Legislature:
Category:
Reset
Active:

Karozzi pparkjati fil-Belt Valletta – ħin medju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhu l-ħin medju ta' kemm iddum karozza pparkjata li ma tkunx proprjetà ta' residenti il-Belt, ġimgħa b'ġimgħa, xahar b'xahar u sena b'sena, mill-2012 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Toroq li sar xogħol fihom — inċidenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inqalgħu inċidenti f'dawk it-toroq arterjali u distributorji li sar ix-xogħol fihom xahar b'xahar u sena b'sena mill-2012 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm minn dawn l-inċidenti kienu klassifikati bħala minuri, serji u fatali? Kemm f'dawn l-inċidenti kienu involuti pedestrians, ċiklisti u motoċiklisti? X'kienet in-natura tal-feriti li sofrew?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru kkonċernat.

Popolazzjoni tal-Gżejjer Maltin

Question

Peress li fid-dekasteru tiegħu taqa’ l-Awtorità Maltija tal-Istatistika, jista’ l-Ministru jgħid, , x'kienet il-popolazzjoni tal-Gżejjer Maltin, gżira gżira separatament, , mill-1989 sal-2019, maqsuma sena b'sena?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Iż-Żurrieq – Wied Fulija – riabilitazzjoni tal-landfill

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li biex tiġi riabilitata u restawrata l-landfill ta' Wied Fulija fiż-Żurrieq, qiegħed jintefa’ ammont kbir ta' materjal tal-franka taħt is-saff ta' ħamrija b'riżultat li l-għoli tal-miżbla żdied b'ammont kbir mill-għoli li kienet qabel ma beda x-xogħol ta' riabilitazzjoni u restawr?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Iż-Żurrieq – Wied Fulija – riabilitazzjoni tal-landfill

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li biex tiġi riabilitata u restawrata l-landfill ta' Wied Fulija fiż-Żurrieq, qiegħed jintefa’ ammont kbir ta' materjal tal-franka taħt is-saff ta' ħamrija b'riżultat li l-għoli tal-miżbla żdied b'ammont kbir mill-għoli li kienet qabel ma beda x-xogħol ta' riabilitazzjoni u restawr?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ir-rijabilitazzjoni tal-miżbla ta’ Wied Fulija qed issir skont il-permess ta’ żvilupp approvat li jinkludi xogħlijiet ta’ reprofiling u ta’ capping. L-eżerċizzju ta’ reprofiling huwa meħtieġ biex jassigura li l-għoljiet tal-miżbla jkunu stabbli, dan ibbażat fuq studju strutturali ta’ dawn l-għoljiet. Il-miżbla trid imbagħad tkun koperta minn saff ta’ materjal inert gradat biex tevita l-emissjonijiet tal-gass mill-landfill u l-ilma milli jidħol fil-landfill, li mbagħad jista’ jikkontamina l-ilma tal-baħar u dak tal-pjan. Għaldaqstant huwa ppjanat u mistenni li għad baqa’ ammont kbir ta’ materjal iggradat u speċifiku li għad irid jiġi mwassal Wied Fulija bħala parti minn rijabilitazzjoni normali ta’ miżbla. Rajna l-istess proċess jiġri fil-miżbla tal-Magħtab, il-miżbla ta’ Marsaskala u l-miżbla tal-Qortin f'Għawdex.

Iż-Żurrieq – Wied Fulija — rijabilitazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li, biex jiġi rijabilitat u restawrat il-'landfill' ta' Wied Fulija fiż-Żurrieq li hu proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea, qiegħed jintefa’ ammont kbir ta' materjal tal-franka taħt is-saff ta' ħamrija b'riżultat li l-għoli tal-miżbla żdied b'ammont kbir mill-għoli li kienet qabel il-'landfill' qabel ma beda x-xogħol ta' rijabilazjoni u restawr?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nitlob lill-Onor. interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Transport Malta – Design Guidelines fuq wisa’ ta’ lanes tat-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi l-wisa' ta' lane hekk kif stabbilita mid-Design Guidelines ta' Transport Malta għal toroq arterjali, distributorji u maġġuri?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Birżebbuġa – Skatepark

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-iskatepark ta' Birżebbuġa jinsab magħluq?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li waqt laqgħa li saret il-Ħamis, 23 ta' Jannar 2020, bejn il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa u The Malta Trust Foundation, ittieħdet deċiżjoni sabiex għas-saħħa u sigurtà ta' kull individwu l-iskatepark jinżamm magħluq temporjament sakemm jittieħdu l-miżuri kolla meħtieġa.

