Birżebbuġa – Proġett għar-Riġenerazzjoni tal-Impjant ta’ San Luċjan
Question
Tista’ l-Ministru tgħid meta se jibda x-xogħol fuq il-Proġett tas-Siċċa f'Birżebbuġa biex jiġi riġenerat l-Impjant ta' San Luċjan li ġie mħabbar ftit ġranet qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li diġà tħejja Outline Decommissioning Plan maqbul mal-ERA dwar kif għandu jsir id-decommissioning tal-impjant eżistenti ta’ San Luċjan sabiex is-sit ikun jista’ jiġi ppreparat għall-Proġett tas-Siċċa. Dan il-pjan se jintuża bħala bażi għat-tender li se jinħareġ għall-iżmantellar tas-sit.
Sabiex jiġi assigurat illi x-xogħlijiet isiru sew se jitqabdu Project Managers u Health & Safety Project Supervision, biex jissorveljaw ix-xogħlijiet mill-aspetti ta’ project management, kif ukoll bħala sorveljanza dwar l-aspetti ta’ saħħa u sigurtà.
Sadanittant qed jiġi ppreparat ix-xogħol għal Ground Water and Soil Investigation, Cleaning and Waste Disposal hekk kif maqbul fl-Outline Decommissioning Plan mal-ERA.
Fi kwalunkwe stadju qed jinżamm kuntatt mal-ERA.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol fuq Triq l-Imnarja, f'Birżebbuġa peress li affettwa b'mod negattiv ir-rotot tat-trasport pubbliku?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex tibni mill-ġdid it-triq indikata, Infrastructure Malta għamlet tibdil u titjib tas-sistemi taħt l-art għad-distribuzzjoni tas-servizzi tal-ilma u dawl, kif ukoll ilqugħ għall-ilma tax-xita u bini mill-ġdid tal-bankini. Waqt dawn ix-xogħlijiet dejjem tħalla aċċess għat-trasport pubbliku. It-triq waslet fl-istadju li qed jissaħħu l-pedamenti u jsirilha wiċċ ġdid b’diversi saffi t’asfalt u għandha titlesta fil-ġimgħat li ġejjin.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 142 u 1112, jista' l-Ministru jgħid jekk:
(a) jeżistix elenku/lista/reġistru tal-ħaddiema involuti fis-Settur Agrikolu skont is-sengħa u tip ta’ ingaġġ (full/part-time u/jew każwali); u
(b) jekk din l-informazzjoni hijiex miġbura anke minn entitajiet oħrajn, fosthom il-Jobsplus?
Jekk il-Gvern m’għandux l-informazzjoni hawn fuq imsemmija, jista' l-Ministru jgħid kif il-Gvern u/jew entitajiet u dipartimenti tiegħu jistgħu:
(a) jitkellmu fuq l-impatt ta’ ċerti issues, bħal tnaqqis ta’ bejgħ, fuq il-ħaddiema u l-familjari tagħhom;
(b) jikkalkolaw kemm se jiġu jiswew miżuri għal għajnuna bħala kumpens ta’ nuqqas ta’ dħul għall-ħaddiema fis-settur; u
(ċ) jipproġettaw miżuri biex ħaddiema fis-settur li jispiċċaw bla xogħol isibu xogħol alternattiv u s-sengħa u l-ħiliet tagħhom ma jintilfux?
Response (REFALO, ANTON)
Skont l-aħħar figuri miġburin mill-Uffiċċju tal-Istatiska, jidher illi 93.7% tal-azjendi agrikoli jitħaddmu minn bdiewa weħidhom. Dan jindika li ftit huma dawk li jħaddmu nies fl-intrapriża tagħhom. Għadaqstant,l-informazzjoni li għandu dan il-Ministeru dwar min jaħdem l-art agrikola tista’ tintuża għall-iskopijiet sabiex:
· Jiġi studjat l-impatt fuq numru ta’ kwistjonijiet relatati mas-settur;
· Jsiru kalkolazzjonijiet fuq kemm ser jiġu jiswew miżuri għall-kumpens skont il-ħtieġa li tinħoloq f’dan is-settur; kif ukoll
· Jiġu proġettati miżuri varji sabiex dejjem itejbu u jsaħħu dan is-settur filwaqt li jibbenefikaw il-partijiet interessati kollha fi ħdan is-settur.
Infurmat ukoll illi informazzjoni dwar jekk il-bdiewa humiex irreġistrati bħala part-time u full-time tinżamm mill-Jobsplus.
Reġistru ta’ ħaddiema fis-Settur Agrikolu – advisory cost limit biex jinġabar it-tagħrif
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 142, jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-advisory cost limit biex tinġabar l-informazzjoni kif mitluba f'din il-mistoqsija parlamentari?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 18788.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 820, jista’ l-Ministru jgħid fiex kien jikkonsisti t-titjib fir-riforma tal-Pitkalija maqsuma sena b’sena mill-2018, 2019, 2020, 2021 u 2022 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż in-nefqiet relatati sena b’sena?
Response (REFALO, ANTON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella segwenti.
Sena
Tip ta’ Nefqa
Ammont €
2020
Tagħmir (equipment)
/
2020
IT
/
2020
Titjib tal-Faċilitajiet (upgrading of facilities)
/
2021
Tagħmir
286,224
2021
IT
6,735
2021
Titjib tal-Faċilitajiet
191,206
2022
Tagħmir
64,719
2022
IT
30,644
2022
Titjib tal-Faċilitajiet
229,082
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 819, jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-budget għat-tieni nofs ta’ din is-sena f’dak li għandu x’jaqsam ma’ reklamar tal-prodott lokali?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ bastimenti tas-sajd irreġistrati f’Malta u f’Għawdex separatament sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ bastimenti tas-sajd f’Malta u f’Għawdex li huma reġistrati mad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura, sal-lum huwa kif jidher fit-tabella t’hawn taħt.
Kategorija tal-Bastimenti
Numru ta’ Bastimenti rregistrati f’Malta
Numru ta’ Bastimenti rregistrati f’Għawdex
Total fil-Kategorija
MFA
329
64
393
MFB
334
85
419
MFC
1596
330
1926
Total ta’ Bastimenti tas-Sajd
2259
479
2738
B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1253, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb illi titwessa’ ftit Triq Ħal Far - li miż-Żurrieq tagħti għal Birżebbuġa – mill-Kappella ta’ Sant’Agata sal-fdalijiet tal-Bakkari, peress li f’partijiet minnha t-triq tant hi dejqa li ma jgħaddux żewġ karozzi maġenb xulxin, u dan peress illi din it-triq hija alternattiva għall-mini ta’ Ħal Kirkop?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma jeżistux pjanijiet sabiex isir twessigħ ta’ toroq fl-akwati indikati.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1252, jista’ l-Ministru jkun dirett fir-risposta tiegħu u jgħid meta se jitlesta għalkollox il-proġett tal-Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project (KTAIP)?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project (KTAIP) huwa mmirat li jitlesta sa nofs is-sena d-dieħla.
L-Imqabba – xogħol ta’ tisbiħ – performance guarantee
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1250, jista’ l-Ministru jgħid jekk xi parti mill-Peformance Guarantee li kienet tammonta għal €178,222.67 ġietx miżmuma mill-Gvern ħalli f'każ li jirriżultaw aktar difetti fix-xogħol li sar, hekk kif kien il-każ f'dawn l-aħħar xhur, il-kuntrattur ikun kostrett jagħmel ix-xogħlijiet ta' tiswija neċessarji mingħajr dewmien u a spejjeż tiegħu? Jekk fl-affermattiv, kemm hu l-ammont ta' flus miżmum mill-Gvern u għal liema tul ta' żmien?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-istess kuntratti, jinżammu wkoll Retention Monies ta’ 5% fuq il-valur tax-xogħol kollu li jkun iċċertifikat għal sentejn wara li jitlesa l-proġett. Għaldaqstant, mill-ħlasijiet dovuti lill-kuntrattur, inżammet is-somma ta’ €100,567.04 (inkluż VAT) bħala garanzjia għal difetti li jistgħu jirriżultaw f’dan il-perjodu. Din is-somma tiġi rilaxxata f’erba’ pagamenti indaqs, wieħed kull sitt xhur, wara li l-kuntrattur ikun għamel it-tiswijiet meħtieġa ta’ difetti li jkunu ġew identifikati fil-perjodu relatat u wara li dawn it-tiswijiet jiġu ċċertifikati mill-Perit inkarigat.
Sa issa ġew rilaxxata nofs ir-Retention Monies u għalhekk hemm is-somma ta’ €50,283.52 miżmuma. Nofs din is-somma ser tiġi rilaxxata dalwaqt, wara ċ-ċertifikazzjoni tal-Perit inkarigat, waqt li l-kumplament tas-somma ser tiġi rilaxxata wara Marzu 2023 jekk ikun hemm iċ-ċertifikazzjoni meħtieġa.
B’referenza għal parti mid-diskors tal-Ministru Anton Refalo fid-dibattitu tal-Estimi Ġenerali 2021, partikolarment meta għamel referenza għall-pagamenti taħt Skema tal-Carbon Farming, jista’ l-Ministru jgħid meta ġiet imnedija din l-iskema, xi kriterji ntużaw u kif ġew imqassma dawn il-pagamenti minn meta tnediet l-iskema sad-data tar-risposta?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għall-fini tal-implimentazzjoni tal-Iskema tal-Carbon Farming, ġie mniedi proġett pilota tal-agroforestrija li se jservi sabiex jiġu mkabbra siġar flimkien ma’ attività agrikola fl-għelieqi, proġett li huwa maqsum fuq numru ta’ fażijiet. Dawk kollha magħżula sabiex jipparteċipaw taħt dan il-proġett pilota ġew mibgħuta ittra sabiex min hu interessat jibgħat l-applikazzjoni tiegħu bil-posta, jew bl-imejl, jew inkella sottomessi direttament fl-uffiċini tal-Agri Connect. Il-benefiċjarji eliġibbli għandhom limitu ta’ massimu ta’ 400 siġra marbutin għajnuna finanzjarja ta’ manutenzjoni għal perjodu ta’ erba’ snin sa massimu ta’ €1,000 għal kull ettaru fis-sena. Għal din il-fażi ġew allokati 4,000 siġra li qed jitqassmu lill-benefiċjarji fuq bażi ta’ min jiġi l-ewwel, jinqeda l-ewwel.
Skema għal sussidju fuq majjal u tiġieġ għall-qatla
Question
B’referenza għal parti mid-diskors tal-Ministru Anton Refalo fid-dibattitu tal-Estimi Ġenerali 2021, partikolarment meta għamel referenza għall-pagamenti taħt skema mnedija f’Mejju 2021 li tagħti sussidju fuq majjal u tiġieġ għall-qatla, jista’ l-Ministru jgħid xi kriterji ntużaw u kif ġew imqassma dawn il-pagamenti minn Mejju 2021 sad-data tar-risposta?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li taħt l-Iskema indikata minnu, li hija l-Iskema Nazzjonali għall-Benesseri tal-Majjal, sad-data tar-risposta twettqu pagamenti li jammontaw għal total ta’ €438,125.00. Id-dettalji kollha relatati ma’ din l-iskema, inkluż il-kriterji ta’ eliġibbiltà u informazzjoni dwar il-ħlasijiet li jsiru taħtha huma ppubblikati fil-linji gwida dettjati tal-Iskema.
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 122, 597 u 1117, peress li l-istudji b’rabta mal-proposta tal-Metro li swew lil pajjiżna €1,807,907.41 kienu ilhom lesti xhur, jekk mhux snin, qabel saret l-esibizzjoni msemmija, jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li għas-servizzi biex issir din l-esibizzjoni ma ħarġux tenders kompetittivi varji minflok direct orders? X’inhi r-raġuni li dawn id-direct orders ingħataw lil kumpanija waħda, meta tali servizzi varji setgħu faċilment ingħataw b'tenders varji li kienu jkunu ferm aktar cost effective u t-taxpayer kien ikollu aktar value for money għas-servizzi/prodotti li ngħataw?
Peress li r-regolatur tat-trasport pubbliku hija Transport Malta u Transport Malta taqa’ taħt id-dekasteru tal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, jista’ l-Ministru jgħid min jiddeċiedi u jagħti l-approvazzjoni għall-istallazzjoni ta' bus stops madwar Malta u Għawdex?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta hija l-Awtorità responsabbli li tagħti approvazzjoni finali għall-installazzjoni ta’ bus stops madwar Malta u Għawdex. Fil-maġġoranza tal-każi dan isir wara konsultazzjoni mal-kunsilli lokali rispettivi. Fil-każ ta’ toroq ġodda jew inkella toroq li ġew “upgraded” it-twaħħil ta’ dawn il-bus stops isir skont id-disinn tat-triq.
F’dawn il każi jkun hemm konsultazzjoni bejn Infrastructure Malta u Transport Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn għaqdiet tan-nar liċenzjati madwar Malta u Għawdex, liema huma, humiex ta’ xi soċjetà mużikali partikolari jew privati u f’liema lokalità tinsab kull kamra tan-nar?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi d-dettalji dwar kmamar tan-nar liċenzjati madwar Malta u Għawdex għadhom kif kienu indikati aktar kmieni din is-sena, fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 1264.
Birżebbuġa – Triq tal-Ġebel – tiswija ta’ ħitan tas-sejjieħ
Question
B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1261 fejn ġie mistoqsi meta u minn min se jitranġaw il-ħitan tas-sejjieħ li jinsabu fi Triq tal-Ġebel, f’Birżebbuġa, peress li parti minnhom jinsabu mwaqqgħin u qed ikunu ta’ periklu għal kull min juża din it-triq, jista’ l-Ministru jgħid liema entità se tagħmel dawn ix-xogħlijiet, meta se jibdew u meta se jitlesta x-xogħol relatat biex jitneħħa l-periklu mit-triq?
Response (BONNICI, OWEN)
Kif diġà indikajt fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1261, infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa li għalkemm dan ix-xogħol ma jappartjenix lill-Kunsill Lokali, il-Kunsill Lokali rispettiv xorta waħda qiegħed jesplora kif tali xogħlijiet neċessarji jsiru bil-għajnuna ta' entitajiet oħra.
Iż-Żurrieq – xogħol relatat mat-tnaqqis tal-għargħar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol relatat mat-tnaqqis tal-għargħar mil-lokalità taż-Żurrieq? F'liema toroq sar ix-xogħol s'issa u f'liema toroq fadal isir ix-xogħol? Kemm hu stmat li se jiġi jiswa dan il-proġett u kemm intefqu flus s'issa? X' persentaġġ ta' xogħol sar s’issa u meta hu ppjanat li jitlesta dan ix-xogħol?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninsab infurmat li madwar nofs ix-xogħol relatat mal-proġett għat-tnaqqis tal-għargħar fil-lokalità taż-Żurrieq huwa lest. S’issa tqiegħdu katusi fi Vjal ix-Xarolla u f’iktar min-nofs Triq il-Bronja. Fadal ix-xogħol ta’ tqegħid ta’ katusi fil-kumplament ta’ Triq il-Bronja, Triq Dun Carlo De Giovanni Inglott u Triq Dun Vincenz Schembri, kif ukoll il-bini tal-kaxxi għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita u t-tqegħid tat-tarmak fejn saru t-trinek.
L-istima tax-xogħol hija ta’ madwar €904,450 u s’issa ntefqu €350,000. Huwa stmat li madwar ħamsa u erbgħin fil-mija tal-proġett huwa lest waqt li x-xogħol kollu hu ppjanat li jkun lest fil-bidu ta’ Marzu 2023.