Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mass Transportation

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-istudji għal sistema ta' Mass Transportation f'pajjiżna u jpoġġi dawk li studji kollha li saru s'issa fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid x'tip ta' studji saru u min ġie kkummisjonat biex saru dawn l-istudji u jekk dan sarx b'direct order jew b'tender pubbliku?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern qed jistudja din il-proposta u li fi żmien opportun tiġi ppreżentata għal Konsultazzjoni Pubblika wiesgħa.

Rotta 110

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ir-Rotta 110 tgħaddi mir-rotta stabbilita tagħha meta titlaq mill-Marsa għall-Pembroke imma ma tgħaddix mill-istess rotta meta tkun sejra lura direzzjoni minn Pembroke għall-Marsa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli nterpellant li t-traġitt stabbilit fuq ir-rotta 110 huwa l-istess kemm mill-Marsa għall-Pembroke kif ukoll vice versa b’differenza waħda li hija fi triqitha minn Pembroke lejn il-Marsa minflok ir-rotta tgħaddi dirett minn Triq Sir Adrian Dingli l-ewwel tgħaddi minn Triq it-Torri, tipproċedi għal taħt il-mini ta’ Tigne, il-Ferries ta’ Ta’ Sliema u imbgħad iddur lura għal Triq Sir Adrian Dingli.

Toroq ġodda

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17428, peress li l-Ministru diversi drabi jgħid li qed jintefqu l-miljuni ta' ewro biex isiru diversi xogħlijiet ta' toroq madwar Malta u Għawdex, jista’ jgħid jekk jekk Infrastructure Malta, li hi l-aġenzija tal-Gvern responsabbli minn dawn x-xogħlijiet, għandhiex records ta' kemm-il kilometru ta’ toroq ġodda jew bini mill-ġdid ta’ toroq saru mill-2013 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari (għal kull sena separatament), kif ukoll jgħid: (a) kemm minnhom kienu toroq arterjali u distributorji; (b) kemm minnhom tlestew kompletament u liema minnhom għadhom mhux lesti; (c) f'każ ta' dawk it-toroq li għadhom mhux lesti, x'persentaġġ ta' xogħol fadal u meta jaħseb li ser jitlesta dan ix-xogħol; (d) x'tip ta' servizzi nbidlu (dawl, mains tal-ilma tax-xorb, mains tad-drenaġġ, eċċ.); (e) fejn saru water culverts u x'tulijiet ta' waterculverts saru f'kull triq; u (f) kemm kien stmat li tiġi tiswa kull triq u kemm fil-fatt ġiet l-ispiża?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn sitt domandi mressqa jitlobu ammont qawwi ta’ riżorsi umani u ħin, u għalhekk huma meqjusa bħala umanament impossibbli. Ikun aktar għaqli li l-ħin u r-riżorsi utilizzati għal dan il-għan, minflok jiġu utilizzati fuq xogħol aktar effettiv u produttiv. Li hu żgur, li b’investiment bla preċedent ta’ €700 miljun it-toroq kollha fil-pajjiż se jsiru mill-ġdid, għax aħna l-wegħdi nżommuhom.

Kummissjoni tal-Ippjanar – Member/Supplementary Member — interviews

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li applikaw għall-interviews li saru fis-27 ta’ Novembru 2018 għal Member/Supplementary Member tal-Kummissjoni tal-Ippjanar? Kemm minn dawn l-applikanti għaddew mill-interview u kemm weħlu? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-order of merit ta' dan l-interview? Kien hemm każijiet fejn applikant, għalkemm għadda mill-interview, ma ġiex approvat mill-Ministru responsabbli?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont Artikolu 65(2) ta’ l-Att Dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp, “Il-Kummissjoni jew f’każ li jkun hemm għadd ta’ fergħat, kull fergħa tal-Kummissjoni, għandha tinħatar mill-Ministru”. F’dan il-kuntest, minn tagħrif li ksibt mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura li taħtu kienet taqa’ l-Awtorità tal-Ippjanar fiż-żmien applikabbli, jirriżulta li fit-30 ta’ Ottubru 2018, kienet inħarġet fuq il-Gazzetta tal-Gvern sejħa għall-applikazzjonijiet għall-Kummissjoni tal-Ippjanar. L-intervisti kienu saru fuq jumejn, ċioè fit-23 u fis-27 ta’ Novembru tas-sena 2018. Il-Bord maħtur biex jieħu ħsieb dan il-proċess tal-għażla kellu l-inkarigu li jagħti l-parir tiegħu lill-Ministru, dwar liema mill-applikanti kellhom jitqiesu bħala kandidati adatti biex iservu bħala membri u membri supplimentari fuq il-Kummissjoni tal-Ippjanar. Il-Bord kien irċieva ħamsa u għoxrin (25) applikazzjoni, li minnhom waħda (1) kienet meqjusa invalida u żewġ (2) applikanti oħra għażlu li ma jkomplux bil-proċess qabel ma seħħew l-intervisti. Dan wassal sabiex ikunu tnejn u għoxrin (22) l-applikanti li dehru quddiem il-bord. L-applikanti li kienu meqjusa bħala adattati kienu erbatax (14), filwaqt li dawk meqjusa mhux adattati kienu tmienja (8). Kull applikant ġie mgħarraf bl-eżitu tal-intervista li attenda għaliha. Il-proċess tal-għażla ma ddetermina ebda ordni ta’ mertu għar-raġuni li ġja’ ġiet spjegata. Nikkonferma li kien hemm każi fejn kandidati meqjusa adattati eventwalment ma ġewx appuntati fuq il-Kummissjoni tal-Ippjanar u dan minħabba limitu kemm wieħed jista’ jappunta. L-intenzjoni tal-proċess kienet li twassal biex ikun hemm numru ta’ persuni meqjusa bħala adattati minn fejn il-Ministru jkun jista’ jaħtar il-membri fuq l-imsemmija Kummissjoni. Tali proċess offra metodu pubbliku u trasparenti bil-għan li jintlaqgħu tali applikazzjonijiet, minkejja l-poter tal-Ministru kif indikat fir-regolament.

Toroq Ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kilometru ta’ toroq ġodda jew bini mill-ġdid ta’ toroq saru mill-2013 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari (għal kull sena separatament), kif ukoll jgħid: (a) kemm minnhom kienu toroq arterjali u distributorji; (b) kemm minnhom tlestew kompletament u liema minnhom għadhom mhux lesti; (c) f'każ ta' dawk it-toroq li għadhom mhux lesti, x'persentaġġ ta' xogħol fadal u meta jaħseb li ser jitlesta dan ix-xogħol; (d) x'tip ta' servizzi nbidlu (dawl, mains tal-ilma tax-xorb, mains tad-drenaġġ, eċċ.); (e) fejn saru water culverts u x'tulijiet ta' waterculverts saru f'kull triq; u (f) kemm kien stmat li tiġi tiswa kull triq u kemm fil-fatt ġiet l-ispiża?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn żewgt domandi mressqa jitlobu ammont qawwi ta’ riżorsi umani u ħin, u għalhekk huma meqjusa bħala umanament impossibbli. Ikun aktar għaqli li l-ħin u r-riżorsi utilizzati għal dan il-għan, minflok jiġu utilizzati fuq xogħol aktar effettiv u produttiv.

Designed Speed ta’ Toroq Arterjali u Distributorji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu d-'design speed' ta’ kull triq, arterjali u distributorja, li tlestiet u kemm hu l-'ispeed’' mandatorju f’dawn it-toroq (għal kull triq separatament)?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor Interpellant sabiex jissottometti l-lista ta’ ismijiet tat-toroq li ghalihom qed jirreferi sabiex inkun f’posizzjoni li ngħaddi l-informazzjoni kollha mitluba.

Transport Malta – safety audits fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux 'safety audits' minn Transport Malta f'kull triq arterjali u distributorja separatament u x'kien l-eżitu ta' dawn is-'safety audits'? X’kienet l-opinjoni ta’ Transport Malta fuq il-fatt li l-karozzi jingħaqdu mat-traffiku prinċipali permezz ta’ 'merging lane' (jew anke fl assenza tal-'merging lane') min-naħa tax-xellug, jiġifieri min-naħa tal passiġġier? X'kienet l-opinjoni ta' Transport Malta fuq il-wesgħat ta’ bankini, u aspetti oħra ta’ sigurtà għal kull min juża t-triq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorita’ tat-Trasport, li Safety Audits huma obbligatorji f’toroq li huma kklassifikati bħala TEN-T. Dawn l-Audits isiru wara applikazzjoni skont ir-rekwiziti applikabbli. L-awditjar isir skont il-parametri tal-liġi u linji gwida stabbiliti, u jkun ibba¿at fuq is-sigurta` tal-utenti tat-triq. Fejn ikun meħtieġ, isiru rakkomandazzjonijiet għat-titjib neċessarju. Il-lista ta’ hawn taħt tinkludi l-proġetti li għalihom saret talba lill-Awtorita` tat-Trasport għal Safety Audit sal-aħħar ta’ Ottubru 2020. Item Locality Street Proposal 1 Luqa Council of Europe & Garibaldi Avenue Reconstruction of Council of Europe Road and Garibaldi Avenue 2 Marsa Xatt l-Ghassara tal-Gheneb Reconstruction of Xatt l-Għassara tal-Għeneb 3 Gozo - Rabat & Xewkija Mgarr Road Re-construction of Mġarr Road, Victoria Gozo 4 Mellieha Marfa Road Re-construction of Marfa Road Mellieħa 5 Mellieha Dawret il-Mellieha Re-Design & Re-Construction of Mellieħa bypass 6 Marsa Dicembru 13 + Underpass Construction of underpass from Diċembru 13 Road to Menqa 7 Qormi Mriehel Bypass Proposed Pedestrian Bridge 8 Naxxar Coast Road Reconstruction of Coast Road 9 Naxxar Vjal il-Labour j/w Triq Frangisku Pisani Proposed roundabout 10 Marsa Marsa/Hamrun bypass Widening of Road 11 Luqa Vjal l-Avjazzjoni Widening of northbound carriageway from 2 to 3 lanes 12 Marsa/Paola Addolorata junction Proposed grade separated junction 13 Mellieha Triq Louis Wettinger Redesign of Triq Louis Wettinger (Bypass) 14 San Gwann Kappara Junction Re-construction of grade-separated junction 15 Santa Lucija Vjal Santa Lucija Proposed roundabout + underpass at Santa Luċija 16 Luqa Triq Ħal Qormi, Triq San Tumas Proposed widening of road and upgrade of junctions between Dinitrol R'about and Express Trailers R'about 17 Rabat Triq Buqana Widening of Triq Buqana from Mtarfa r'about up to Qliegha r'about 18 Attard Triq Valletta, Triq Nutar Zarb, Triq Zagħfran, Triq Tumas Chetcuti, Triq Mdina Re-design, widening and construction of new schemed road - Central Link Project 19 Marsa Triq is-Salib tal-Marsa Footbridge and ramps linking bus stops 20 Paola Triq il-Perit Dom Mintoff Footbridge near MCAST linking Telgha ta' Rahal Gdid with Triq Kordin through Gnien Mediterran 21 Luqa Vjal l-Avjazzjoni Footbridge 22 Floriana Triq l-Assedju l-Kbir junction with Triq it-Trunciera ta' Tramuntana Upgrade of junction and parking area 23 Marsa Marsa/Hamrun bypass Phase 2 Widening of Road + link with St Venera Canon Road 24 Zebbug Gozo Triq Marsalforn Design of link between Rabat and Marsalforn 25 Mgarr Gozo Triq Imgarr New schemed Road and junction improvement 26 Nadur/Ghajnsielem Gozo Triq l-Imgarr, Triq Sant Antnin Re-design and re-construction of existing roads and upgrading of junction. 27 Xewkija Gozo Triq ta' Hamet Proposed junction re-design

Ħal Kirkop – Ftuħ ta’ Mini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-maġġor parti ta' ftuħ fil-mini ta' Ħal Kirkop, li kienu jagħtu aċċess lin-nies biex f'każ ta' inċident jgħaddu minn karriġġata għal oħra, ingħalqu? Sar 'safety audit' ta' din il-mina qabel ma' ttieħdet din id-deċiżjoni? Min ipprepara s-safety audit?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet fil-mini ta’ Ħal Kirkop jinkludu l-introduzzjoni ta’ diversi miżuri ta’ sigurtà. Qabel ma bdew ix-xogħlijiet, Infrastructure Malta kienet ikkumissjonat konsulenti biex jassistu fid-disinn u l-ispeċifikazzjonijiet ta’ dawn l-istess miżuri u saru wkoll diversi diskussjonijijet mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li pparteċipaw b’mod attiv fit-tħejjija tal-miżrui li għandhom x’jaqsmu speċifikament ma’ sigurezza kontra n-nirien (fire safety). Din il-konsultazzjoni wasslet għad-deċiżjoni biex l-aperturi li hemm bejn iż-żewġ mini jingħalqu għajr tnejn u dawn tal-aħħar ser ikunu mgħammrin fost affarijiet oħrajn b’bibien apposta kontra n-nirien (fire doors) u l-indikazzjonijiet tal-pożizzjoni tagħhom huma skont l-istandards u linji gwida f’dan il-qasam. Dan se jsir biex f’każ li jkun hemm nar f’waħda mill-mini, il-mina l-oħra tkun tista’ tintuża bħala waħda mill-ħruġ f’każ t’emerġenza (escape routes). In-numru tal-aperturi li nżammew miftuħin huwa wkoll skont standards u linji gwida fejn tidħol sigurezza kontra n-nirien għall-mini.