Uffiċċju dwar ir-Regolament tal-Bini – kuntratturi u bennejja

Question

Peress li l-Att dwar ir-Regolament tal-Bini, Kap. 513 jgħid li l-Uffiċċju dwar ir-Regolament tal-Bini hi l-entità responsabbli għall-ħruġ ta’ liċenzi u reġistrazzjoni ta’ bennejja, kuntratturi tal-bini u persuni fis-sengħa tal-bini, jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li din il-funzjoni għaddiet għand entità privata minflok ġiet esegwita mill-Uffiċċju dwar ir-Regolament tal-Bini kif inhu stipulat fil-liġi? Liema entitajiet privati jistgħu jirreġistraw bennejja, kuntratturi tal-bini u persuni fis-sengħa tal-bini? Min ma jixtieqx jirreġistra għand entità privata, jista’ jagħmel dan direttament għand l-Uffiċċju dwar ir-Regolament tal-Bini? X'serħan il-moħħ jista’ jkollu/ha individwu/a jew kuntrattur li tirreġistra/jirreġistra għand entità privata fir-rigward ta’ 'Data Protection' li d-dettalji privati tiegħu/tagħha ma jispiċċawx għand terzi? Kemm se jiġu mitluba flus biex issir din ir-reġistrazzjoni u min ser jibbenefika minn dawn il-flus?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat ittieħdet id-deċizjoni msemmija wara diskussjonijiet li kien hemm mal-partijiet sabiex min qiegħed jagħti servizzi ta' twaqqiegħ u skavar ikun elenkat fir-reġistru msemmi. Kull individwu jew kumpannija li jagħtu xi servizz imsemmi jista' jirreġistra għalissa kif indikat. Tajjeb wieħed jgħid li m'hemm ebda raġuni għaliex wieħed jgħid li tagħrif jispiċċa għand terzi.

Taxxa fuq karozzi second hand importati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta t-taxxa imposta minn pajjiżna fuq karozzi second hand importati f'Malta minn pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea ser tiġi daqs dak li hu impost f'pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea? Jista’ jgħid jekk l-ammonti żejda li tħallsu minn diversi ċittadini Maltin u Għawdxin f'taxxa ta’ reġistrazzjoni ta' karozzi second hand importati f'Malta, se jingħataw lura? Għal kemm tammonta din id-differenza, sena b'sena fi ħlasijiet żejda ta' taxxi għall-importazzjoni ta' karozzi second hand importati f'Malta minn pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #10914 Sitting 249 2019-07-17 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għall-Finanzi

Taxxa fuq karozzi second hand importati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta t-taxxa imposta minn pajjiżna fuq karozzi second hand importati f'Malta minn pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea ser tiġi daqs dak li hu impost f'pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea? Jista’ jgħid jekk l-ammonti żejda li tħallsu minn diversi ċittadini Maltin u Għawdxin f'taxxa ta’ reġistrazzjoni ta' karozzi second hand importati f'Malta se jingħataw lura? Għal kemm tammonta din id-differenza, sena b'sena fi ħlasijiet żejda ta' taxxi għall-importazzjoni ta' karozzi second hand importati f'Malta minn pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kull Stat Membru hu liberu li jadotta sistema ta’ taxxa ta’ reġistrazzjoni fuq il-vetturi li jiġu rreġistrati f’dak il-pajjiż, skont ir-realtajiet u l-prijoritajiet ta’ dak l-Istat Membru. Dan ifisser li ma hemm l-ebda sistema komuni ta’ taxxa tar-reġistrazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u għaldaqstant mhux possibli li tiġi kkalkulata d-differenza fit-taxxa hekk kif indikat hawn fuq minħabba li dan il-prinċipju ma japplikax. Ta’ min ifakkar li fil-każ ta’ Malta, it-taxxa tar-reġistrazzjoni hi mfassla favur karozzi li huma izgħar, ġodda jew iktar riċenti, u li jħammġu inqas. Dan il-qafas japplika kemm għal karozzi ġodda kif ukoll għal dawk li huma importati minn Stati Membri oħra u rreġistrati f’Malta bħala second hand.

