MTA – Sponsorizzazzjoni lis-Soċjetajiet Mużikali biex jiġu organizzati l-festi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-Ministeru tiegħu permezz tal-MTA jibda jisponsorja lis-soċjetajiet mużikali ta’ pajjiżna u b’hekk jagħmel tajjeb għal ċerti spejjeż li jsiru biex jiġu organizzati l-festi li jattiraw lejn pajjiżna ammont kbir ta' turisti matul l-istaġun tas-sajf?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu tagħmel l-almu tagħha sabiex tippromwovi l-gżejjer Maltin barra minn xtutna permezz ta’ diversi interventi skont in-neċessità u l-fondi allokati.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx il-pjan li f'Wied iż-Żurrieq, il-Qrendi, jiġi installat in-network tad-drenaġġ flimkien mal-installazjoni ta' rising main biex dan in-network jiġi kkonettjat man-network prinċipali tad-drenaġġ? Jekk fl-affermattiv, tista’ tgħid meta hu ppjanat li jibda x-xogħol?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li tali proġett ma jinsabx fil-pjanijiet preżenti tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Jista’ l-Ministru jgħid x'interventi ser isiru fil-Pjazza tal-Imqabba biex tiġi rranġata ħsara li rriżultat li f'partijiet mill-istess pjazza li ċedew taħt il-piż ta' heavy vehicles li kienu u għadhom jgħaddu minnha wara li ntefqu madwar €4 miljun biex saru x-xogħlijiet ta' pavimentar? Jista’ jgħid ukoll jekk ġiex identifikat x'qed jikkaġuna din il-ħsara u min ser iħallas għal din il-ħsara?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntrattur li kien inkarigat mix-xogħlijiet għad għandu retention monies bħala garanzija għax-xogħlijiet imwettqa. Il-kuntrattur mistenni jagħmel it-tiswijiet meħtieġa a spejjeż tiegħu fuq parti żgħira li niżlet fil-pjazza, biswit il-Knisja Parrokkjali, sa nofs Marzu. Il-periti fi ħdan id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi stabbilixxew li l-kawża ta’ dawn il-ħsarat hija difett fil-grouting ta’ parti minn dan il-proġett.
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 1242 u 4437, peress li huwa evidenti li s-servizz ċirkolari b’vetturi tat-trasport pubbliku minn u lejn iż-żona ta’ Wied iż-Żurrieq biex tiġi evitata konġestjoni fil-parkeġġ ta' Wied iż-Żurrieq falla, jista’ l-Ministru jara li jerġa’ jiġi kkunsidrat il-bini ta' multi-level parking f’Wied iż-Żurrieq fl-istess post fejn illum hemm il-parkeġġ?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ttieħdet nota tas-suġġeriment tiegħu.
Il-Qrendi — Triq Wied iż-Żurrieq, Triq il-Wied u Triq il-Panorama – junction
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tiġi mibnija junction bejn Triq Wied iż-Żurrieq, Triq il-Wied u Triq il-Panorama fil-Qrendi biex jonqos il-periklu kemm għal min ikun qiegħed jimxi kif ukoll għas-sewwieqa tal-vetturi?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta qed tistudja l-konnessjoni ta’ bejn l-promenades eżistenti bħala l-prijorita’ tal-bżonn f’dik iż-żona, jiġifieri is-sigurta’ ta’ min ikun qed jimxi.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14761, tista’ l-Ministru tgħid kemm ġie jiswa x-xogħol fi Ġnejniet Nikol Aquilina fil-Qrendi u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tax-xogħol li sar fuq dan il-ġnien?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13926, ninfurmah li l-interventi twettqu skont il-PA5624/22.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14761 rigward hemmx ippjanati li jiżdiedu/jiġu ameljorati l-ispazji miftuħa fil-Qrendi, tista’ l-Ministru tgħid liema huma l-proġetti l-oħra li qed jiġu kkunsidrati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Kif diġà spjegajt fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentar14761, aktar dettalji jingħataw ladarba jitlesta x-xogħol preparatorju.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14762 fir-rigward ta' spazji miftuħa f’Ħal Kirkop, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra site plan li tindika fejn jinsab iċ-ċentru urban li ser jiġi riġenerat fi spazju aħdar għall-użu tal-komunità? Tista’ tgħid ukoll ma’ min qed isiru d-diskussjonijiet u meta hemm il-ħsieb li dawn d-diskussjonijiet jispiċċaw u jibda x-xogħol preparatorju għal dan il-proġett?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-art inkwistjoni fiha 1,100 metru kwadru u tinsab fi Triq Nerik Xerri. Kif ħabbarna ftit ġranet ilu, din hija waħda minn erba’ artijiet tal-Gvern li qabel kienu allokati għall-bini u, wara kollaborazzjoni bejn Project Green u l-Awtorità tal-Artijiet, issa se jinbidlu f’ġonna u spazji ta’ rikreazzjoni għall-komunità.
Bis-saħħa t’hekk madwar 7,000 familja f’Ħal Kirkop, Ħal Luqa, Ħal Lija u San Ġiljan se jkollhom spazju mħaddar ġdid, qrib djarhom. Flimkien, dawn l-erba’ żoni jinkludu madwar 8,000 metru kwadru ta’ art, li fuqhom setgħu nbnew total ta’ madwar 30 blokka ta’ appartamenti. Minflok, issa ser jimtlew bis-siġar u pjanti oħra indiġeni.
Project Green ser tikkonsulta l-komunitajiet tal-inħawi biex tippjana t-trasformazzjoni ta’ dawn l-artijiet fi spazji miftuħa. It-trasformazzjoni ta’ dawn l-artijiet se tinkludi riġenerazzjoni naturali b’ħafna siġar u pjanti indiġeni, li jqarrbu l-ambjent naturali lejn il-komunità u biex tissaħħaħ il-bijodiversità lokali.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14763, tista’ l-Ministru tgħid kemm ġie jiswa x-xogħol fuq il-picnic area u dog park f’Ħal Safi u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tax-xogħol li sar fuq din il-picnic area u dog park?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13926, ninfurmah li l-interventi twettqu skont il-PA/05440/21.
Iż-Żurrieq – Applikazzjonijiet għal spazji miftuħa
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14767 fir-rigward ta' spazji miftuħa fiż-Żurrieq, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-photo montages / 3D visuals inkluż il-pjanti u stimi ta' kull proġett sottomess, kemm dawk approvati u kemm ta' dawk li ma kenux approvati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 14767 u 15703.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1330, jista’ l-Ministru jgħid xi jrid isir sabiex wieħed jabbona biex jibda jirċievi l-pubblikazzjoni 'Nisġet Artna'?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pubbliku ġenerali jista’ jabbona biex jibda jirċievi l-pubblikazzjoni ‘Nisġet Artna’ billi jikkuntattja direttament lit-Taqsima tal-Attivitajiet u l-Promozzjoni, Direttorat tal-Operat, MAFA, permezz tal-mezzi kollha li ġejjin:
1. Indirizz postali:
Taqsima tal-Attivitajiet u l-Promozzjoni,
Agriculture Research and Innovation Hub
L-Għammieri, Il-Marsa, MRS 3303
2. Indirizz elettroniku: nisgetartna.mafa@gov.mt
3. Telefon: 2292 4000
4. Messaġġ privat fuq Facebook fuq il-paġna uffiċjali ‘Agrikoltura’ (@agrikolturagovmt)
Jista’ l-Ministru jgħid fiex kien jikkonsisti l-proġett tal-'One Tablet Per Fisher'? Min kien ser ikun intitolat għal dawn it-tablets u x'kien l-iskop aħħari li s-sajjieda, jew xi wħud minnhom, kienu ser jingħataw dawn it-tablets? Kemm inxtraw tablets biex jiġi implimentat dan il-proġett u kemm swew flus? Jista’ jgħid kif inxtraw dawn it-tablets, jekk hux b’direct order, quotation jew tender? Min ipprovda dawn it-tablets? Kemm minn dawn it-tablets ingħataw lis-sajjieda u x'sar minnhom it-tablets li ma tqassmux lis-sajjieda?