Ħal Kirkop – xogħlijiet fil-mini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'xogħol qed isir fil-mini ta' Ħal Kirkop peress li x-xogħol ilu ammont ta' żmien għaddej?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Infrastructure Malta qed tirrestawra l-erba’ strutturi tal-mini prinċipali li għandna fis-sistema tat-toroq tagħna biex tassigura s-sigurtà u l-istabbilità tagħhom għal tul ta’ żmien. Ix-xogħlijiet ta’ dan il-proġett bdew f’Awwissu fl-erba’ strutturi f’daqqa wara li ntemm il-proċess tal-għażla. Billi dawn il-mini jinsabu f’rotot kruċjali għas-sistema tal-ivvjaġġar ta’ pajji¿na u minnhom jgħaddu ħafna karozzi, il-periti ta’ Infrastructure Malta ppjanaw li l-kuntratturi jagħmlu ħafna mix-xogħol fihom fi tmiem il-ġimgħa u bil-lejl. B’hekk, jonqos kemm jista’ jkun l-inkonvenjent għall-pubbliku. L-aġenzija qed tagħmel xogħlijiet estensivi u tiswijiet li hemm bżonn biex jiġu msaħħin l-istrutturi tal-mini li hemm f’Ħal Kirkop, Santa Venera, Tal-Qroqq u Ta’ Giorni. Kull struttura hija magħmulha minn żewġ mini li jagħtu lejn direzzjonijiet opposti, u kull waħda fiha żewġ korsiji li flimkien iġibu total ta’ 4.8 kilometri tas-sistema ta’ toroq arterjali li hawn fil-pajjiż. L-eqdem struttura hija dik Ta’ Ġiorni, li nbniet fl-1967. Waqt li l-mini f’Tal-Qroqq huma l-iżjed riċenti u nbnew fl-1996. Minn dawn il-mini jgħaddu eluf ta’ persuni kull siegħa. Għalhekk, it-titjib ta’ dawn il-mini jingħaqad mal-investiment bla preċedent li qed isir minn Infrastructure Malta f’ħafna toroq arterjali oħrajn, fosthom dawk li jagħtu għall-istess strutturi, biex pajjiżna jkollu infrastruttura tal-ivvjaġġar aktar sigura, aktar effiċjenti u aktar sostenibbli. Minn studji tekniċi li ġew ikkummissjonati ħareġ li għalkemm strutturalment jinsabu f’qagħda tajba, il-mini jeħtieġ li ssirilhom manutenzjoni sostanzjali u tiswijiet. Fost affarijiet oħrajn irriżulta li s-sistema tal-elettriku u tad-dwal hija antikwata u jeħtieġ li tinbidel biex tkun skont standards internazzjonali. Hemm bżonn ukoll li jsir titjib kbir fis-sistemi ta’ sigurtà u dawk ta’ kontra n-nirien, kif ukoll fil-passaġġi u l-bibien tal-ħruġ mill-mini f’każ ta’ emerġenza. Wara tindifa lill-ħitan biex jitneħħa n-nugrufun li tħalla jinġema għal għexieren ta’ snin se jsiru tiswijiet tal-istruttura tagħhom u tinbidel is-sistema tad-dwal biex il-mini ma jibqgħux imdallmin. Il-ħitan se jinksew b’materjal apposta li jsebbaħhom u jdawwalhom aktar. Minbarra li jipprovdi vi¿ibilità aħjar fil-mini, dan il-materjal għandu jiffaċilita wkoll it-tindif u l-manutenzjoni li jkun hemm bżonn isiru kull tant żmien. Bis-sistema l-ġdida li se tiġi nstallata l-qawwa tad-dawl ġewwa l-mini se tinbidel mal-ġurnata, billi jitbaxxa jew jogħla mal-ħin, ħalli l-għajnejn joqgħodu mill-ewwel meta tidħol fihom. F’kull mina se tinbena kamra tal-kontroll li minnha jiġu kkontrollati sistemi ġodda ta’ cameras, alarms ta’ kontra n-nirien, apparat li jkejjel il-kwalità tal-arja, tabelli elettroniċi u tagħmir ta’ emerġenza. Dawn se jkunu wkoll imqabbdin maċ-Ċentru Nazzjonali għall-Kontroll tat-Traffiku biex ikun hemm monitoraġġ kontinwu. Il-cameras se jkollhom sistema li awtomatikament tinforma lill-awtoritajiet jekk ikun hemm diffikultajiet, bħal xi karozza wieqfa fil-mina, biex tintbagħat l-għajnuna minnufih. Il-ħruġ ta’ emerġenza minn kull mina se jiġi mtejjeb b’diversi apparat bħalma huma bibien re¿istenti għan-nirien u apparat biex iċċempel għall-għajnuna bħal dak li nsibu fil-liftijiet, kif ukoll sinjali u dwal li jidderiġuk minn fejn għandek toħroġ. F’kull mina se jiġu nstallati wkoll sistemi ta’ kanen li l-pumpieri jkunu jistgħu jgħaqqdu magħhom għal provvista tal-ilma minn fuq il-post stess u apparat ieħor għal kontra n-nirien bħalma huma fire extinguishers. Anke l-faċċata ta’ kull waħda mit-tmien mini se jsirulha tiswijiet fil-ġebla u se tingħata dehra aħjar estetikament. B’hekk, kuntrarjament għall-istat li jinsabu fihom bħalissa, l-ambjent u d-dehra tagħhom ikunu jilqgħuk minn qabel tidħol fihom.