Ħal Safi – Triq il-Kuċċard – xogħol

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9923 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitkompla u jispiċċa x-xogħol fuq Triq il-Kuċċard Ħal Safi li ilu wieqaf mill-2013 peress li dan ix-xogħol kien jifforma parti integrali mix-xogħol ta' Vjal ix-Xarolla ż-Żurrieq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja bi proġett b’investiment ta’ €1.3 miljun biex tibni mill-ġdid Triq il-Kuċċard, li tgħaqqad Vjal ix-Xarolla, fiż-Żurrieq, ma’ Ħal Safi u Ħal Kirkop. Fil-fatt, ix-xogħlijiet li se jsiru huma simili ħafna għal dawk li diġà saru fi Vjal ix-Xarolla, li wkoll inbniet mill-ġdid is-sena li għaddiet. Bħalissa Triq il-Kuċċard tinkludi triq waħda li tintuża kemm mir-residenti li jgħixu fiha u anke minn dawk li jivvjaġġaw minnha biex jaslu minn lokalità għal oħra. It-triq ilha snin twal tistenna li tinbena mill-ġdid minħabba l-istat ħażin li tinsab fiha. Permezz ta’ dan il-proġett, din it-triq qed tinbidel f’żewġ toroq separati, waħda b’żewġ korsiji, bankina u korsija għar-roti biex ikun hemm aċċess aħjar għal mezzi differenti ta’ vvjaġġar bejn it-tliet irħula fl-inħawi u triq maqtugħa għaliha bi drittha bħala service road għar-residenti li jgħixu hawnhekk. B’hekk, ir-residenti jkollhom ambjent aħjar, b’inqas ħsejjes u inqas perikli ta’ aċċidenti. Qed isiru wkoll madwar kilometru ta’ bankini ġodda u erba’ pedestrian crossings. L-ispazji ta’ parkeġġi mal-ġnub tat-triq ser jiġu organizzat aħjar biex ikunu aktar aċċessibbli. Ser tiġi installata wkoll sistema ta’ dwal tat-toroq ġdida. Sabiex jonqsu d-diffikultajiet għar-residenti u dawk li jivvjaġġaw fl-inħawi, il-proġett ta’ Triq il-Kuċċard ġie ppjanat li jsir f’żewġ fażijiet, billi l-ewwel isir il-bini tat-triq ewlenija ta’ żewġ korsiji ġdida, u mbagħad tibda ssir ukoll is-service road bil-bankini u spazji ta’ parkeġġi aktar aċċessibbli milli hemm llum. Fl-ewwel fażi tal-proġett, Infrastructure Malta qed tibdel u ssaħħaħ ukoll is-sistemi ta’ distribuzzjoni li jgħaddu minn taħt it-triq. B’kollox se jitpoġġew aktar minn 1.6 kilometri ta’ pajpijiet u cables għal servizzi tal-ilma, tal-elettriku u tat-telekommunikazzjoni, kif ukoll sistemi għall-ilqugħ u l-ġbir tal-ilma tax-xita. Mal-ġenb tat-triq diġà nbena ħajt tas-sejjieħ li jifridha mill-għelieqi li hemm lil hinn minnha. Bħal Vjal ix-Xarolla, Triq il-Kuċċard tinsab f’żona ta’ sinifikat arkeoloġiku importanti. Għalhekk, Infrastructure Malta qed tieħu diversi miżuri biex tiżgura li jekk jinstabu xi fdalijiet storiċi taħt it-triq eżistenti, jiġu dokumentati u konservati. B’kollaborazzjoni sħiħa mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali, kull xogħol li jinvolvi tħaffir qed isir fil-preżenza ta’ arkeologi awtorizzati. F’ċerti żoni, biex ma ssirx ħsara lil xi sejbiet li jista’ jkun hemm, ix-xogħol jeħtieġ isir bl-għodda tal-idejn, bħal pali, minflok gafef u makkinarju ieħor. Fdalijiet ta’ qabar li kien instab fil-passat f’din it-triq ġew inkorporati fid-disinn ġdid tat-triq, sabiex jibqa’ jkun jista’ jiġi apprezzat mill-pubbliku. Fil-fatt, diġà ġiet skavata parti estensiva tat-triq bl-idejn fejn jeħtieġ jitpoġġew is-servizzi ġodda taħt l-art. Bħalissa qegħdin isiru l-istudji u surveys arkeoloġiċi neċessarji tal-wiċċ tal-blat li nkixef s’issa. Infrastructure Malta se tkompli tagħti l-appoġġ kollu meħtieġ lill-arkeologi li qed jagħmlu dan ix-xogħol, sabiex jiġi żgurat li x-xogħol isir bl-akbar attenzjoni fl-aħjar interess tal-ħarsien tal-wirt arkeoloġiku ta’ pajjiżna. Infrastructure Malta qed taħdem biex dan il-proġett jilħaq il-livelli ta’ kwalità għolja meħtieġa, filwaqt li jitwettaq fl-iqsar żmien possibbli u bl-inqas diffikultajiet għar-residenti tal-inħawi.

Infrastructure Malta – condition surveys u condition reports tat-toroq

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9925 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux condition surveys u condition reports tat-toroq kollha li ser isir xogħol fuqhom minn Infrastructure Malta? F'dawn ir-rapporti, ġie identifikat xi ħsarat għandhom dawn it-toroq bħal rutting, crocodile cracks, x'ammont mit-triq preżentement hemm mibnija, eċċ? Jista’ jpoġġi dawn ir-rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif tħabbar aktar kmieni din is-sena, Infrastructure Malta għaddejja bi studju nazzjonali mill-aktar komprensiv dwar il-qagħda tat-toroq f’Malta u Għawdex, u li qatt qabel ma sar bħalu f’Malta. L-istudju qed isir b’teknoloġija avvanzata li tagħmel użu minn drones speċjalizzati biex tikseb tagħrif tekniku dettaljat ħafna tal-istat tat-toroq kollha. Permezz ta’ dan l-istudju, li għandu jkun lest sas-sajf, qed tinġabar informazzjoni dettaljata dwar it-toroq sabiex tappoġġja lill-aġenzija fl-ippjanar tal-investiment ta’ €700 miljun li varat din is-sena biex pajjiżna jagħmel qabża kbira ‘l quddiem fil-kwalità tal-infrastruttura tat-toroq matul is-seba’ snin li ġejjin. It-tagħrif miġbur dwar il-kundizzjoni u l-ħsarat fit-toroq għandu jgħin ukoll fil-ħidma ta’ manutenzjoni kontinwa tat-toroq u fit-tfassil ta’ proġetti oħra fil-futur. L-ewwel fażi ta’ dan l-eżerċizzju, li kienet tinvolvi t-teħid ta’ ritratti bi kwalità għolja ħafna tat-toroq kollha f’Malta u Għawdex, tlestiet fil-ġimgħat li għaddew. B’kollox ġew studjati madwar 2,500 kilometru ta’ toroq madwar il-pajjiż. Dawn ir-ritratti issa qed jiġu pproċessati b’sistemi ta’ software avvanzati, u jintużaw biex jinħolqu mapep magħmulin minn sekwenzi ta’ ritratti tat-toroq meħudin mill-ajru (orthophoto maps). B’hekk tiġi żviluppata applikazzjoni ġdida għas-Sistema ta’ Informazzjoni Ġeografika (GIS) li tinkludi l-orthophoto maps tat-toroq kollha b’informazzjoni dettaljata dwar il-ħsarat u l-kundizzjoni tagħhom. Din is-sistema ser tgħin lil Infrastructure Malta toħloq klassifikazzjoni tat-toroq f’ordni ta’ priorità skont liema jeħtieġ jinbnew mill-ġdid l-ewwel. Fiż-żmien li ġej, se tibqa’ tiġi aġġornata gradwalment b’iżjed dettalji tekniċi biex tkompli ssir dejjem aktar utli għal Infrastructure Malta fl-ippjanar u t-twettiq tal-ħidma tagħha. Fil-ftit xhur kemm ilha mwaqqfa Infrastructure Malta diġà bdiet twettaq diversi proġetti kbar biex ittejjeb is-sistema tat-toroq arterjali u tibni mill-ġdid mijiet ta’ toroq residenzjali u toroq rurali. Dan l-istudju se jipprovdi lill-aġenzija għodda importanti li biha tkompli ssaħħaħ il-ħidma tagħha fi proġetti li qiegħda twettaq, u fl-ippjanar ta’ investimenti oħrajn li se twettaq fil-futur. L-analiżi tal-istat tat-toroq li qed tagħmel bħala parti minn dan l-eżerċizzju, flimkien ma’ studji oħrajn, se jgħinu lil din l-aġenzija tal-Gvern tidentifika liema toroq l-aktar għandhom jingħataw priorità fis-snin li ġejjin. Infrastructure Malta se tkompli taġġorna din is-sistema ġdida b’informazzjoni minn sorsi oħrajn biex tibqa’ twettaq din l-analiżċi sħiħa tal-infrastruttura ta’ pajjiżna. Fl-istess waqt, din l-informazzjoni se tkun ukoll il-bażi li fuqha jitqiesu d-durabilità u l-effettività ta’ metodi differenti għall-bini u l-manutenzjoni tat-toroq matul is-snin.

