Legislature:
Category:
Reset
Active:

Rotot tal-Karozzi tal-linja — Iġorru inqas minn 200 persuna kuljum

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm rotot tal-karozzi tal-linja li jġorru anqas minn 200 persuna kuljum, liema huma dawn ir-rotot u kemm ilhom joperaw mill-2015 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jikkjarifika jekk l-informazzjoni li qegħda tiġi mitluba tirrigwardjax dawk ir-rotot li jġorru anqas minn 200 passiġġier kuljum prezentament fuq rotot li ilhom fis-seħħ mill-2015 jew inkella jekk l-informazzjoni mitluba hijiex mitluba sena b’sena mill-2015.

Rotot tal-Karozzi tal-linja — tgawdija minn patronaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-iżjed għaxar rotot li gawdew minn patronaġġ qawwi fil-gżejjer Maltin matul is-snin 2018, 2019 u 2020?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ninsab infurmat li minn informazzjoni miksuba dwar it-trasport pubbliku l-aktar 10 rotot li gawdew mill-għola patrunaġġ fis-snin mitluba huma is-sussegwenti: · 2018 13, 13A, 31, 14, 91, 42, 48, 41, 222 u 16 · 2019 13, 13A, 14, 31, 42, 48, 91, 41, 16 u 222 · 2020 48, 42, 91, 14, 31, 41, 13, 13A, 82 u X4

Tal-Linja Card — ċittadini Maltin u persuni barranin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid preżentement kemm hawn Tal-Linja Cards irreġistrati fuq ċittadini Maltin u Tal-Linja Cards irreġistrati fuq persuni barranin?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorità tat-Trasport li sa l-aħħar ta’ Diċembru 2020 kien hawn 420,000 Tallinja Cards irreġistrati. Infurmat ukoll li ma tinżammx informazzjoni ta’ kemm minn dawn huma Maltin jew barranin.

Inawgurazzjoni tal-Marsa Junction — nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il inawgurazzjoni saret b'rabta mal-multi-level junction tal-Marsa u tal-Underpass ta' Santa Luċija? Kemm ġiet tiswa kull inawgurazzjoni?

Response (BORG, IAN)

Tagħrif dwar il-proġett tal-mini ġodda taħt ir-roudabout ta’ Santa Luċija, u l-inawgurazzjoni ta’ dan l-investiment t’€20 miljun ingħataw fit-tweġiba għall-mistoqsija Parlamentari numru 18432 f’Seduta 422. Għal tagħrif dwar il-Marsa Junction Project, l-akbar proġett infrastrutturali li qatt sar fit-toroq Maltin, b’investiment ta’ €70 miljun, u dwar l-attivitajiet t’inawgurazzjoni u ta’ ringrazzjament lill-pubbliku u l-ħaddiema ta’ dan il-proġett li saru fl-2019 (meta nfetħu l-ewwel żewġ flyovers), u fil-ġimgħat li għaddew, nirreferi lill-Onorevoli Bezzina għat-tweġiba tal-mistoqsijiet Parlamentari 11260, 20562 u 20564 li ngħataw fis-Seduti 251, 452 u 453 rispettivament.

Public Service Obligation (Maritime Transportation)

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-Public Service Obligation (Maritime Transportation), għal kemm ammont fi flus, x'rotot koprew, kemm kien il-patronaġġ u min huma l-operaturi li bbenefikaw minn dan il-Public Service Obligation, sena b'sena, mill-2015 sal-2020?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li l-operatur li jibbenifika minn dan il-Public Service Obligation (Maritime Transportation) huwa Malta Motorways of the Sea. L-għan ta’ dan il-PSO huwa li jiġi assigurat il-provista ta’ servizz ta’ merkanzija bil-baħar bejn Malta u l-portijiet ta’ Genoa, Reggio Calabria, Palermo jew Catania (skont il-ħtieġa). L-informazzjoni l-oħra mitluba f’din il-mistoqsija hija meqjusa bħala waħda ta’ natura sensitiva.

