wara li tagħmel spezzjonijiet tekniċi u wara li tqis ukoll talbiet għall-għajnuna minn ħafna residenti, Infrastructure Malta qed tiddetermina liema toroq residenzjali għandhom jingħataw prijorità biex jinbnew mill-ġdid billi tikkunsidra l-istat preżenti tagħhom u fatturi oħrajn, bħall-konnessjonijiet ta’ triq ma’ toroq jew inħawi oħrajn fil-lokalità kif ukoll il-frekwenza ta’ kemm jintużaw. Fit-tfassil tal-għażla tat-toroq li jkunu se jsiru f’kull lokalità, l-aġenzija qed tqis ukoll fattur importanti bħalma huma attivitajiet li jistgħu jintlaqtu ħażin bix-xogħlijiet, fosthom toroq li jinsabu f’zoni turistiċi jew viċin ta’ skejjel.
Il-konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali mhix issir biss fil-fażi tal-ippjanar dwar liema toroq residenzjali għandom jingħataw prijorità, imma hija kontinwa. Infrastructure Malta tkompli tikkonsulta lill-Kunsilli Lokali anke waqt li jkunu qegħdin isiru x-xogħlijiet għall-bini mill-ġdid tat-toroq.
Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.
Infrastructure Malta – condition surveys u condition reports tat-toroq
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux condition surveys u condition reports tat-toroq kollha li ser isir xogħol fuqhom minn Infrastructure Malta? F'dawn ir-rapporti, ġie identifikat xi ħsarat għandhom dawn it-toroq bħal rutting, crocodile cracks, x'ammont mit-triq preżentement hemm mibnija, eċċ? Jista’ jpoġġi dawn ir-rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid liema toroq ser isir ix-xogħol fuqhom fil-lokalità ta' Birżebbuga minn Infrastructure Malta separatament hekk kif ġej:
(a) dawk li ser jinbnew mill-ġdid għax għalkemm kellhom diġà wiċċ, jinsabu f'sitwazzjoni ħażina;
(b) dawk li ser isirilhom wiċċ ġdid biss?
Jista’ l-Ministru jagħti, għal kull lista hawn fuq imsemmija, jekk dawn humiex toroq:
(a) arterjali
(b) distributorji
(c) maġġuri
(d) residenzjali
(e) toroq li qatt ma sarilhom wiċċ.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta ta' kull triq li ser issir li tindika minn fejn sa fejn ser isir ix-xogħol kif ukoll jindika jekk hux ser isiru servizzi bħal dranaġġ, mains tal-ilma, cables tad-dawl, eċċ jew jekk hux ser jinbidlu f'każ li dawn diġà jeżistu? Jista’ jgħid jekk hux ser isiru service ducts f'dawn it-toroq u għalhekk jekk servizz li bħalissa huwa għaddej mal-faċċata tad-djar tar-residenti humiex ser jiġu trasferiti f'dawn is-service ducts? Jista’ jgħid jekk hux ser isiru water culverts f'dawn it-toroq? Jista’ jgħid ukoll meta ser jibda u jispiċċa x-xogħol fuq kull triq u kemm ġejja tiswa kull triq? Kif ser tiġi ffinanzjata kull triq, minn fondi lokali jew minn fondi tal-Unjoni Ewropea?
Response (BORG, IAN)
Malli twaqqfet fis-sajf tal-2018, Infrastructure Malta bdiet minnufih twettaq ħafna ħidmiet biex tilħaq il-mira li pajjiżna jagħmel qabża kbira ‘l quddiem fil-kwalità, l-effiċjenza, s-sigurtà u s-sostenibilità tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna. Filwaqt li rrevediet il-pjanijiet ta’ diversi proġetti kapitali kbar, sabiex jitlestew qabel, l-aġenzija bdiet ħidma intensiva biex tippjana l-bidu ta’ għadd ta’ investimenti kbar oħra, fosthom it-twettiq tal-impenn tal-Gvern li jtejjeb il-kwalità tat-toroq residenzjali f’pajjiżna fis-snin li ġejjin.
