B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 22295 dwar xogħlijiet fil-mini li għandna fil-pajjiż fejn għidt li filwaqt li l-kuntratt oriġinali kien jammonta għal €12.5 miljun, l-ispiża finali tkun magħrufa meta jiġi konkluż il-proġett, jista’ l-Ministru jgħid kemm ser jiġu jiswew il-varjazzjonijiet imsemmija fir-risposta tiegħu? Jista’ jagħti risposta definittiva meta ser ikun lest ix-xogħol fuq kull mina peress li r-residenti ta' diversi lokalitajiet sofrew inkonvenjenzi kbar li tawlu għal diversi xhur kif ukoll snin sakemm dan ix-xogħol ikun lest? Jista’ jgħid id-data ta' meta suppost kellu jkun lest ix-xogħol hekk kif stipulat fil-ħruġ tal-offerta? X'raġunijiet ingħataw għal dan id-dewmien esaġerat? X'inhi r-raġuni li jekk kien hemm bżonn jgħaddu xi servizzi minn taħt wiċċ it-triq dawn ma kenux ippjanati qabel beda x-xogħol?
Response (BORG, IAN)
Filwaqt li t-tweġibiet għal ħafna minn dawn il-mistoqsijiet diġà tajthom meta weġibt il-mistoqsijiet parlamentari 22295 u 22801, inżid nispjega li skont il-kuntratt oriġinali, ix-xogħlijiet kellhom ikunu lesti f’Diċembru 2020. Minħabba x-xogħlijiet addizzjonali li ma kienux magħrufa meta ħarġet is-sejħa għall-offerti, il-kuntratt ġie estiż sal-aħħar ta’ Settembru 2021. Għaldaqstant, mhux minnu li x-xogħol fuq il-mini tawwal “għal diversi snin” biex ikun lest kif qal l-Onorevoli Bezzina.
Xogħlijiet fuq toroq – nuqqasijiet fuq ippjanar u koordinament
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għal diversi nuqqasijiet fi kważi x-xogħlijiet kollha li jirrigwardaw toroq f'dak li hu ppjanar u koordinament?
Response (BORG, IAN)
Peress li l-Gvern qed iwettaq investiment bla preċedent fit-toroq, b’ħafna u ħafna xogħlijiet f’kull lokalità biex ikollna infrastruttura ta’ kwalità ogħla wara għexieren ta’ snin ta’ telqa, ikun apprezzat jekk l-Onorevoli Bezzina jispeċifika liema toroq e¿attament qed jagħmel referenza għalihom u anke jgħid b’mod speċifiku wkoll x’inhuma n-nuqqasijiet li qed jalludi għalihom.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitlesta x-xogħol fi Triq il-Ħajt tal-Matla, fl-Mqabba peress li x-xogħol beda aktar minn 4 xhur ilu u sal-lum dan ix-xogħol għadu mhux lest b'inkonvenjent kbir għar-residenti li joqogħdu f'din it-triq tant li hemm min lanqas jista’ jidħol jew joħroġ mill-garaxx tiegħu?
Response (BORG, IAN)
Infrastructure Malta bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 750 toroq residenzjali u rurali minn kemm ilha li twaqqfet fis-sajf tas-sena 2018, li jfisser li lestiet medja t’aktar minn erba’ toroq fil-ġimgħa f’dawn l-aħħar snin.
L-aġenzija tejbet il-kwalità ta’ dawn it-toroq fl-istess żmien li lestiet fost l-ikbar proġetti ta’ toroq arterjali u faċilitajiet marittimi f’pajjiżna, bħal Marsa Junction Project u l-Breakwater tal-Qrejten, f’Marsaxlokk, filwaqt li baqgħet għaddejja bi programm kontinwu ta’ tiswijiet u manuntenzjoni f’ħafna toroq oħrajn.
Fil-lokalità ta’ l-Imqabba Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija, Triq ġdida fi Triq Innoċenzju, Triq is-Serrer, Triq il-Familja Brincati, Sqaq Buħar, Sqaq tas-Sejba, Triq ix-Xatba l-Ħamra, Sqaq fi Triq il-Parroċċa u Triq tal-Isqof. Bħalissa qegħdin isiru Triq il-Belt Valletta kif ukoll Triq George Martin u Triq il-Ħajt tal-Matla li t-tnejn daqt ikunu lesti. Bħala xogħlijiet Triq il-Ħajt tal-Matla kellha tiġi ffurmata u anke nbnew ħitan, u ġew mgħoddijin sistemi ġodda taħt l-art għad-drenaġġ, ilma u servizzi ta’ telekomunikazzjoni qabel mhi se tinkesa bl-asfalt fil-jiem li ġejjin.
Dan l-investiment biex titjieb il-kwalità tat-toroq se jissokta fis-snin li ġejjin bil-bini mill-ġdid t’aktar toroq fil-lokalitajiet madwar Malta biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.
Jista’ l-Ministru jagħti l-assigurazzjonijiet tiegħu li ġibjun tal-ilma li inbena reċentement fl-Imqabba minn Infrastructure Malta ma ġiex ikkontaminat bid-dranaġġ wara li d-dranaġġ fil-Pjazza tal-Imqabba u t-toroq tal-madwar, faru fil-water culvert li jagħti għal ġo dan il-ġibjun?
Response (BORG, IAN)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħadet kampjuni tal-ilma minn dan il-ġibjun biex jiġi stabbilit jekk hemmx kontaminazzjoni, u li dawn it-testijiet għadhom għaddejjin.
Tista’ l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li d-dranaġġ fil-Pjazza tal-Mqabba u t-toroq tal-madwar xi ġimgħat ilu faru fil-water culvert li hemm fl-istess pjazza? Tista’ tgħid fiex kienu jikkonsistu dawn il-ħsarat u jekk dawn tranġawx? Tista’ tgħid jekk il-ġibjun li fihom jagħtu dawn il-water culverts ġiex ikkontaminat bid-dranaġġ, u jekk fl-affermattiv x'sar biex ma tiġix ikkontaminata l-water table peress li dan il-ġibjun huwa tat-tip 'soak away'?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fiż-żona ndikata kien hemm xi ħsarat fin-network tad-drenaġġ li ġie kkaġunat minn materjal sanitarju u li dan ma jiddisolvix fl-ilma. Din il-ħsara ġiet solvuta immedjatament skond il-proċedura stabilita tal-Korporazzjoni. Testijiet għadhom għaddejin biex jiġi ddentifikat jekk kienx hemm kontaminazzjoni tal-ġibjun fl-akkwati.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta' bini mill-ġdid ta' Triq l-Indipendenza, Ħaż-Żebbuġ (Malta) hux isir mal-livelli tat-triq oriġinali hekk kif inħarġu mill-Awtorità tal-Ippjanar? Barra minn hekk, jista’ jikkonferma jekk hux minnu li l-main tad-dranaġġ u l-main tal-ilma li saru f'din it-triq sar fil-wiċċ tat-triq u mhux skont il-fond stabbilit? Jista’ jikkonferma wkoll li qabel issir it-triq jiġu mgħoddija l-cables kollha tad-dawl biex wara li jingħata t-tarmak ma jkollhiex għalfejn terġa’ tinqala’ t-triq? X'inhi r-raġuni li għalkemm jgħaddi ħafna ilma tax-xita minn din it-triq, ma sarux culverts tal-ilma?
Response (BORG, IAN)
Qabel ma tibda x-xogħlijiet fi triq, Infrastructure Malta tikkonsulta bosta partijiet interessati biex ti¿gura li t-tijib ippjanat isir b’mod li jissodisfa rekwi¿iti differenti, ħalli b’hekk wieħed jieħu l-aħjar li jista’ mill-investiment li jsir u biex dan iservi aktar fit-tul. Entitajiet u kumpaniji li għandhom netwerks tas-servizzi tagħhom għaddejjin minn taħt l-art fit-toroq jiġu kkuntattjati biex jiċċekkjaw jekk l-infrastruttura tagħhom ikollhiex bżonn li tissaħħaħ jew tinbidel bħala parti mix-xogħlijiet tat-toroq ippjanati, u b’hekk jitnaqqas ir-riskju ta’ xogħlijiet oħrajn fl-istess toroq fil-futur previdibbli.
Il-periti ta’ Infrastructure Malta huma wkoll f’kuntatt kostanti mal-Kunsilli Lokali, li jista’ jkollhom talbiet għal xogħlijiet addizzjonali biex isolvu sfidi speċifiċi li jiffaċċjaw ir-residenti taż-żona, jew biex jintroduċu faċilitajiet ġodda.
Ix-xogħlijiet fit-triq indikata qegħdin isiru skont ma talbu l-entitajiet rispettivi u mal-livelli maħruġin mill-Awtorità tal-Ippjanar u dawk tas-servizzi mal-livelli mogħtijin mill-entità konċernata. F’din it-triq se jsiru wkoll xogħljiet fuq is-sistema għall-ġbir tal-ilma tax-xita.
Ħaż-Żebbuġ – Triq l-Indipendenza – main tad-dranaġġ u main tal-ilma
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux minnu li l-main tad-dranaġġ u l-main tal-ilma li saru fi Triq l-Indipendenza, Ħaż-Żebbuġ (Malta) saru fil-wiċċ tat-triq u mhux skont il-fond stabbilit? Tista’ tikkonferma wkoll li qabel issir it-triq jiġu mgħoddija l-cables kollha tad-dawl biex wara li jingħata t-tarmak ma jkollhiex għalfejn terġa’ tinqala’ t-triq?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li reċentament ma kien hemm l-ebda xogħol relatat mat-tqegħid ta’ mains tal-ilma tad-dranaġġ fit-triq imsemmija. Dawn il-mains kienu saru fil-perjodu 2011-2013.
Rigward il-cables tad-dawl l-Enemalta plc m’għandha ppjanat l-ebda xogħolijiet relatati ma’ tqegħid ta’ cable fl-imsemmija triq, hekk kif dan diga’ sar matul is-sena 2020.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li kull fejn isir xogħol ta' toroq mhux qed tiġi introdotta sistema ta' water culverts biex l-ilma tax-xita jinġabar u jkun jista’ jintuża mill-bdiewa għat-tisqija minflok jispiċċa jinħela fil-baħar, barra l-fatt li qed jgħarraq it-toroq tagħna bil-konsegwenza li malli tagħmel ħalba xita qed tinħoloq konġestjoni sħiħa tat-traffiku mal-pajjiż kollu?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta jikkonsultaw ma' diversi entitajiet meta jkunu ħa jagħmlu xi triq ġdida. Minn naħa tal-PWD fejn ikollhom xi nformazzjoni jew ta' xi culverts eżistenti,jew proposti ta' sistemi ta' stormwater ġodda li jkunu ħadmu fuqhom jew fejn ikun hemm possibilta’li jitqabbdu mall-Infrastruttura tal-NFRP, il-PWD jgħaddu din l-informazzjoni lil IM biex jikkunsidrawha fil-proġetti tagħhom.
Is-sistemi li jikkontrollaw l-ilma tax-xita jitqiesu bħala element integrali u ndispensabli fid-disinn tat-toroq u l-proġetti proposti.
Żurrieq -Triq San Martin – żamma ta’ ilma tax-xita
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li Triq San Martin, iż-Żurrieq li ngħatat it-tarmak minn Infrastructure Malta xi xhur ilu, qed iżżomm ammont kbir ta' ilma tax-xita bil-konsegwenza li residenti ta' din it-triq qed isibuha diffiċli jidħlu fi djarhom?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li Infrastructure Malta għamlet water culvert f’parti mit-triq indikata.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li wara li ntefqu madwar €5 miljuni biex ġiet irranġata ż-żona taċ-Chadwick Lakes fl-akkwati ta' Wied Qlejgħa, it-triq f'din iż-żona ċediet b'periklu għal kull min jagħmel użu minnha?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru kkonċernat.
Mina bejn Malta u Għawdex – Xemxija Hill u niżla tal-Mellieħa – mitigation measures
Question
Peress li Xemxija Hill u n-niżla tal-Mellieħa jkunu kollha imblokkati bit-traffiku, speċjalment fir-‘rush hours’, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn it-toroq ikunux affetwati meta tibda tiffunzjona l-mina bejn Malta u Għawdex? Jekk fl-affermattiv, x' 'mitigation measures' ser jittieħdu biex din il-problema tiġi solvuta speċjalment meta tibda taħdem il-permanent link bejn iż-żewġ gżejjer?
Response (BORG, IAN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal risposta li qed tingħata għal mistoqsija Parlamentari numru 22403 tas-seduta 494.
