Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni – ħruġ ta’ clearances

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6471, jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li għalkemm fil-maġġor parti tal-każi l-method statement li jiġi pprovdut lill-Awtorità jkun konformi mal-liġi, l-Awtorità xorta qiegħda titlob lill-perit konċernat sabiex jemenda l-method statement?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità titlob lill-perit ikkonċernat sabiex jemenda l-method statement f’dawk il-każi biss meta l-method statement ikun fih informazzjoni nieqsa u/jew ma jkunx formulat skont it-template uffiċjali pprovduta mill-Awtorità. It-template tal-method statement tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità u tista tiġi aċċessata u mniżżla mil-periti bħala word document.

Manteniment tal-ġonna tal-Buskett

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min hu responsabbli mill-manteniment tal-ġonna tal-Buskett li huma proprjetà tal-Gvern? Tista’ tgħid jekk hux jinqata’ l-frott mis-siġar taċ-ċitru li jinsabu f'dawn il-ġonna? Jekk dan il-frott qed jinqata’, x’qed isir minnu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li bħala parti mill-kuntratt tal-GEB għaż-żamma u manutenzjoni tat-tisbiħ f'toroq arterjali u ġonna pubbliċi hemm inkluż ukoll is-siġar taċ-ċitru tal-Buskett. Il-kumplament taż-żoni ġewwa l-ġonna tal-Buskett, eskluż artijiet privati u dawk li għandhom xi forma ta’ titolu mingħand l-Awtorità tal-Artijiet jieħu ħsiebhom id-dipartiment ta’ Ambjent Malta fi ħdan il-Ministeru. Minn din is-sena ċ-ċitru li ser ikun qiegħed jinqata’ fil-Buskett ser jintuża għal għajnuna filantropika. Dan il-proċess huwa amministrat minn Ambjent Malta.

Prezz ta’ Art Agrikola

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif ser jinħadem il-prezz ta' art agrikola abbażi tal-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att sabiex jemenda l-Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’, Kap. 199"?

Response (REFALO, ANTON)

Infakkar lill-Onor. Interpellant kif fl-aħħar xhur, il-Gvern nieda White Paper għall-konsultazzjoni pubblika maħsuba biex jiġu ggarantiti s-sostenibbilità tal-biedja fejn jaħdmu mas-7,500 bidwi, il-produzzjoni tal-ikel u l-ħarsien tal-ambjent rurali. Din hi riforma bla preċedent fil-qasam tar-raba’, li gvernijiet passati wkoll tefgħu taħt it-tapit, imma qed titwettaq b’kuraġġ mill-amministrazzjoni attwali. Ir-riforma, bħala parti mill-Politika Nazzjonali għall-Agrikoltura sal-2028, tipproponi t-twaqqif ta’ awtorità li tħares ir-raba’ privat u żżomm reġistru tal-art agrikola, waqt li tara wkoll li l-iżvilupp ta’ żoni agrikoli bil-konfini ta’ artijiet ta’ valur agrikolu, skont il-Pjanijiet Lokali tal-2006, jingħata d-dritt tal-ewwel preferenza lill-bdiewa kerrejja li jixtru art mikrija lilhom. Hemm ukoll inċentivi finanzjarji li jinkoraġġixxu l-attività u l-investiment fil-qasam tal-biedja. Dan waqt li wkoll ingħatat għajnuna ta’ €3 miljun biex tittaffa ż-żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni agrikola kawża tal-impatt li qed tħalli l-Gwerra fl-Ukrajna. Ninforma wkoll lill-Onorevoli interpellant li fil-jiem li ġejjin il-Gvern se jippubblika Avviż Legali li jiggwida lill-bord kif jistabbilixxi l-prezz ġust tal-art agrikola bl-iskop li tiġi stabbilita il-kirja ġusta.

Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’ — Kalkolazzjoni tal-mezzi tal-kerrej

Question

B'referenza għall-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att sabiex jemenda l-Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’, Kap. 199", jista’ l-Ministru jgħid kif se jiġu kkalkulati l-mezzi tal-kerrej?

Response (REFALO, ANTON)

Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi wkoll għat-tweġiba għall-mistoqsija numru 7089, ninformah li l-Bord għall-Kiri tar-Raba’ għandu l-fakultà li jiddetermina u jqis il-mezzi tal-kerrej fil-proċess li jistabbilixxi l-kera ġusta. Qabel ma nbidel l-Att, il-Bord diġà kellu l-fakultà li jqis il-mezzi tal-kerrej fid-deċiżjonijiet tiegħu taħt l-artikolu 4(2).

Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’ – kriterji għal kundizzjoni tar-raba’

Question

B'referenza għall-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att sabiex jemenda l-Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’, Kap. 199", jista’ l-Ministru jgħid fuq liema kriterju se tiġi stabbilita l-kundizzjoni tar-raba’?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 7089.

Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’ – bord li jimmaniġġja l-liġi

Question

B'referenza għall-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att sabiex jemenda l-Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’, Kap. 199", jista’ l-Ministru jgħid jekk inħatarx il-Bord li se jkollu l-Awtorità li jimmaniġġa din il-liġi u jekk fl-affermattiv, minn min hu ffurmat dan il-Bord?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Bord tal-Kiri tar-Raba’ jinħatar skont l-artikolu 5 tal-Kap. 199 u dwar il-kompożizzjoni tiegħu għandu jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni – korrispondenza mibgħuta lil periti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’hini r-raġuni li korrispondenza mibgħuta mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) lil periti fir-rigward ta’ method statements u korrispondenza oħra relatata, tkun anonima u ħadd ma qiegħed jerfa’ r-responsabbiltà ta’ tali korrispondenza?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li korrispondenza mibgħuta mill-portal tal-BCA dejjem ikollha l-isem tal-uffiċjal li qed jibgħatha, dan minħabba n-natura amministrattiva tal-korrispondenza. Korrispondenza oħra li tintbagħat mis-sistema CRM tkun mingħajr l-isem tal-uffiċjal minħabba li l-uffiċjal tal-Awtorità jkun qed iwassal il-messaġġ tal-assessur.

Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni – ħruġ ta’ clearances

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’termini ta’ skadenzi hemm minn meta jiġi sottomess method statement mal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) sa meta toħroġ il-’clearance’ neċessarja? Hemm xi tip ta’ relazzjoni fid-dewmien ta’ ħruġ ta’ clearances mal-kobor tal-proġett meta ġieli proġetti kbar tinħarġilhom clearance fi tlett ijiem ta’ xogħol (3 working days) u proġetti żgħar ġieli jdumu ġimgħat jistennew li toħroġilhom il-clearance?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma jeżistu l-ebda termini ta’ skadenzi minn meta jiġi sottomess method statement lill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni sa meta toħroġ il-clearance neċessarja. Lanqas issir distinzjoni bejn proġett kbir u proġett żgħir fi ħruġ ta’ clearance. L-Awtorità tagħmel l-almu tagħha sabiex tapprova fl-inqas żmien possibbli. Ħafna drabi l-kawża tad-dewmien biex joħroġ clearance tkun minħabba li l-method statement li ġie pprovdut lill-Awtorità ma jkunx konformi mal-liġi u b’hekk l-Awtorità titlob lill-perit konċernat sabiex jemenda l-method statement. Drabi oħra tkun minħabba li l-Awtorità titlob xi dokumentazzjoni oħra li toħroġ mil-liġi u l-periti konċernat iddum ma jibgħat risposta.

Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni – assessors

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kompetenzi għandhom l-assessors tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) li jassesjaw il-method statements ta’ diversi proġetti peress li qed jitolbu informazzjoni mingħand periti li tkun diġà sottomessa fil-method statements u korrispondenza oħra relatata u b’hekk ikunu qed itawlu ż-żmien biex toħroġ il-clearance neċessarja bla bżonn? X’hini r-raġuni li kull korrispondenza minn dawn l-assessors tkun anonima u mhux iffirmata biex b’hekk ikun hemm it-trasparenza neċessarja?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-assessuri tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni kellhom il-Warrant biex jippratikaw ta’ Perit flimkien ma’ sentejn esperjenza relevanti minn meta rċevew il-warrant; kif kien mitlub mill-istess Awtorità meta ħarġet is-sejħa tal-assessuri u ġew ingaġġati. Għat-tieni parti tal-mistoqsija tiegħek ġentilment ninfurmak li l-assessuri ma jibgħatu l-ebda korrispondenza.

Birżebbuġa – Triq Feliċjan — xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 2994 u 4424, jista’ l-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol fuq Triq Feliċjan, Birżebbuġa, għaliex dawn ix-xogħlijiet qegħdin joħolqu diversi inkonvenjenzi lir-residenti ta' din it-triq, anke fid-dawl li fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 4424 il-Ministru qal li dan ix-xogħol kellu jitlesta sal-aħħar tas-sena 2022, u ċjoè xahar ilu, però sal-lum għadu ma tlestiex?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul Jannar tlestew xogħlijiet ta’ servizzi addizzjonali. Infrastructure Malta se tkun qed tikkonkludi x-xogħlijiet, fosthom, tqaxxir, subbase u asphalt, fi Triq Feliċjan fil-ġranet li ġejjin, suġġett li t-temp jippermetti. It-triq tinsab f’żona li tara ħafna ilma tax-xita, u għaldaqstant mhux ideali li jsiru l-aħħar xogħlijiet fi ġranet bi previżjoni ta’ xita u maltemp, biex jiġu evitati ħsarat lil terzi, primarjament lir-residenti nfushom.

Birżebbuġa – Tal-Papa – dawl tat-triq

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 4453 u 4754, tista’ l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li residenti ta' Birżebbuġa li joqogħdu fl-area Tal-Papa għadhom ibatu minn qtugħ ta' dawl fuq bażi regolari? Tista’ tgħid meta se jsiru t-tiswijiet neċessarji biex jinqata’ l-inkonvenjent li qed isofru r-residenti ta' dawn it-toroq darba għal dejjem?

Response (DALLI, MIRIAM)

Peress li din il-mistoqsija mhix tispeċifika jekk hiex dwar id-dwal tat-toroq jew tar-residenzi, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta fi Triq il-Ġebel sabet diversi lampi maqtugħin li huma fir-responsabiltà tal-kunsill. Jekk il-mistoqsija qed tirreferi għal residenzi, ninfurmah li l-Enemalta għadha kif għaddiet sitt feeders ġodda fl-inħawi tal-Papa u tal-Housing Estate. Ix-xogħol fuqhom u fuq il-linji tal-elettriku minnhom ser ikun lest f’dawn il-ġranet. B’hekk għandha tissolva l-problema tal-provvista tad-dawl f’din iż-żona. Dan huwa wieħed mill-bosta proġetti li qed isiru mill-Enemalta bħala parti mil-pjan ta’ 90 miljun ewro fuq sitt snin għat-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni.

Birżebbuġa – Triq iż-Żibra u ż-żona tal-Papa – Upgrading tas-sistema tad-drenaġġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta se jibda x-xogħol ta' upgrading tas-sistema tad-drenaġġ fi Triq iż-Żibra u fiż-żona Tal-Papa, f'Birżebbuġa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet fi Triq iż-Żibra bdew. Ma hemmx skedat xogħol ta’ upgrading fiż-żona tal-Papa għalissa, għaliex se jkun upgraded in-network li jgħaqqad ma’ dik iz-zona.

Birżebbuġa – Triq tal-Ġebel – irwejjaħ tad-drenaġġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk sarux l-investigazzjonijiet neċessarji biex jinstab x'qed jikkawża rwejjaħ ta' drenaġġ fi Triq tal-Ġebel, Birżebbuġa?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6132 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Birżebbuġa – manutenzjoni ta’ bus shelters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol ta' manutenzjoni ta' diversi bus shelters kif ukoll, fejn hemm bżonn, isiru bus shelters ġodda f’Birżebbuġa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa li l-Kunsill bagħat komunikazzjonijiet lill-kumpanija responsabbli mill-Bus Shelters dwar l-istess bus shelters.

Birżebbuġa – manutenzjoni ta’ bus shelters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol ta' manutenzjoni ta' diversi bus shelters kif ukoll, fejn hemm bżonn, isiru bus shelters ġodda f’Birżebbuġa?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsijja lill-Ministru kkonċernat.

Bumunqar – miżuri biex ma jattakkax siġar tal-Palm

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex il-bumunqar ma jibqax jattakka s-siġar tal-palm f'pajjiżna?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kontroll tal-bumunqar l-aħmar huwa regolat permezz tal-liġi sussidjarja 433.32 – Regolamenti Dwar Control of the Red Palm Weevil u l-avviż fil-Gazzetta tal-Gvern numru 765 tal-2019.