Xogħol fuq toroq – garanzija ta’ kwalità

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9922 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jagħti separatament għal kemm-il sena ser ikunu garantiti bħala kwalità ta' xogħol it-toroq arterjali, distributorji, maġġuri, residenzjali u rurali li saru/qed isiru minn Transport Malta / Infrastructure Malta mill-2017 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern qed iwettaq investiment bla preċedent sabiex pajjiżna jilħaq il-mira nazzjonali li gradwalment ikollna infrastruttura tat-toroq ta’ l-aqwa kwalità, b’aktar effiċjenza u sikurezza għal dawk li jużawha u bil-kapaċità u s-sistemi kollha meħtieġa biex b’mod sostenibbli tibqa’ twie¿en il-progress soċjali u ekonomiku ta’ pajjiżna anke fil-futur. Minkejja li ma sabitx l-appoġġ tal-Oppożizzjoni, Infrastructure Malta twaqqfet minn dan il-Parlament is-sena li għaddiet biex tiffoka fuq dan l-impenn nazzjonali. Din l-aġenzija mill-ewwel bdiet ħidma bla heda f’ħafna toroq f’kull lokalità. Minbarra proġetti kbar f’toroq arterjali, bħal dawk tal-Marsa Junction Project, il-bini mill-ġdid tal-Marsa-Ħamrun Bypass u t-twessigħ ta’ Triq Diċembru 13, Triq il-Buqana, Triq Reġjonali u Triq tal-Balal, Infrastructure Malta għaddejja wkoll bi programm ta’ ħidma ta’ titjib ta’ mijjiet ta’ toroq oħra, kemm residenzjali kif ukoll dawk fil-kampanja. Bħalissa għaddej ġmielu x-xogħol ta’ bini mill-ġdid ta’ madwar 120 triq residenzjali f’ħafna lokalitajiet differenti. Qed jiġu aġġudikati wkoll is-sejħiet għall-offerti għal kuntratt ieħor li permezz tiegħu Infrastructure Malta se tkun qed tibda tibni mill-ġdid 170 triq lokali oħra aktar tard din is-sena. Fl-istess waqt, l-aġenzija qed twettaq ukoll programm ta’ manutenzjoni u tiswijiet ta’ ħafna toroq oħra, bħal ma rajna fil-ġimgħat li għaddew f’aktar minn 17-il triq f’Buġibba u l-Qawra, fi Triq Ħaż-Żabbar, il-Fgura u Triq it-Torri, f’Tas-Sliema, fost oħrajn. Kull xogħol li jsir għandu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tiegħu, skont it-tip ta’ triq, l-użu tagħha u n-natura tax-xogħol li jkun qed isir. Bħal ma jaf sew l-Onorevoli Interpellant, il-kuntratti ta’ dawn ix-xogħlijiet ikollhom stipulati perjodi ta’ garanzija, li matulhom il-kuntratturi li jkunu għamlu x-xogħol jinżammu responsabbli għal kull nuqqas li jirriżulta minħabba xogħol jew materjali li ma jkunx sar tajjeb, jew li ma jkunx laħaq l-livelli stabbiliti mitluba minn Infrastructure Malta. It-tul ta’ dawn il-perjodi jvarja skont it-tip ta’ xogħol li jkun sar. Fl-istess waqt, lilhinn mill-iskadenzi tal-garanzija stipulati fil-kuntratti, il-prassi f’dan is-settur hi li fejn jidħlu proġetti ewlenin ta’ bini mill-ġdid ta’ l-istruttura sħiħa ta’ toroq arterjali jew residenzjali, l-infrastruttura li ssir tkun meqjusa li kapaċi sservi 25 sena jew aktar, dejjem jekk tiġi miżmuma tajjeb bit-tiswijiet u l-manutenzjoni perjodika meħtieġa matul is-snin.

Transport Malta – spezzjonijiet lil Malta Public Transport

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux isiru spezzjonijiet mill-uffiċjali ta' Transport Malta fuq it-trasport pubbliku provdut mill-Malta Public Transport? Kemm-il default notice ħarġu fir-rigward ta’: (a) karozzi tal-linja li jagħddu full-up u ma jgħabbux nies? (b) karozzi jaqbżu rotot u jħallu nies fuq l-istage? (c) kemm jitgħabbew nies bil-wiefqa aktar min-numru stabbilit? (d) kemm instabu xufiera li la jafu jikkomunikaw bil-Malti u lanqas bl-Ingliż? (e) kemm instabu karozzi tal-linja li ma laħqux il-livell minimu stabbilit ta' ndafa kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra? (f) kemm instabu karozzi tal-linja li ma laħqux il-livell stabbilit ta' apparenza (daqqiet fuq il-karozzi tal-linja, fanali ma jaħdmux, eċċ.)? Jista’ l-Ministru jgħid kemm weħel multi l-operatur tat-Trasport Pubbliku f’kull każ ta’ nuqqas?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tat-Trasport, li l-uffiċjali ta Transport Malta jwettqu spezzjonijiet ta kuljum fuq vetturi li jintużaw fuq is-servizz tat-Trasport Pubbliku bi skeda. Ta’ min wieħed jinnota li bejn Jannar u Marzu ta din is-sena twettqu il’ fuq min 4,000 spezzjoni f’dak li jirrigwarda saħħa u sigurtà, rekwiżiti li bihom għandhom ikunu mgħammra il-karozzi tal-linja skont il-kuntratt, xufiera, kif ukoll infrastruttura. Issiru wkoll spot checks min diversi lokalitajiet sabiex jiġi nnotat jekk passiġġiera ma jitabbewx minħabba li l-karozza tal-linja tkun mimlija, kif ukoll sabiex jiġi kkonfermat li l-karozzi tal-linja ma jkunux mgħobbija iżjed (overloading) milli huma ċċertifikati li jistu jġorru. Issiru ukoll spot checks fuq l-indafa tal-karozzi tal-linja. Ta min wieħed jinnota li spot checks fuq l-indafa jsiru kmieni filgħodu qabel il-karozzi tal-linja joħorġu fuq is-servizz. Minn fuq dawn l-ispot checks li saru fuq overloading ma irriżulta qatt li kien hemm każi fejn karozza tal-linja kienet mogħbbija aktar minn dak li kienet iċ-ċertifikata li tgħabbi. Għar-rigward li karozza tal-linja li ma tgħabbix passiġġiera minħabba li tkun mimlija, l-ewwel ħaġa li wieħed irrid jinnota hija iż-żieda fil-passiġġiera li s-servizz tat-trasport pubbliku bi skeda qiegħed jesperjenza; fejn is-sena l-oħra inqabżu il-53.4miljun passiġġier, żieda ta’ aktar min 11% fuq is-sena ta’ qabel. Tali żieda kienet esperjenzjata anke fis-sena ta qabel fejn fl-2017 esperjenzjana żieda ta l’fuq min 11% fuq l-2016. Din is-sena ukoll qiegħda turi żieda fil-passiġġieri meta mqabbel ma 2018.Wieħed jifhem li tali żidiet iġġibu magħhom sfidi ġodda. Fejn jiġu nnotati tali inċidenzi titieħħed nota u wara li ssiru spot checks oħra fl-istess lokalita’ jiġi d-determinat jekk ikunx hemm bżonn li tiżdiet il-frekwenza fuq ċertu rotot. Ninforma lill-Onor. Interpellant li tħejja rapport estensiv b’dawn l-inċidenzi u bir-rakkmandazzjonijiet. Dan ir-rapport qiegħed jiġi analizat f’aktar dettall. Tajjeb wieħed jinnota li tali inċidenzi ma jġorrux magħhom penali. Fir-risposta li kienet ingħatat għal mistoqsija parlamentari bin-numru 24225 tal-legizlatura 12, kienet ingħatat spjegazzjoni dettaljata hekk kif jopera il-kuntratt. Fl-istess risposta kien ġie spjegat li, f’nuqqasijiet li jiġu nnotati fejn l-Operatur tat-Trasport Publiku jkun jista’ jirranġa, dan jingħata perjodu ta’ żmien sabiex jirranġa t-tali nuqqasijiet. Il-perjodu li dan jingħata jiddependi jekk in-nuqqas jkunx jirrigwarda s-saħħa u s-sigurta’ jew affarijiet oħra.

Xiri ta’ biljetti minn anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk anzjan tispiċċalu l-card, ikunx jista’ jixtri biljett ta' €0.50 għal ġurnata sħiħa kif kien isir qabel, jew ikollux jħallas €2.00 għal kull vjaġġ ta' sagħtejn sakemm jagħmel it-top up?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tat-Trasport, li kwalunkwe persuna li ma tużax it-Tallinja Card sabiex tħallas in-noll tat-trasport pubbliku u minnflok tixtri biljett minn fuq il-karozza tal-linja, in-noll jkun ta’ €1.50 fix-xitwa u €2.00 fis-sajf. Bl-introduzzjoni ta’ Tallinja Card għenet sabiex tiżdiet l-effiċjenza tas-servizz. Dan minħabba li l-ħin tat-tgħabbija tal-passiġġieri tnaqqas sew. Tajjeb wieħed jirrimarka li 'l fuq minn 80 fil-mija tal-vjaġġi kollha jisiru permezz tal-użu tal-cards

Xufiera barranin li ma jkunu jafu r-rotot

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-aħħar sena kienx hemm xufiera barranin li ma kinux jafu r-rotot u għalhekk ħallew il-passiġġieri l-art għax ma jgħaddux mir-rotta li suppost jgħaddu? Jekk fl-affermattiv, kemm kien hemm minn dawn il-każijiet? Jista’ jgħid jekk f'kull każ l-operatur tat-trasport pubbliku weħilx multa u kemm kienet din il-multa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tat-Trasport, kwalinkwe non-conformity li tinħareġ minħabba li xufiera ma jsegwux ir-rotta hekk kif preskritt, ma tinħariġx lix-xufier personalment iżda lill-Operatur tat-Trasport Pubbliku li hija kumpanija privata. Għaldaqstant, Transport Malta ma għandiex tali informazzjoni hekk kif qedgħa tiġi rikjesta. Tajjeb wieħed jinnota li non-conformities jinħarġu wara li jiġi assigurat li ma kienx hemm xi għeluq għat-toroq li ma ppermettux il-karozza tal-linja s-segwi l-perkors tagħha.

Trasport Pubbliku – multi lill-operatur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm weħel multi għal nuqqasijiet l-operatur tat-Trasport Pubbliku xahar b'xahar separatament fis-snin 2016, 2017 u 2018? Kemm minn dawn il-multi tħallsu u kemm għadhom pendenti?

Response (BORG, IAN)

Skont ma jien infurmat mill-Awtorità tat-Trasport, nibda billi nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari li saret fit-12-il Legizlatura bin-numru 29165 għar-rigward il-multi li nħarġu għas-sena 2016 u għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari bin-numru 4189 għal dak li jirrigwarda multi li nħarġu għas-sena 2017. L-ammonti dovuti għar-rigward ta' dawn il-multi ġew imħallsa mill-Operatur tat-Trasport Pubbliku. Fl-2018 inħarġu b’kollox total ta’ € 168,215 f’multi. Min dawn hemm numru ta’ non-conformities li għadhom qegħdin jiġu diskussi mal-Operatur tat-Trasport Pubbliku. L-ammont tal-multi msemmija f' PQ 29165, PQ 4189 u f'din il-PQ rispettivament, ikopru l-multi kollha li ħarġu lill-Operatur tat-Trasport Publiku għar-rigward tan-nuqqasijiet li ġew innotati vis-à-vis il-kuntratt.