Fl-ewwel xhur tagħha, l-aġenzija ffinalizzat l-ippjanar u t-tħejjijiet neċessarji għall-akbar proġett ta’ bini mill-ġdid ta’ toroq residenzjali li qatt ra pajjiżna, b’investiment bla preċedent ta’ €700 miljun. Dan l-istadju ta’ ppjanar u konsultazzjoni ma’ kunsilli lokali u entitajiet oħra, fosthom dawk li għandhom pajpjiet, katusi, cables u servizzi oħra mgħoddija taħt l-istess toroq, kien kruċjali sabiex malli bdiet is-sena 2019, mill-ewwel beda x-xogħol ta’ bini mill-ġdid tal-ewwel toroq residenzjali f’diversi lokalitajiet. Fil-fatt, f’Jannar, bdew isiru mill-ġdid 31 triq. Ħafna minn dawn it-toroq diġa tlestew jew waslu fl-aħħar xogħlijiet u sussegwentement inbdew toroq oħrajn. Fost il-290 triq residenzjali fiż-żewġ listi ta’ toroq li fihom beda jew se jibda x-xogħol ta’ bini mill-ġdid din is-sena hemm dawn it-toroq residenzjali li jinsabu fil-lokalità ta’ Birżebbuġa - Triq Żaren Dalli, Triq tal-Ġebel, Triq tal-Papa, Triq il-Brolli, Triq il-Bżulija, Triq il-Għirgħien u Triq il-Musbieħ.
Ser isiru wkoll xogħlijiet fi Triq bla isem faċċata ta’ Triq ir-Rizza u Triq Gandoffla, Triq fil-limiti tal-Marniżi, Triq ta’ Giligejla f’Bengħijsa, Triq bla isem li tmiss ma’ Triq it-Torri, u Triq fil-limiti tal-Brolli u Ħas-Saptan.
Infrastructure Malta diġà għamlet xogħlijiet ukoll f’toroq oħrajn fil-lokalità indikata. Saru wkoll xogħlijiet oħra ta’ manutenzjoni kontinwa u ta’ tiswijiet ta’ tabelli, crash barriers, żebgħa tat-triq u tiswijiet tal-asfalt f’ħafna toroq oħrajn.
Jista’ l-Ministru jgħid liema toroq ser isir ix-xogħol fuqhom fil-lokalità taż-Żurrieq minn Infrastructure Malta separatament hekk kif ġej:
(a) dawk li ser jinbnew mill-ġdid għax għalkemm kellhom diġà wiċċ, jinsabu f'sitwazjoni ħażina;
(b) dawk li ser isirilhom wiċċ ġdid biss?
Jista’ l-Ministru jagħti, għal kull lista hawn fuq imsemmija, jekk dawn humiex toroq:
(a) arterjali
(b) distributorji
(c) maġġuri
(d) residenzjali
(e) toroq li qatt ma sarilhom wiċċ.
Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta ta' kull triq li ser issir li tindika minn fejn sa fejn ser isir ix-xogħol kif ukoll jindika jekk hux ser isiru servizzi bħal dranaġġ, mains tal-ilma, cables tad-dawl, eċċ jew jekk hux ser jinbidlu f'każ li dawn diġà jeżistu? Jista’ jgħid jekk hux ser isiru service ducts f'dawn it-toroq u għalhekk jekk servizz li bħalissa huwa għaddej mal-faċċata tad-djar tar-residenti humiex ser jiġu trasferiti f'dawn is-service ducts? Jista’ jgħid jekk hux ser isiru water culverts f'dawn it-toroq? Jista’ jgħid meta ser jibda u jispiċċa x-xogħol fuq kull triq u kemm ġejja tiswa kull triq? Kif ser tiġi ffinanzjata kull triq, minn fondi lokali jew minn fondi tal-Unjoni Ewropea?
Response (BORG, IAN)
Malli twaqqfet fis-sajf tal-2018, Infrastructure Malta bdiet minnufih twettaq ħafna ħidmiet biex tilħaq il-mira li pajjiżna jagħmel qabża kbira ‘l quddiem fil-kwalità, l-effiċjenza, s-sigurtà u s-sostenibilità tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna. Filwaqt li rrevediet il-pjanijiet ta’ diversi proġetti kapitali kbar, sabiex jitlestew qabel, l-aġenzija bdiet ħidma intensiva biex tippjana l-bidu ta’ għadd ta’ investimenti kbar oħra, fosthom it-twettiq tal-impenn tal-Gvern li jtejjeb il-kwalità tat-toroq residenzjali f’pajjiżna fis-snin li ġejjin.
Fl-ewwel xhur tagħha, l-aġenzija ffinalizzat l-ippjanar u t-tħejjijiet neċessarji għall-akbar proġett ta’ bini mill-ġdid ta’ toroq residenzjali li qatt ra pajjiżna, b’investiment bla preċedent ta’ €700 miljun. Dan l-istadju ta’ ppjanar u konsultazzjoni ma’ kunsilli lokali u entitajiet oħra, fosthom dawk li għandhom pajpjiet, katusi, cables u servizzi oħra mgħoddija taħt l-istess toroq, kien kruċjali sabiex malli bdiet is-sena 2019, mill-ewwel beda x-xogħol ta’ bini mill-ġdid tal-ewwel toroq residenzjali f’diversi lokalitajiet. Fil-fatt, f’Jannar, bdew isiru mill-ġdid 31 triq. Ħafna minn dawn it-toroq diġa tlestew jew waslu fl-aħħar xogħlijiet u sussegwentement inbdew toroq oħrajn. Fost il-290 triq residenzjali fiż-żewġ listi ta’ toroq li fihom beda jew se jibda x-xogħol ta’ bini mill-ġdid din is-sena hemm dawn it-toroq residenzjali li jinsabu fil-lokalità taż-Żurrieq - Triq ġdida fi Triq Sant' Agata 1, Triq ġdida fi Triq Sant' Agata 2, Triq in-Nigret, Sqaq Barċellona, Triq bla isem fi Triq il-Wied (Wied Babu), Triq Sant' Agatha (u żewġ toroq li jinfdu magħha) u Triq il-Midra.
Ser isiru wkoll xogħlijiet fi Sqaq Ballot, Triq bla isem fi Triq Ħal Far No.1, Triq bla isem fi Triq Ħal Far No.2 u Triq fil-limiti ta’ Ħlantun.
Infrastructure Malta diġà għamlet xogħlijiet ukoll f’toroq oħrajn fil-lokalità indikata. Saru wkoll xogħlijiet oħra ta’ manutenzjoni kontinwa u ta’ tiswijiet ta’ tabelli, crash barriers, żebgħa tat-triq u tiswijiet tal-asfalt f’ħafna toroq oħrajn.
Jista’ l-Ministru jgħid x'ser ikun l-użu ta' żewg tankijiet kbar li ġew installati fil-perimetru tal-Ajruport Internazzjonali ta' Malta li jidhru hekk kif tgħaddi minn Triq Ħal Farruġ, Ħal Farruġ? X' tip ta' materjal / likwidu ser ikun maħżun f'dawn it-tankijiet? Saru l-assessments neċessarji biex ikun assigurat li tali ħażna ma tkunx ta' periklu kemm għal kull min jgħaddi minn din it-triq kif ukoll għar-residenti tal-viċinanzi, b'mod speċjali dawk ta' Ħal Farruġ?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn it-tankijiet għall-ħażna tal-JET A1 qed jinbnew bil-permessi kollha meħtieġa wara li saru l-istudji kollha neċessarji inkluż dawk tal-Health & Safety u filfatt huma konformi mal-COMAH sites regulations u anke SEVESO II.
Bħala parti mill-proċess tal-approvazzjoni tal-applikazzjoni li saret (PA/02900/17), saret ukoll konsultazzjoni pubblika fejn il-kunsilli lokali tan-naħa t’isfel ta’ Malta kienu kollha mitluba jagħmlu l-kummenti u l-oġġezzjonijiet tagħhom, kif ukoll il-pubbliku kien imħeġġeġ jissottometti kummenti/oġġezzjonijiet fuq is-sit tal-
Planning Authority
. Dan sar skont il-liġi u kien hemm żmien biżżejjed biex wieħed jara l-pjanti fid-dettall flimkien mal-istudji.
It-tankijiet il-ġodda qed jinbnew minflok it-tankijiet antiki li ġew żarmati. Id-distanza bejn il-ħażna u r-residenti ġiet ikkunsidrata u hija konformi mar-regoli għal inċidenti kbar skont
SEVESO II
. Mir-rapport joħroġ li anke jekk ikun hemm inċident, dawn ir-residenti m’huma qatt f’periklu.
It-teknoloġija li qed tintuża għal din il-ħażna hija “
state of the art
” li lanqas fl-ajruport ta’
Heathrow
m’għandhom bħala, b’sistema kompjuteriżżata li tagħmel “
continous monitoring
” tal-proċessi biex jekk ikun hemm l-iċken riskju ta’ tixrid ta’ fjuwil, isir “
shutdown
” awtomatiku tal-impjant kollu filwaqt li tidħol fis-seħħ proċedura awtomatika ta’ emerġenza.
Ir-residenti jistgħu jserħu rashom li l-proġett il-ġdid huwa aktar sigur mit-tagħmir ta’ ħażna li konna nużaw qabel.