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tablets ser ikunu qed jitqassmu lil kull bastiment taħt it-12 il-metru, reġistrat bħala MFA u MFB. L-għan ta’ dan il-proġett huwa biex b’mod gradwali ssir it- transizzjoni mir-rappurtaġġ u l-liċenzji fuq il-karti għal dawk digitali, kif rikjest u mitlub mir-regolament il-ġdid tal-Kontroll tal-Unjoni Ewropea, li ġie addotatt fl-2023. Fl-istess ħin, permezz ta’ dawn it-tablets, id-Dipartiment għas-Sajd u l-Akwakultura, ser ikun f’pożizzjoni li iżjed ‘il quddiem, jipprovdi servizzi addizzjonali lill-istess sajjieda mill-kumdita’ ta’ djrahom jew tal-bastimenti tagħhom. Il-proċess tat-tqassim qiegħed għaddej u mistenni li jitlesta fix-xhur li ġejjin. Dawn it-tablets inxtraw permezz ta’ tender li ntrebaħ mill-kumpanija Satlink A.S. u ġie jiswa €264,960.00 vat eskluża. B’dan it-tender ġew akkwistati 720 tablet, li ġew iffinanzjati mill-programm EMFF tal-Unjoni Ewropea.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14766, tista’ l-Ministru sserraħ ras ir-residenti ta' Birżebbuġa u l-Qajjenza li l-art ta' kobor sostanzjali fil-Qajjenza fejn qabel kien lokat il-Gas Depot u li llum hi proprjetà tal-Enemalta, ser tingħata għat-tgawdija tar-residenti tal-istess residenti f’forma ta' spazju miftuħ?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13055, infakkru li l-akbar serħan il-moħħ lir-residenti ta’ Birżebbuġa u dawk tal-madwar tajnihulhom mhux biss bl-għeluq tal-impjant tal-ħażna tal-gass, imma wkoll bit-tneħħija ta’ impjanti oħrajn li kien hemm fil-lokalità u li fihom kien jinħażen il-fjuwil inkluż il-Heavy Fuel Oil. L-investiment li għamilna biex ingħalqu dawn l-impjanti fih innifsu diġà huwa investiment f’ambjent aħjar u arja aktar nadifa f’din il-lokalità, imma aktar minn hekk huwa investiment fis-saħħa u s-sigurtà tal-familji.
Bl-għeluq tal-impjant tal-ħażna tal-fjuwil tal-31 ta’ Marzu, li kien ilu 120 sena f’Birżebbuġa, lir-residenti frankajnilhom mal-4.5 tunnellati ta’ emissjonijiet tal-karbonju fis-sena.
Fl-istess waqt, għaddejjin bil-ħidma tagħna biex nagħtu aktar art lura lill-komunità ta’ Birżebbuġa. B’investiment ta’ €4 miljun, il-pont ta’ Birżebbuġa li kien jifforma parti mill-istess impjant magħruf aħjar bħala l-Pont tax-Shell, se jingħata lura għat-tgawdija tar-residenti.
L-Awtorità għall-Ippjanar għadha kemm approvat ukoll il-permess għad-dekummissjonar tal-impjant ta’ San Luċjan, bil-għan li jibdew jinħatu t-tankijiet u jsir tindif tal-faċilità li kienet tintuża għall-ħażna tal-Heavy Fuel Oil
.
Issa li ħareġ il-permess, il-kumpanija Petromal se tkun qed toħroġ sejħa bil-għan li t-tankijiet ikunu mħottija sal-aħħar ta’ din is-sena.
Dan il-proċess huwa parti mill-pjanijiet għall-proġett tas-Siċċa. Se nagħmlu investiment ta’ €40 miljun biex flok impjant għall-ħażna taż-żejt fin-naħa t’isfel ta’ Malta jkun hemm proġett sostenibbli ta’ 18,000 metru kwadru li se jagħti nifs ġdid lill-akwati, b’hub li jgħaqqad spazji ta’ rikreazzjoni ma’ investimenti fl-ekonomija l-ħadra u l-blu.