Public Service Obligation (Public Transport)

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-Public Service Obligation (Public Transport), għal kemm ammont fi flus, kemm kien il-patronaġġ u min huma l-operaturi li bbenefikaw minn dan il-Public Service Obligation, sena b'sena, mill-2015 sal-2020?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li l-operatur li jibbenifika minn dan il-Public Service (Public Transport) tirreferi għas- sussidju li jitħallas għas-servizz tat-trasport pubbliku bi skeda li jitħallas lill- operatur tat-trasport publiku jiġifieri il-Malta Public Transport. L-informazzjoni l-oħra mitluba f’din il-mistoqsija hija meqjusa bħala waħda ta’ natura sensitiva.

Public Service Obligation (Inter-Island Transportation)

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-Public Service Obligation (Inter-Island Transportation), għal kemm ammont fi flus, kemm kien il-patronaġġ u min huma l-operaturi li bbenefikaw minn dan il-Public Service Obligation, sena b'sena, mill-2015 sal-2020?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li l-operatur li jibbenfika minn dan il-Public Service Obligation (Inter-Island Transportation) huwa Gozo Channel Transport Joint Venture. L-għan ta’ dan il-PSO huwa li jiġi assigurat il-provista ta’ ‘life line’ services bejn Malta u Għawdex. L-informazzjoni l-oħra mitluba f’din il-mistoqsija hija meqjusa bħala waħda ta’ natura sensitiva.

Tal-Linja Card — Programm

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tinkludi l-inizjattiva u programm ta' Tal-Linja Card kif inhu mniżżel fl-Estimi Finanzjarji tal-Bagit, għal kemm tammonta fi flus, min huma l-kumpanii u operaturi li bbenefikaw minn dawn il-flus u kemm kien il-patronaġġ minn din l-inizjattiva, sena b'sena, mill-2015 sal-2020?

Response (BORG, IAN)

Nibda biex infiehem lill-Onor. Interpellant li l-benefiċċjarji tal-miżura tat-trasport pubbliku b’xejn huma persuni li jaqgħu f’ċertu faxex ta’ passiġġiera u mhux lill-kumpanji jew operaturi. Fit-tabella sussegwenti wieħed isib l-informazzjoni mitluba: Sena Benefiċċarji Patronagg Valur 2017 Persuni ta 18 il-sena 573,861 €244,403.19 2018 Persuni ta bejn is-16 u 20 Sena 5,262,838 €2,227,727.55 2019 Persuni ta bejn 14 u 20 sena, Studenti ta 21 u izjed u persuni b'disabilita 7,948,860 €3,400,904.70 2020 Persuni ta bejn 14 u 20 sena, Studenti ta 21 u izjed, persuni b'disabilita u persuni li għandhom 75 sena u aktar 5,702,083 €2,083,648.50

Karozzi tal-linja — Inċidenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti li kienu jinvolvu karozzi tal-linja, sena b'sena, mill-2013 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li minn informazzjoni miksuba mingħand l-operatur tat-trasport pubbliku l-ammont ta’ inċidenti li fihom kienu involuti karozzi tal-linja mill-2015 sa l-aħħar tat-2020 kien hekk kif ġej: · 2015 - 1,852 · 2016 - 2,151 · 2017 - 1,855 · 2018 - 1,834 · 2019 - 1,579 · 2020 - 878

Transport Malta – National Traffic Control Centre

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17863, jista’ l-Ministru jgħid meta ser jiġi mwaqqaf li state-of-the-art National Traffic Control Centre, peress li dan kellu jiġi mwaqqaf sas-sena 2020? Jista’ jgħid f’liema stadju wasal dan il-proġett u meta se jiġi inawgurat? Min huma l-kuntratturi/Consortium/Joint Venture li ġew ikkummisjonati jwettqu dan il-proġett? Kemm fil-fatt ser jiġi jiswa dan il-proġett?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ninsab infurmat li d-dokumenti ta’ tenders qedgħin jiġu rreveduti minn konsulenti esterrni u ser ikun qedgħin jiġi ppublikat dalwaqt.