Jista’ l-Ministru jgħid x'ser ikun l-użu ta' żewġ tankijiet kbar li ġew installati fil-perimetru tal-Ajruport Internazzjonali ta' Malta li jidhru hekk kif tgħaddi minn Triq Ħal Farruġ, Ħal Farruġ? X'tip ta' materjal / likwidu ser ikun maħżun f'dawn it-tankijiet? Saru l-assessments neċessarji biex ikun assigurat li tali ħażna ma tkunx ta' periklu kemm għal kull min jgħaddi minn din it-triq, kif ukoll għar-residenti tal-viċinanzi, b'mod speċjali dawk ta' Ħal Farruġ, għall-ħaddiema tal-ajruport internazzjonali ta' Malta kif ukoll għal dawk kollha li jużaw l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid x'ser ikun l-użu ta' żewġ tankijiet kbar li ġew installati fil-perimetru tal-Ajruport Internazzjonali ta' Malta li jidhru hekk kif tgħaddi minn Triq Ħal Farruġ, Ħal Farruġ? X'tip ta' materjal / likwidu ser ikun maħżun f'dawn it-tankijiet? Saru l-assessments neċessarji biex ikun assigurat li tali ħażna ma tkunx ta' periklu kemm għal kull min jgħaddi minn din it-triq, kif ukoll għar-residenti tal-viċinanzi, b'mod speċjali dawk ta' Ħal Farruġ, għall-ħaddiema tal-Ajruport Internazzjonali ta' Malta u għal dawk kollha li jużaw l-ajruport internazzjonali ta' Malta?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jara li Sqaq il-Ballott fiż-Żurrieq isirlu wiċċ tat-tarmac peress li preżentement hekk kif tagħmel ftit xita jegħreq bl-ilma u l-bdiewa li jkunu jridu jidħlu fl-għelieqi tagħhom ma jkunux jistgħu jagħmlu dan?
Response (BORG, IAN)
Infrastructure Malta għaddejja b’ħidma sabiex ittejjeb il-kwalità tat-toroq tal-pajjiż, fosthom toroq arterjali, toroq residenzjali u anke toroq rurali li jintużaw mill-bdiewa sabiex jaslu għall-għelieqi tagħhom.
L-aġenzija qed twettaq għadd ta’ proġetti sabiex tibni mill-ġdid mal-40 kilometru ta’ toroq fil-kampanja, li sfortunatament kienu tħallew mitluqa bla ebda manutenzjoni għal snin twal. Ħafna bdiewa f’diversi partijiet ta’ Malta kien ilhom snin twal jitolbu lill-awtoritajiet jgħinuhom fil-ħidma tagħhom billi jipprovdulhom aċċess aktar sikur għall-għelieqi li jaħdmu. Fl-istess waqt, dawn it-toroq fil-kampanja jintużaw ħafna wkoll minn dawk li jħobbu jmorru xi passiġġata, ġirja jew dawra bir-rota fl-inħawi.
Ix-xogħlijiet li qed issir referenza għalihom jiffurmaw parti minn dan l-investiment bla preċedent tal-Gvern fit-toroq rurali. L-isqaq indikat diġà kien fil-pjan tax-xogħlijiet ta’ Infrastructure Malta u fil-fatt diġà saret il-kordinazzjoni meħtieġa mal-entitajiet konċernati dwaru.
Infrastructure Malta ser tkompli għaddejja bil-ħidma kontinwa sabiex twettaq il-pjan fit-tul biex ikollna infrastruttura ta’ kwalità, effiċjenti u sostenibbli, hekk kif jixraq lill-familji u n-negozji f’Malta u Għawdex.
Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema toroq sar xogħol ta' bini mill-ġdid jew kisi bit-tarmac minn Ġunju 2017 sal-ġurnata litiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Għal kull triq separatament jista’ jgħid:
(a) liema permessi kienu applikabbli;
(b) liema permessi ġew akkwistati mill-Awtorità tat-Trasport / Infrastructure Malta qabel ma beda x-xogħol u liema kienu dawk it-toroq li beda x-xogħol fuqhom qabel ma kienu nġiebu dawn il-permessi?
(c) jekk inbidlux is-servizzi ta' taħt l-art u jekk fl-affermattiv, liema kienu s-servizzi li nbidlu?
(d) x'interventi saru fuq kull triq (bħal bdil u bini mill-ġdid ta' bankini, surface cold milling, għoti ta' cement stabilization, twittija ta' materjal type 1, ħxuna ta' hot rolled asphalt base course, ħxuna ta' hot rolled asphalt wearing course, eċċ.)?;
(e) sarux service ducts?; u
(f) sarux water culverts?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din id-domanda titlob ammont qawwi ta’ riżorsi umani u ħin, u għalhekk hija meqjusa bħala umanament impossibbli li tiġi mwieġba. Ikun aktar għaqli li l-ħin u r-riżorsi utilizzati għal dan il-għan, minflok jiġu utilizzati fuq xogħol aktar effettiv u produttiv.