Filwaqt li min-naħa ta’ Project Green għaddej ukoll il-proċess għar-riġenerazzjoni ta’ Ġnien l-Indipendenza f’Birżebbuġa kif ukoll biex inkomplu nkabbru u nsebbħu l-Park tal-Familja ta’ Bengħajsa. Park li se jkopri medda art ta’ 60,000 metru kwadru u fih se nkomplu nżidu l-faċilitajiet u aċċessi ġodda sabiex dan l-ispazju joffri esperjenza dejjem aktar sabiħa lill-familji fejn iqattgħu ħin ta’ rikreazzjoni.
Iż-Żurrieq – Proġett ta’ spazju miftuħ fi Pjazza Karmelitani
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14758, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra s-segwenti informazzjoni fir-rigward tal-proġett ta' spazju miftuħ li ser jiġi eżegwit fi Pjazza tal-Karmelitani fiż-Żurrieq:
(a) l-istima tal-proġett;
(b) il-pjanti tal-proġett; u
(ċ) il-photo montages / 3D Visuals ta' dan il-proġett?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-investiment biex isr dan il-proġett fiż-Żurrieq huwa stmat li se jammonta għal €486,889 u dan qiegħed fil-proċess ta’ DNO.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijia parlamentari 14759 fir-rigward ta’ proġetti ta' spazji miftuħa fl-Imqabba, tista’ l-Ministru tgħid fiex jikkonsistu dawn il-proġetti u fejn ser isiru?
Response (DALLI, MIRIAM)
Bħalma diġà spjegajt fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14759, id-dettalji dwar dak li qed jiġi kkunsidrat għal din il-lokalità jkunu jistgħu jingħataw ladaraba jiġi konkluż ix-xogħol tal-ippjanar.
Iż-Żurrieq u Ħal Safi – New Water — Network tad-distribuzzjoni
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14760, fir-rigward ta' toroq li fihom ser jgħaddi in-network tan-New Water fiż-Żurrieq u Ħal Safi, tista’ l-Ministru tgħid:
(a) Liema toroq ingħatalhom wiċċ ta' tarmak ġdid u kemm ilu li ngħata dan it-tarmak;
(b) X'inhi r-raġuni li n-network tad-distribuzzjoni tan-new water ma ġiex mgħoddi minn taħt il-wiċċ tat-triq qabel ma ngħatat it-tarmak; u
(ċ) Xi spejjeż żejda ser ikunu involuti biex jerġa’ jsir il-wiċċ tat-tarmak mill-ġdid hekk kif jiġi mogħddi n-network tad-distribuzzjoni tan-new water?
Response (DALLI, MIRIAM)
Kif diġà spjegat fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14760, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma applikat għall-fondi mill-Unjoni Ewropea sabiex tkun tista’ twettaq il-proġett tan-New Water fil-Lbiċ ta’ Malta. Għaldaqstant, il-Korporazzjoni ma setax ikollha viżibbiltà ta’ meta jkun jista’ jinbeda x-xogħol ta’ dan il-proġett qabel ma jkollha aċċess għal dawn il-fondi. Fejn jidħlu spejjeż għall-għoti ta’ tarmak, bħal f’kull proġett ieħor, dawn ikunu jiffurmaw parti mill-baġit allokat għal tali xogħol li jkun qed jitwettaq.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14757, tista’ l-Ministru tgħid liema żoni tal-kosta ta' Wied iż-Żurrieq u Għar Lapsi ser ikun qiegħed ikopri l-park ġeoloġiku u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra 'site plan' li tindika dawn iż-żoni?
Tista’ tgħid ukoll:
(a) Fiex waslu l-istudji biex jigi stabbilit l-istat preżenti taż-żona u meta dawn l-istudji ser ikunu lesti;
(b) Fiex ser ikunu jikkonsistu l-interventi meħtieġa biex jinħoloq dan il-park ġeoloġiku;
(ċ) X'kobor ta' art ser tkun affettwata bl-interventi proposti;
(d) Min qed jipprepara dawn l-istudji, permezz ta' kollaborazzjoni ma' kunsilli lokali, jekk hux minn impjegati ta’ Project Green jew minn kumpanija/i privata/i; u
(e) F’każ li x-xogħol ġie kkumissjonat lil kumpanija/i privata/i, dan sar permess ta' direct order jew ta' tender?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12826, inżid ninfurmah li l-istudju għadu għaddej mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.
Tbaħħir Internazzjonali — Kaptani minn pajjiżi terzi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi kwalifiki għandhom il-kaptani minn pajjiżi terzi li jiġu imbarkati biex jaħdmu fuq bastimenti tas-sajd sabiex ikunu jistgħu jbaħħru f’ibħra internazzjonali? Jista’ jgħid ukoll kemm ingħataw permessi tul l-2023, xahar b’xahar u minn liema pajjiż ġej kull wieħed minn dawn il-kaptani?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kwalifiki tal-kaptana minn pajjizi terzi huma dawk rikonoxxuti mill-entita’ responsabbli. Matul is-sena 2023, ingħataw dawn il-permessi kif ġej:
Numru ta’ permessi lil kaptana minn pajjiżi terzi
li jistgħu jbaħħru f’ibħra internazzjonali matul l-2023
Xahar
Numru ta’ Permessi maħruġa
Nazzjonalita’
Jannar
6
5 Eġittu, 1 Indonesja
Frar
-
-
Marzu
5
3 Eġittu, 2 Tuneżija
April
21
19 Eġittu, 1 Indja, 1 Indonesja
Mejju
7
6 Eġittu, 1 Indonesja
Ġunju
1
1 Eġittu
Lulju
2
2 Eġittu
Awwissu
1
1 Eġittu
Settembru
-
-
Ottubru
1
1 Eġittu
Novembru
-
-
Diċembru
-
-
Koperattiva tas-Sajjieda — Fondi għal attendenza f’laqgħat internazzjonali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew mgħoddija fondi lill-Koperattiva tas-Sajjieda biex tipparteċipa f’konferenzi barra l-pajjiż li jiġu organizzati mill-International Commission for the Conservation of Atlantic Tunas (ICCAT), mill-Mediterranean Advisory Council (MEDAC), mill-General Fisheries Commission for the Mediterranean (GFCM) u mill-Food and Agriculture Organization of the United Nations (FAO)? Għal kemm-il konferenza attendiet il-Koperattiva tas-Sajd mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, sena b’sena, li kienu ffinanzjati mill-Gvern?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma jiġu mgħoddija l-ebda fondi lill-Koperattiva tas-Sajd sabiex tipparteċipa f’konferenzi barra l-pajjiż. Skont il-proċedura attwali jiġi applikat il-ftehim li hemm bejn il-Ministeru u l-Koperattiva. Speċifikament, meta l-Koperattiva tinnomina persuna għal xi laqgħa li tkun eleġibbli għaliha skont dan l-istess ftehim, il-Gvern ikopri l-ispejjeż relevanti tal-persuni b’mod ekwivalenti daqs li kieku kien uffiċjal tal-Gvern.
Nirreferih għat-tabella segwenti.
Sena
Numru ta’ Konferenzi/Laqgħat iffinanzjati mill-Gvern
2013
1
2014
2
2015
2
2016
8
2017
3
2018
3
2019
2
2020
1
2021
0
2022
0
2023
0
2024
0
Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Impjegati
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fl-uffiċċju tal-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali u f’kull Dipartiment/Aġenzija li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid ukoll xi grad għandhom, u jaqsam din l-informazzjoni dipartiment b’dipartiment u aġenzija b’aġenzija, b’dawk li jinsabu stazzjonati f’Malta separatament minn dawk li jinsabu f’Għawdex?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba .