Jista’ l-Ministru jgħid, sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kull kunsill lokali separatament f'Malta u Għawdex, kemm għandu fondi tal-Urban Improvement Fund/Planning Fund disponibbli għalih biex b’dawn il-fondi jkun jista’ jagħmel proġetti fil-lokalità rispettiva?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-fondi disponibbli, ibbażati fuq introjtu kalkulat sal-bidu ta’ April ta’ din is-sena u li jieħdu wkoll kont ta’ proġetti diġà kuntrattati biex jibbenefikaw minn fondi ta’ l-Awtorità tal-Ippjanar u jew proġetti diġà sottomessi biex similarment jikkwalifikaw imma fejn għadu ma sarx kuntratt huma indikati fit-Tabella A li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid, kemm ibbenefika minn fondi mill-Commuted Parking Payment Scheme (CPPS)/kontribuzzjoni favur l-Urban Improvement Fund/Planning Fund kull kunsill f'Malta u Għawdex separatament, sena b'sena mill-2013 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? X'tip ta' proġetti saru b'dawn il-fondi?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Awtorità tal-Ippjanar – ħruġ ta’ permessi biex jitneħħew spazji ta’ parkeġġ għal siġġijiet u mwejjed
Question
Jista’ l-Ministru jgħid minn meta l-'Policy Guidance and Standards for Outdoor Catering Areas on Public Open Spaces' ġiet ippubblikata f'Ġunju tal-2016 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija palamentari, kemm-il permess inħareġ mill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex jitneħħew spazji ta' parkeġġ lokalità b’lokalità u sena b'sena f'Malta u Għawdex għal siġġijiet u mwejjed? X'fees inġabru mill-Awtorità tal-Ippjanar, inkluż għall-'car parking provisions' relatati mat-tneħħija ta' dawn il-parkeġġi? X'inhu n-numru tal-applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar f'kull każ? Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet id-deċiżjoni jinħariġx il-permess jew le għadha pendenti?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Awtorità tal-Ippjanar – barrieri — tfigħ ta’ materjal ta’ kostruzzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-barrieri li għandhom il-permessi neċessarji kollha tal-Awtorità tal-Ippjanar li fihom, bħalissa, jista’ jintefa’ materjal tal-kostruzzjoni? F'liema lokalità tinsab kull barriera?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nistieden lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Awtorità tal-Ippjanar – ordni ta’ twaqqigħ ta’ bini
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każi fejn l-Awtorità tal-Ippjanar (MEPA qabilha) ħarġet ordni ta' twaqqigħ ta' bini mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, lokalità b'lokalità? X'kien in-numru tar-referenza tal-infurzar f'kull każ?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Avviż ta’ Twettiq maħruġ mill-Awtorità tal-Ippjanar ma jispeċifikax ordni ta’ twaqqigħ ta’ bini, għalhekk l-Awtorità ma għandhiex u ma tistax tiġbor l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser isir il-Local Plan Review peress li l-Local Plans eżistenti suppost ġew reveduti madwar seba’ snin ilu? X'inhi r-raġuni li l-Gvern għadu jkaxkar saqajh biex jagħmel ir-reviżjonijiet neċessarji tal-Local Plans? Jista’ jgħid jekk dawk l-uffiċjali tal-Awtorità tal-Ippjanar li qed jaħdmu fuq ir-reviżjoni tal-Local Plans ingħatawx xi linji gwida, direzzjoni jew prijoritajiet sabiex isegwu fil-ħidma tagħhom? Jekk dawn il-linji gwida ngħataw, jista’ jgħid minn min ingħataw u jista’ jqiegħed dawn il-linji gwida u prijoritajiet fuq il-Mejda tal-Kamra?
Tibdil fir-regoli tal-UN dwar it-trobbija tat-tiġieġ
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni ta' Malta fil-konfront ta' regoli tal-Unjoni Ewropea li hemm il-ħsieb li ddaħħal, fir-rigward tat-trobbija tat-tiġieġ tal-bajd u jgħid jekk:
(a) il-liġi hux ser taqleb għat-trobbija bis-sistema tal-barn minflok fil-gaġġeġ;
(b) jekk fl-affermattiv, meta tali liġi ser tidħol fis-seħħ; u
(ċ) jekk Malta hux ser tapplika xi deroga biex pajjiżna jiġi eżentat minn din ir-regola?
Jista’ l-Ministru jgħid ukoll jekk sarx studju dwar il-possibbiltà li jekk it-tiġieġ tal-bajd jiġi barn jispiċċaw jieklu d-demel tagħhom stess?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Malta hija normalment waħda mill-pajjiżi li taqbel ma’ regoli ġodda fuq il-benesseri tal-annimali, speċjalment meta hemm evidenza xjentifika ta’ ameljorament fil-benesseri tagħhom, b’mod ġenerali. Iżda rigward il-ħsieb tal-Unjoni Ewropea dwar it-tibdil fir-regoli fit-trobbija tat-tiġieġ tal-bajd, l-pożizzjoni ta’ Malta hija kontra t-tibdil, peress li din tista’ taffettwa x-xogħol tar-raħħala lokali b’mod drastiku.
(a) dwar jekk il-liġi hux ser taqleb għat-trobbija bis-sistema tal-barn minflok fil-gaġġeġ, bħalissa m’hemmx abbozz ta’ liġi, iżda ħsieb biss. Illum il-Gvern ma jistax jgħid jekk, jew kif, ser tkun din il-liġi u għal din ir-raġuni il-Gvern ma jistax jirrispondi għal domandi daqshekk speċifiċi, teknikament, jekk ebda dokument għadu ma ġie mfassal.
(b) peress li m’hemmx abbozz ta’ liġi, iżda ħsieb biss, il-Gvern lanqas huwa ċert jekk din il-liġi ser toħroġ jew le u għalhekk m’hemm ebda data mfassla.
(ċ) fir-rigward ta’ jekk Malta hux ser tapplika xi deroga biex pajjiżna jiġi eżentat minn din ir-regola, ladarba jibdew taħdidiet fuq abbozz ta’ liġi bejn il-Membri Stati, wieħed ikun jaf liema ser ikunu l-kriterji preċiżi ta’ dik il-liġi u hemm ikun jista’ jiddetermina jekk Malta jkollhiex bżonn titlob għal deroga jew le.
Bħalissa l-Gvern Malti qabbad konsulent barrani biex jagħmel studju fuq is-sitwazzjoni lokali partikolari f’Malta biex juri bil-fatti li t-trobbija tat-tiġieġ fil-gaġġeġ arrikkiti hija l-unika sistema ta’ trobbija tat-tiġieġ tal-bajd f’Malta li hija sostenibbli.
Restawr ta’ swar u binjiet ta’ żmien il-Kavallieri
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta qed jiġu restawrati swar u binjiet ta' żmien il-Kavallieri, il-gwarniċi u l-'coat of arms' humiex qegħdin jiġu rrestawrati? Jekk fin-negattiv, jista’ jgħid għalfejn dawn mhux jiġu restawrati?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat illi f’dan l-ambitu referenza jeħtieġ li ssir għall-Att dwar il-Patrimonju Kulturali, u speċifikament għad-definizzjoni li jagħti l-Att għal kwalunkwe attività ta’ restawr:
"restawr" tfisser attività ta’ speċjalizzazzjoni għolja għall-konservazzjoni tal-integrità tal-patrimonju kulturali, li toħroġ il-valuri u
ttejjeb il-mod kif jinqara l-istat, il-forma u d-disinn oriġinali, fil-parametri ta’ materjal li jkun għadu jeżisti. Dik l-attivit
à għandha tkun imsejsa fuq proċess kritiku, storiku u xjentifiku ta’ valutazzjoni u mhux fuq konġettura.
Infurmat li l-firxa kbira ta’ xogħol ta’ restawr li għaddejja bħalissa hi ggwidata minn dawn il-prinċipji, u kull deċiżjoni hi meħuda wara li jsir proċess kritiku, storiku u xjentifiku ta’ valutazzjoni.
Infurmat ukoll li f’sitwazzjonijiet fejn xi gwarniċi u/jew ‘coat of arms’ mhux qed jiġu magħmula mill-ġdid, dan ikun għax l-imsemmi proċess ikun stabilixxa li m’hemmx biżżejjed għarfien biex isir dan.
Intant infurmat li f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-gwarniċi u/jew ‘coat of arms’ eżistenti u fil-forma tagħha tiġi msaħħa imma mhux mibdula.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li t-trakki tal-ferrovija li kien hemm fuq il-pont li jwassal għall-eks stazzjon tal-ferrovija tal-Belt intradmux bil-konkos meta kien qed isir xi xogħol ta' manutenzjoni fuq il-pont? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid jekk hux ser isir ix-xogħol meħtieġ biex dawn t-trakki jitnaddfu mill-konkos biex ikunu jistgħu jitgawdew mill-poplu peress li dawn huma parti mill-istorja ta' pajjiżna?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li waqt xogħlijiet ta’ monitoraġġ, fdalijiet tat-trakki tal-ferrovija kienu nstabu.
Infurmat li dawn kienu fi stat ta’ preservazzjoni ħażin u ma kinux fil-post oriġinali tagħhom, minħabba li ġew mċaqalqa waqt xogħlijiet tat-toroq fil-passat.
Intant infurmat ukoll li l-fdalijiet li reġgħu nstabu ġew dokumentati u skont id-dokument tal-proċeduri u standards tal-prattiċi arkeoloġiċi OPSAS u t-Terms of Reference, dawn il-fdalijiet qed jiġu merfugħa fl-imħażen tal-Monitor u ser ikunu qed jiġu iddepożitati fir-Repositorju tas-Sovrintendenza fil-futur qarib sabiex ikun jista’ jinbeda l-proċess ta’ preservazzjoni u konsolidazzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni li jifformaw il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar preżentament huwa kompost kif ġej:
Dr Emanuel Camilleri – Chairman
Is-Sur Martin Camilleri – Deputy Chairman
Perit Jean Pierre Attard
Perit Mario Bonello
Is-Sinjura Maria Briffa
Dr Aimee Brincat
Perit Deborah Busuttil
Is-Sur Romano Cassar
Is-Sur Saviour Debono Grech
Is-Sinjura Sharon Mifsud
Is-Sur Joseph Zammit.
Din l-informazzjoni tinstab ukoll fil-Gazzetta tal-Gvern u fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Jista’ l-Ministru jgħid mill-2010 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari kemm ġew sottomessi applikazzjonijiet mal-Awtorità tal-Ippjanar/MEPA għal:
(a) lukandi;
(b) estensjonijet ta' lukandi eżistenti;
(ċ) skejjel (tal-Gvern u/jew tal-Knisja u/jew tal-Privat); u
(d) estensjonijiet ta' skejjel (tal-Gvern u/jew tal-Knisja u/jew tal-Privat)?
Jista’ għal kull każ, jgħid:
(a) x'inhu n-numru ta' referenza tal-Awtorità tal-Ippjanar għal kull applikazzjoni;
(b) f'liema lokalità tinsab kull applikazzjoni;
(ċ) f'liema stat waslet kull applikazzjoni; u
(d) liema huma dawk l-applikazzjonijiet li ħarġilhom il-permess?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-bidu tal-2010 sad-9 ta’ Ġunju 2023 ġew sottomessi 259 applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar / MEPA għal-lukandi ġodda u 262 applikazzjoni għal estensjonijiet ma’ lukandi eżistenti. Fl-istess perjodu l-Awtorità tal-Ippjanar / MEPA rċeviet 79 applikazzjoni għal skejjel ġodda u 114 applikazzjoni għal estensjonijiet ma’ skejjel eżistenti.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-listi tal-applikazzjonijiet relevanti, b’indikazzjoni tal-lokalità, f’liema stat kienet tinsab l-applikazzjoni fid-9 ta’ Ġunju 2023, b’indikazzjoni ta’ liema inħarġilhom permess.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar/MEPA f'Malta u Għawdex, lokalità b’lokalità u sena b’sena mill-2010 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari li kienu jirrekjedu l-ħlas tal-Commuted Parking Payment Scheme (CPPS) jew kontribuzzjoni favur l-Urban Improvement Fund/Planning Fund bejn l-2010 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jagħti wkoll rendikont tal-ammont totali fi flus u n-numru ta’ karozzi abbażi ta’ liema ġie kkalkulat is-CPPS/UIF lokalità b'lokalità u sena b’sena għall-istess perjodu?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 9645, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tliet tabelli li juru:
1. In-numru ta’ applikazzjonijiet li dwarhom tħallset kontribuzzjoni favur l-Urban Improvement Fund (UIF) jew Commuted Parking Payment Scheme (CPPS);
2. In-numru ta’ parkeġġi li fuqhom ġiet ikkalkulata l-kontribuzzjoni; u
3. Il-valur tal-kontribuzzjonijiet li kienu dovuti.
F’kull każ l-informazzjoni tirreferi għal ħlasijiet li saru mill-bidu tas-sena 2010 sad-9 ta’ Ġunju 2023 u maqsuma għal kull lokalità.
(Korrezzjoni: Ara Dokument PL 1907 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 133, fit-13 ta' Ġunju 2023)
Attachments:PQ 9645 - Awtorità tal-Ippjanar – ħruġ ta’ permessi.pdf01907.pdf
B'referenza ghall-Iskema 'Irrestawra Darek' tal-2023 maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar li għalqet fit-30 ta' Mejju 2023, jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-applikazzjonijiet aċċettati bdew bin-numru 201 u mhux bin-numru 001? Mit-390 applikazzjoni aċċettati mill-Awtorità tal-Ippjanar, jista’ l-Ministru jgħid kemm minnhom jikkwalifikaw biex jieħdu l-fondi, inkluż l-ammont ta' spejjeż relatati u kemm minnhom qegħdin fuq il-lista ta' riserva u l-ammont ta' spejjeż relatati?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jikkjarifika l-mistoqsija tiegħu.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser ikun hemm xi mekkaniżmu biex min ikun jixtieq jifdi l-qbiela tal-art agrikola li jkun qed jaħdem (kemm ta’ art privata u kemm ta’ art tal-Gvern), ikun jista’ jagħmel dan?
Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’ – effett fuq il-prezz tal-qbiela ta’ art privata
Question
B'referenza għall-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att sabiex jemenda l-Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’, Kap. 199", jista’ l-Ministru jgħid x'effett fuq il-prezz tal-qbiela ta' art privata ser ikun hemm, jekk ir-raba’ jkollu razzett fuqu?
Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’ – qbiela – kirja perpetwa
Question
B'referenza għall-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att sabiex jemenda l-Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’, Kap. 199", jista’ l-Ministru jgħid jekk il-qbiela stabbilita mill-Bord hux ser tkun kirja perpetwa?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif stabbilit fl-Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri tar-Raba’, il-kera għandha tapplika għal perjodu ta’ tmien snin u għandha tibqa’ l-istess wara l-għeluq tat-tmien snin, sakemm ma jintlaħaqx ftehim mod ieħor bejn il-kerrej u sid il-kera, jew sakemm sid il-kera ma jerġax jitlob iż-żieda fil-kera.
Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’ – rziezet residenzjali
Question
B'referenza għall-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att sabiex jemenda l-Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’, Kap. 199", jista’ l-Ministru jgħid jekk f'każ ta' razzett residenzjali li kien mibni mill-kerrej stess fuq art tal-privat, il-kerrej iridx iħallas għalih kirja bir-rata ta’ 2% tal-prezz tar-razzett residenzjali fis-suq miftuħ lil sid ir-raba' li fuqu jinsab dan ir-razzett residenzjali?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif stabbilit fl-Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri tar-Raba’, meta r-raba’ jinkludi razzett li jkun użat mill-kerrej bħala l-uniku post ta’ residenza tiegħu u tal-familja tiegħu, f’każ ta’ rikors, il-kerrej jingħata l-opportunità li jżomm dak ir-razzett bil-kera stabbilita mill-Bord li ma teċċedix tnejn fil-mija (2%) fis-sena tal-valur liberu u frank tar-razzett fis-suq miftuħ, u taħt kondizzjonijiet ġodda, inkluż kondizzjonijiet dwar żiediet gradwali, li jista’ jistabbilixxi l-Bord fir-rigward tal-kera. Il-Gvern kif diġà ħabbar, ser jkun qiegħed jipprovdi għall-kirjiet residenzjali.
Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’ – irziezet ta’ raħħala li jinsabu fuq art bi qbiela tal-privat
Question
B'referenza għall-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att sabiex jemenda l-Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’, Kap. 199", jista’ l-Ministru jgħid kif irziezet ta’ raħħala li jinsabu fuq art bi qbiela tal-privat ser jkunu affettwati b’dan l-Abbozz?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskop tal-Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri tar-Raba’ hu li jirregola l-kiri mill-ġdid ta’ raba’ u biex jipprovdi għall-ħwejjeġ konnessi u anċillari. Hekk kif definit fl-att stess, raba’ tfisser kull art li tkun prinċipalment mikrija għall-koltivazzjoni ta’ prodotti agrikoli, fjuri, siġar tal-frott jew dwieli u għal skopijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-agrikoltura, inkluż it-twaqqif ta’ serer, cloches jew cold frames, iżda ma tinkludix art intiża biex jirgħu l-annimali.
Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’ – qbiela ta’ art agrikola tal-privat – sussidju mill-Gvern
Question
B'referenza għall-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att sabiex jemenda l-Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’, Kap. 199", jista’ l-Ministru jgħid jekk il-qbiela ta’ art agrikola tal-privat hux ser tkun sussidjata mill-Gvern? Jekk fl-affermattiv, din ser tkun ikkappjata u ser ikollha xi terminu?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern mhux ser ikun qed jissussidja l-qbiela ta’ art privata, però nfakkar li l-Gvern diġà beda jgħin lill-bdiewa permezz ta’ żieda fil-pagamenti diretti sabiex itejjeb l-għajxien tagħhom.
Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’ – part-time farmers
Question
B'referenza għall-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att sabiex jemenda l-Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’, Kap. 199", jista’ l-Ministru jgħid jekk part-time farmers hux ser ikunu kkunsidrati bħala bdiewa ġenwini? X'ser jiddetermina jekk bidwi hux bidwi ġenwin?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’ ma jagħmilx distinzjoni bejn bidwi part-time u bidwi full-time.