Toroq ġodda

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 17428 u 17670, peress li l-Ministru diversi drabi jgħid li qed jintefqu l-miljuni ta' ewro biex isiru diversi xogħlijiet ta' toroq madwar Malta u Għawdex u għalhekk anke minħabba accountability żgur li Infrastructure Malta li hi l-aġenzija tal-Gvern responsabbli minn dawn ix-xogħlijiet għandha r-records neċessarji tax-xogħolijiet li saru , jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni ta' kemm-il kilometru ta’ toroq ġodda jew bini mill-ġdid ta’ toroq saru mill-2013 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari (għal kull sena separatament), kif ukoll jgħid: (a) kemm minnhom kienu toroq arterjali u distributorji; (b) kemm minnhom tlestew kompletament u liema minnhom għadhom mhux lesti; (c) f'każ ta' dawk it-toroq li għadhom mhux lesti, x'persentaġġ ta' xogħol fadal u meta jaħseb li ser jitlesta dan ix-xogħol; (d) x'tip ta' servizzi nbidlu (dawl, mains tal-ilma tax-xorb, mains tad-drenaġġ, eċċ.); (e) fejn saru water culverts u x'tulijiet ta' waterculverts saru f'kull triq; u (f) kemm kien stmat li tiġi tiswa kull triq u kemm fil-fatt ġiet l-ispiża?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din id-domanda mressqa titlob ammont qawwi ta’ riżorsi umani u ħin, u għalhekk hija meqjusa bħala umanament impossibbli. Ikun aktar għaqli li l-ħin u r-riżorsi utilizzati għal dan il-għan, minflok jiġu utilizzati fuq xogħol aktar effettiv u produttiv. Li hu żgur, li b’investiment bla preċedent ta’ €700 miljun it-toroq kollha fil-pajjiż se jsiru mill-ġdid, għax aħna l-wegħdi nżommuhom.

Ħal Kirkop – xogħlijiet fuq mini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'xogħol sar s’issa fil-mini ta' Ħal Kirkop u x'xogħol fadal isir peress li x-xogħol ilu ammont ta' żmien għaddej? Jista’ jgħid meta dan ix-xogħol ser ikun kompletament lest għax ir-residenti li jużaw dan il-mini regolarment qed jgħaddu minn inkonvenjent kbir, anke minħabba diversi xogħlijiet fl-akkwati?

Response (BORG, IAN)

Infrastructure Malta qed tirrestawra l-erba’ strutturi tal-mini prinċipali li għandna fis-sistema tat-toroq tagħna biex tassigura s-sigurtà u l-istabbilità tagħhom għal tul ta’ ¿mien. Ix-xogħlijiet estensivi u tiswijiet li hemm b¿onn biex jiġu msaħħin l-istrutturi tal-mini f’Ħal Kirkop, Santa Venera, Tal-Qroqq u Ta’ Giorni, qegħdin isiru f’daqqa. Kull struttura hija magħmulha minn żewġ mini li jagħtu lejn direzzjonijiet opposti, u kull waħda fiha żewġ korsiji li flimkien iġibu total ta’ 4.8 kilometri tas-sistema ta’ toroq arterjali li hawn fil-pajjiż. L-eqdem struttura hija dik Ta’ Giorni, li nbniet fl-1967. Waqt li l-mini f’Tal-Qroqq huma l-i¿jed riċenti u nbnew fl-1996. Minn dawn il-mini jgħaddu eluf ta’ persuni kull siegħa. Għalhekk, it-titjib ta’ dawn il-mini jingħaqad mal-investiment bla preċedent li qed isir minn Infrastructure Malta f’ħafna toroq arterjali oħrajn, fosthom dawk li jagħtu għall-istess strutturi, biex pajji¿na jkollu infrastruttura tal-ivvjaġġar aktar sigura, aktar effiċjenti u aktar sostenibbli. Minn studji tekniċi li ġew ikkummissjonati ħareġ li għalkemm strutturalment jinsabu f’qagħda tajba, il-mini jeħtieġ li ssirilhom manutenzjoni sostanzjali u tiswijiet. Fost affarijiet oħrajn irri¿ulta li s-sistema tal-elettriku u tad-dwal hija antikwata u jeħtieġ li tinbidel biex tkun skont standards internazzjonali. Hemm bżonn ukoll li jsir titjib kbir fis-sistemi ta’ sigurtà u dawk ta’ kontra n-nirien, kif ukoll fil-passaġġi u l-bibien tal-ħruġ mill-mini f’każ ta’ emerġenza. Wara tindifa lill-ħitan biex tneħħa n-nugrufun li tħalla jinġema għal għexieren ta’ snin saru tiswijiet tal-istruttura tagħhom u bdiet tinbidel is-sistema tad-dwal biex il-mini ma jibqgħux imdallmin. Il-ħitan qed jinksew b’materjal apposta li jsebbaħhom u jdawwalhom aktar. Minbarra li jipprovdi vi¿ibilità aħjar fil-mini, dan il-materjal għandu jiffaċilita wkoll it-tindif u l-manutenzjoni li jkun hemm bżonn isiru kull tant żmien. Bis-sistema l-ġdida li qed tiġi nstallata l-qawwa tad-dawl ġewwa l-mini se tinbidel mal-ġurnata, billi jitbaxxa jew jogħla mal-ħin, ħalli l-għajnejn joqgħodu mill-ewwel meta tidħol fihom. F’kull mina nbniet kamra tal-kontroll li minnha jiġu kkontrollati sistemi ġodda ta’ cameras, alarms ta’ kontra n-nirien, apparat li jkejjel il-kwalità tal-arja, tabelli elettroniċi u tagħmir ta’ emerġenza. Dawn se jkunu wkoll imqabbdin maċ-Ċentru Nazzjonali għall-Kontroll tat-Traffiku biex ikun hemm monitoraġġ kontinwu. Il-cameras se jkollhom sistema li awtomatikament tinforma lill-awtoritajiet jekk ikun hemm diffikultajiet, bħal xi karozza wieqfa fil-mina, biex tintbagħat l-għajnuna minnufih. Il-ħruġ ta’ emerġenza minn kull mina se jiġi mtejjeb b’diversi apparat bħalma huma bibien re¿istenti għan-nirien u apparat biex iċċempel għall-għajnuna bħal dak li nsibu fil-liftijiet, kif ukoll sinjali u dwal li jidderiġuk minn fejn għandek toħroġ. F’kull mina qed jiġu nstallati wkoll sistemi ta’ kanen li l-pumpieri jkunu jistgħu jgħaqqdu magħhom għal provvista tal-ilma minn fuq il-post stess u apparat ieħor għal kontra n-nirien. Ix-xogħol li jonqos isir fil-mini ta’ Ħal Kirkop fil-ġimgħat li ġejjin jinkludi t-tkomplija tal-kisi tas-saqaf u l-ħitan bil-materjal li se jtejjeb il-viżibilità ġewwa l-mini, l-installazzjoni ta’ sistemi tad-dawl u sistemi tal-cameras flimkien ma’ tagħmir ieħor tas-sigurtà. Finalment jerġgħu jinbnew il-korsiji ta’ ġol-mini u jinksew b’diversi saffi t’asfalt. Ix-xogħlijiet qed jiġu ppjanati b’mod li l-għeluq ikun mill-inqas u f’dawk il-ħinijiet li jkollhom l-inqas impatt fuq il-pubbliku, iżda fl-istess waqt mingħajr ma jpoġġu f’riskju saħħet il-ħaddiema. Ix-xogħlijiet ewlenin li jeħtieġu għeluq ta’ korsiji fil-mini mistennija jkunu lesti f’Ġunju.

L-Imqabba – Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija – siġar fis-central strip

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta' siġar u l-kwantità ta' kull tip ta' siġra li tħawwlu fis-central strip ta' bejn is-service road u t-triq prinċipali fi Triq il-Konvoj ta' Santa Marija fl-Imqabba wara li siġar li kien hemm eżistenti fl-istess central strip inqalgħu?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru ikkonċernat.

Birżebbuġa – Triq San Ġorġ — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti indikazzjoni meta se jitlesta x-xogħol fi Triq San Ġorġ Birżebbuġa biex tissolva l-problema li jitla’ l-baħar fit-triq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta qed timplimenta proġett li tfassal mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura fi ħdan l-istess Ministeru bil-għan li tittaffa l-problema tal-għargħar fl-inħawi ta’ Dawret il-Qalb Imqaddsa, biswit il-Bajja ta’ San Ġorġ f’Birżebbuġa. It-toroq u l-bini f’din iż-żona jinsabu prattikament mal-livell tal-baħar. Ikun hemm drabi, mhux neċessarjament waqt xi maltimempata, fejn il-livell tal-baħar saħansitra jogħla aktar mil-livell tat-triq, bil-konsegwenza li jkun hemm diffikultajiet t’għargħar. Dan il-fenomenu ilu jikkaġuna problemi u inkonvenjenti kbar partikolarment lir-residenti għal ħafna snin. Ċerti proposti li saru fil-passat instab li jikkaġġunaw aktar riperkussjonijiet għal djar fil-viċin u bini ieħor. Għaldaqstant, ried jinstab x’inhu l-aħjar intervent li għandu jsir biex itaffi l-problema tal-għargħar mingħajr ma jitpoġġew f’riskju l-proprjetajiet li hemm fl-inħawi. Wara li għal xi żmien ġiet evalwata s-sitwazzjoni partikolari tat-toroq fiż-żona, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura stabbilixxa pjan li jidhirlu li huwa l-aħjar soluzzjoni għall-għargħar tat-toroq bil-maltemp jew meta jogħla l-livell tal-baħar, mingħajr ma jinħolqu konsegwenzi fuq il-bini tal-madwar. Bil-proġett li qed timplimenta b’investiment ta’ madwar €400,000 Infrastructure Malta se timmodifika l-livelli tat-toroq. Barra minn hekk, se jiżdiedu l-kanali għall-ilma (water culverts) billi se jsiru oħrajn ġodda, waqt li dawk e¿istenti se jitwessgħu fosthom dak li hemm fil-ġnien pubbliku, jew jinbnew mill-ġdid. Wara mbagħad jinbnew ukoll mill-ġdid il-bankini u t-triq isirilha wiċċ ġdid b’diversi saffi t’asfalt. Ix-xogħol mistenni jitlesta fix-xhur li ġejjin, sas-sajf. F’Birżebbuġa l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid numru ta’ toroq oħrajn u hija impenjata li gradwalment tkompli ttejjeb in-netwerk tat-toroq ta’ din il-lokalità u infrastruttura marittima oħra fil-qrib.

Inawgurazzjoni tal-Marsa Junction — nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-inawgurazzjoni tal-proġett tal-Marsa Junction li saret nhar il-Ħamis 15 ta' April 2021?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Bezzina li din il-mistoqsija normalment issir mill-kollega tiegħu l-Onorevoli Aquilina. Fil-fatt, nitolbu jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 20562 tas-Seduta 452.

Proġett Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project – fdalijiet arkeoloġiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi prekawzjonijiet ittieħdu fir-rigward ta' fdalijiet arkeoloġiċi li jinsabu fl-akkwati tal-proġett tal-Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project (KTAIP) u kif dawn ser ikunu affetwati bix-xogħlijiet?

Response (BORG, IAN)

Il-Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project (KTAIP) huwa proġett ieħor li qed twettaq Infrastructure Malta b’investiment ta’ €18-il miljun biex ittejjeb ir-roundabout tal-Gudja b’mini ġodda fir-rotta ta’ Birżebbuġa u flyover lejn il-mini ta’ Ħal Kirkop. KTAIP jinkludi l-i¿vilupp mill-ġdid ta’ din il-junction, waħda mill-aktar ħoloq importanti tas-sistema tat-toroq Maltin, biex jonqsu l-ħin tal-ivvjaġġar u r-riskji t’aċċidenti għal dawk li jgħaddu mill-mini ta’ Ħal Kirkop biex jivvjaġġaw minn u lejn Ħal Kirkop, l-Imqabba, l-Qrendi, ż-Żurrieq u Ħal Safi. Fl-istess waqt, se jintroduċi għadd ta’ faċilitajiet aktar siguri għal mezzi alternattivi tal-ivvjaġġar. Il-proġett se jtejjeb ukoll l-aċċess lejn l-Ajruport u r-rotta ewlenija għall-Freeport, żewġ destinazzjonijiet kruċjali għal diversi setturi tal-ekonomija. Dan il-proġett se joħloq konnessjonijiet diretti maqsumin fuq tliet livelli differenti, minn u lejn diversi rotot li jiltaqgħu f’din il-junction. Fil-livell ta’ taħt, iż-żewġ mini ġodda taħt ir-roundabout se jgħaqqdu direttament il-karreġġjati tan-nofsinhar u tat-tramuntana ta’ Vjal l-Avjazzjoni ma’ dawk ta’ Triq Ħal Far. B’hekk, dawk li jkunu għaddejjin f’din ir-rotta, inkluż vetturi kbar, ġejjin minn jew sejrin lejn Birżebbuġa, il-Freeport jew il-Qasam Industrijali ta’ Ħal Far, ma jkollhomx għalfejn iduru mar-roundabout. Fuq il-mini, ir-roundabout eżistenti se tkun iddisinjata u mibnija mill-ġdid biex tiffaċilita l-aċċess minn u lejn il-Gudja, Ħal Għaxaq u l-Ajruport. Il-proġett se jtejjeb ukoll il-bypass lane eżistenti biex tkompli tħaffef l-ivvjaġġar fid-direzzjoni tat-tramuntana mill-ħruġ tal-mini ta’ Ħal Kirkop lejn Vjal l-Avjazzjoni. Fit-tielet livell imbagħad, fuq ir-roundabout se jkun hemm flyover ġdida li sservi ta’ pont bejn il-karreġġjata tan-nofsinhar ta’ Vjal l-Avjazzjoni u Triq l-Ewwel Titjira, fid-direzzjoni lejn il-mini ta’ Ħal Kirkop. Għaldaqstant, jekk tkun trid tiġbed lejn il-mini ta’ Ħal Kirkop biex tibqa’ sejjer Ħal Kirkop, l-Imqabba, l-Qrendi, ż-Żurrieq jew Ħal Safi mhux se jkollok bżonn aktar tgħaddi mar-roundabout. B’dan it-tibdil, tliet rotot li bħalissa jiltaqgħu u jaqsmu kontra xulxin mar-roundabout issa se jgħaddu mill-mini taħtha jew mill-flyover fuqha. B’hekk Infrastructure Malta se tnaqqas ir-riskji t’aċċidenti u l-ħin tal-ivvjaġġar għal eluf ta’ persuni li ta’ kuljum jgħaddu minn din il-junction. Is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali u Infrastructure Malta qed jaħdmu flimkien biex jissalvagwardjaw il-wirt kulturali għall-ġenerazzjonijiet futuri waqt li jitwettaq il-pjan nazzjonali biex titjieb l-infrastruttura tat-toroq u tkun sostenibbli. Kull meta jkunu se jsiru xogħlijiet li jista’ jkollhom impatt fuq wirt kulturali li diġà nafu bih jew li jistgħu jwasslu għal sejbiet ta’ fdalijiet storiċi, fost diversi miżuri li għandhom jittieħdu, is-Sovrintendenza tesiġi ma’ Infrastructuure Malta u kull żviluppatur ieħor li l-iskavar u xogħlijiet oħrajn isiru taħt superviżjoni. Is-Sovrintendenza tinkludi dawn il-miżuri bħala kundizzjonijiet neċessarji li għandhom jiġu mposti mill-Awtorità tal-Ippjanar fuq l-iżviluppatur meta tapprova l-permessi meħtieġa biex isiru x-xogħlijiet ta’ żvilupp. F’ċerti każi, is-Sovrintendenza titlob li jsiru studji arkeoloġiċi, bħalma huma geo-radar scanning u field surveys, anke waqt l-istadji tal-ippjanar tal-proġett, biex jekk ikun hemm bżonn l-iżviluppaturi jintalbu jagħmlu tibdil fil-pjanijiet jew jieħdu miżuri oħrajn speċifiċi biex tkun protetta xi parti mis-sit minn qabel ma jinħarġu l-permessi. Fil-fatt, saru diversi studji bħala parti mill-ippjanar tal-Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project u l-aġenzija fasslet il-pjanti u l-metodu ta’ kif se jsiru x-xogħlijiet f’kollaborazzjoni mas-Sovrintendenza, biex tassigura li x-xogħlijiet ta’ bini u tħaffir meħtieġa f’dan il-proġett ma jkollhomx impatt negattiv fuq il-fdalijiet arkeoloġiċi ta’ Ħal Resqun li hemm taħt ir-roundabout eżistenti. Dawn il-katakombi jinsabu lil hinn mis-sit ta’ fejn se jsiru l-mini ġodda, u se jibqgħu aċċessibbli għall-arkeologi bħalma huma bħalissa. Huwa bis-saħħa tat-teħid ta’ dawn il-mi¿uri ta’ protezzjoni, bix-xogħol li jsir fuq is-siti minn arkeologi u l-kollaborazzjoni kontinwa li qed ikun hemm bejn iż-żewġ entitajiet fi proġetti infrastrutturali li qegħdin jinstabu fdalijiet li potenzjalment jista’ jkollhom importanza arkeoloġika, li mbagħad jiġu studjati, dokumentati u fejn ikun meħtieġ, jiġu protetti għall-ġenerazzjonijiet futuri. L-arkeologi awtorizzati mis-Sovrintendenza jsegwu mill-qrib ix-xogħlijiet ta’ tali proġetti u meta jinstab xi ħaġa ta’ interess, dawn jiskattaw proċedura stabbilita biex iġibuhom għall-attenzjoni tas-Sovrintendenza u jsiru studji tagħhom bir-reqqa. Dan il-proċess jirrikjedi li meta jsiru sejbiet waqt l-iskavar, is-sit jinżamm sigur biex dawn ikomplu jinkixfu bil-galbu u ssir dokumentazzjoni tagħhom. Is-Sovrintendenza tesiġi metodu ta’ skavar li għandu jiġi segwit mill-arkeologi biex ineħħu u jispezzjonaw il-bqija tal-ħamrija u materjali oħrajn, kif ukoll ilwiċċ tal-blat li jkun hemm taħt, fejn jinstabu xi affarijiet ta’ interess. Infrastructure Malta tagħti appoġġ lill-arkeologi billi tipprovdi r-riżorsi umani u t-tagħmir neċessarju biex isiru l-iskavar u x-xogħol ta’ dokumentazzjoni. F’ċerti ka¿i, x-xogħlijiet biex jitnaddaf il-wiċċ tal-blat ikun jirrikkjedi li jsir kollu bl-għodda tal-idejn. Meta jitlesta dan l-istadju tal-proċess u tkun inġabret id-data kollha neċessarja, is-Sovrintendenza mbagħad tiggwida lil Infrastructure Malta dwar miżuri oħrajn li għandhom jittieħdu, li jistgħu jkunu jirrikjedu imma mhux neċessarjament tibdil fil-pjanijiet approvati tal-proġett biex jiġu mħarsin sejbiet li jkun jimmeritahom protezzjoni. Dan il-proċess rigoruż ġie segwit ukoll fit-twettiq ta’ numru ta’ proġetti oħrajn li diġà saru jew li għadhom qegħdin isiru minn Infrastructure Malta, li jinkludu l-Marsa Junction Project, il-proġett tal-mini ta’ Santa Luċija, il-bini tal-pont fi Vjal l-Avjazzjoni, Central Link Project kif ukoll il-proġett ta’ Triq il-Kuċċard (Ħal Safi).

National Cycling Policy

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 18561, jista’ l-Ministru jgħid meta n-'National Cycling Policy' ser tiġi ppublikata peress li l-perjodu ta' konsultazzjoni fuq dan il-dokument skada aktar minn sentejn ilu, u ċjoè fil-31 ta' Jannar 2019? X'inhi r-raġuni li dan id-dokument għadu qatt ma ġie ppubblikat?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorità tat-Trasport lin-‘National Cycling Strategy u Policy’ flimkien mar-riżultat tal-konsultazzjoni fuq tali dokument huma l-qafas li fuqu qiegħed isir ix-xogħol tal-linji gwida. Għaldaqstant, in-‘National Cycling Strategy, Policy u Guidelines’ se jiġu ppubblikati iktar tard din is-sena bħala dokument wieħed biex inizzjattivi u miżuri relatati maċ-ċikliżmu jiġu dejjem ippjanati u implementati b’mod olistiku.

Birżebbuġia – Parkeġġ ħdejn il-Freeport

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17960, jista' l-Ministru jgħid jekk il-parkeġġ ta' maġenb il-Freeport, li żewġ sulari minnu ser ikunu jistgħu jintużaw mill-pubbliku, jistax ikollu sular minnhom riservat għar-residenti ta' Birżebbuġa bla ħlas? Fiex waslu d-diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa fuq dan is-suġġett?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 19470 u ngħarrfu li d-diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali ta’ Birzebbuġia għadhom għaddejjin bil-għan li ż-żewġ sulari jiġu mgħoddija lill-istess Kunsill biex jammistrahom hu. Wara li jitlestew id-diskussjonijiet hu pjanat li jiġi iffirmat ftehim sabiex il-Kunsill lokali jieħu t-tmexxija u l-amministrazzjoni taż-żewġ sulari tal-Multi Storey Car Park.