Toroq mgħoddija lura lill-kunsilli lokali wara x-xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid dawk it-toroq li jkunu nbnew mill-ġdid jew ingħataw wiċċ ta' tarmac u li jaqgħu fil-konfini tal-Kunsilli Lokali, jekk hux ser jerġgħu jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsilli Lokali hekk kif ix-xogħol ikun lest? Jekk fl-affermattiv, xi proċedura ser tkun adottata qabel dawn jerġgħu jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali partikolari? X'testijiet ser isiru biex jiġi assigurat li toroq li jiġu mgħoddija lura lill-Kunsilli Lokali jkunu saru skont standards stabbiliti? It-toroq li ser jgħaddu lura lill-Kunsilli Lokali ser ikollhom xi perjodu ta' garanzija li jekk matulha tinqala’ ħsara fit-triq din tiġi rranġata minn min għamel ix-xogħol jew minn Infrastructure Malta mingħajr spejjeż għall-Kunsilli Lokali?
Response (BORG, IAN)
Infrastructure Malta għaddejja bit-twettiq tal-investiment bla preċedent ta’ aktar minn €700 miljun sabiex ittejjeb l-effiċċjenza, il-kwalità, is-sigurtà u s-sostenibilità tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna. Fl-ewwel xhur mit-twaqqif tagħha, fis-sajf 2018, bdiet minnufih twettaq ħafna ħidmiet biex tilħaq il-mira li pajjiżna jagħmel qabża kbira ‘l quddiem fil-kwalità, l-effiċjenza, is-sigurtà u s-sostenibilità tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna. Filwaqt li rrevediet il-pjanijiet ta’ diversi proġetti kapitali kbar, sabiex jitlestew qabel, l-aġenzija bdiet ħidma intensiva biex tippjana l-bidu ta’ għadd ta’ investimenti kbar oħra, fosthom it-twettiq tal-impenn tal-Gvern li jtejjeb il-kwalità tat-toroq residenzjali f’pajjiżna fis-snin li ġejjin.
F’Jannar li għadda, din l-aġenzija bdiet tibni mill-ġdid 31 minn fost l-ewwel 120 mill-lista tat-toroq li ser tkun qed tibni mill-ġdid din is-sena. Ħafna minn dawn it-toroq diġa tlestew jew waslu fl-aħħar xogħlijiet. Fl-istess waqt, tħabbret ukoll it-tieni sejħa għall-offerti sabiex aktar tard din is-sena jibda l-bini mill-ġdid ta’ madwar 170 triq oħra. Dawn iż-żewġ kuntratti ta’ xogħlijiet li qed isiru diġà jew se jibdew fix-xhur li ġejjin, jinkludu l-bini mill-ġdid, jew għall-ewwel darba, ta’ diversi toroq f’kull lokalità f’Malta. Aktar toroq li ser jinbnew mill-ġdid fil-bidu tas-sena d-dieħla jitħabbru dalwaqt.
L-investiment tal-Gvern f’dawn it-toroq residenzjali m’huwiex sempliċiment xogħol ta’ manutenzjoni izda l-bini mill-ġdid ta’ kull triq li jinkludi t-tneħħija tal-wiċċ eżistenti, il-bdil jew it-tisħiħ tal-pedamenti, it-tibdil ta’ servizzi tad-distribuzzjoni taħt l-art u t-titjib jew bini tal-bankini, skont il-ħtieġa. Il-wiċċ ġdid tat-triq b’diversi saffi ta’ asfalt isir wara li jitlestew dawn ix-xogħlijiet estensivi. It-toroq imbagħad jitlestew bis-sistemi ta’ saħħa u sigurtà skont il-ħtieġa, sinjali u marki tat-triq u faċilitajiet oħrajn. Infrastructure Malta qiegħda tikkonsulta u tikkollabora mal-entitajiet rispettivi biex qabel ma jsir il-wiċċ tat-triq jiġu mtejbin jew mibdulin, skont il-bżonn, is-servizzi ta’ distribuzzjoni tal-ilma, tal-elettriku u tat-telekomunikazzjoni li hemm għaddejjin minn taħt l-art f’dawn it-toroq. Fil-fatt, ix-xogħlijiet fil-31 triq li nbdew fil-ġimgħat li għaddew jinkludu t-tqegħid ta’ 32 kilometru ta’ pajpijiet ġodda tal-ilma, cables tal-elettriku u trinek għas-servizzi tal-Internet u t-telekomunikazzjoni.
F’kull xogħol fit-toroq li tagħmel Infrastructure Malta, issegwi proċeduri stretti ta’ testijiet li jiżguraw il-kwalità tal-materjali użati, u tas-saħħa tagħhom wara li jkunu tpoġġew fil-post. Waqt li jkun qed isir it-tqegħid tas-saffi differenti li jkunu meħtieġa sabiex jinbnew is-sisien u l-uċuh ġodda tat-toroq, u qabel ma jsiru s-saffi li jkun imiss, Infrastructure Malta tagħmel diversi testijiet biex tiżgura l-kwalità u s-saħħa tal-materjal li jkun qed jintuża. Dawn it-testijiet isiru minn entitajiet jew kumpaniji indipendenti, li jkunu akkreditati biex jagħmlu dawn it-tip ta’ testijiet. Uħud mit-testijiet isiru fuq il-post, fit-toroq stess, u oħrajn jinvolvu l-ittestjar ta’ materjali f’laboratorji akkreditati internazzjonalment. Kull meta x-xogħol ma jilħaqx il-livelli ta’ kwalità u sigurtà mitluba minn Infrastructure Malta, ix-xogħol jitwaqqaf u l-kuntratturi jkollhom jirranġawh jew jagħmluh mill-ġdid, skont il-każ. Wara jerġgħu jsiru t-testijiet. Fl-aħħarnett, meta x-xogħol fit-triq ikun lest, isiru testijiet oħra finali sabiex il-periti jkunu jistgħu jiċċertifikaw il-kwalità tax-xogħol, skont proċeduri stabbiliti.
Il-kuntratti li toħroġ Infrastructure Malta għal xogħlijiet fit-toroq jorbtu lill-istess kuntratturi li jiggarantixxu x-xogħol għal ammont ta’ snin, bħal ma jsir normalment f’kuntratti ta’ investimenti infrastrutturali ta’ dan it-tip. Jekk f’dawn il-perjodi ta’ garanzija jinqalgħu ħsarat attribwiti għal xogħol li jkun sar ħażin mill-istess kuntratturi, ikollhom jagħmlu tajjeb għat-tiswijiet. Il-proċeduri ta’ kif ir-responsabilità ta’ triq tgħaddi minn entità għal oħra huma stabbiliti fl-Att dwar l-Aġenzija għal Infrastruttura Malta.
Transport Malta / Infrastructure Malta – talbiet għall-esproprjazzjoni ta’ żvilupp eżisteni privat
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta / Infrastructure Malta qattx għamlet talba f’isem partijiet terzi biex isir esproprjazzjoni ta’ żvilupp eżistenti privat, biex jingħata aċċess għal parti minn triq, minn April 2013 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid liema kienu dawn it-talbiet u f’liema stadju waslu?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar
Jista’ l-Ministru jgħid min ipprepara l-istimi għax-xogħlijiet ta' toroq li se jsiru minn Infrastruttura Malta, jekk hux mill-impjegati ta' Infrastruttura Malta, mill-impjegati ta' xi Dipartiment tal-Gvern jew jekk inqabdux konsulenti privati? Jekk saru minn konsulenti privati, jista’ jgħid jekk inħarġitx xi sejħa għall-offerti jew ingħataw direct order u kemm tħallsu dawn il-konsulenti privati biex għamlu dawn l-istimi? Min huma dawn il-konsulenti privati?
Response (BORG, IAN)
Infrastructure Malta ħadet f’idejha r-riżorsi umani, fosthom periti u tekniċi oħra, li qabel kienu jiffurmaw parti mid-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura ta’ Transport Malta, sabiex twettaq ir-responsabilitajiet mgħoddija lilha mill-Gvern, fosthom dawk li fis-snin li ġejjin pajjiżna jagħmel qabża kbira 'l quddiem fil-kwalità, l-effiċċjenza u s-sostenibbilità tal-ivvjaġġar fit-toroq.