Permanent link bejn Malta u Għawdex – prezz tan-noll
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk qabel il-Gvern Malti jikkommetti ruħu fuq il-bini tal-permanent link bejn Malta u Għawdex mal-konsorzju short listed, għandux indikazzjoni kemm ser ikun jiswa n-noll għal min ikollu bżonn juża l-mina? Kif ser ikun jikkompara n-noll għal min juża l-mina bejn Malta u Għawdex u l-prezz tan-noll tal-vapur preżentement? L-Għawdxin ser jibqgħu jgawdu mis-sussidju fuq in-noll biex jaqsmu bejn iż-żewġ gżejjer?
Response (BORG, IAN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal risposta li qed tingħata għal mistoqsija Parlamentari numru 22403 tas-seduta 494.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji, rapporti u proposti kollha li saru mill-kumpanija internazzjonali ta' konsulenza li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fir-rigward tal-proposta tal-Metro?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dal-għodu Transport Malta ippubblikat l-istudji kollha li qed jiġu mitluba u li saru mill-kumpanija internazzjonali ta' konsulenza li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament. Dawn l-istudji bl-isem ta’ ‘Strategic Business Case’ u ‘Feasibility Study’ jinsabu pubbliċi u online, filwaqt li qed npoġġu fuq il-mejda tal-kamra ‘3 screenshots’ li jinkludu wkoll il-website indikata.
L-istudji sħaħ issa wkoll jinsabu fuq is-sit metro.mt u fid-dawl li huma studji voluminużi jkun għaqli li wieħed jaċċesahom mis-sit
https://www.metro.mt/
Infakkar li l-Gvern talab lill-kumpanija ta’ fama internazzjonali ARUP biex tagħmel studju dwar il-possibbiltà ta’ trasport tal-massa f’pajjiżna. Nhar is-Sibt 2 ta’ Ottubru, il-Gvern ippubblika għad-diskussjoni r-riżultati ta’ dan l-istudju bil-għan li l-poplu jkun jista’ jiddiskuti l-konklużjonijiet u jekk il-pajjiż għandux jimxi f’din id-direzzjoni.
Kif kien diġa’ spjegat l-istudju fih rakkomandazzjonijiet u proposti ta’ għażliet differenti li eventwalment trid tittieħed deċiżjoni dwarhom wara diskussjoni mal-poplu. Eventwalment, jekk il-pajjiż jiddeċiedi li jmur għall-proġett, ikunu jridu jsiru studji oħra fosthom dawk ġeoloġiċi, dawk tal-impatt ambjentali u oħrajn.
Ninnota b’interess li dak ippubblikat fit-2 ta’ Ottubru ħoloq interess u kienu diversi l-persuni li saħansitra żaru l-esebizzjoni fid-daħla tal-Belt Valletta.
L-investiment ta’ €6.25 biljun kienet fost il-punti li l-iktar ġew innotati mill-midja, għalkemm irid jingħad li kif spjegaw l-esperti fi briefing apposta din l-istima tinkludi kontinġenza ta’ 45% li fiha tieħu akkont ta’ inċertezzi li jistgħu jinstabu fil-proċess tal-kostruzzjoni. Ovvjament bħala Gvern jekk kemm-il darba nagħżlu li nkunu qed immorru għal din it-triq, se nkunu qed naraw li jkun hawn diskussjoni serja u xierqa dwar dan il-proċess filwaqt li nesploraw forom differenti ta’ finanzjament anke billi nidħlu f’diskussjonjiet mal-Kummissjoni Ewropea dwar possibilta’ ta’ finanzjment Ewropew ukoll.
Kif isemma fit-tnedija wieħed ma jistax jifred din id-diskussjoni minn oħrajn importanti, fosthom dik tar-reklamazzjoni tal-art hekk kif proġett ta’ dan it-tip joħloq skart qawwi tal-kostruzzjoni li għandna nħarsu lejh bħala riżorsa.
Fl-istess ħin irid jingħad li fost bosta benefiċċji li dan l-istess mezz ta’ trasport iġib miegħu hemm ukoll dawk li ma tistax tikkwantifikahom fosthom; iż-żieda fil-produttiva ekonomika, l-impatt qawwi fuq it-turiżmu, l-impatt fuq id-dehra ta’ pajjiżna fejn jidħol l-investiment dirett barrani kif ukoll l-impatt ambjentali u pożittiv fuq il-kwalità tal-ħajja.
Kif diġa’ spjegat dawn huma biss studji u pariri ta’ esperti internazzjonali u mhux pożizzjoni aħħarija tal-Gvern u għalhekk nkompli nħeġġeġ lill-pubbliku inġenerali biex jagħti r-rakkomandazzjonijiet tekniċi u amministrattivi tiegħu f’din id-diskussjoni nazzjonali sabiex jekk kemm-il darba naraw li se nkunu qed immorru għal sistema ta’ trasport tal-massa bħal din, tkun waħda kif jixtieq il-poplu Malti u Għawdxi u li tkun fuq kollox soluzzjoni fattibli.
Proposta tal-Metro – studji, rapporti u proposti — nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew l-istudji, rapporti u proposti kollha li saru mill-kumpanija internazzjonali ta' konsulenza li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fir-rigward tal-proposta tal-Metro?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiza minfuqha fuq dawn l-istudji sa issa tammonta għal € 1,807,907.41
Jista’ l-Ministru jgħid kif ser tiġi ffinanzjata l-proposta tal-Metro, jekk hux b’fondi tal-Unjoni Ewropea, finanzjament tal-Gvern Ċentrali jew finanzjament tal-privat?
Response (BORG, IAN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal risposta li qed tingħata għal mistoqsija Parlamentari numru 22399 ta’ din l-istess seduta.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, hekk kif sottomessi mill-konsorzju shortlisted għal bini tal-permanent link bejn Malta u Għawdex:
(a) id-disinn tal-mina inkluż 'typical longitudinal sections' u 'typical transverse sections';
(b) il-pjanti li jindikaw ir-rotta minn fejn ser tgħaddi l-mina;
(c) indikazzjoni tal-fond (depth) tal-mina mill-'mean sea level' kull 500metru tul?
(d) it-teknika li ser tintuża biex tinbena l-mina (hux 'precast' fil-wiċċ tal-baħar jew 'boring' fil-blat);
(e) 'break down' tal-istima tax-xogħlijiet kollha li ser isiru biex tinbena l-mina hekk kif ġew sottomessi mill-konsorzju 'shortlisted'?
Response (BORG, IAN)
L-ippjanar tal-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex beda diversi snin ilu meta Transport Malta varat diversi studji tekniċi, soċjali u ekonomiċi dwar il-vijabilità tal-proġett. Infrastructure Malta ġiet fdata b’dan il-proġett malli twaqqfet fl-2018. Ftit wara, f’Diċembru tal-istess sena, l-aġenzija ppubblikat pre-information notice fejn ħabbret li kienet se tniedi proċess kompetittiv biex tagħżel il-konċessjonarji li hemm bżonn biex tinbena din l-infrastruttura ġdida.
Il-proġett propost jinkludi l-bini ta’ mina twila 14-il kilometru, parti minnha taħt il-baħar, li jkollha żewġ korsiji għall-vetturi, waħda f’kull direzzjoni, bi spazju bejniethom li jkun wiesgħa biżżejjed għall-inġenji t’emerġenza. Din il-konnessjoni permanenti li tant ilha mistennija biex issir bejn iż-żewġ gżejjer ser telimina l-isfidi ekonomiċi u soċjali li l-familji u n-negozji Għawdxin ilhom iħabbtu wiċċhom magħhom għexieren ta’ snin minħabba l-limitazzjonijiet li jeżistu fis-servizzi eżistenti bil-baħar u bl-ajru.
F’Jannar 2020, Infrastructure Malta ħarġet sejħa internazzjonali fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sabiex tistieden kumpaniji u konsorzji interessati biex jipparteċipaw fl-ewwel stadju minn tlieta tal-proċess li għandu jwassal biex jintgħażel il-kunċessjonarju li ser jiddisinja, jibni, jiffinanzja, jopera u jieħu ħsieb il-Mina bejn Malta u Għawdex.
Kif diġa’ ġie spjegat pubblikament diversi drabi f’dawn sentejn, f’dan l-ewwel stadju, dawk interessati kellhom iwieġbu kwestjonarju, msejjaħ pre-qualification questionnaire (PQQ) sabiex juru li diġà għandhom eseperjenza fil-bini ta’ mini simili, li għandhom rekord tajjeb fl-ħarsien tal-ambjent u s-saħħa u s-sigurtà, kif ukoll li għandhom il-kapaċità teknika meħtieġa. B’hekk, fil-bidu ta’ dan il-proċess kompetittiv, qed niżguraw li dawk li qed jieħdu sehem fih, jekk finalment jintgħażlu, verament ikunu kapaċi jwettqu proġett daqstant kbir bl-ogħla livelli t’effiċjenza, sostenibilità u sigurezza.
Erba’ kumpaniji u konsorzji minn pajjiżi differenti ssottomettew il-PQQ sabiex daħlu f’dan il-proċess. It-tagħrif li taw ġie evalwat fuq kriterji stabbiliti minn qabel fix-xhur li għaddew sabiex f’Settembru li għadda ħarġet l-ewwel rakkomandazzjoni li tgħid li konsorzju wieħed biss jidher li laħaq il-kriterji stabbiliti biex jimxi għall-istadji li jmiss ta’ dan il-proċess tal-għażla. Madankollu, kif inhu magħruf, tnejn mill-offerenti l-oħrajn issottomettew appell biex joġġezzjonaw għar-rakkomandazzjoni li huma ma jimxux għat-tieni stadju tal-proċess. Dan ifisser li wara is-smigħ ta’ dawn l-appelli, ir-rakkomandazzjoni finali dwar liema mill-offerenti ser jgħaddu għall-pass li jmiss tista’ tinbidel.
Bħal ma jaf kull min huwa midħla ta’ proċessi tal-għa¿la bħal dawn u hekk kif ġie spjegat kemm-il darba, fl-istadju tal-PQQ t-tagħrif li qed jintalab f’din il-mistoqsija Parlamentari għadu mhux disponibbli. Fl-ewwel stadju l-offerenti ma jintalbux jagħtu dettalji speċifiċi bħal pjanti, metodi ta’ kif ser issir il-mina, u stimi. Lanqas għadhom ma bdew jiġu kkunsidrati aspetti relatati man-nollijiet tal-mina, peress li dawn ikunu jistgħu jiġu sottomessi fit-tielet stadju tal-proċess.
Meta, fiż-żmien li ġej, ikunu kkunsidrati ż-żewġ appelli pendenti għar-rakkomandazzjoni tal-ewwel stadju, ikun jista’ jibda t-tieni stadju tal-proċess. L-offerrenti li finalment jgħaddu mill-ewwel proċess jidħlu f’dak li jissejjaħ Invitation to Participate in Dialogue (ITPD). Hawnhekk il-parteċipanti jridu jissottomettu pjanijiet tekniċi dettaljati tal-istruttura proposta minnhom għall-mina, kif ukoll dwar l-implimentazzjoni, l-operat u l-manutenzjoni tagħha kemm-il darba jingħataw il-konċessjoni biex iwettquha. Kull parteċipant jiġi mistieden għal taħditiet biex jispjega l-proposta tiegħu lit-tim tal-evalwazzjoni li se jkun qed janalizza kull proposta.
Wara li jkunu ċċarati l-pjanijiet tekniċi ta’ kull offerent, il-proċess tal-għażla jgħaddi għall-istadju finali tal-Best and Final Offer (BAFO). Il-parteċipanti li jkunu ħadu sehem fit-tieni stadju tal-ITPD jintalbu jagħmlu l-proposta finali tagħhom għall-proġett, li tkun tinkludi wkoll tagħrif dwar in-nollijiet proposti. Din trid tinkludi offerta dettaljata kemm mil-lat tekniku kif ukoll finanzjarju. Ikun hawnhekk li t-tim tal-għażla jirrakkomanda d-deċiżjoni finali dwar liema tkun l-aħjar offerta skont il-kriterji stabbiliti.
Filwaqt li għaddej il-proċess tal-għażla, timijiet t’esperti ilhom għal dawn l-aħħar snin għaddejjin b’diversi studji, li uħud minnhom ġew konklużi diġa u ġew ippubblikati. Fosthom hemm studji ġeoloġiċi u ġeo fiżiċi li saru fuq kampjuni tal-blat li tħaffru minn fuq l-art u minn qiegħ il-baħar miż-żona fejn tista’ ssir il-mina, studji preliminari dwar l-andament tat-traffiku, kif ukoll stħarriġ ieħor xjentifiku fuq l-art u f’qiegħ il-baħar. Saru wkoll disinji preliminari ta’ kif tista’ tkun il-mina. Dawn kollha ġew pubblikati diġa.
