Legislature:
Category:
Reset
Active:

Triq Burmarrad – bankini maqlugħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-raġunijiet li wara li ftit tal-ġimgħat ilu tlesta xogħol infrastrutturali ġewwa Triq Burmarrad minn Infrastructure Malta, matul dawn l-aħħar ġranet, reġgħu bdew jinqalgħu l-bankini ta’ parti sostanzjali tal-istess triq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-għan prinċipali tal-investiment ta’ €3.5 miljun minn Infrastructure Malta għal Triq Burmarrad huwa li jnaqqas ir-riskji t’aċċidenti tul din it-triq ta’ 2.5 kilometri u l-konnessjonijiet tagħha ma’ toroq arterjali, residenzjali u rurali fil-viċin. F’diversi partijiet mit-triq u fejn jaqsmu toroq oħrajn minn ġo fiha spiss kienu jseħħu aċċidenti u tul is-snin ġraw diversi ħabtiet li kelllhom konsegwenzi serji, l-iżjed minħabba nuqqas ta’ miżuri li jiskoraġġixxu s-sewqan eċċessiv u li vettura taqbeż oħra. Filwaqt li l-proġett ma kienx jinkludi twessigħ tat-triq biex isiru korsiji ġodda għall-vetturi, il-junctions kollha tul din ir-rotta nbnew mill-ġdid b’disinn għal aktar sigurezza. Għal dan il-għan, il-proġett jinkludi l-ivilupp ta’ diversi miżuri ta’ sigurezza fl-ispazju eżistenti tat-triq, bħalma huma crash barriers ġodda bejn il-korsiji f’direzzjonijiet opposti. Qabel it-triq ma kien fiha xejn biex jiġu evitati ħabtiet frontali bejn karozzi li jkunu ġejjin kontra xulxin. L-aġenzija għamlet crash barriers tal-konkos li huma ddisinjati apposta biex inaqqsu r-riskji li vettura tinqaleb jew li jseħħu ħabtiet frontali, u b’hekk jonqsu r-riskji ta’ ferimenti gravi u konsegwenzi oħra. Din is-sistema ta’ crash barriers ċertifikati bil-marka CE intużaw l-ewwel darba fi proġetti oħrajn li saru minn Infrastructure Malta fl-2019. Infrastructure Malta ifformat ukoll roundabout ġdida għal konnessjonijiet aktar siguri ma’ Triq Tal-Ħmieri u Triq Għajn Rihana biex tiffaċilita l-aċċess b’mod aktar sigur anke lejn inħawi rurali fil-viċin. Minbarra li tiffaċilita b’aktar sigurezza l-konnessjonijiet mat-toroq li jmissu magħha, billi issa hemm il-crash barriers li ma jippermettux li vetturi jaqsmu minn naħa għal oħra tat-triq, ir-roundabout qed tgħin ukoll biex tagħti aċċess aħjar għad-djar, negozji, postijiet tax-xogħol, art agrikola u postijiet oħra li hemm matul l-istess triq. Fl-istess ħin, ir-roundabout innifisha sservi wkoll bħala miżura oħra li tkompli trażżan sewqan eċċessiv mill-vetturi meta jkunu qed joqorbu lejn dan is-salib it-toroq. Il-proġett kollu kien iddisnjat skont speċifikazzjonijiet internazzjonali u jekk dawk li jkunu għaddejjin minn din it-triq isegwu d-direzzjonijiet tat-tabelli u jsuqu skont ir-regolamenti applikabbli, allura kif ġiet it-triq issa jkunu qed jiżguraw li jkollhom ferm inqas riskju ta’ xi ħabta jew aċċidenti oħra. Ir-roundabout innifisha għandha wkoll diversi miżuri ta’ sigurezza. Fil-fatt, qabel ma toqrob lejn ir-roundabout saru tabelli, sinjali mmarkati fuq l-asfalt, kif ukoll strippi ta’ tumbati baxxi (magħrufin bħala rumble strips) biex iġiegħlu lis-sewwieqa jindunaw li għandhom inaqqsu l-veloċità. Diversi partijiet minn din ir-rotta nksew ukoll b’materjal ta’ frizzjoni għolja (high friction) biex ikompli jnaqqas ir-riskji tal-iskiddjar, u b’hekk it-triq tkun aktar sigura anke għal vetturi kbar. B’hekk, illum it-triq hija ferm aktar sigura milli kienet sa ftit ġimgħat ilu, qabel beda dan il-proġett. Il-partijiet mil-bankina li jisporġu ‘l barra fit-triq u li qed jinqalgħu mhumiex parti mill-proġett li tlesta ftit ilu, imma dawn kienu saru minn amministrazzjoni preċedenti u kienu qed joħolqu periklu għas-sewwieqa, iżda aktar u aktar għaċ-ċiklisti. Għalhekk, ittieħdet deċiżjoni li jitneħħew. Wara li rċeviet xi lmenti dwarhom, u dwar il-fatt li setgħu anke jirristrinġu l-aċċess f’każ ta’ xi emerġenza, Infrastructure Malta qed terġa’ tintervjeni fit-triq biex dawn il-partijiet tal-bankina sporġuti ‘l barra fil-korsija tar-roti jitneħħew. Minkejja li se jitneħħew dawn il-partijiet, il-bankina xorta se tibqa’ wiesgħa biżżejjed għal aċċess pedonali sigur, skont l-istandards applikabbli.

National Cycling Policy

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta n-'National Cycling Policy' ser tiġi ppublikata peress li l-perjodu ta' konsultazzjoni fuq dan il-dokument skada sentejn ilu, u ċjoè fil-31 ta' Jannar 2019? X'inhi r-raġuni li dan id-dokument qatt ma ġie ppubblikat?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li n-‘National Cycling Strategy u Policy’ flimkien mar-riżultat tal-konsultazzjoni fuq tali dokument huma l-qafas li fuqu qiegħed isir ix-xogħol tal-linji gwida. Għaldaqstant, in-‘National Cycling Strategy, Policy u Guidelines’ se jiġu ppubblikati bħala dokument wieħed biex inizzjattivi u miżuri relatati maċ-ċikliżmu jiġu dejjem ippjanati u implementati b’mod olistiku.

Parkeġġ ta' ħdejn il-Freeport — sular għar-residenti ta' Birżebbuġa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-parkeġġ ta' maġenb il-Freeport, li żewġ sulari minnu ser ikunu jistgħu jintużaw mill-pubbliku, jistax ikollu sular minnhom riservat għar-residenti ta' Birżebbuġa bla ħlas?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Parkeġġ ta' ħdejn il-Freeport — sular għar-residenti ta' Birżebbuġa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-parkeġġ ta' maġenb il-Freeport, li żewġ sulari minnu ser ikunu jistgħu jintużaw mill-pubbliku, jistax ikollu sular minnhom riservat ghar-residenti ta' Birżebbuġa bla ħlas?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għaddejjin diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali ta’ Birzebbugia fuq dan is-suġġett.

Birżebbuġa — impjant tal-Enemed

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta ser jiġi żarmat għal kollox l-impjant tal-Enemed f'Birżebbuġa u x'ser isir f'din iż-żona minflok dan l-impjant?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-impjant li qeda tuża’ l-Enemed se jingħalaq kompletament sa l-aħħar ta’ din is-sena. Hekk kif jingħalaq dan l-impjant, is-sit ser tingħata lura lill-Enemalta, is-sidien tal-propjeta. Peress li siti industrijali bħal dawn jiħtieġu pjanijiet kumplessi mifruxin fuq medda ta’ snin, l-Enemalta ser ikunu qegħdin inadfu u jiżbarazzaw is-sit sabiex qabel ma jiġi deċiż kif ser tintuża, isiru l-istudju neċessarji għall-proġetti futuri.

Birżebbuġa — Triq San Ġorġ - Water culverts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk culverts li qed isiru fi Triq San Ġorġ Birżebbuġa biex tissolva l-problema li jitla’ l-baħar fit-triq, hux fil-fatt ser isolvu din il-problema jew le peress li l-invert levels (il-qiegħ) tal-culverts ser ikun l-istess għoli tal-livell tal-baħar bil-konsegwenza li meta jkun hemm il-frugħ (tide) dawn il-water culverts ser ikunu mimlija bl-ilma baħar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li ninsab infurmat li kemm il-culverts kif ukoll il-livelli ġodda tat-triq ġew iddisnjati biex meta jkun hemm il-frugħ, l-ilma baħar ma jfurx fit-triq.

Għammieri — xogħlijiet - spiża

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża biex saru x-xogħlijiet fil-Blokk A l-Għammieri, u għaliex dan l-uffiċċju għadu ma ġiex okkupat?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sal-lum ix-xogħolijiet li saru fuq Blokk A fl-Għammieri kienu dawk strutturali b’mod partikolari tibdil ta’ soqfa kkundannati. Dan ix-xogħol ammonta għal EUR 90,410,40 VAT eskluż u bħalissa jinsab fil-fażi finali tiegħu. La darba jintemm ix-xogħol u l-binja tiġi ċċertifikata bħala konformi mal-istandards, jitkompla x-xogħol intern u x-xiri tal-għamara.

Imqabba — xogħol ta' pavimentar

Question

Peress li ġejt avviċinat minn bosta residenti Mqabbin li x-xogħol ta' pavimentar fil-pjazza tal-istess raħal hemm partijiet minnu li diġà għandu l-madum jiċċaqlaq b'mod speċjali bejn Triq San Bażilju u Triq Santa Katerina, jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' xogħol riparatorju ser isir u meta ser isir dan ix-xogħol riparatorju? Jista' jgħid kemm ġie jiswa x-xogħol ta' pavimentar u xogħlijiet oħra anċillari li saru fil-pjazza tal-Mqabba u t-toroq tal-madwar u jekk dan ix-xogħol hux kopert b'performance guarantee u għal kemm tul hija valida din il-garanzija?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li hemm madum tal-lava li jeħtieġ li jerġa’ jitpoġġa fis-sit imsemmi mill-Onorevoli Interpellant kif ukoll fl-inħawi tal-“pedestrian crossing” li hemm bejn Triq il-Madonna tal-Ġilju u Triq Santa Katarina. Ix-xogħol riparatorju meħtieġ f’dawn il-partijiet tal-proġett ser isiru mill-kuntrattur, għas-spejjeż tiegħu, fil-ġranet li gejjin. Il-valur tal-kuntratt għal dan il-proġett kien ta’ 1,782,226.70 Euros (eskluż VAT). Ix -xogħol għadu mhux iċċertifikat kollu minħabba l-imsemmija snags, u l-valur finali tax-xogħol qed jiġi stabbilit bħalissa bit-tħejjija tal-Final Account tal-proġett. Iva, il-kuntratt hu kopert b’Performance Guarantee (10% tal-valur tal-kuntratt). Din il-garanzija tkun irrilaxxata sa mhux aktar tard minn 30 ġurnata mill-ħruġ tal- Provisional Acceptance Certificate għal dan il-proġett, u f’dak l-istadju tidħol fis-seħħ iż-żamma ta’ 5% Retention Monies tal-valur tal-proġett, li jinżammu għal tul ta’ sentejn sakemm jinħareġ il-Final Acceptance Certificate.

Burmarrad — Cycle Lane

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li cycle lanes li kien hemm, hekk kif titla' minn Burmarrad tneħħew u minflok saret linja bajda biex tgħaddi b'rota u li l-ispazju mill-bankina sa din il-linja mhux ta' aktar min 75 ċentimetri, minbarra l-fatt li f'dan li spazju hemm diversi spralli b'periklu għal dawk kollha li jippruvaw jgħaddu bir-rota minn dan l-ispazju? Xi standards ġew applikati biex saret din is-'cycle lane' ġdida, jekk fil-fatt din tista' tiġi ikkunsidrata bhala 'cycle lane'?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għan prinċipali ta’ dan l-investiment ta’ €3.5 miljun minn Infrastructure Malta huwa li jnaqqas ir-riskji t’aċċidenti tul din it-triq ta’ 2.5 kilometri u l-konnessjonijiet tagħha ma’ toroq arterjali, residenzjali u rurali fil-viċin. F’diversi partijiet mit-triq u fejn jaqsmu toroq oħrajn minn ġo fiha spiss kienu jseħħu aċċidenti u tul is-snin ġraw diversi ħabtiet li kelllhom konsegwenzi serji, l-iżjed minħabba nuqqas ta’ miżuri li jiskoraġġixxu s-sewqan eċċessiv u li vettura taqbeż oħra. Filwaqt li l-proġett ma kienx jinkludi twessigħ tat-triq biex isiru korsiji ġodda għall-vetturi, il-junctions kollha tul din ir-rotta nbnew mill-ġdid b’disinn għal aktar sigurezza. Għal dan il-għan, il-proġett jinkludi l-iżvilupp ta’ diversi miżuri ta’ sigurezza fl-ispazju eżistenti tat-triq, bħalma huma crash barriers ġodda bejn il-korsiji f’direzzjonijiet opposti. Qabel it-triq ma kien fiha xejn biex jiġu evitati ħabtiet frontali bejn karozzi li jkunu ġejjin kontra xulxin. L-aġenzija għamlet crash barriers tal-konkos li huma ddisinjati apposta biex inaqqsu r-riskji li vettura tinqaleb jew li jseħħu ħabtiet frontali, u b’hekk jonqsu r-riskji ta’ ferimenti gravi u konsegwenzi oħra. Din is-sistema ta’ crash barriers ċertifikati bil-marka CE intużaw l-ewwel darba fi proġetti oħrajn li saru minn Infrastructure Malta fl-2019. Infrastructure Malta ifformat ukoll roundabout ġdida għal konnessjonijiet aktar siguri ma’ Triq Tal-Ħmieri u Triq Għajn Rihana biex tiffaċilita l-aċċess b’mod aktar sigur anke lejn inħawi rurali fil-viċin. Minbarra li tiffaċilita b’aktar sigurezza l-konnessjonijiet mat-toroq li jmissu magħha, billi issa hemm il-crash barriers li ma jippermettux li vetturi jaqsmu minn naħa għal oħra tat-triq, ir-roundabout qed tgħin ukoll biex tagħti aċċess aħjar għad-djar, negozji, postijiet tax-xogħol, art agrikola u postijiet oħra li hemm matul l-istess triq. Fl-istess ħin, ir-roundabout innifisha sservi wkoll bħala miżura oħra li tkompli trażżan sewqan eċċessiv mill-vetturi meta jkunu qed joqorbu lejn dan is-salib it-toroq. Il-proġett kollu kien iddisnjat skont speċifikazzjonijiet internazzjonali u jekk dawk li jkunu għaddejjin minn din it-triq isegwu d-direzzjonijiet tat-tabelli u jsuqu skont ir-regolamenti applikabbli, allura kif ġiet it-triq issa jkunu qed jiżguraw li jkollhom ferm inqas riskju ta’ xi ħabta jew aċċidenti oħra. Ir-roundabout innifisha għandha wkoll diversi miżuri ta’ sigurezza. Fil-fatt, qabel ma toqrob lejn ir-roundabout saru tabelli, sinjali mmarkati fuq l-asfalt, kif ukoll strippi ta’ tumbati baxxi (magħrufin bħala rumble strips) biex iġiegħlu lis-sewwieqa jindunaw li għandhom inaqqsu l-veloċità. Diversi partijiet minn din ir-rotta nksew ukoll b’materjal ta’ frizzjoni għolja (high friction) biex ikompli jnaqqas ir-riskji tal-iskiddjar, u b’hekk it-triq tkun aktar sigura anke għal vetturi kbar. B’hekk, illum it-triq hija ferm aktar sigura milli kienet sa ftit ġimgħat ilu, qabel beda dan il-proġett. Infrastructure Malta talbet lill-kuntrattur sabiex il-linja tal-ġenb tat-triq titneħħa u minflok terġa’ ssir is-cycle lane bħalma kien hemm qabel.

Imqabba — ġibjuni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ġibjun li għadu kemm inbena fl-Imqabba ġiex jitlef l-ilma tax-xita li jinġabar ġo fih? Jekk dan ġie jitlef l-ilma, jista’ jgħid jekk ittieħdux il-prekawzjonijiet kollha biex ma tkunx imniġġża l-water table bl-ilma li jipperkola minn dan il-ġibjun għal ġol-blat? X'sistema ta' 'water filtering' ġiet adottata? Jista' jgħid kemm ġie jiswa dan il-proġett?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li l-ġibjun inbena bħala 'soakaway' biex jippermetti li l-ilma jkun jista’ jipperkola ‘l isfel fis-saffi tal-blat. Il-blat fil-post huwa tipikament intatt u ftit li xejn fih ‘fissures’, u għalhekk saru diversi 'boreholes' fil-qiegħ tal-ġibjun. Il-fond tal-'boreholes' huwa bejn wieħed u ieħor terz tad-distanza bejn il-livell tal-qiegħ tal-ġibjun u l-livell tal-water table, skont ir-rakkomandazzjoni mill-Awtorità Maltija għar-Riżorsi. Dan isir apposta biex tassigura filtrazzjoni adegwata u biex l-ilma li jasal fil-water table jkun ippurifikat. Barra minn hekk, il-ġibjun ser jimtela b'sistema ta' ġbir tal-ilma tax-xita diġà installata f'diversi toroq ġewwa l-Imqabba, li jibdew minn ħdejn il-Knisja Parrokjali. Din is-sistema hija magħmula minn 'gutters' u 'manholes' fejn l-ilma jibda jiġi ffiltrat permezz ta' sumps qabel ikompli ġol-pipijiet u finalment ġol-ġibjun. Hekk kif l-ilma jidħol ġol-ġibjun f'żewġ punti differenti, ser ikun qed jgħaddi minn 'sump' kbir biex jinġabar iktar ħmieġ li seta’ inqabad mal-ilma tax-xita miġbur. Finalment, il-'boreholes' għandhom forma ta 'sump' ieħor mimli żrar imħallat ta' qisien differenti u protett b' 'geotextile' biex jassigura li jekk xi ħmieġ ma jinqabadx fl-ewwel u t-tieni stadju ta' filtrazzjoni, dan ma jibqax sejjer fil-'boreholes'. Dan huwa metodu ta' konstruzzjoni ta’ kif l-ilma tax-xita jiġi ffiltratt u jintuża biex iżid l-ilma tal-pjan. Din is-sistema tintuża f'diversi pajjiżi barra minn Malta u hija waħda mill-miżuri tal-metodi sostenibbli għall-ġbir tal-ilma tax-xita (Sustainable Urban Drainage System). Huwa maħsub ukoll li parti mill-ilma li jinġabar f’dan il-ġibjun ser jintuża mill-bdiewa tal-inħawi għat-tisqija tal-għelieqi tagħhom. Fil-fatt ser tiġi installata sistema ta’ pompa u pajpijiet biex l-imsemmija bdiewa jkollhom aċċess għal dan l-ilma. L-arranġament biex il-bdiewa jkollhom dan l-aċċess ser jiġi kkordinat mill-Kunsill Lokali tal-Imqabba. Il-valur tal-kuntratt li ngħata biex jinbena dan il-ġibjun hu ta’ 1,502,748.13 Euros (eskluż VAT). Ix-xogħol għadu għaddej u l-valur finali tal-progett jiġi stabbilit meta jitlesta x-xogħol kollu.

Parkeġġ ta' ħdejn il-Freeport — sular għar-residenti ta' Birżebbuġa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-parkeġġ ta' maġenb il-Freeport, li żewġ sulari minnu ser ikunu jistgħu jintużaw mill-pubbliku, jistax ikollu sular minnhom riservat għar-residenti ta' Birżebbuġa bla ħlas?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministru kkonċernat.

Wied iż-Żurrieq — multi-level parking

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ippjanat li jsir multi-level parking fil-parkeġġ eżistenti ta' Wied iż-Żurrieq peress li l-ispazju preżentement riservat għall-parkeġġ fil-maġġor parti tiegħu qiegħed ikun riservat għal coaches? Jista’ fil-frattemp jiġu identifikati żoni oħra f'Wied iż-Żurrieq stess, li fihom jiġi pprovdut tali parkeġġi biex fin-nuqqas ta' turisti li ġejjin minn barra l-pajjiż, aktar Maltin iżuru dan il-post turistiku sakemm isir dan il-multi-level parking?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemm l-ebda pjanijiet li l-parkeġġ imsemmi jsir multi-level. Għalkemm riċentiment sar upgrading fil-parkeġġ, l-arranġamenti eżistenti oriġinarjament inżammu. Il-parkeġġ għal coaches kien hemm u dan inzamm għall-ħinijiet fejn ikun hemm il-coaches. Kull min jagħmel użu minn dan il-parkeġġ ikun gwidat mill-parker hekk kif approvat minn Transport Malta. Infakkar li matul is-Sajf li għadda, tnieda servizz ċirkolari b’vetturi tat-trasport pubbliku minn u lejn din iz-zona popolari fin-Nofsinhar tal-pajjiż, biex tiġi evitata konġestjoni fil-parkeġġ imsemmi. Is-servizz intuża minn eluf ta’ ċittadini u turisti.

Wied iż-Żurrieq — multi-level parking

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ippjanat li jsir multi-level parking fil-parkeġġ eżistenti ta' Wied iż-Żurrieq peress li l-ispazju preżentement riservat għall-parkeġġ fil-maġġor parti tiegħu qiegħed ikun riservat għal coaches? Jista’ fil-frattemp jiġu identifikati żoni oħra f'Wied iż-Żurrieq stess li fihom jiġi pprovdut tali parkeġġi biex fin-nuqqas ta' turisti li ġejjin minn barra l-pajjiż, aktar Maltin iżuru dan il-post turistiku sakemm isir dan il-multi-level parking?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemmx pjan li jsir multi-level parking ġewwa Wied iż-Żurrieq. Fil-passat, il-Ministeru kien esplora l-fattibilità għal dan il-proġett, fejn kien irriżulta li minħabba raġunijiet ambjentali, dawn it-tip ta’ interventi ma setgħux isuru f’din il-lokalità. Infakkar li matul is-sajf li għadda, tnieda servizz ċirkolari b’vetturi tat-trasport pubbliku minn u lejn din iż-żona popolari fin-Nofsinhar tal-pajjiż, biex tiġi evitata konġestjoni fil-parkeġġ imsemmi. Is-servizz intuża minn eluf ta’ ċittadini u turisti.

Proġetti fuq in-naħa t'isfel ta' Malta

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 4748, jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti hemm ippjanati għan-naħa t'isfel ta' Malta, b'mod speċjali fiż-Żurrieq, il-Qrendi, l-Imqabba, Ħal Safi, Ħal Kirkop, Birżebbuġa u Ħal Luqa biex jattiraw aktar turisti lejn din in-naħa ta' Malta? Peress li fir-risposta tiegħu l-Ministru kien qal li l-Gvern kien qiegħed jaħdem fuq numru ta’ proġetti turistiċi fin-naħa t’isfel ta’ Malta fosthom ir-riġenerazzjonji ta’ Birżebbuġa, Marsaxlokk u Wied iż-Żurrieq, jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu dawn il-proġetti u kemm hu l-baġit ippjanat li jintefaq fuq kull proġett u meta hemm il-ħsieb li ser jibda (f'każ ta' proġetti li għadhom ma bdewx) u jispiċċa x-xogħol fuq kull proġett?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa, il-Ministeru qiegħed iwettaq żewġ proġetti mill-pjan ta’ riġenerazzjoni fil-lokalità ta’ Bir¿ebbuġa li jikkumplimentaw lil xulxin. Dawn il-proġetti huma r-riġenerazzjoni tal-promenade fi triq San Patrizju, kif ukoll l-iżvilupp tal-Istazzjon ta’ Trasmissjoni ta’ Bengħajsa sabiex dan tal-aħħar jinbidel f’park għall-familja. Iż-żewġ proġetti jinsabu f’fażi avvanzata tal-applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar. Rigward il-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Marsaxlokk, tajjeb jingħad li diġà’ twettqu numru ta’ proġetti fil-lokalita’ fosthom il-kostruzzjoni ta’ parkeġġ ġdid biswit il-grawnd tal-futbol u t-titjib ta’ diversi toroq fir-raħal. Barra minn hekk, ġie wkoll organizzat il-Monti ta’ nhar ta’ Ħadd li jarma f’Xatt is-Sajjieda. Fil-preżent, għaddejjin ġmielhom ix-xogħlijiet ta’ tisbiħ f’Xatt is-Sajjieda, fil-parti magħrufa bħala Tal-Magħluq. Dawn ix-xogħlijiet mistennija jkunu lesti sal-aħħar ta’ din is-sena. Hemm ukoll il-pjan li jinbena pitch tal- waterpolo ġdid. Il-permess għal dan il- pitch ħareġ dan ix-xahar u l-pass li jmiss huwa li jiġi fformulat u ppubblikat it-tender relatat. F’Wied iż-Żurrieq diġà sar xogħol ta’ embellishment fejn twaħħlu bankijiet u railings ġodda, manutenzjoni ta’ bankijiet u mwejjed eżistenti, kif ukoll tibdil ta’ bozoz maqtugħa li jdawwlu l-bankina. Sar ukoll xogħol ta’ tiswija fir-rampa tal-moll sabiex ikun hemm aċċess iktar sigur għas-sajjieda, kif ukoll ġiet installata sistema ġdida tal-elettriku fejn jinħażnu d-dgħajjes tat-turisti.

Iż-Żurrieq — Wied Fulija - għoli tal-landfill

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-għoli qabel ma beda x-xogħol ta' rijabilitazzjoni u restawr fuq il-landfill ta' Wied Fulija fiż-Żurrieq u kemm ġie l-għoli tal-istess landfill issa meta x-xogħol neċessarju huwa kważi lest?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li l-għoli tal-landfill fl-ogħla punt tas-sit tela’ minn madwar 123.89 metru ‘l fuq mill-livell tal-baħar ghal 124 metru. Dan jinkludi l-fatt li, apparti l-ikkumpattar naturali, sar ukol proċess ta’ ‘reprofiling’ li kien jinvolvi li f’xi partijiet tneħħa materjal u f’xi bnadi oħra ġie miżjud, imma dejjem kif titlob is-sengħa. Iżda f’kull punt tas-sit hemm ta’ mill-inqas metru għoli f’capping.

Għajnuna lill-għaqdiet volontarji tal-festi

Question

Peress li l-festi f'pajjiżna huma kkunsidrati li jsostnu l-identità Maltija u d-diversi għaqdiet li jorganizzaw dawn il-festi huma għaqdiet volontarji, u għalkemm f'Ġunju kienu ngħataw diġà xi forma ta' għajnuna mill-Gvern, peress li minħabba l-pandemija tal-COVID-19 l-attivitajiet kollha li kienu jiġu organizzati bħala 'fund raisers' kellhom jiġu kkanċellati barra l-fatt li l-bottegini ta' dawn l-għaqdiet kellhom jingħalqu għal diversi xhur, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn l-għaqdiet humiex ser jiġu kkumpensati għal dan it-telf ta' flus? Jekk fil-fatt il-Gvern ser jikkumpensa lil dawn l-għaqdiet, f'liema forma ser tkun din l-għajnuna u kemm ser ikun l-ammont?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’ seduta oħra.

Għaqdiet volontarji — għajnuna

Question

Peress li diversi għaqdiet sportivi huma għaqdiet volontarji, u peress li minħabba l-pandemija tal-COVID-19 l-attivitajiet kollha li kienu jiġu organizzati bħala 'fund raisers' kellhom jiġu kkanċellati barra l-fatt li l-bottegini ta' dawn l-għaqdiet kellhom jingħalqu għal diversi xhur, tista’ l-Ministru tgħid jekk dawn l-għaqdiet humiex ser jiġu kkumpensati għal dan it-telf ta' flus? Jekk fil-fatt il-Gvern ser jikkumpensa lil dawn l-għaqdiet, f'liema forma ser tkun din l-għajnuna u kemm ser ikun l-ammont?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lil Onor. Interpellant li SportMalta ħarġet żewġ skemi li bihom ikkumpensat għar-renta ta` artijiet mogħtija b’ċens mill-Gvern u anke għal użu tal-faċilitajiet kollha ta` SportMalta fl-2020. Barra minn hekk SportMalta allokat numru ta’ fondi oħra li għenu lil għaqdiet sportive fir-rigward ta’ problem maħluqa bil-pandemija. Is-somma totali mogħtija hija dik ta’ €844,517. Apparti hekk l-għaqdiet sportivi li huma reġistrati wkoll bħala għaqdiet volontarji huma eliġibbli japplikaw taħt l-iskemi varji amministarti mill-Malta Enterprise u mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat li jsostnu salarji, kirjiet tal-‘premises’ mikrija lilhom, kontijiet u kirjiet tal-arloġġ għad-dawl u l-ilma kif ukoll għal spejjes li kellhom isiru fil-binja tagħhom għal raġunijiet ta’ saħħa u sigurta relatati mal-COVID-19. Fl-2020 kien imħabbar fond ta’ emerġenza li minnu bbenefikinaw 126 għaqda volontarja, kif ukoll investiment bla preċedent ta’ €3 miljun ewro dirett fis-settur li kien strumentali għas-sopravevenza tas-settur.

Transport Malta – MoU mal-Pulizija fuq cameras tas-sigurtà fit-toroq

Question

Wara li f’Settembru 2019 Transport Malta ffirmat MOU mal-pulizija fuq cameras tas-sigurtà fit-toroq Maltin u li tħabbar ukoll li kellhom jiġu installati 250 camera oħra, jista’ l-Ministru jgħid kemm twaħħlu minn dawn il-cameras madwar Malta u Għawdex fis-sena 2020? Kemm minnhom huma funzjonabbli? F’liema lokalitajiet twaħħlu? Minn liema fondi ser jitħallsu dawn il-cameras? Min hu l-persuna responsabbli mill-proġett u li jara li dan il-proġett jitwettaq fiż-żmien stipulat?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill -Onorevoli Interpellant illi l-MoU li ġie ffirmat mal-Pulizija ma jagħmel l-ebda referenza għall-installazjoni ta’ 250 camera oħra. Għaldaqstant il-proġett ta’ twaħħil ta’ cameras ġie irrevedut u dawn l-cameras m’humiex ser jitwahhlu minn Transport Malta.

Transport Malta – National Traffic Control Centre

Question

Skont l-Annual Report ta’ Transport Malta 2019, li state-of-the-art National Traffic Control Centre kellu jiġi mwaqqaf fl-uffiċċji li għandha Transport Malta f’Sa Maison sas-sena 2020? Jista’ jgħid f’liema stadju wasal dan il-proġett u meta se jiġi inawgurat? Kemm sewa dan il-proġett? Min huma l-kuntratturi/Consortium/Joint Venture li ġew ikkummisjonati jwettqu dan il-proġett? Dan se jitħallas minn fondi esterni jew fondi Nazzjonali?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett ta' “National Control Centre “ ġie rrevedut matul is-sena 2020 għal ‘TM Control Centre’. Madankollhu dan il-proġett wasal fi stadju avvanzat, l-aħħar sejħa għall-offerti għal apparat u software intiž biex ikun tassew ċentru state of the art, ser tkun ippublikata fi ftit taž-żmien. Dan ser issir bi’ spiża ta’ ċirca 4 miljun Euro li jinkludu fondi lokali u Ewropej.

Toroq – wisgħa ta’ lanes

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17429, peress li Infrastructure Malta, li hi l-aġenzija tal-Gvern responsabbli mill-bini mill-ġdid u manutenzjoni ta' toroq arterjali u distributorji, għandhiex records ta' kemm hu l-wisgħa ta' kull lane fit-toroq arterjali u distributorji li sar xogħol fuqhom (separatament għall kull triq) mill-2013 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li filwaqt li sa seba’ snin ilu ftit li xejn kienu jinbnew toroq mill-ġdid, it-titjib fl-infrastruttura ta’ pajji¿na llum jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza, s-sostenibilità u s-sigurezza tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Il-Gvern qed jagħmel dan l-investiment bla preċedent permezz ta’ Infrastructure Malta, li min-naħa tagħha qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 470 triq. Din is-sena biss, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid jew tejbet madwar 120 triq differenti. Fl-istess waqt, qed twettaq l-akbar proġetti infrastrutturali li qatt rajna f’Malta, bħal Marsa Junction Project, il-mini ta’ Santa Luċija u Central Link Project, bejn Ta’ Qali u l-Imrieħel. L-informazzjoni li qed issir referenza għaliha tinsab fil-pjanti tal-proġetti konċernati u din hija disponibbli għall-periti tal-aġenzija kull meta jkollhom bżonn dan it-tip ta’ tagħrif.