Infrastructure Malta żammet ukoll diversi kuntratti li kellha l-istess awtorità sabiex tikseb għajnuna teknika u professjonali addizzjonali f’din l-istess ħidma. Ix-xogħol ta’ stimi jifforma parti mill-istadju tal-ippjanar ta’ kull proġett li twettaq Infrastructure Malta. Il-maġġoranza ta’ dan ix-xogħol ta’ tħejjija jsir mill-impjegati ta’ Infrastructure Malta stess. Madankollu, ikun hemm ċirkostanzi fejn jintużaw ukoll servizzi minn entitajiet oħra u mis-settur privat, sabiex jappoġġjaw lil dawn l-impjegati fi proġetti partikolari. Fil-fatt, sa minn meta twaqqfet fl-2018, Infrastructure Malta użat is-servizzi tal-entitajiet u l-periti imsemmija hawn isfel għal diversi proġetti differenti. Dawn l-entitajiet u individwi kienu diġà jagħtu servizzi lid-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura ta’ Transport Malta, qabel twaqqfet Infrastructure Malta. Għal dawn is-servizzi lil Infrastructure Malta, li jistgħu jinkludu wkoll tħejjija ta’ stimi, l-aġenzija ħallset €200,607.05 fl-2018.
L-entitajiet u l-individwi li taw dawn is-servizzi jinkludu: Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura, Perit Chris Cachia, Perit Daniel Camilleri, Crowdnet, Perit Chris Grech.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jittieħdu topographical surveys tat-toroq li jkun se jsir xogħol fuqhom qabel ma jibda x-xogħol u jekk hux qegħdin jinħadmu l-formation levels ħalli t-toroq ma jiġux iżommu ilma tax-xita u jkollhom pendil adekwat biex l-ilma tax-xita ma jidħolx ġo proprjetajiet privati?
Response (BORG, IAN)
Meta tkun qed tippjana żviluppi infrastrutturali fit-toroq, Infrastructure Malta twettaq l-istudji u t-tħejjijiet tekniċi kollha meħtieġa sabiex jiġi adottat l-aħjar disinn u pjanijiet għax-xogħol li jkun ser jitwettaq.
Minbarra l-aġġustamenti sabiex jevitaw diffikultajiet minħabba l-ilma tax-xita, il-proċess tal-ippjanar tekniku qabel il-bini ta’ toroq ikun irid iqis il-kundizzjonijiet, bini u servizzi li jkun hemm taħt u madwar l-istess triq, kif ukoll miżuri ta’ ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà ta’ dawk kollha li jużaw it-toroq jew jgħixu u jaħdmu madwarhom.
Il-livelli tat-toroq jiġu stabbiliti mill-Awtorità tal-Ippjanar qabel ma jinbnew għall-ewwel darba. Dawn il-livelli jinkludu wkoll obbligi tekniċi fuq l-iżviluppaturi li jkunu ser jibnu propjetajiet mal-ġnub tal-istess toroq.
Foundation for Tourism Development Zones — impjegati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu impjegati fil-Foundation for Tourism Development Zones minn Lulju 2017 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid minn liema lokalitajiet ġejjin dawn l-impjegati? Jista’ jgħid xi proċess ta' għażla ntuża, biex ġew impjegati dawn il-persuni?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mil-Lulju 2017 ’l hawn ġew impjegati 4 persuni mal-Fondazzjoni fuq kuntratt definit. Dawn ġejjin mil-lokalita’ ta’ Ħal-Qormi, M’Scala, Sta Luċija u tas-Sliema.
Minn kemm ilha mwaqqfa l-Aġenzija Infrastruttura Malta, jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu transfers ġo din l-Aġenzija jew mill-Aġenzija għall-Awtoritajiet/Dipartimenti tal-Gvern oħra? Mingħand min ħarġet din l-ordni u f'kull każ għal liema raġuni ħarġet l-ordni għal trasferiment?
Response (BORG, IAN)
Infrastructure Malta hija entità ġdida li għadha kif twaqqfet u għaddejja bil-proċess sabiex tifforma l-istrutturi tagħha. Bdiet topera billi adottat l-istess sistemi u proċeduri li qabel kienu jintużaw fid-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura ta’ Transport Malta, hekk kif il-maġġoranza tal-impjegati tiegħu ngħaqdu mal-aġenzija ġdida. Bħalissa għaddej proċess sabiex it-tmexxija ta’ din l-entità tistabbilixxi l-istruttura organizzattiva ta’ din l-entità ġdida.
Kull tibdil li jsir jiġi determinat skont l-esiġenzi tax-xogħol u tal-objettivi strateġiċi ta’ din l-istess aġenzija, sabiex isir l-aħjar użu mir-riżorsi umani disponibbli u sabiex jintlaħaq l-għan aħħari li fis-snin li ġejjin Infrastructure Malta twettaq l-impenn nazzjonali tal-Gvern li pajjiżna jagħmel qabża kbira 'l quddiem fil-kwalità u s-sostenibilità tal-infrastruttura tat-trasport għall-lum u għall-ġejjieni.
Jista’ l-Ministru jgħid min qiegħed jissorvelja x-xogħlijiet ta' toroq li bħalissa qed isiru minn Infrastruttura Malta? Dawn l-uffiċjali huma impjegati tal-Aġenzija Infrastruttura Malta jew persuni/kumpaniji privati?
Jekk huma kumpaniji/persuni privati:
a. kif ingħataw dan ix-xogħol mill-Aġenzija Infrastruttura Malta, b'direct order jew ħarġet tender;
b. xi kwalifiki akkademiċi u kemm-il sena ta' esperjenza prattika għandu kull persuna/kumpanija privata li qiegħda tiġi ingaġġata mill-Gvern biex tissorvelja x-xogħol;
c. kemm ilhom jagħtu servizz lil din l-Aġenzija u lil Transport Malta dawn il-persuni/kumpaniji privati u kemm tħallsu s'issa mill-ewwel ġurnata li ġew ingaġġati minn Infrastruttura Malta u/jew Transport Malta; u
d. ipoġġi l-kuntratt tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra peress li dawn qed jitħallsu mit-taxxi tal-poplu?
Response (BORG, IAN)
Is-sorveljanza tax-xogħlijiet ta’ proġetti ta’ Infrastructure Malta fit-toroq u f’infrastruttura oħra tat-trasport issir primarjament permezz ta’ riżorsi interni tal-istess aġenzija. Minħabba li l-aġenzija qed twettaq ammont bla preċedent ta’ proġetti sabiex twettaq l-impenn tal-Gvern li jagħmel qabża kbira ‘l quddiem fil-kwalità tal-infrastruttura tat-trasport ta’ pajjiżna, ikun hemm każi fejn jinħatru wkoll periti li m’humiex impjegati tal-aġenzija, sabiex jgħinu fis-superviżjoni tax-xogħol. Dawn il-periti jkunu mhux biss kwalifikati, iżda jkollhom ukoll il-warrant uffiċċjali li jawtorizzahom jipprattikaw il-professjoni tagħhom.
Il-periti esterni li qed tuża Infrastructure Malta sabiex jgħinu lill-periti impjegati fix-xogħol ta’ superviżjoni u xogħlijiet oħra fit-toroq kienu jagħtu s-servizzi lid-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura ta’ Transport Malta qabel ma’ dan ingħaqad ma’ Infrastructure Malta. Għal dawn ix-xogħlijiet, li jinkludu diversi proġetti, fosthom uħud mill-akbar proġetti li saru f’dawn l-aħħar xhur, Infrastructure Malta u Transport Malta ħallsu total ta’ €151,124.
Fl-istess waqt, sabiex tkompli tiżgura l-kwalità tal-investimenti infrastrutturali tagħha, Infrastructure Malta tikkummissjona wkoll testijiet tekniċi waqt, u wara l-implimentazzjoni ta’ kull proġett. Dawn it-testijiet isiru minn laboratorji akkreditati, fosthom dawk tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA).
Meta jinstab li x-xogħol ma jsirx skont il-kriterji u l-istandards stabbiliti li titlob Infrastructure Malta, il-kuntratturi jitolbu jieħdu l-azzjoni neċessarja.
Tagħrif relatat:
PROJECT
PROCUREMENT
PAID TO DATE
EXPERIENCE
CONTRACTED SINCE
Perit Daniel Cordina
Marsa-Hamrun Bypass
Tender
69,356.63
2012
2018
Perit Daniel Camilleri
Rural Roads
DO
37,384.77
2013
2017
Perit James Mifsud
Rural Roads
DO
18,233.95
2013
2017
Perit Chris Grech
Rural Roads
DO
26,148.80
1996
2017
TOTAL:
151,124.15
Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandha ingaġġati magħha konsulenti Infrastruttura Malta? F'liema qasam qed/qiegħda jagħti/tagħti konsulenza kull konsulent li hemm ma’ Infrastruttura Malta u kemm qiegħed jitħallas għal dan is-servizz? X'perkaċċi u allowances għandu/għandha kull konsulent ingaġġat ma' Infrastruttura Malta? Għal kemm tul ta' żmien ġie ffirmat kull kuntratt ma’ kull konsulent? Peress li dawn qed jitħallsu mit-taxxi tal-poplu, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kull kuntratt ta' konsulenza bejn Infrastruttura Malta u kull konsulent?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra
Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċeviet għajnuna l-Air Malta mill-Awtorità għat-Turiżmu fis-snin 2015, 2016, 2017 u 2018 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari ?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtoritá Maltija għat-Turiżmu ma tassistix lill-Air Malta.