Tim t’esperti indipendenti approvati mill-awtoritajiet tal-ambjent u l-ippjanar qed jagħmlu wkoll studju estensiv dwar l-impatt ambjentali (EIA) tal-proġett. Dan jinkludi analiżi xjentifika tal-impatti kollha possibbli li jista’ jkollu l-proġett, fosthom dawk fuq il-baħar, fuq il-ħajja naturali fl-inħawi, fuq l-arja, fuq l-agrikoltura, fuq il-wirt storiku u ħafna u ħafna aspetti oħrajn. Dan l-istudju ma jistax jiġi konklużi qabel ikun hemm rakkomandazzjoni finali dwar liema kuntratturi ser jiddisinjaw, jibnu u joperaw il-mina. Ikun biss f’dan l-istadju li jkun magħruf x’inhi l-proposta teknika finali u b’hekk ikunu jistgħu jiġu konklużi b’mod serju dawn l-istudji dwar l-impatti ambjentali, soċjali u ekonomiċi tal-proġett.
Qed isiru ukoll Micro Simulation Model biex jiġi analiżżat kif il-mina ser ikun qed taffettwa l-junctions u t-toroq tal-madwar. Filwaqt li dan l-istudju mistenni juri fid-dettal kif it-tibdil fir-rotot tal-ivvjaġġar lejn Għawdex ser jimpatta ż-żoni tal-inħawi, peress li l-post propost għall-ħruġ tal-mina f’Malta huwa qrib il-Bypass ta’ San Pawl il-Baħar, b’konnessjoni diretta miegħu, mill-ewwel indikazzjonijiet ma jidhirx li dawn ser jaffettwaw b’mod negattiv it-toroq li jinsabu aktar lilhinn lejn it-tramuntana mill-Bypass ta’ San Pawl, fosthom Telgħet tax-Xemxija, Triq il-Mistra u t-Telgħa ta’ Selmun.
Studji oħrajn li għadhom qed isiru kellhom jitwaqqfu temporanjament fix-xhur li għaddew minħabba l-mi¿uri ta’ ħarsien kontra l-pandemija, peress li dawn jirrikjedu konsultazzjoni wiesa’ ma’diversi stakeholders. Fl-istess waqt, jeħtieġ jiġi żgurat li r-riżultati soċjoekonomiċi ta’ dawn il-konsultazzjonijiet ma jkunux influwenzati mill-kundizzjonijiet predominanti imposti mill-istess pandemija. Infrastructure Malta tinsab f’komunikazzjoni mal-esperti tagħha biex jiggwidawha meta dawn l-istudji jistgħu jitkomplew.
Ladarba jitlestew il-proċessi tal-għażla tal-kuntratturi u l-istudji relatati, dawn jiġu ppubblikati għall-konsultazzjoni pubblika, hekk kif jitlob il-proċess stabbilit biex ikun determinat il-permess għall-proġett mill-awtoritajiet tal-ambjent u l-ippjanar.
Jista’ l-Minstru jgħid xi studji fadal isiru qabel jibda x-xogħol fuq il-permanent link bejn Malta u Għawdex fosthom dawk ambjentali tal-'approach roads' tal-mina?
Response (BORG, IAN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal risposta li qed tingħata għal mistoqsija Parlamentari numru 22403 ta’ din l-istess seduta.
Il-Mellieħa – Triq Ġorġ Borg Olivier – standards tax-xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta' tarmak fuq Triq Ġorġ Borg Olivier fil-Mellieħa sarx skont l-istandards rikjesti u jekk il-ħlas dovut għal dan ix-xogħol sarx jew le? X'testijiet saru biex jiġi ivverifikat jekk is-'surface profile' tat-triq laħaqx il-livell ta' kwalità mixtieqa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet li saru minn Infrastructure Malta fit-triq indikata u tlestew fil-ġimgħat li għaddew kienu jinkludu wkoll titjib fis-sistemi taħt l-art għad-distribuzzjoni tas-servizzi tal-ilma, dawl u tat-telekomunikazzjoni, kif ukoll titjib tas-sistema għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita. Wara li ssaħħew il-pedamenti tat-triq sar wiċċ ġdid b’diversi saffi t’asfalt u reġgħu saru s-sinjali.
Bħal kull xogħol ieħor, wara li tlestew ix-xogħlijiet ewlenin issa għaddejjin it-testijiet u proċeduri oħrajn ta’ verifikar tal-kwalità, biex ikun assigurat li x-xogħol li sar laħaq il-livelli meħtieġa mill-aġenzija.