Ħal Far u Birżebbuġa – irwejjaħ ta’ fdalijiet ta’ ħut

Question

B'referenza għat-tweġibiet ta' diversi mistoqsijiet parlmentari, tista’ l-Ministru tara li tieqaf darba għal dejjem ir-riħa insapportabbli persistenti li baqgħet ħierġa minn fabbrika li tipproċessa fdalijiet ta' ħut li tinsab fiż-Żona Industrijali ta' Ħal Far li qiegħda taffettwa ħażin ħafna kemm lil min jaħdem f'din iż-żona industrijali kif ukoll lir-residenti ta' Birżebbuġa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-awtoritajiet relevanti qed jieħdu dawn l-ilmenti bl-ikbar serjetà u fl-aħħar ġimgħat żammew kuntatt mal-Kunsill Lokali, bħala r-rappreżentant tar-residenti, biex jinfurmawh bil-passi kollha li ttieħdu u qed jittieħdu. Sa mill-ewwel ilment li rċiviet l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar irwejjaħ f’inħawi f’Birżebbuġa bdiet bi spezzjonijiet f’diversi inħawi u anke fl-impjant li jagħmel referenza għalih l-Onorevoli Interpellant u fil-madwar. Minbarra dan l-ERA assigurat ukoll li l-impjant qed jopera skont il-permessi relevanti. Jirri¿ulta li f’xahrejn, l-ERA għamlet 48 spezzjoni, li jinkludu ż-żoni residenzjali, iż-żona industrijali ta’ Ħal Far u l-impjant. Dan qed isir bil-għan li jiġi identifikat b’ċertezza s-sors ta’ rwejjaħ li kienu rrapportati. L-ERA għamlet ukoll spezzjonijiet minn jeddha. Infurmata li l-Awtorità qed iżżomm lill-Kunsill Lokali infurmat dwar il-passi kollha li qed tieħu u saret anke laqgħa għal dan il-għan. Kull fejn u meta hu possibbli, l-ERA qed tistieden u tiltaqa’ wkoll ma’ min għamel l-ilment biex tiġbor aktar informazzjoni. Saħansitra kien hemm spezzjonijiet li saru fil-preżenza ta’ membri tal-Kunsill Lokali. Minbarra l-ispezzjonijiet regolari u l-investigazzjonijiet tal-ERA, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) ukoll ħadet numru ta’ azzjonijiet fid-dawl tal-ilmenti dwar l-irwejjaħ. U għalhekk qed taħdem biex ittaffi kwalunkwe inkonvenjent li jista’ jiġi kkawżat mis-sistema tad-drenaġġ. Għal dan il-għan, sar xogħol ta’ tindif intensiv fl-impjant antik tat-trattament tad-drenaġġ u qed isir t-tindif ta’ madwar 3km ta’ mains tad-drenaġġ. Huwa pjanat li jsir ukoll tindif tal-pumping station f’Birżebbuġa. L-awtoritajiet relevanti għandhom struzzjonijiet ċari biex jibqgħu jagħtu importanza massima din il-kwistjoni, bil-għan li jkunu stabbiliti sew il-fatti u iktar azzjonijiet li jistgħu jittieħdu.

Ħal Far u Birżebbuġa – rwejjaħ ta’ fdalijiet ta’ ħut

Question

B'referenza għat-tweġiba ta' diversi mistoqsijiet parlamentari, jista’ l-Ministru jara li tieqaf darba għal dejjem ir-riħa insapportabbli persistenti li baqgħet ħierġa minn fabbrika li tipproċessa fdalijiet ta' ħut li tinsab fiż-Żona Industrijali ta' Ħal Far li qiegħda taffettwa ħażin ħafna kemm lil min jaħdem f'din iż-żona industrijali kif ukoll lir-residenti ta' Birżebbuġa?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-art inkwistjoni għadha fl-istadju sabiex il-propjetà tiġi registrata f’isem il-Gvern. (Korrezzjoni: Ara Dokument PL 1075 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra nhar it-Tnejn 19 ta’ Diċembru f’seduta 71)

Iż-Żurrieq – pajpijiet tal-culvert mikxufa

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4432, jista’ l-Ministru jara li fejn diġà tpoġġew il-pajpijiet tal-culvert u ġiet mirduma t-trinka u l-wiċċ ingħata saff ta' konkos fiż-Żurrieq, issa jingħata t-tarmak biex ma jkomplix joħloq inkonvenjent lil dawk kollha li jużaw dawn it-toroq, kif ukoll lir-residenti ta' dawn it-toroq, speċjalment issa li beda l-istaġun tax-xitwa u bix-xita dan il-konkos jista' jinqala’?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninsab infurmat li skont il-prattika, it-tarmak jingħata wara li jinbnew il-kaxxi li jiġbru l-ilma tax-xita. Għaldaqstant, ix-xogħol ta’ tarmak mistenni li jibda lejn l-aħħar ta’ Jannar 2023.

Budget għar-reklamar ta’ prodott lokali

Question

B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 819, 2985 u 4430, jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-baġit għat-tieni nofs ta’ din is-sena f’dak li għandu x’jaqsam ma’ reklamar tal-prodott lokali?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li s-somma totali għar-reklamar tal-prodott lokali huwa stmat li jammonta għal €202,827.72.