Legislature:
Category:
Reset
Active:

Programm għat-Tfaqqis ta’ bajd tar-Rizzi

Question

B’referenza li għamel il-Gvern waqt id-diskussjoni tal-baġit fejn qal li l-Gvern ser ikun qed jagħmel programm fuq it-tfaqqis tar-rizzi, jista’ l-Ministru jgħid x'kienu r-riżultati tal-esperimenti li qed isiru fuq it-tfaqqis tal-bajd tar-rizzi sa issa, speċjalment komparat ma’ dak li kienet tagħmel in-natura?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat tal-Akwakultura fi ħdan id-Dipartiment għas-Sajd u l-Akwakultura, irnexxielu jikklimatizza r-rizzi li ġew maqbuda mis-selvaġġ. Bħalissa qed tiġi mhejjija żona fi ħdan id-Direttorat sabiex tilqa’ l-larvae tar-rizzi. Huwa mistenni li dawn jiġu mkabbra bil-għan li wara jiġu rilaxxati lura fil-baħar. Wara attentati preliminari li saru, qiegħed jiġi kkonfermat li d-Direttorat diġa’ rnexxielu jfaqqas ir-rizzi. Ta’ min wieħed jgħid li għadu prematur li wieħed ikun f’pożizzjoni li jikkompara dan ma’ dak li kienet tagħmel in-natura.

Sajjieda bl-Imrejkba – Żoni għas-sajd

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema żoni s-sajjieda dilettanti tal-imrejkba jistgħu jistadu b’din id-dgħajsa żgħira bil-qlugħ?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li din is-sajda tista’ tiġi pprattikata f’diversi żoni madwar Malta u Għawdex. Dawn iż-żoni ġew stabbliti wara konsultazzjonijiet wiesgħa ma’ diversi entitajiet u sajjieda dilettanti. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument bil-mappa ta’ dawn iż-żoni, li juri wkoll il-postijiet kollha fejn jistgħu jistadu bl-imrejkba tal-wiċċ biss, jew b’kemm l-imrejkba tal-wiċċ u tal-qieħ, kif ukoll il-koordinati ta’ dawn il-lokazzjonijiet.

Sajd – Sussidju għal materjal bijodegradabbli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li biex titnaqqas il-ħsara lill-ambjent, dawk is-sajjieda li jużaw ħbula magħmula minn materjal bijodegradabbli u sufra minflok jablo, jibdew jingħataw sussidju fuq dan il-materjal bijodegradabbli?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif kien inkluż fil-Manifest Elettorali, dan il-Gvern ser ikun qed jaħdem fuq skema li tgħin lis-sajjieda biex jaddottaw prattiċi u tagħmir li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent.

Sajjieda li mhumiex full-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li min għandu opra tal-baħar imma mhuwiex sajjied full-time għax ix-xogħol full-time tiegħu huwa fuq l-art, ingħata d-dritt li jgħolli l-opra tal-baħar tiegħu minn MFB għall-MFA?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull min hu rreġistrat bħala sajjied full-time ma’ l-entita’ kkonċernata u għandu bastiment fir-Reġistru Professjonali tas-Sajd, għandu dritt li ilu fis-seħħ għexieren tas-snin li jirreġistra l-bastiment fil-kategorija MFA (full-time).

Sajd għat-tonn — Żieda fil-kwota

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'wassal għaż-żieda fil-kwota tat-tonn għal pajjiżna mill-International Commission for the Conservation of Atlantic Tunas (ICCAT) u jekk pajjiżi oħra bbenfikawx ukoll minn żieda fil-kwoti tat-tonn tagħhom? Jekk iva, liema huma dawn il-pajjiżi? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet iż-żieda fil-kwota li kellha Malta u x’żieda kellhom pajjiżi oħra u jagħti din l-informazzjoni f’persentaġġi separatament?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kwota ta’ pajjiżna żdiedet mill-Unjoni Ewropea u mhux mill-ICCAT, għaliex l-ICCAT iżżid biss lill-Unjoni Ewropea, peress li hi l-istess EU Contracting Party fl-ICCAT, kif maqbul fil- Trattat ta’ Adeżjoni ta' Malta fl-UE. Iż-żieda fil-kwota tat-tonn hija riżultat ta’ dak li jissejjah Scientific Advice mill-SCRS, fejn iddetermina li l-istokk tat-tonn huwa b’saħħtu biżżejjed, tant li jippermetti żieda fil-qbid tiegħu. L-aħħar żieda ta’ kwota tat-tonn mill-ICCAT kienet fis-sena 2022, għas-sena 2023 u kienet ekwivalenti għal 4,570 tunellata, filwaqt li ż-żieda totali għall-UE kienet ta’ 10.49%, ekwivalenti għal 2,043 tunellata. L-allokazzjoni għhal Malta hija fissa u stabbilita fil-livel ta’ 2.01% mill-kwota Ewropea, li kienet ekwivalenti għal 44.11 tunellata.

Koperattiva tas-Sajjieda – Laqgħat mal-Ministru/Segretarju Parlamentari

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il laqgħa saret minnu u/jew mis-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali mal-Koperattiva tas-Sajjieda tul l-2023? X'ġie diskuss f’dawn il-laqgħat? X'kienu t-talbiet tal-Koperattiva tas-Sajd u liema kienu dawk it-talbiet mill-Koperattiva tas-Sajd li ġew milqugħin mill-Gvern? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti ta' dawn il-laqgħat?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2023 saru 10 laghqat mal-Koperattiva tas-Sajjieda li kienu jitrattaw diversi temi.

Winch rooms — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa x-xogħol li sar fuq il-winch rooms lokalità b’lokalità matul l-2023?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2022, id-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura għamel xogħolijet sostanzjali fil-winch rooms kollha li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu. Għaldaqstant ninsab infurmat li fl-2023 ma kien hemm bżonn ta’ l-ebda intervent meqjus sostanzjali jew maġġuri li jista’ jiġi rrapurtat. Spejjeż minuri jsiru skont il-bżonn sabiex wieħed iżomm dawn il-kmamar jiffunzjonaw kif suppost.

Bord tas-Sajd

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn min huwa kompost il-Bord tas-Sajd, jagħti d-dettalji relattivi għal kull membru li ġie maħtur u jgħid x'inhuma l-kwalifiki ta' kull membru relatat mas-settur tas-sajd?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Bordijiet maħtura jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern. Speċifikament, il-Bord tas-Sajd ġie maħtur u ppubblikat skont (Kap. 425) tal-Att dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni tas-Sajd. Ninfurmah ukoll li kemm iċ-Chairperson, kif ukoll il-membri ta’ dan il-Bord ġew maħtura skont it-termini tas-sub-artikolu 5 (2) ta’ dan l-istess Att.

Ministeru/Dipartiment tas-Sajd — Konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm konsulenti impjegati mal-Ministeru u/jew id-Dipartiment tas-Sajd u fiex inhu l-expertise tagħhom?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13979 għal-impjegati mal-Ministeru tiegħi bħala konsulenti.

ICCAT – Rappreżentanti Maltin

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti tal-laqgħat mal-International Commission for the Conservation of Atlantic Tunas (ICCAT) li r-rappreżentanti Maltin jattendu għalihom? Jista’ jgħid ukoll x'kienu l-interventi tar-rappreżentanti Maltin waqt dawn il-laqgħat fir-rigward tas-sajjied Malti u Għawdxi?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Party fl-ICCAT hi l-Unjoni Ewropea u mhux Malta, għaldaqstant fil-plenarja ma jistgħux isiru l-ebda interventi mill-ebda Stat Membru. Dan b’differenza għall-laqgħat ta’ koordinament bejn l-istati membri tal-Unjoni Ewropea. Il-Minuti tal-laqgħat isiru b’mod uffiċjali mis-segretarjat tal-ICCAT u jkunu aċċessibli mis-sit tal-istess organizzazzjoni.

Bycatch tat-tonn għas-sena 2022

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn kemm-il sajjied iddaħħal il-bycatch tat-tonn tas-sena 2022 u f’kemm żmien intlaħqet din il-kwota tal-bycatch?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2022 kien hemm 23 sajjied li daħħal bycatch, li intlaħqet fi ftit inqas minn jumejn.

Kwoti għall-qbid tat-tonn – Kriterji għat-tqassim

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li qed jiġu użati biex titqassam il-kwota tat-tonn u liema kategoriji ta' sajjieda qegħdin jibbenefikaw minn dawn il-kwoti?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa ma hemm l-ebda kriterji li qed jiġu użati għaliex l-istaġun huwa magħluq u d-diskussjonijiet għall-istagun 2024 għadhom għaddejjin.

Sajjieda – Liċenzji MFA u MFB — intitolamenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn sajjieda li jaqgħu taħt il-kategorija MFA u taħt il-kategorija MFB, sena b’sena, mis-sena 2005 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? X'differenza hemm bejn il-kategorija MFA u l-kategorija MFB? Jista’ jgħid ukoll min minn dawn iż-żewġ kategoriji, u ċjoè l-MFA u l-MFB, huwa intitolat għall-kwoti tat-tonn u għas-sussidju tal-fuel?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15679 għall-informazzjoni mitluba dwar in-numru ta’ bastimenti MFA u MFB, kif ukoll għad-differenzi bejn il-kategorji. Ninfurmah ukoll li sal-ġurnata tal-lum, kull bastiment kummerċjali huwa intitolat għall-kwota tat-tonn, minħabba l-fatt li d-diskussjonijiet għadhom mhux konklużi. Is-sajjieda full-time (MFA) biss huma intitolati għas-sussidju tal-fuel.

Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar — Deċiżjoni

Question

B’referenza għad-deċiżjoni tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar tas-6 ta' Ġunju 2023 fejn kien deċiż li: 'At its meeting which was held on the 6th June 2023, the Executive Council agreed that the Planning Authority will only consider garages / parking bays in the computation of parking requirements attached to development proposals. Third party owned garages / parking bays should not be considered as part of the parking requirements. More importantly, parking provisions has to be provided on site and not elsewhere', jista’ l-Ministru jgħid jekk f’applikazzjonijiet għal bdil ta' użu minn garaxxijiet domestiċi ta' terzi għal użu kummerċjali b’użu lokali, l-applikanti għal bdil ta' użu għandhomx jiġu mġiegħla jħallsu għall-UIF / CCPS meta jintilef spazju ta' parkeġġ minn blokka ta' appartamenti li huma ma humiex is-sidien tagħha?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Sajjieda — Sussidji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex kienu jikkonsistu s-sussidji li ngħataw is-sajjieda, sena b’sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm minn dawn is-sussidji bbenefikaw minnhom sajjieda full-time u sajjieda part-time? Kemm minn dawn is-sajjieda kienu sajjieda żgħażagħ?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura ghen b’mod dirett lis-sajjieda permezz ta’ l-iskema tal-fjuwil, liema skema harget ghall-ewwel darba fis-sena 2022. Din l-iskema giet imnedija taht il-Qafas Temporanju ta’ Ghajnuna, liema qafas gie mahluq biex jghin lil ekonomija wara l-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajina. L-applikazzjonijiet kienu miftuha ghal sajjieda li huma rregistrati fuq bazi full-time (MFA). Is-sajjieda kienu intitolati ghal ghajnuna ekkwivalenti ghad-differenza fil-prezz tal-fjuwil li tvarja mill-linja bazi stabbilita fi Frar 2022, li kienet tammonta ghal €0.64. Dan l-ammont ta’ ghajnuna jinbidel kull xhar, liema bidla tiddipendi fuq il-prezz kurrenti tal-fjuwil skont is-suq. Mill-bidu tas-sena 2022 sa l-ahhar ta’ 2023, 286 sajjieda applikaw u ibbenefikaw minn din l-iskema, bl-ammont totali ta’ fondi mghotija jlahhqu €1.280 miljun. Mill-286 sajjieda li applikaw, 66 kienu sajjieda zghazagh (23 fil-mija). Għajnuniet ohra m’humhiex meqjusa bħala sussidji.

Sajjieda Full-time u part-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji biex tikwalifika bħala sajjied full-time u sajjied part-time? Jista’ l-Ministru jgħid ukoll kemm kien hawn sajjieda full-time u sajjieda part-time, sena b’sena, mill-2005 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din l-mistoqsija parlamentari? X'verifiki jagħmel id-Dipartiment tas-Sajd biex jassigura ruħu li min qed jiddikjara li hu sajjied full-time, fil-fatt ikun verament sajjied full-time?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sabiex topera bastiment tas-sajd kummerċjali jrid ikollok bastiment b’liċenzja ta’ MFA (full-time) u MFB (part-time) rispettivament, filwaqt li tkun reġistrat bħala sajjied full-time jew part-time, skont il-każ mal-entità kkonċernata. In-numru ta’ bastimenti full-time u part-time sena b’sena, mill-2012 sal-lum huwa kif jidher fit-tabella hawn taħt: Sena Bastimenti MFA Bastimenti MFB TOTAL Full-time Part-time 2012 403 638 1,041 2013 398 625 1,023 2014 399 617 1,016 2015 401 601 1,002 2016 379 534 913 2017 374 548 922 2018 376 528 904 2019 376 520 896 2020 377 462 839 2021 388 447 835 2022 397 417 814 2023 391 409 800 2024 (sat- 30/01/24 393 407 800 Ninfurmah li l-informazzjoni dwar in-numru ta’ bastimenti tas-snin ta’ qabel ma tistax tiġi kkumpilata minħabba l-fatt li kienet tintuża sistema oħra li ma għadx baqa’ aċċess għaliha. Il-verifiki sabiex bastiment tas-sajd jiġi kkonfermat bħala kummerċjali huma skont l-iskedi li hemm fil-liġijiet taħt il-KAP 425 tal-Liġijiet ta’ Malta, li huma bbażati fuq valur minimu ta’ bejgħ li jridu jsiru mill-kategoriji rispettivi.

Sajjieda — Kategoriji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn sajjieda, f’kull kategorija, li jaqgħu taħt il-kategorija 'historical', 'sectoral', 'young fishermen' u 'others'? X'tip ta' liċenzji hemm taħt kull kategorija separatament, u x'ammont ta' kwoti tat-tonn, separatament hemm taħt kull kategorija?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn il-kategoriji huma marbutin ma’ kif titqassam il-kwota tat-tonn u fid-dawl li d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin għall-istaġun 2024, fil-preżent dawn il-kategoriji ma jeżistux għaliex l-istaġun tat-tonn huwa magħluq.

Unjoni Ewropea – Għajnuniet lis-sajjieda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm sajjieda li bbenefikaw minn għajnuniet tal-Unjoni Ewropea, sena b’sena, mill-2004 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Fiex kienet tikkonsisti din l-għajnuna, kemm-il sajjied ibbenefika minn din l-għajnuna, x’kien l-istatus ta' kull sajjied (sajjieda full-time, sajjieda żgħażagħ, etc.) u x’inhu l-ammont ta' flus li bbenefika minnu kull sajjied?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.