Ħal Kirkop – bini ta’ toroq residenzjali mill-ġdid li qatt ma kienu asfaltati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inbnew toroq residenzjali mill-ġdid u li qatt ma kienu asfaltati fil-lokalità ta’ Ħal Kirkop mill-2018 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm kienet twila kull triq? Meta nbeda u tlesta x-xogħol f’kull triq? Kemm kien stmat ix-xogħol u kemm attwalment ġie jiswa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Imqabba – bini mill-ġdid ta’ toroq residenzjali li qatt ma kienu asfaltati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inbnew toroq residenzjali mill-ġdid u li qatt ma kienu asfaltati fil-lokalità tal-Imqabba mill-2018 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm kienet twila kull triq? Meta nbeda u tlesta x-xogħol f’kull triq? Kemm kien stmat ix-xogħol u kemm attwalment ġie jiswa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Qrendi — bini mill-ġdid ta’ toroq residenzjali li qatt ma kienu asfaltati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inbnew toroq residenzjali mill-ġdid u li qatt ma kienu asfaltati fil-lokalità tal-Qrendi mill-2018 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm kienet twila kull triq? Meta nbeda u tlesta x-xogħol f’kull triq? Kemm kien stmat ix-xogħol u kemm attwalment ġie jiswa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17950, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-għoli tal-wiċċ tal-landfill ta’ Wied Fulija mil-livell tal-baħar fl-aktar post baxx tagħha qabel ma’ beda x-xogħol ta’ riabilitazzjoni u restawr fuqha u kemm ġie l-għoli tal-istess landfill fl-għola post tagħha mil-livel tal-baħar issa meta x-xogħol neċessarju kważi lest?
Response (FARRUGIA, AARON)
M’għandix x’inżid mar-risposta li diġà tajt għall-mistoqsija 17950.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija palamentari 17951, peress li l-festi f'pajjiżna huma kkunsidrati li jsostnu l-identità Maltija u d-diversi għaqdiet li jorganizzaw dawn il-festi huma għaqdiet volontarji, u għalkemm f'Ġunju kienu ngħataw diġà xi forma ta' għajnuna mill-Gvern, peress li minħabba l-pandemija tal-COVID-19 l-attivitajiet kollha li kienu jiġu organizzati bħala 'fund raisers' kellhom jiġu kkanċellati barra l-fatt li l-bottegini ta' dawn l-għaqdiet kellhom jingħalqu għal diversi xhur, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn l-għaqdiet hux ser jiġu kkumpensati għal dan it-telf ta' flus? Jekk fil-fatt il-Gvern ser jikkumpensa lil dawn l-għaqdiet, f'liema forma ser tkun din l-għajnuna u kemm ser ikun l-ammont?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, sa mill-bidu tal-pandemija, il-Gvern kien dejjem kommess li joffri appoġġ lill-għaqdiet indikati li, bħal bosta, l-attività tagħhom intlaqtet ħażin minħabba r-restrizzjonijiet meħtieġa mill-awtoritajiet tas-saħħa.
Fil-fatt matul l-2020 il-Gvern ħareġ €200,000 f’għajnuna diretta lill-għaqdiet tal-banda. Minbarra hekk il-Kunsill Malti għall-Arti nieda dawn it-tliet fondi mmirati lejn l-għaqdiet imsemmija kif ġej:
1) skema t’appoġġ finanzjarju ta’ €150,000 lis-soċjetajiet tal-banda;
2) €150,000 finanzjament lill-għaqdiet tal-armar tal-festi, għaqdiet kulturali u għaqdiet soċjali; u
3) €170,000 għal aktar sigurtà fil-kmamar tan-nar.
Nista nikkonferma li dawn se jerġgħu jkunu disponibbli matul din is-sena wkoll.
Inżid ngħid ukoll li l-għaqdiet in kwistjoni ser ikunu wkoll benefiċċjarji mill-fond ta’ €2.2 miljun, li għadu kemm ġie allokat mill-Gvern.
Black cabs — Transport Malta – dewmien għall-Operating Licence
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li għalkemm hemm min ilu jistenna l-Operating Licence xahrejn biex ikun jista’ jopera l-black cabs, dawn l-operating licences għadhom ma ħarġux bir-raġuni li qiegħda tingħata minn Transport Malta tkun li għadhom jistennew il-kondotta tal-individwu mingħand il-Pulizija? Jista’ jara li jittieħdu dawk il-passi kollha neċessarji biex dan id-dewmien jonqos ħalli titnaqqas it-tbatija ta’ dawn l-individwi?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li wieħed mir-rekwiżiti sabiex wieħed jottjeni l-Liċenzja ta’ Operaturi għas-servizz ta’ ġarr ta’ passiġġieri b’vetturi żgħar, huwa li jinġab ċertifikat maħruġ mill-Pulizija li juri kull reat kriminali tal-applikant magħruf bħala l-Fedina Penali. Bil-kunsens tal-applikant, l-Awtorita’ għat-Trasport tapplika għal dan iċ-ċertifikat mingħand il-Pulizija. L-Awtorita’ għat-Trasport m’għadiex kontroll fuq id-dewmien għall-ħruġ tal-Fedina Penali. Ladarba l-Awtorita’ tirċievi ċ-ċertifikat u dan ikun jissodisfa l-kriterji li l-persuna hija ta’ reputazzjoni u kondotta tajba, skont id-dispożizzjonijiet fil-Leġislazzjoni Sussidjarja 499.68, tgħaddi minnufih biex toħroġ il-Liċenzja tal-Operatur.
Black cabs — Operating Licence - dewmien fil-proċess tal-kondotta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li għalkemm hemm min ilu jistenna xahrejn l-Operating Licence biex ikun jista’ jopera l-black cabs, dawn l-operating licences għadhom ma ħarġux bir-raġuni li qiegħda tingħata minn Transport Malta tkun li għadhom jistennew il-kondotta tal-individwu mingħand il-pulizija peress li hemm persuna waħda biss li tipproċessa l-kondotta tal-individwu? Jista’ jara li jittieħdu dawk il-passi kollha neċessarji, fosthom li jiżdiedu n-nies li jipproċessaw il-kondotta, biex dan id-dewmien jonqos?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li t-talbiet għal ċertifikati ta’ kondotta mingħand il-pulizija għal skopijiet diversi, inkluż dak imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, żdied konsiderevolment. Madankollu infurmat ukoll illi qed isir dak kollu possibli biex jiġu pproċessati it-talbiet kollha u ttieħdu passi biex dewmien li seta kien hemm qed jiġi indirizzat.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17374, jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li għalkemm ix-xufiera li skaditilhom it-tag jew li ser tiskadilhom it-tag fil-futur qarib, jistgħu jkomplu jsuqu karozzi tal-linja bit-tag skaduta flimkien mal-irċevuta li turi li sar il-ħlas biex tiġi rrinnovata t-tag, l-operatur tat-Trasport Pubbliku mhux jimxi ma dawn il-linji gwida u għalhekk qiegħed iwaqqaf mix-xogħol ħaddiema li ma jkollhomx it-tag imġedda? Jista’ l-jara li dan l-atteġġjament jieqaf minnufih?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17374, ninsab infurmat li l-pendenzi li kien hemm għall-ħruġ tat-tags fil-perjodu li l-Awtorita’ għat-Trasport kienet sofriet s-Cyber Attack ġew rinnovati u rregolati kollha. Għalhekk m’għadx hemm iċ-ċirkostanzi li wieħed isuq vetturi għall-ġarr tal-passiġġieri bit-tag skaduta. Ninforma wkoll lill-Onorevoli Interpellant li xahrejn qabel ma tiskadi t-tag, l-Awtorita’ tibgħat ittra lil kull persuna li tkun ser tiskadilha t-tag u tħeġġiġa biex iġeddidha mill-aktar fis possibbli. Ġialadarba l-Awtorita’ jkollha d-dokumenti u l-applikazzjoni neċessarji biex tiġi mġedda t-Tag, tkun qiegħda f’pożizzjoni li tgħaddi biex tipproċessaha minnufih.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17947, jista’ l-Ministru jikkonferma li bl-upgrading li sar tal-parkeġġ eżistenti f'Wied iż-Żurrieq, żdied il-parkeġġ għal coaches però naqas drastikament il-parking għall-vetturi żgħar fi żmien meta minħabba l-pandemija ftit turisti li jagħmlu użu mill-coaches qed iżuru din iż-żona? Jista’ jgħid xahar b’xahar minn meta beda jopera dan is-servizz sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm kien hemm individwi li użaw is-servizz ċirkulari b’vetturi tat-trasport pubbliku minn u lejn Wied iż-Żurrieq peress li fir-risposta tiegħu qalli li dan is-servizz qed jintuża minn eluf ta’ ċittadini u turisti?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorita’ tat-Trasport l- priority parking għal coaches inżamm kif kien oriġinarjament u nżebgħu l-parkeġġi tal-vetturi ż-żgħar, kif għandu jkun għal kull parkeġġ organizzat.
Tajjeb li jingħadd ukoll li s-servizz ċirkulat li qiegħed jaċċenna għalih l-Onorevoli Interpellant kien operat bejn 4 ta’ Lulju u l-5 ta’ Ottubru 2020 fejn inġarru l’fuq minn ħamest elef passiġġier.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17948, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-raġunijiet ambjentali li jirristrinġu milli jsir multi-level parking fil-parkeġġ eżisteni ta’ Wied iż-Żurrieq, meta dan il-parkeġġ ilu asfaltat is-snin? Jista’ jgħid ukoll xahar b'xahar minn meta beda jopera dan is-servizz sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm kien hemm individwi li użaw is-servizz ċirkulari b'vetturi tat-trasport pubbliku minn u lejn Wied iż-Żurrieq peress li fir-risposta tiegħu qalli li dan is-servizz qed jintuża minn eluf ta' ċittadini u turisti?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sabiex isir multi-level parking fil-parkeġġ eżistenti ta’ Wied iż-Żurrieq ikollu jsir skavar biex l-impatt viżwali fuq iż-żona jkun limitat. Apparti minn hekk, skavar f’żona li hija ambjentalment sensittiva, u li għandha importanza nazzjonali, kif ukoll kulturali, huwa kemm projbit, kif ukoll ta’ riskju għaliex jista’ jkollu impatt fuq il-ġeoloġija, il-flora u l-fawna ta’ din iż-żona. L-aħħar iżda mhux l-inqas, din l-art tinstab f’żona ODZ, u b’hekk mhux permess żvilupp ta’ dan it-tip.
Rigward is-servizz ċirkolari Destinazzjoni Wied iż-Żurrieq, dan kien proġett pilota li sar bejn Lulju u Settembru 2020 u li minnu gawdew aktar minn 5500 persuna.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17949, peress li fir-risposta tiegħu l-Ministru qal li bħala embellishment taż-żona ta' Wied iż-Żurrieq diġà twaħħlu bankijiet u railings ġodda kif wkoll manutenzjoni ta' bankijiet u mwejjed eżistenti u tibdil ta' bozoz maqtugħa, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan ix-xogħol huwiex l-unika xogħol ta' embellishment li ser isir fiż-żona? Jista’ jgħid ukoll jekk servizzi infrastrutturali oħra li huma neqsin minn din iż-żona, bħad-drenaġġ, humiex ser isiru mill-Gvern fil-ġranet u xhur li ġejjin? Jista’ jgħid jekk din iż-żona, bħala waħda miż-żoni turistiċi prinċipali tan-naħa t'isfel ta' Malta, hux ser isir fiha investiment qawwi bħal ma sar f'żoni oħra turistiċi, biex jingħata 'facelift' ġenerali taż-żona u b'hekk tibda tattira aktar turisti u ċittadini lejha?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi b’referenza għall-ewwel u t-tielet mistoqsija, il-Ministeru, bl-għajnuna tal-FTZD, l-MTA u d-Diviżjoni tat-Tindif u Manutenzjoni, jaħdem b’mod kontinwu matul is-sena fuq il-manutenzjoni ta’ żoni turistiċi bħal ma huwa Wied iż-Żurrieq, fost bosta oħrajn. Minn dak inhar tlesta wkoll ir-restawr tat-taraġ li huwa mqatta` fil-blat u ingħata wkoll servizz ta’ first aid għall-għawwiema għall-ewwel darba fis-Sajf 2020. Dawn l-entitajiet fil-Ministeru, huma f’kuntatt kontinwu mal-istakeholders taż-żona u ser jibqgħu jagħtu l-appoġġ tagħhom. Nemmnu bis-sħiħ fir-riġenerazzjoni taż-żoni turistiċi u qed naħdmu fuq dan l-aspett fuq iż-żoni turistiċi kollha. Meta jasal il-mument opportun se nkunu qed inħabbru inizjattivi f’dan ir-rigward.
B’referenza għat-tieni mistoqsija, is-servizzi tad-drenaġġ huma parti mil-mandat tal-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma (WSC) u b’hekk ġentilment nitolbok sabiex tagħmel il-mistoqsija tiegħek lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta' cycle lanes se jiġu inklużi fil-proġett tal-flyover tar-roundabout tal-airport? Dawn is-'cycle lanes' ser ikunu segragati mill-kumplament tat-traffiku, sia mit-traffiku tal-vetturi u dak pedonali? X’tip ta' standards Ewropej ser jiġu applikati biex jinbnew dawn is-'cycle lanes'?
Response (BORG, IAN)
Ix-xahar li għadda Infrastructure Malta bdiet l-ewwel xogħlijiet tal-Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project (KTAIP), investiment ta’ €18-il miljun biex ittejjeb ir-roundabout tal-Gudja b’mini ġodda fir-rotta ta’ Birżebbuġa u flyover lejn il-mini ta’ Ħal Kirkop.
KTAIP jinkludi l-iżvilupp mill-ġdid ta’ din il-junction, waħda mill-aktar ħoloq importanti tas-sistema tat-toroq Maltin, biex jonqsu l-ħin tal-ivvjaġġar u r-riskji t’aċċidenti għal dawk li jgħaddu mill-mini ta’ Ħal Kirkop biex jivvjaġġaw minn u lejn Ħal Kirkop, l-Imqabba, l-Qrendi, ż-Żurrieq u Ħal Safi. Fl-istess waqt, se jintroduċi għadd ta’ faċilitajiet aktar siguri għal mezzi alternattivi tal-ivvjaġġar. Il-proġett se jtejjeb ukoll l-aċċess lejn l-Ajruport u r-rotta ewlenija għall-Freeport, żewġ destinazzjonijiet kruċjali għal diversi setturi tal-ekonomija.
Ir-roundabout tal-Gudja (biswit l-Ajruport) tinsab f’salib it-toroq ma’ diversi toroq arterjali, li jinkludu Vjal l-Avjazzjoni, minn u lejn Ħal Luqa, il-Marsa u Ħal Qormi; Triq Dawret il-Gudja, lejn il-Gudja u Ħal Għaxaq; Triq Ħal Far, minn u lejn Ħal Far, il-Freeport u Birżebbuġa; u Triq l-Ewwel Titjira li tgħaqqad ir-roundabout mal-mini ta’ Ħal Kirkop. Hemm ukoll Triq il-Karwija, li twassal għall-Ajruport u għall-Gudja.
Dan il-proġett se joħloq konnessjonijiet diretti maqsumin fuq tliet livelli differenti, minn u lejn diversi rotot li jiltaqgħu f’din il-junction. Fil-livell ta’ taħt, iż-żewġ mini ġodda taħt ir-roundabout se jgħaqqdu direttament il-karreġġjati tan-nofsinhar u tat-tramuntana ta’ Vjal l-Avjazzjoni ma’ dawk ta’ Triq Ħal Far. B’hekk, dawk li jkunu għaddejjin f’din ir-rotta, inkluż vetturi kbar, ġejjin minn jew sejrin lejn Birżebbuġa, il-Freeport jew il-Qasam Industrijali ta’ Ħal Far, ma jkollhomx għalfejn iduru mar-roundabout.
Fuq il-mini, ir-roundabout eżistenti se tkun iddisinjata u mibnija mill-ġdid biex tiffaċilita l-aċċess minn u lejn il-Gudja, Ħal Għaxaq u l-Ajruport. Il-proġett se jtejjeb ukoll il-bypass lane eżistenti biex tkompli tħaffef l-ivvjaġġar fid-direzzjoni tat-tramuntana mill-ħruġ tal-mini ta’ Ħal Kirkop lejn Vjal l-Avjazzjoni.
Fit-tielet livell imbagħad, fuq ir-roundabout se jkun hemm flyover ġdida li sservi ta’ pont bejn il-karreġġjata tan-nofsinhar ta’ Vjal l-Avjazzjoni u Triq l-Ewwel Titjira, fid-direzzjoni lejn il-mini ta’ Ħal Kirkop. Għaldaqstant, jekk tkun trid tiġbed lejn il-mini ta’ Ħal Kirkop biex tibqa’ sejjer Ħal Kirkop, l-Imqabba, l-Qrendi, ż-Żurrieq jew Ħal Safi mhux se jkollok bżonn aktar tgħaddi mar-roundabout.
B’dan it-tibdil, tliet rotot li bħalissa jiltaqgħu u jaqsmu kontra xulxin mar-roundabout issa se jgħaddu mill-mini taħtha jew mill-flyover fuqha. B’hekk Infrastructure Malta se tnaqqas ir-riskji t’aċċidenti u l-ħin tal-ivvjaġġar għal eluf ta’ persuni li ta’ kuljum jgħaddu minn din il-junction.
Permezz tal-KTAIP, Infrastructure Malta se żżid ukoll faċilitajiet aktar siguri għal mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi. Fil-fatt, id-disinn ta’ dan il-proġett ġdid jinkludi bankini ġodda u titjib fil-faċilitajiet għat-trasport pubbliku. Il-proġett se joħloq ukoll rotot ġodda u siguri għaċ-ċiklisti li se jikkumplimentaw il-korsiji għar-roti u l-pont għall-mixi u r-roti fi Vjal l-Avjazzjoni kif ukoll il-passaġġ maqtugħ għalih għall-mixi u r-roti fi Triq San Tumas u Triq Ħal Qormi, li Infrastructure Malta bniet fl-aħħar tliet snin. Id-disinn ġdid tar-roundabout ukoll se jinkludi faċlitajiet aktar siguri għal dawk li jgħaddu minnha bil-mixi jew bir-rota.
Fil-fatt, fost faċilitajiet oħra, il-KTAIP ser jinkludi rotta ta’ cycle lanes li tghaqqad Triq l-Ewwel Titjira ma’ Vjal l-Avjazzjoni, permezz ta’ passaġġ wiesa’ madwar tliet metri biex joħloq bi-directional cycle lane maqtugħa għaliha mill-karozzi u anke mill-passaġġi pedonali fl-istess proġett. Din is-cycle lane f’żewġ direzzjonijiet twassal sar-rampi tal-pont għall-mixi u r-roti ġdid li Infrastructure Malta fetħet fi Vjal l-Avjazzjoni s-sena li għaddiet, sabiex minnu tkun tista’ jew tibqa’ sejjer fid-direzzjoni tat-tramuntana lejn Ħal Luqa u Ħal Qormi (minn cycle lanes li Infrastructure Malta fetħet fis-snin li għaddew) jew inkella taqsam il-pont biex tmur fid-direzzjoni ta’ Dawret il-Gudja, lejn il-Gudja u Ħal Għaxaq. Fuq in-naħa ta’ Vjal l-Avjazzjoni tal-Gudja (direzzjoni nofsinhar), Infrastructure Malta qed tibni korsija għar-roti f’direzzjoni waħda biex tasal b’mod sigur f’Dawret il-Gudja.
B’hekk, għal darb’ oħra, l-investiment ta’ Infrastructure Malta fit-toroq arterjali ta’ Malta mhux biss qed iwassal għal inqas ħin fl-ivvjaġġar, inqas riskji t’aċċidenti u arja aktar nadifa, iżda qed joħloq ukoll infrastruttura ġdida u aktar sigura għal dawk li jixtiequ jużaw mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi u aktar sostenibbli.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-cycle lanes tat-Triq ta’ Burmarrad hux ser jinbidlu u jiġi inkluż fl-infrastruttura ġdida proposta tal-istess triq li tkun konformi ma’ standards tal-EU? Jekk fin-negattiv, kif Transport Malta ser tassigura li jiġi provdut passaġġ sigur għaċ-ċiklisti bejn il-Mosta u Burmarrad?
Response (BORG, IAN)
Infrastructure Malta għaddejja b’ħidma estensiva sabiex toħloq infrastruttura aktar sigura għall-mezzi kollha tal-ivvjaġġar, mhux biss għall-vetturi iżda wkoll għal dawk li jużaw it-trasport pubbliku bil-karozzi tal-linja u l-ferries, kif ukoll għall-ivvjaġġar bil-mixi u bir-roti.
Kif spjegat fit-tweġiba li saret lill-istess Onorevoli Bezzina għall-Mistoqsijiet Parlamentari 18560 u 17956, il-korsiji għar-roti mal-ġenb tal-karreġġjati ta’ Triq Burmarrad ser isiru kif kienu qabel, hekk kif saru minn amministrazzjoni preċedenti, iżda b’għadd ta’ miżuri addizzjonali ta’ titjib li jgħinu biex isiru aktar siguri għaċ-ċiklisti. Fost oħrajn, il-korsija għar-roti fid-direzzjoni tat-tramuntana mhux se tibqa’ interrotta b’partijiet tal-bankini jisporġu ‘l barra fit-triq, hekk kif kien sar minn amministrazzjoni preċedenti b’periklu għas-sewwieqa u aktar u aktar għaċ-ċiklisti. Fl-istess waqt, il-limitu massimu tal-veloċità f’din it-triq tnaqqas, biex tkun aktar sigura għal dawk kollha li jużawha b’mezzi differenti.
Jista’ l-Onorevoli Bezzina jgħid b’mod aktar ċar għal liema tip ta’ struttura qed jirreferi meta jgħid “passaġġ sigur għaċ-ċiklisti”? Jista’ jikkonferma li qed jirreferi għal korsija għar-roti maqtugħa għaliha mit-triq, bħal ma’ Infrastructure Malta bniet fi Triq Ħal Qormi u Triq San Tumas, bejn Ħal Luqa u Ħal Qormi, fi Triq l-Aħħar Ħbit mit-Torok, bejn Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun, u fil-Marsa Junction Project, bejn Santa Luċija u l-Marsa, fost oħrajn?
Jekk qed jirreferi għal passaġġ maqtugħ għalih mit-triq, jista’ l-Onorevoli Bezzina jgħid eżattament hux qed jipproponi li fi Triq Burmarrad dan il-passaġġ maqtugħ għalih mit-triq għandux isir billi;
a) titneħħa waħda mit-tliet korsiji tal-vetturi eżistenti,
b) jew inkella jekk għandux jinbena fuq art agrikola u mibnija li hemm mal-ġenb tal-istess triq,
sabiex tkun tista’ tiġi kkunsidrata b’mod tekniku minn Infrastructure Malta?
Transport Malta – passaġġ sigur għaċ-ċiklisti bejn Santa Luċija u l-Marsa
Question
Jista’ l-Minsitru jgħid kif Transport Malta ser tassigura li jkun hemm passaġġ sigur għaċ-ċiklisti bejn Santa Luċija u l-Marsa issa li x-xogħol relatat mal-underpass ta’ Santa Luċija huwa lest?
Response (BORG, IAN)
Kif innota tajjeb l-Onorevoli Bezzina, Infrastructure Malta għadha lestiet ix-xogħol tal-proġett taż-żewġ mini (underpass) taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija, investiment ieħor ta’ €20 miljun biex ittejjeb is-sigurezza, l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tar-rotta ewlenija lejn in-naħa t’isfel ta’ Malta.
Il-mini ġodda b’erba’ korsiji li jgħaqqdu Triq Tal-Barrani ma’ Vjal Santa Luċija (it-Telgħa tal-Addolorata) qegħdin inaqqsu l-ħin tal-ivvjaġġar b’aktar minn 30%. Qed itaffu wkoll it-tniġġis mid-dħaħen u l-istorbju tal-konġestjoni li kienet toħloq ir-roundabout li kien hemm qabel, li fiha kienu jiltaqgħu u jaqsmu kontra xulxin diversi rotot traffikużi, fosthom tliet toroq arterjali u tliet toroq oħrajn li jagħtu għal Santa Luċija, Raħal Ġdid u Ħal Tarxien. Bil-junction ġdida fuq żewġ livelli, ħafna mill-vetturi li kienu jgħaddu minn dan is-salib it-toroq issa jgħaddu dritt minn ġol-mini. B’hekk saret ukoll eħfef biex tivvjaġġa b’mod aktar sigur u b’metodi differenti bejn it-tliet lokalitajiet tal-madwar.
Il-proġett tal-mini ta’ Santa Luċija kien jinkludi wkoll il-bini mill-ġdid tal-mogħdija għall-ġiri (jogging track) li hemm fil-viċinanzi, kif ukoll punti għall-qsim pedonali bid-dwal tat-traffiku bejn Raħal Ġdid u Santa Luċija, waqfiet aktar siguri għall-karozzi tal-linja u passaġġ ġdid għall-mixi u r-roti li jgħaqqad Santa Luċija mal-Marsa. Infrastructure Malta bniet ukoll mill-ġdid il-mina għall-mixi (subway) ta’ Triq tal-Barrani b’disinn aħjar, biex issa għandha wkoll rampi għaċ-ċiklisti, passaġġi aċċessibbli għal kulħadd u cameras ta’ sorveljanza li jħarsu s-sigurtà ta’ dawk li jgħaddu minnha biex jivvjaġġaw bejn Santa Luċija, Raħal Ġdid u Ħal Tarxien.
Bħala parti minn dan il-proġett, il-kuntratturi bnew ukoll mina doppja li tista’ tgħaddi minnha bil-mixi (twin walk-through culvert) twila 1.1 kilometru minn Triq Tal-Barrani lejn Vjal Santa Luċija biex tingħaqad ma’ mini simili li saru taħt il-flyovers tal-Marsa Junction Project. Minn ġo dawn il-mini qed jgħaddu l-cables ta’ vultaġġ għoli ta’ waħda mill-konnessjonijiet ewlenin tax-xibka tat-tqassim tal-elettriku tal-pajjiż. Infrastructure Malta bidlet ukoll medda ta’ pajpijiet għad-distribuzzjoni tal-ilma, li kien hemm taħt l-art fl-istess ¿ona. Poġġiet ukoll diversi kilometri ta’ pajpijiet għas-servizzi tal-Internet, sistemi elettroniċi għal-immaniġġjar tat-traffiku u servizzi oħrajn ta’ telekomunikazzjoni. Il-proġett jinkludi wkoll ġibjuni ġodda u 2.7 kilometri ta’ katusi għall-ġbir tal-ilma tax-xita għat-tisqija ta¿-¿oni ġodda mħaddra b’siġar u pjanti li saru permezz tal-istess investiment.
Il-passaġġ ġdid għall-mixi u r-roti maqtugħ f’livell għalih, ‘il fuq mill-korsiji tal-karozzi matul Vjal Santa Luċija (it-Telgħa tal-Addolorata) jifforma parti minn rotta għall-mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi aktar sigura bejn Ħal Luqa, Santa Luċija, Ħal Tarxien, Raħal Ġdid, il-Marsa u Ħal Qormi. L-ewwel parti minn din ir-rotta fiż-żewġ direzzjonijiet saret fl-2019 permezz tal-bini mill-ġdid ta’ Triq Ħal Luqa, biswit Ġnien is-Serenità f’Santa Luċija. Bil-proġett tal-mini f’Santa Luċija, Infrastructure Malta issa tawwlet din ir-rotta tul il-karreġġjata tat-tramuntana fi Vjal Santa Luċija sal-Marsa, fejn bniet passaġġi oħrajn maqtugħin mit-triq u mina għall-mixi u r-roti fis-sit tal-Marsa Junction Project, li jwasslu din il-konnessjoni sigura sal-inħawi tal-Marsa Sports Grounds, fid-direzzjoni ta’ Ħal Qormi. Permezz tal-mina pedonali (subway) ġdida taħt Triq Tal-Barrani, din ir-rotta għall-mixi u r-roti issa hija magħquda wkoll b’mod aktar sigur ma’ Ħal Tarxien. Il-punti għall-qsim pedonali kkontrollati bis-sinjali tad-dwal (pelican crossings) u l-passaġġi li Infrastrustructure Malta bniet mar-roundabout ġdida ta’ Santa Luċija qed joffru wkoll konnessjoni sigura u aktar komda għal dawk li jkunu qed jużaw din ir-rotta ġdida għall-mixi u r-roti, u li jkunu jridu jaslu lejn jew jitilqu minn Raħal Ġdid.
B’hekk, kif diġa spjegat, permezz ta’ dan l-investiment bla preċedent fir-rotta ewlenija lejn in-nofsinhar ta’ Malta, il-Gvern qed jiżgura li jkun hemm rotta sigura għall-mixi u r-roti mhux biss bejn Santa Luċija u l-Marsa, iżda anke lejn Ħal Luqa, lejn Ħal Tarxien, lejn Raħal Ġdid u lejn Ħal Qormi.
Persuni li jużaw ir-rota biex imorru minn post għall-ieħor
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif qed jiġi kkalkulat in-numru ta’ persuni li jużaw ir-rota biex imorru minn post għall-ieħor kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex u jgħid jekk kienx hemm żieda fin-numru ta’ persuni li jużaw ir-rota għal dan l-iskop minn sena għall-oħra bejn 2017 u 2020?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-rota ma hiex mezz ta’ transport li hu rreġistrat mal -Awtorita’.
Tajjeb li wieħed jinnota li l-persuni li jagħmlu użu mir-rota qed jizdiedu minħabba aktar għarrfien fir- rigward ta’ saħħa fiżika kif ukoll rigward l-ambjent. Dan jista kollhu jista’ jseħħ permezz ta’ numru ta cycling lanes li hawn u qedgħin issiru fit -toroq tagħna.
Trasport Pubbliku – kuntratt bejn il-Gvern u l-Malta Public Transport
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt li ġie ffirmat bejn il-Gvern u l-Malta Public Transport biex is-servizz tat-Trasport Pubbliku f'pajjiżna għadda f'idejn il-kumpanija Spanjol?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorita’ tat-Trasport li kopja tal-kuntratt li kien ġie ffirmat bejn il-Gvern u l-Malta Public Transport kien tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f’Seduta 358 tas-17 ta’ Frar 2016, fit-Tnax il-Leġislatura.
Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali – direct orders
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders, sena b’sena, fl-2018, 2019 u 2020 mill-entitajiet u dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu separatament u kemm kien il-valur ta’ kull direct order, lil min ingħatat u għal-liema xogħlijiet ingħatat kull direct order?
Response (BORG, IAN)
Infakkar lill-Onor. Interpellant li d-direct orders jiġu ppubblikati perjodikament fil-Gazzetta tal-Gvern, kif inhu d-dmir tal-Ministeru. Minkejja dan, jekk irid ikun iżjed speċifiku fit-talba tiegħu, inkun nista’ ngħaddilu l-informazzjoni neċessarja.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-iskop tal-video projections li qed isiru mal-faċċata tal-mini ta’ Santa Venera? Liema Ministeru jew Dipartiment jew entità kkummissjonat dawn il-projections, kemm qed jiswew u saritx sejħa pubblika għall-offerti? Liema kumpanija ġiet ikkummissjonata għal dan ix-xogħol? Ġie kkunsidrat il-periklu għas-sewwieqa meta ġiet installata din il-projection? Transport Malta ġiet ikkonsultata u, jekk ġiet, jista’ jqiegħed il-parir ta’ Transport Malta fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li Transport Malta ġiet ikkonsultata kif ukoll ikkunsidrat jekk hemmx periklu għas-sewwieqa u dan għamlitu skond kif inhu regolat f’LN 36/2018. Rigward il-kumplament tal-mistoqsija parlamentari għandha tiġi rreferuta lil Ministeru kkonċernat.
Rabat – Triq San Pawl – bdil tad-direzzjoni tat-traffiku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li ser tinbidel id-direzzjoni tat-traffiku fi Triq San Pawl fir-Rabat? Jekk fl-affermattiv, min għamel din it-talba u għal liema raġuni?
Response (BORG, IAN)
Ninfoma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li Transport Malta m’għanda l-ebda talba relatata ma’ bdil ta’ direzzjoni tat-traffiku fi Triq San Pawl, ir-Rabat.
Rabat – Triq San Pawl – bdil tad-direzzjoni tat-traffiku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li saret talba lill-Kunsill Lokali tar-Rabat biex tinbidel id-direzzjoni tat-traffiku fi Triq San Pawl fir-Rabat? Jekk fl-affermattiv min għamel din it-talba u għal liema raġuni?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tar-Rabat li ma kellux talbiet biex Triq San Pawl tiġi one-way fid-direzzjoni opposta.