Xufiera tat-Trasport Pubbliku li jinstabu pożittivi għall-COVID-19 – sick leave

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li jekk xufiera tat-Trasport Pubbliku jinstabu pożittivi għall-COVID-19 ikollhom jieħdu s-sick leave minn tagħhom allavolja jkunu ħadu l-virus minn fuq ix-xogħol?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tikkonċerna direttament lill-Malta Public Transport Services Ltd li hija kumpanija privata. Għaldaqstant din l-informazzjoni mhix disponibbli li tingħata.

Senior Enforcement Officers — riżultati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li dawk li l-Enforcement Officers I li applikaw għal Senior Enforcement Officers, għadhom sal-lum il-ġurnata jistennew li joħorġu r-riżultati ta' dawn l-interviews għalkemm sa Ġunju 2020 kienu lestew l-interviews?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li Transport Malta għaddeja minn proċess ta’ evalwazzjoni fi ħdan id-direttorat tal-infurzar. Wara li dan l-eżerċizju jintemm tkun f’pozizzjoni li tieħu deċizzjoni fuq dawn il-pożizzjonijiet.

Transport Malta – Dipartiment tal-Enforcement – applikazzjonijiet għal Managers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk mill-bidu ta' din is-sena (2020) sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari ħarġux xi applikazzjonijiet għal Managers fid-Dipartiment tal-Enforcement fi ħdan Transport Malta? Jekk fl-affermattiv, jista’ jpoġġi din is-sejħa fuq il-Mejda tal-Kamra u jgħid kemm applikaw u kemm ser jiġu ingaġġati?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li Transport Malta, fis-sena 2020 ħarġet applikazzjoni waħda li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra. Għal din l-applikazzjoni applikat persuna waħda u ġiet magħzula.

Transport Malta – Cyber Attack – dipartimenti affetwati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew affetwati Dipartimenti fi ħdan Transport Malta minħabba s-Cyber Attack li din l-Awtorità sofriet reċentement? Meta hu maħsub li l-affarijiet ġejjin għan-normal?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorita’ tat-Trasport, li l-attakk ċibernetiku affettwa prinċipalment l-Infrastruttura tal-ICT. L-Awtorita’ ħadet il-passi neċċessarji mmedjatament biex tnaqqas l-impatt fuq l-integrita’ ta’ data tagħha. Riċentament il-qorti tagħat l-approvazzjoni tagħha biex l-awtorita’ taċċessa parti mill-infrastruttura li kienet miżmuma għall-investigazzjoni u b’hekk tkun tista’ terġa tipprovidi s-servizzi tagħha lura. Flimkien ma esperti fi sigurta ċibernetika, l-Awtorita’ evalwat is-servizzi u d-data qabel ma jiġu provduti lura biex tnaqqas ir-riskji. Il-fuq min 90% ta’ servizzi reġgħu lura għan-normal, il-kumplament (servizzi interni) għandhom jiġu konklużi u jkunu disponibbli fi ftit jiem.

Xatt ta' Birżebbuġa — ħut mill-fishfarms li qed jinstab mejjet

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li qed jinstab ħut tal-fishfarms mejjet max-Xatt ta' Birżebbuġa, u għaldaqstant jista’ jispjega x'qed isir biex din il-problema tiġi indirizzata?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ BirŻebbuġa li fil-preŻent m’għadux jinstab ħut mejjet max-Xatt ta’ BirŻebbuġa.

Xatt ta' Birżebbuġa — hut mill-fishfarms li qed jinstab mejjet

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li qed jinstab ħut tal-fishfarms mejjet max-Xatt ta' Birżebbuġa, u għaldaqstant jista’ jispjega x'qed isir biex din il-problema tiġi indirizzata?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabie jaghmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkoncernat.