Legislature:
Category:
Reset
Active:

Att dwar il-Professjoni tal-Inġinerija — korrispondenza

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza kollha li rċieva mill-Kummisjoni Ewropea u mill-entitajiet kollha tagħha marbuta mal-Abbozz 205 - L-Att li jemenda l-Att dwar il-Professjoni tal-Inġinerija, Kap. 321 hekk kif impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra fit-30 ta' Marzu 2021, partikolarment il-korrispondenza li turi l-approvazzjoni tal-istess Kummissjoni ta' dan l-abbozz?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-korrispondenza imsemmija bejn il-Gvern Malti u l-Kummisjoni Ewropea marbuta mal-Att li jemenda l-Att dwar il-Professjoni tal-Inġinerija hija ta’ natura kunfidenzjali u għaldaqstant ma tistax titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.

Triq li minn Ħaż-Żabbar twassal għal Marsaskala – xogħol

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta ser jitlesta x-xogħol ta’ servizzi infrastrutturali fit-triq li minn Ħaż-Żabbar twassal għal Marsaskala peress li ilu kważi 3 xhur wieqaf? X’inhi r-raġuni li dan ix-xogħol waqaf b’riskju kbir għal kull min juża din it-triq permess ta’ vettura jew bil-mixi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett indikat huwa ppjanat li jitlesta matul it-tielet (3) kwart ta’ din is-sena. Il-proġett indikat esperjenza waqfien relatat ma’ dewmien fil-wasla tal-materjal. Ix-xogħol ser jitkompla fil-jiem li ġejjin.

Università – bus shelter

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-bus shelter li tinsab fit-terminus tal-Università tinsab f’telqa sħiħa b’periku għas-saħħa ta’ kull min jipprova jużaha? Min hu responsabbli għaż-żamma fi stat tajjeb u nadif ta’ din il-bus shelter? X’inhi r-raġuni għal din it-telqa sħiħa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorita’ tat-Trasport li minn site visit li saret f’10 ta’ Marzu 2021 irriżulta li ż-żona ta’ dan l-interchange kienet fi stat nadif. Jirriżulta wkoll li ma kienx hemm periklu għas-saħħa tal-passiġġiera. Fl-istess spezzjoni ġew innotati xi nuqqasijiet li ġew jew qedgħin jiġu ndirizzati.

Rotot li ma sarux mill-operatur tas-servizz tat-trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, venda b’venda, rotta b’rotta u ġurnata b’ġurnata, liema kienu dawk ir-rotot li ma sarux mill-operatur tas-servizz tat-trasport pubbliku mill-bidu tas-sena 2021 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm ġie mmultat l-operatur tat-trasport pubbliku meta naqas li jagħmel dawn ir-rotot u ħalla l-passiġġieri jistennew fuq li stages għalxejn? B’kemm flus ġie mnaqqas is-sussidju li l-operatur jieħu kull sena għal dawn in-nuqqasijiet?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li li f’Jannar 2021 il-persentaġġ imkejjel ta’ affidabilita’ tar-rotot kollha kien ta’ 99.6% filwaqt li dak ta’ Frar 2021 kien ta’ 99.38%. Il-figuri li jirrigwardjaw Marzu 2021 qedgħin jiġu miġbura. L-informazzjoni li qegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra turi l-ammont ta’ vjaġġi skedati, n-numru ta’ vjaġġi li saru kif ukoll il-persentaġġ ta’ affidabilita’ ta’ kull rotta għal Jannar u Frar 2021. F’dawn ix-xaharejn l’ebda rotta ma’ laħqet il-kwota ta’ vjaġġi neqsin skond il-kuntratt li jikkwalifikawhom sabiex tinħareg penali fuqhom.

Operatur tas-servizz tat-trasport pubbliku – multi għal diversi nuqqasijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, xahar b’xahar, kemm weħel multi l-operatur tas-servizz tat-trasport pubbliku għal diversi nuqqasijiet fil-provvista tas-servizz, minn Jannar 2018 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm minn dawn il-multi tħallsu u kemm minnhom għadhom pendenti?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Msida – proġett maġġuri fil-pjazza — konsultazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-Gvern ma jridx jikkonsulta ma' dawk kollha affettwati mill-proġett maġġuri propost fil-Pjazza tal-Imsida billi mhux se jsirlu EIA (Environmental Impact Assessment)? X’inhir-raġuni li għalkemm l-EIA huwa studju li jevalwa l-effetti kemm ambjentali kif ukoll soċjali tal-proġett ta’ dan it-tip, għalkemm skont l-Ewwel Skeda tal-Liġi Sussidjarja 549.46 jeħtieġ mhux biss EIA imma anke konsultazzjoni pubblika mar-residenti tal-inħawi, dawn mhux ser isiru?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li, skont il-Leġislazzjoni Sussidjarja 549.46, l-iżvilupp li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant jaqa’ fl-ambitu tal-Kategorija II tal-Ewwel Skeda tar-Regolamenti dwar il-Valutazzjoni tal-Impatti Ambjentali (EIA), u mhux taħt il-Kategorija I li tesiġi valutazzjoni tal-impatti ambjentali b’mod awtomatiku. Il-proġetti fil-Kategorija II huma suġġetti għal analiżi (screening) mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) sabiex ikun deċiż jekk humiex meħtieġa aktar studji ambjentali. Tajjeb wieħed jiċċara wkoll li l-impatti koperti mill-EIA huma dawk ambjentali u mhux soċjali. F’dan il-kuntest jirriżulta li, wara li analizzat il-proposti kif mitluba fl-applikazzjonijiet PA 02053/20 u PA 06425/20, l-ERA dehrilha li għall-iżvilupp imsemmi m’hemmx ħtieġa ta’ valutazzjoni aktar dettaljata tal-impatti ambjentali u dan sakemm jittieħdu miżuri biex jittaffa l-impatt b’rabta ma’ diversi aspetti, fosthom il-qlugħ ta’ siġar, il-kwalità tal-arja, it-teħid marġinali ta’ art agrikola, il-ħtieġa ta’ ammont limitat ta’ reklamazzjoni tal-art max-xatt u l-impatt viżiv tal-istrutturi proposti. Uħud minn dawn il-mizuri għandhom ikunu integrati fid-disinn tal-proġett filwaqt li oħrajn jistgħu jiġu indirizzati bħala dettalji supplimentari fil-permess. Bħala ministru, se nkun qed naċċerta li nkomplu nesploraw flimkien mal-applikant bidliet potenzjali li jagħtu lill-familji spazji miftuħa u ta’ rikrejazzjoni fiż-żona. Sadanittant fir-rigward ta’ kwalunkwe proċess ieħor ta’ konsultazzjoni pubblika nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex iressaq il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

COVID-19 — Miżuri fuq il-karozzi tal-linja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu fuq il-karozzi tal-linja biex ikunu segwiti l-istruzzjonijiet maħruġa mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika? X’infurzar qed isir u minn min? Kemm-il multa ħarġet minn meta faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19 f’pajjiżna, u ċjoè Marzu tal-2020, u għal kemm kienu jammontaw globalment dawn il-multi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li s-sezzjoni ta l-Infurzar fi ħdan Transport Malta fl-2020 kienet ta’ kuljum tagħmel spezzjonijiet fuq vetturi ta’ trasport pubbliku (tal-linja), bus shelters/stages kif ukoll fil-Vendi. Dawn l-ispezzjonijiet kienu l-iktar jiġu mwettqa mis-sezzjoni tal-muturi fi ħdan l-Awtorita'. L-għan ewlieni ta’ dawn l-ispezzjonijiet kien li jintlibsu il-maskli, li tinzamm id-distanza soċjali u li ma jkunx hemm iffular żejjed fuq il-vetturi. Transport Malta iktar min darba infurmat lil pubbliku dwar dawn l-ispezzjonijiet permezz tal-medja soċjali. Fl-2020, Transport Malta ħarġet total ta’ 468 ċitazzjoni f’dan ir-rigward, pero ma tistax tindika l-valur monetarju li ġie ġġenerat għal fatt li mhix l-Awtorita' kompetenti biex jinġabru dawn il-flus. Fl-2021, ġie deċiż li r-responsabbilta' għall-spezzjonijiet fuq vetturi ta’ trasport pubbliku għandhom isiru mil-LESA, filwaqt li Transport Malta tieħu r-responsabbilta' għall-spezzjonijiet f’zoni pubbliċi miftuħa bħal family parks u attivitajiet tal-massa.

Passiġġieri jirkbu bil-wieqfa fil-karozzi tal-linja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi raġuni li l-Awtorità responsabbli mit-Trasport f’pajjiżna, għadha qed tħalli li jirkbu passiġġiera bil-wieqfa f’karozzi tal-linja, aktar u aktar meta n-numru ta’ dawk li ħadu l-virus tal-COVID-19 f’dawn l-aħħar ġimgħat żdied għal rata allarmanti? Jista’ jgħid jekk jistax iserraħ ras dawk kollha li jużaw it-trasport pubbliku li dan is-servizz huwa safe u li jkunu jistgħu jużaw dan is-servizz b’rashom mistrieħa li ma jistgħux jieħdu l-virus tal-COVID-19 speċjalament minħabba l-iffullar fil-karozzi tal-linja?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li mill-bidu tal-pandemija ittieħdu diversi miżuri fir-rigward tat-trasport pubbliku sabiex tiġi minimizzata l-possibilta’ li tali pandemija tiġi trasmessa meta wieħed juża s-servizz tat-trasport pubbliku. Dawn il-miżuri ttieħdu wara li kien hemm konsultazzjoni ma’ l-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika. Dawn il-miżuri jinkludu: · Fumigar tal-karozzi tal-linja kollha li jkunu ntuzaw matul il-ġurnata. Dan huwa ezerċizzju li jsir ta’ kulljum matul il-lejl. Insemmi li minn Marzu tas-sena l-oħra sa l-aħħar ta’ Frar ta’ din is-sena saru ‘l fuq minn mitt elf intervent ta dan it-tip fuq il-karozzi tal-linja, · Qiegħed isir tindif iktar frekwenti tal-karozzi tal-linja matul il-ġurnata, · Twaħħil ta’ Perspex mal-kabina tax-xufier li b’hekk jissegregaw ix-xufier mill-passiġġier, · Tnaqqis ta’ passiġġiera li jitgħabbew bil-wieqfa u tpoġġija ta’ Stickers ma’ l-art tal-karozza tal-linja sabiex jindikaw lill-passiġġiera fejn għandhom joqgħodu bil-wieqfa, · Ma tingħatax bqija meta wieħed iħallas bil-flus kontanti minflok it-Tallinja Card , · Tibdil ta’ filters ta’ l-arja kundizzjoniata abbord il-karozzi tal-linja liema filters jgħinu jnaqqsu il-possibbilta’ li tinxtered din l-infezzjoni, · Spezzjonijiet għal għarrieda abbord karozzi tal-linja sabiex jizguraw l-ilbies tal-maskra, · L-operatur tat-trasport pubbliku stazjona Inspectors f’ bus stops li huma l-aktar uzati sabiex meta jiġi nnotat li is-servizz ma jkunx sejjer ilaħħaq mad-domanda isiru vjaġġi addizjonali , · Twaħħlu stickers kemm fuq il-karozzi tal-linja kif ukoll fuq il- bus stops sabiex javvzaw lill-passiggiera sabiex tintlibes il-maskra.

Xogħol bil-lejl – xogħol bl-użu ta’ jack hammer

Question

Għalkemm li ċertu xogħol isir bil-lejl huwa tajjeb għax inaqqas mill-konġestjoni tat-traffiku, jista’ l-Ministru jara li xogħol bl-użu ta’ ‘jack hammer’ ma għandux isir bil-lejl f’żoni qrib residenti bħalma ġara fil-Mini ta’ San Ġiljan għax ikun hemm min irid jorqod u xogħol ta’ dan it-tip ikun qiegħed itellef mis-serħan għal min ikun irid imur għax-xogħol l-għada filgħodu?

Response (BORG, IAN)

Il-proġett b’investiment ta’ €10 miljun minn Infrastructure Malta biex tirranġa u ssebbaħ l-istrutturi tal-mini f’Ħal Kirkop, Santa Venera, Tal-Qroqq u Ta’ Giorni għaddej ġmielu. L-aġenzija qed taħdem fuq tmien mini differenti, għax kull waħda mill-erba’ strutturi ta’ dan il-proġett hija magħmulha minn żewġ mini li jagħtu lejn direzzjonijiet opposti. Kull mina fiha żewġ korsiji li flimkien iġibu total ta’ 4.8 kilometri ta’ korsiji. Dawn il-mini nbnew bejn l-1967 u l-1996, bl-eqdem struttura hija dik Ta’ Giorni u l-iżjed waħda riċenti ta’ Tal-Qroqq. Minħabba li kien ilhom snin twal fi stat ta’ telqa, l-erba’ strutturi kellhom bżonn ħafna tiswijiet, manutenzjoni u modernizzar sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-ogħla standards internazzjonali ta’ kwalità u jkunu armati bl-aħħar teknoloġiji ta’ saħħa u sigurezza għall-eluf ta’ persuni li jgħaddu minnhom ta’ kuljum. Fil-fażi inizjali tal-proġett, tnaddfu l-ħitan biex tneħħa n-nugrufun li tħalla jinġema għal għexieren ta’ snin. Imbagħad bdew it-tiswijiet tal-istrutturi u l-faċċati tagħhom li partijiet minnhom kellhom ħsarat estensivi u għalhekk kienu jeħtieġu xogħol kbir ta’ manutenzjoni fil-ġebla. Fil-każ tal-mini ta’ Santa Venera u Ta’ Giorni li t-tnejn tħaffru fil-blat sar ukoll studju bl-użu ta’ radar biex ġew identifikati xquq li kienu jeħtieġu interventi addizzjonali. Uħud minn dawn ix-xogħlijiet ta’ tisħiħ diġà twettqu, waqt li oħrajn għadhom għaddejjin. Għal kull wieħed mill-erba’ settijiet ta’ mini, nbnew kmamar tal-kontroll fuq barra li minnhom se jkunu jistgħu jiġu kkontrollati s-sistemi ġodda ta’ saħħa u sigurezza, fosthom cameras ta’ sorveljanza, alarms ta’ kontra n-nirien, apparat li jkejjel il-kwalità tal-arja fil-mini, tabelli elettroniċi u tagħmir ta’ komunikazzjoni f’każi t’emerġenza. Infrastructure Malta ser tqabbad il-kontroll ta’ dawn is-sistemi maċ-Ċentru Nazzjonali għall-Kontroll tat-Traffiku ta’ Transport Malta, biex ikun hemm monitoraġġ kontinwu. Is-sistema avvanzata ta’ cameras li se jkun hemm fil-mini se jkollha l-kapaċità li awtomatikament tiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet jekk ikun hemm xi diffikultajiet, bħal xi karozza wieqfa fil-mina jew nirien, sabiex tintbagħat l-għajnuna minnufih. L-aġenzija qed itejjeb ukoll il-passaġġi u bibien ta’ ħruġ ta’ emerġenza minn kull mina b’diversi tagħmir bħalma huma bibien reżistenti għan-nirien u apparat biex iċċempel għall-għajnuna bħalma nsibu fil-liftijiet, kif ukoll sinjali u dwal li jidderiġuk minn fejn għandek toħroġ. Matul l-aħħar ġimgħat, f’kull waħda mill-mini bdew jiġu nstallati sistemi għall-provvista tal-ilma u apparat ieħor għal kontra n-nirien bħalma huma fire hydrants. Għal dawn is-sistemi kontra n-nirien b’kollox ġew mgħoddijin minn taħt l-art ftit aktar minn tliet kilometri ta’ pajpijiet għall-ilma. Barra minn hekk, wara konsultazzjonijiet mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Infrastructure Malta bniet ukoll ġibjuni taħt l-art barra tnejn mill-istrutturi minħabba li ma kienx hemm l-ebda provvista t’ilma disponibbli għal dawn is-sistemi ġodda għat-tifi tan-nar. Minbarra li se tibdel is-sistemi tad-dwal biex il-mini ma jibqgħux imdallmin, Infrastructure Malta ser tiksi l-ħitan tal-ġnub tal-mini b’materjal apposta li jsebbaħhom u jdawwalhom aktar. Minbarra li jipprovdi viżibilità aħjar fil-mini, dan il-materjal għandu jiffaċilita wkoll it-tindif u l-manutenzjoni li jkun hemm bżonn isiru kull tant żmien. Bis-sistema l-ġdida tad-dwal, il-qawwa tad-dawl ġewwa l-mini se tinbidel mal-ġurnata, billi jitbaxxa jew jogħla mal-ħin, ħalli l-għajnejn tas-sewwieqa joqgħodu mill-ewwel meta tidħol fihom. Il-proġett jitlesta billi finalment jerġgħu jsiru l-mogħdijiet t’emerġenza fil-ġnub u jerġa’ jinkesa bl-asfalt il-wiċċ tat-triq ġewwa l-mini. Billi dawn il-mini jinsabu f’rotot kruċjali għas-sistema tal-ivvjaġġar ta’ pajjiżna u minnhom jgħaddu ħafna karozzi, il-periti ta’ Infrastructure Malta ppjanaw li l-kuntratturi jagħmlu ħafna mix-xogħol fihom fi tmiem il-ġimgħa u billejl. Fil-każ t’uħud mill-mini, fosthom dawk ta’ Ta’ Giorni, m’hemmx rotot alternattivi sostenibbli għalihom u fil-fatt ħafna drabi tingħalaq biss naħa waħda biex in-naħa l-oħra tintuża f’żewġ direzzjonijiet. B’hekk, jonqos kemm jista’ jkun l-inkonvenjent għall-pubbliku inġenerali meta jivvjaġġa minn ġol-mini u partikolarment għar-residenti tal-madwar biex ikollhom l-inqas emmissjonijiet mill-konġestjoni li tinħoloq kieku x-xogħlijiet isiru mal-ġurnata. Dan l-arranġament jirrekkjedi aktar ippjanar ma’ dawk kollha konċernati u huwa l-aħjar mod kif għandhom isiru tali xogħlijiet. Minħabba li parti minn dawn ix-xogħlijiet huma sors ta’ storbju, l-aġenzija ser tesiġi mal-kuntratturi biex meta jkun possibbli, dawn isiru kemm jista’ jkun fil-ħinijiet tal-ġurnata fi tmiem il-ġimgħa ħalli l-inkonvenjent għall-pubbliku jkun l-inqas possibbli. It-titjib ta’ dawn il-mini jingħaqad mal-investiment bla preċedent li qed isir minn Infrastructure Malta f’ħafna toroq arterjali oħrajn, fosthom dawk li jagħtu għall-istess strutturi, biex pajjiżna jkollu infrastruttura tal-ivvjaġġar aktar sigura, aktar effiċjenti u aktar sostenibbli.

Tal-Pietà – proġett ta’ Pjazza San Luqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-proġett ta’ Pjazza San Luqa f’Tal-Pietà, liema xogħol beda sena ilu, għadu ma tlestiex u bħalissa jinsab f’telqa sħiħa? X’inhi r-raġuni li dan ix-xogħol waqaf u meta hemm ippjanat li dan ix-xogħol jitlesta għal kollox? Kemm intefqu flus s’issa fuq dan il-proġett u kemm hu ppjanat li jkunu ntefqu flus la jkun lest?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministru kkonċernat.

Triq li minn Ħaż-Żabbar twassal għal Marsaskala – xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitlesta x-xogħol ta’ servizzi infrastrutturali fit-triq li minn Ħaż-Żabbar twassal għal Marsaskala peress li ilu kważi 3 xhur wieqaf? X’inhi r-raġuni li dan ix-xogħol waqaf b’riskju kbir għal kull min juża din it-triq permezz ta' vettura jew bil-mixi?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru kkonċernat.

Żurrieq — bini mill-ġdid ta’ toroq residenzjali li qatt ma kienu asfaltati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inbnew toroq residenzjali mill-ġdid u li qatt ma kienu asfaltati fil-lokalità taż-Żurrieq mill-2018 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm kienet twila kull triq? Meta nbeda u tlesta x-xogħol f’kull triq? Kemm kien stmat ix-xogħol u kemm attwalment ġie jiswa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ħal Safi — bini mill-ġdid ta’ toroq residenzjali li qatt ma kienu asfaltati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inbnew toroq residenzjali mill-ġdid u li qatt ma kienu asfaltati fil-lokalità ta’ Ħal Safi mill-2018 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm kienet twila kull triq? Meta nbeda u tlesta x-xogħol f’kull triq? Kemm kien stmat ix-xogħol u kemm attwalment ġie jiswa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Birżebbuġa — bini mill-ġdid ta’ toroq residenzjali li qatt ma kienu asfaltati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inbnew toroq residenzjali mill-ġdid u li qatt ma kienu asfaltati fil-lokalità ta’ Birżebbuġa mill-2018 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm kienet twila kull triq? Meta nbeda u tlesta x-xogħol f’kull triq? Kemm kien stmat ix-xogħol u kemm attwalment ġie jiswa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ħal Farruġ — bini mill-ġdid ta’ toroq residenzjali li qatt ma kienu asfaltati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inbnew toroq residenzjali mill-ġdid u li qatt ma kienu asfaltati f’Ħal Farruġ mill-2018 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm kienet twila kull triq? Meta nbeda u tlesta x-xogħol f’kull triq? Kemm kien stmat ix-xogħol u kemm attwalment ġie jiswa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Rebate għal xiri ta’ electric car jew hybrid — applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser joħorġu l-applikazzjonijiet matul l-2021 biex min jixtri electric car jew hybrid ikunu jistgħu jieħdu r-rebate li ġie mwiegħed fil-budget? X’inhi r-raġuni li għalkemm diġà qegħdin f’Marzu dawn l-applikazzjonijiet għar-rebate għadhom ma ħarġux? Meta Transport Malta għandha l-ħsieb li toħroġ dawn l-applikazzjonijiet għar-rebate? Għal kemm ser jammonta dan ir-rebate?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ninsab infurmat li bħalissa Transport Malta qedgħha tistabbilixxi strateġija għas-snin li ġejjien u malli tikkonkludi l-grants kollha kemm għal min jixtri vettura li taħdem bl-eletriku, hybrid jew vetturi Petrol jew Diesel li jagħmlu nqas ħsara lill-ambjent dawn ser jiġu mħabbra. Nżid ukoll li L-Awtorita’ għat-trasport f’Malta diġa nfurmat lil-aġenti kollha li jbiegħu l-vetturi ta’ dawn it-tip u li kull persuna li rreġistrat l-vettura wara Jannar ta’ 2021, ser jkun jista’ japplika wara li joħorġu l-Grants u għaldaqstant ma’ hemm l-ebda biża’ li dawk li rreġistraw l-vettura min Jannar li għadda l-quddiem se jitifu l-Grant. Din il-proċedura intuzat ukoll is-sena l-oħra għaliex il-grants ġew imħabbra f-April ta’ 2020. Il-ħsieb huwa li malli jiġu formulati l-ammonti globali tal-Grants inkluż kull grant individwali, dawn jiġu ppublikati fil-gazzetta tal-Gvern u mħabbra mill-Ministeru.

Imsida – proġett maġġuri fil-pjazza — konsultazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-Gvern ma jridx jikkonsulta ma' dawk kollha affettwati mill-proġett maġġuri propost fil-Pjazza tal-Imsida billi mhux se jsirlu EIA (Environmental Impact Assessment)? X’inhi r-raġuni li għalkemm l-EIA huwa studju li jevalwa l-effetti kemm ambjentali kif ukoll soċjali tal-proġett ta’ dan it-tip, għalkemm skont l-Ewwel Skeda tal-Liġi Sussidjarja 549.46 jeħtieġ mhux biss EIA imma anke konsultazzjoni pubblika mar-residenti tal-inħawi, dawn mhux ser isiru?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru kkonċernat.

Xemxija – żona ta’ Beachaven – concession għall-operat ta’ marina jew irmiġġi

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk ingħatatx concession għall-operat ta’ marina jew irmiġġi fiż-żona tax-Xemxija magħrufa bħala Beachaven? Jista’ jgħid lil min ingħatat din il-concession, fuq liema termini u kondizzjonijiet ingħatat u jekk ħarġitx sejħa pubblika għall-offerti qabel ma ngħatat?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorità tat-Trasport li konċessjoni nngħatat lill-operatur Harbour Management Ltd fiż-żona magħrufa bħala tal-Beachaven, ix-Xemxija. Din il-konċessjoni ngħatat wara sejħa għall-offerti li kienet ħarġet l-Awtorita’ għat-Trasport f’Malta, dak iż-żmien l-Awtorita’ Marittimma ta’ Malta , f’Novembru tal-2009 fejn wara din is-sejħa, l-kumitat ta’ evalwazzjoni appuntat mill-istess Awtorita’, għażel lil Harbour Management Ltd wara li dawn issottomettew l-aħjar offerta.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali – direct orders

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 18556, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-Gazzetti tal-Gvern li juru kemm ingħataw direct orders fl-2018, 2019 u 2020 mill-entitajiet u dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu separatament u kemm kien il-valur ta’ kull direct order, lil min ingħatat u għal-liema xogħlijiet ingħatat kull direct order?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Transport Malta – xogħlijiet lill-kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw xogħlijiet minn Transport Malta lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fis-snin 2018, 2019 u 2020? Kemm kien il-valur ta' kull biċċa xogħol? X’kien jinvolvi x-xogħol? Kemm minn dawn ingħataw b’tender pubblika? Kemm minnhom ingħataw b’direct order?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 19860 tal-istess Seduta.