Legislature:
Category:
Reset
Active:

Toroq — Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15719, peress li fejn ser isiru xogħlijiet ta' trinek f’toroq li ngħataw it-tarmak reċentement, skont l-iStandard Conditions ta’ Category 1 li għamel referenza għalihom fl-istess tweġiba, u r-reinstatement bl-asfalt tat-triq mhux ser ikopri l-wisa’ tat-triq kollha, jista’ l-Ministru jgħid jekk jikkunsidrax li dawn il-kundizzjonijiet jinbidlu biex f’toroq li jkunu għadhom kemm saru bit-tarmak, meta jsiru trinek fihom, ir-reinstatement ikollu jkopri l-wisa’ tat-triq kollha ħalli joħloq deterrent għal min wara ftit żmien li jkun għadu kemm sar wiċċ ġdid ta' tarmak fi triq, imur iħaffer fihom trinek? Jista’ jgħid ukoll x’jista jsir biex jiġi evitat ħela ta' flus il-poplu mit-taxxi li jħallas?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta tiċċirkola l-permessi tax-xogħlijiet proposti għal toroq ġodda sabiex l-entitajiet ikunu kollha nfurmati bihom u kemm jista’ jkun isir ix-xogħol tagħhom qabel ma’ jsir l-asfalt tat-triq. Madankollu, mhux dejjem ikun previst ċertu xogħol, minħabba żviluppi ġodda li jkunu bdew wara li tkun saret it-triq, bħal ħsarat jew drenaġġ privat. Għaldaqstant, qed isir sforz sabiex jiġi evitat tħaffir wara li tkun saret triq ġdida, kif ukoll f’kull każ isir studju dwar fejn għandu jsir ir-reinstatement.

Toroq — Kisi temporanju ta’ wċuħ ta’ trinek

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15720, jista’ l-Ministru jagħti spjega teknika kif konkos, li jipprovdi wiċċ ta' triq riġidu, iservi aktar minn wiċċ temporanju tal-cold asfalt li hu wiċċ ta' triq flessibbli u għalhekk kumplimentari mal-wiċċ tat-triq li hu bit-tarmak, li hu wkoll wiċċ ta' triq flessibbli, peress li wiċċ tal-konkos mhux kompatibbli ma' wiċċ tat-tarmak u kif tagħmel ftit xita jinqala’ mill-ewwel, speċjalment mal-ġonta bejn il-wiċċ tat-tarmak u l-wiċċ tal-konkos u jrendi t-toroq minn fejn ikunu għaddejjin dawn it-trinek perikolużi, aktar u aktar meta l-konkos minħabba r-riġidità tiegħu għandu tendenza li jinqasam bil-piż tal-vetturi?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-differenza fl-użu ta’ konkos b’mod temporanju u l-użu ta’ cold asphalt huwa fil-ħxuna tal-layer rispettiv. Minħabba li l-cold asphalt huwa flessibbli kif qed jgħid tajjeb l-Onorevoli Interpellant, allura ma jkunx jista’ jingħata layer oħxon b’konsegwenza li bix-xita dan il-layer jitlaq malajr. Meta b’mod temporanju jsir il-konkos dan ikun sar bil-fond kollu tat-trinka u għaldaqstant ikun iktar reżistenti.

Toroq — Xogħljiet ta' trinek u tarmac - Unit ta' Koordinament

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15721, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-uffiċjali tar-Road Works Permits Unit fi ħdan Transport Malta li qed jaqdu s-segwenti funzjonijiet u l-kwalifiki akkademiċi tagħhom: i. Direttur Tekniku; ii. Direttur Legali; iii. Uffiċjal li joħroġ il-permessi; iv. Uffiċjal li jikkoordina t-traffic management temporanju; v. Uffiċjal għall-permessi tal-emerġenza; vi. Għaxar field officers biex jiċċekkjaw il-kundizzjonijiet tal-permess; u vii. Erba' uffiċjali amministrattivi?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif qed jinġabar.

Importazzjoni ta’ ngħaġ u mogħoż

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ngħaġ u mogħoż importati minn barra pajjiżna jmorrux kwarantina? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid: (a) kemm hu l-perjodu ta' kwarantina; (b) fejn jinżammu kwarantina; (ċ) x'tip ta' testijiet isirulhom u jekk dawn it-testijiet ikunux disponibbli għall-pubbliku; u (d) jekk dawn l-annimali jinstabu li għandhom xi mard, xi jsir minnhom?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li annimali ġejjin minn Stati Membri tal-UE u li jidħlu Malta, fosthom nagħaġ u mogħoż, huma meqjusa bħala moviment ta’ bhejjem mhux bħala importazzjoni. Ninfurmah ukoll li annimali jistgħu jinżammu fi kwarantina għal raġunijiet diversi fosthom ta’ bijosigurtà, għall-konteniment ta’ mard, raġunijiet ta’ saħħa pubblika, riċerka u dijanjostika, u b’konformità ma’ regolamenti. (a)It-tul taż-żmien ta’ kwarantina jiddependi mir-raġuni taż-żamma u ċ-ċirkostanzi tal-każ. (b)¯amma fi kwarantina tista’ ssir f’faċilità tal-Gvern, jew fuq sit ta’ raħħal, kif meħtieġ. (ċ)Isiru testijiet skont l-ispeċi u għal diversi mard notifikabbli li huma meħtieġa għal vjaġġar internazzjonali ta’ annimali u movimenti bejn pajjiżi. Testijiet dijanjostiċi għal nagħaġ u mogħoż jistgħu jinkludu dawk għall-bruċellożi, tuberkulożi, u għall-virus tal-Blue Tongue u r-riżultati ma jkunux disponibbli għall-pubbliku. (d)Kull annimal misjub infettat jiġi maqtul skont liġijiet relevanti nazzjonali u tal-UE.

MTA – Sponsorizzazzjoni lis-Soċjetajiet Mużikali biex jiġu organizzati l-festi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15714, peress li l-Ministeru tiegħu, permezz tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), jinvesti miljuni ta' ewro kull sena biex jippromwovi l-gżejjer Maltin barra minn xtutna permezz ta’ diversi interventi skont in-neċessità u l-fondi allokati, jista’ l-Ministru jara li jsir investiment mill-fondi allokati biex jibdew jiġu sponsorjati s-Soċjetajiet Mużikali ta' pajjiżna biex jagħmlu tajjeb għal ċertu spejjeż li jsiru biex jiġu organizzati l-festi f’pajjiżna, peress li dawn jattiraw ammont kbir ta' turisti lejn pajjiżna tul l-istaġun tas-sajf?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15714. Infakkru wkoll li l-Gvern, permezz tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, għadu kemm żied b’45% l-iskema ta’ finanzjament immirata speċifikament għall-festi Maltin.

Wied iż-Żurrieq — Multi-level parking

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 1241 u 18572 tal-Leġiżlatura XIII u 4438 u 15713 tal-Leġiżlatura XIV fejn il-Ministru kellu jgħid jekk hemmx ippjanat li jsir multi-level parking fil-parkeġġ eżistenti ta' Wied iż-Żurrieq, u peress li preżentement fil-maġġior parti tiegħu l-ispazju hu riservat għal coaches u l-art inkwistjoni hija diġà kommessa li tintuża bħala parkeġġ, u fid-dawl li diġà qed isir dan, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra t-testijiet u r-rapporti ġeoloġiċi li saru mill-Gvern fiż-żona biex jissostanzja dak li qal fit-tweġibiet tiegħu? Jistgħu fil-frattemp jiġu identifikati żoni oħra f'Wied iż-Żurrieq stess, li fihom jistgħu jiġu pprovduti tali parkeġġi biex fin-nuqqas ta' turisti li ġejjin minn barra l-pajjiż, aktar Maltin iżuru dan il-post turistiku sakemm isir dan il-multi-level parking?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 1241, 4438 u 15713 ta’ din il-Leġiżlatura, u 18572 tal-Leġiżlatura XIII.

Wied iż-Żurrieq – Pjan ta’ network tad-drenaġġ

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15715, tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni li għalkemm Wied iż-Żurrieq huwa l-unika lokalità f’Malta u Għawdex li għadha bla servizz tad-drenaġġ, il-Gvern qed jibqa’ jippersisti li jiddiskrimina mad-diversi ħwienet ta' Wied iż-Żurrieq u ma jinstallax rising main biex dan in-network ikun imqabbad man-network prinċipali tad-drenaġġ meta f’postijiet oħra simili, bħax-Xatt ta' Marsaxlokk, rising main simili ġie installat?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nibda billi niċħad li qed ssir xi forma ta’ diskrimnazzjoni kif qed jinsinwa l-Onor. Interpellant. Bħalma jaf ukoll, hemm differenza fit-topografija taż-żewġ żoni li qed jirreferi għalihom, kif ukoll fid-distanza mill-eqreb sors ta’ network tad-drenaġġ. Fil-każ ta’ Wied iż-Żurrieq, id-distanza twila ħafna bejn l-infrastruttura eżistenti tad-drenaġġ u din iż-żona kif ukoll it-topografija partikolari tal-inħawi jagħmluha teknikamanet diffiċli biex issir il-konnessjoni indikata.

Iż-Żurrieq – Applikazzjonijiet għal spazji miftuħa

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 14767, 15703 u 15711 dwar spazji miftuħa fiż-Żurrieq, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-photo montages / 3D visuals inkluż il-pjanti u stimi ta' kull proġett sottomess, kemm dawk li ġew approvati u kemm ta' dawk li ma kenux approvati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li aktar dettalji dwar il-proġett li ntghażel biex sir f’Misraħ il-Karmelitani, fiż-Żurrieq jingħataw ladarba jinħarġu l-permessi meħtieġa u ssir is-sejħa għall-offerti. Rigward l-informazzjoni mitluba dwar il-proġetti li ma ntgħażlux għall-iskema Community Greening Grant, dawn huma proprjetà ta’ min ipproponihom u għalhekk Project Green jidhirlha li għandha tirrispetta d-diskrezzjoni tal-applikanti konċernati. Dan biex tippermetti lill-applikanti jżommu kontroll fuq il-kunfidenzjalità tal-proposti tagħhom.

Ħal Safi — Spazji miftuħa

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15710, tista’ l-Ministru tgħid kemm ġie jiswa x-xogħol fuq il-picnic area u dog park f’Ħal Safi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-investiment biex twettaq ix-xogħol marbut mal-picnic area u dog park f'Ħal Safi ammonta għal €130,000.

L-Imqabba – Ħsarat fil-pjazza

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15716 dwar ħsarat f'partijiet mill-Pjazza tal-Imqabba, jista’ l-Ministru jagħti garanzija li kif jiġu rranġati d-difetti fil-grouting ta’ parti minn dan il-proġett, din il-pjazza ma tibqax tbati minn ħsarat sofferti minn ċediment taħt il-piż ta' heavy vehicles li jgħaddu minn din il-pjazza? Jista’ jgħid ukoll jekk dan iċ-ċediment huwiex riżultat ta' difett fil-grouting taċ-ċangatura użata u mhux riżultat tal-kwalità inferjuri tal-materjal użat bejn iċ-ċangatura u s-sodda tal-konkos li hemm taħt iċ-ċangatura?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif qed jinġabar.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni — Deputati tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kienu / huma d-Deputati tal-Gvern, li minn April 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, ingħataw xi kuntratt ta' konsulenza miċ-ċivil, servizz pubbliku, jew minn kumpaniji / banek fejn il-Gvern għandu b'xi mod interess minoritarju jew maġġoritarju, minn aġenziji, entitajiet, jew awtoritajiet regolatorji fid-dekasteru li għalih hu responsabbli u jekk hemm persuni identifikati, jiġi indikat x'tip ta' konsulenza kienu qed jagħtu, fejn kienu qegħdin iservu, id-data tal-ingaġġ ta' dawn il-persuni, id-data sakemm baqgħu ingaġġati dawn il-persuni, b'liema mod kienu ingaġġati (jekk hux b’sejħa pubblika, direct order, eċċ.) u kemm kien il-pakkett finanzjarju tagħhom?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru ma ta l-ebda kuntratt ta' konsulenza miċ-ċivil, servizz pubbliku, jew minn kumpaniji / banek fejn il-Gvern għandu b'xi mod interess minoritarju jew maġġoritarju lill-individwi msemmijja.

Koperattivi tas-Sajd — Laqgħat

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk kellux talbiet mill-Koperattivi tas-Sajd biex jiltaqa’ magħhom, sena b'sena, mill-2020 sal-ġuranta li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u kemm fil-fatt iltaqa’ ma’ dawn il-koperattivi?

Response (ABELA, ROBERT)

Il-Gvern jiltaqa’ u dispost jiltaqa’ ma’ kulħadd inkluż il-Koperattiva tas-Sajd li qed issemmi int. Fil-fatt diġa saru wkoll laqgħat mal-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali.

INDIS Malta Limited — Asbestos

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għad fadal binjiet amministrati minn INDIS Malta Ltd. li għad għandhom asbestos bħala parti mill-bini, speċjalment fis-soqfa? X'qed isir biex tiġi salvagwardjata s-saħħa tal-ħaddiema li jaħdmu f'dawn il-binjiet? X'inhi r-raġuni li dan l-asbestos qatt ma tneħħa mill-INDIS Malta Ltd. bħala s-sid ta' dawn il-binjiet? X'passi ser tieħu l-INDIS Malta Ltd. fil-konfront ta' dawn il-binjiet, bħala s-sid tagħhom, biex tara li dan l-asbestos jitneħħa mill-aktar fis possibbli? Jista’ jgħid ukoll jekk l-INDIS Malta Ltd. għandhiex records ta' kemm binjiet li huma proprjetà tagħha għad għandhom l-asbestos ġo fihom? F'każ li ħaddiema jimirdu minħabba dan l-asbestos, l-INDIS Malta Ltd. ser terfa’ r-responsabiltà tan-nuqqas ta' azzjoni min-naħa tagħha biex dan l-asbestos jitneħħa?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

INDIS Malta Limited – Binjiet b’suffetti tal-jablo

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn binjiet proprjetà ta' INDIS Malta Ltd. li għad għandhom suffetti tal-expanded polystyrene (EPS – jablo) li huwa materjal fjammabbli u li fil-każ li jkun hemm ħruq taħtu, dan idub u jqattar bħala żejt? Sar assessment tal-periklu li jinħoloq f'każ ta' ħruq kemm għal min jinzerta taħtu kif ukoll għall-ħaddiema tat-tifi tan-nar fil-każ li jkollhom bżonn jintervjenu biex jitfu n-nar?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

INDIS Malta Limited – Tneħħija tal-asbestos u jablo

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li l-materjali tal-asbestos u l-expanded polystyrene - EPS humiex ser jiġu mneħħija mill-binjiet proprjetà ta' INDIS Malta Ltd.? Jista’ jgħid ukoll jekk ix-xogħol hux ser tidħol għalih INDIS, u f’liema terminu ta’ żmien għandu jkun mistenni li dan ix-xogħol iseħħ?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Sussidju fuq l-għalf għan-nagħaġ u mogħoż

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għalf għan-nagħaġ u mogħoż bħal pellets high milk, xgħir u maize, hux ser ikun issussidjat mill-Gvern?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern ilu mill-2022 jissussidja l-importazzjoni tal-għalf tal-annimali intiż għas-settur tat-trobbija tal-bhejjem bl-Iskema ta’ Sussidju Temporanja għall-Istabilizzazzjoni tal-Prezzijiet. Permezz ta’ dan, il-prezzijiet fis-suq lokali għar-raħħala nżammu stabbli skont dawk ta’ Marzu 2022. Pellets għan-nagħaġ u l-mogħoż (immirati għal stadji/etajiet diversi waqt it-trobbija tal-annimal), xgħir u qamħirrun huma fost il-prodotti li huma ssussidjati. Hekk kif ġie imħabbar fil-Baġit, din l-Iskema ser tkompli anke fis-sena 2024.

Dgħajjes li kellhom il-kwoti tat-tonn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, minn dawk id-dgħajjes li kellhom il-kwoti tat-tonn mill-2013 sal-2023, sena b'sena; i. kemm kellhom friża u magna tas-silġ fuq id-dgħajsa u kemm kellhom kwota; ii. kemm kellhom friża biss fuq id-dgħajsa u kemm kellhom kwota; u iii. ma kellhomx friża fuq id-dgħajsa u kemm kellhom kwota?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex tiġi kkompilata l-informazzjoni kollha, kif mitlub, se jispiċċa jinqabeż l-advisory cost limit.

Imqabba — Triq il-Konvoj ta' Santa Marija - Rotot 218 u 74

Question

Jista’ l-Ministru jara li r-rotot 218 u 74 jibdew jgħaddu wkoll minn Triq il-Konvoj ta' Santa Marija, Imqabba?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kemm ir-rotta 74 kif ukoll 218 iservu Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija bejn Triq is-Sejba u Triq Karmenu Ciantar. Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija hija servuta ukoll bir-rotta 72.

Kwota għall-qbid tal-alongi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kwota tal-qbid tal-alongi mis-sajjieda dilettanti kenitx stabbilita mill-ICAT? Jekk fin-negattiv, min stabbilixxa din il-kwota?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kwota tal-qbid tal-alongi mis-sajjieda dilettanti ġiet stabbilita mill-ICCAT, u barra minn hekk ġiet affermata mill-Unjoni Ewropea fir-rakkomandazzjonijiet u r-regolamenti rispettivi.

Qbid ta’ lampuki

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inqabdu lampuki, settur settur u sena b'sena mill-2009 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ lampuki maqbuda mis-sena 2009 sas-sena 2023 huwa kif jidher fit-tabelli hawn taħt. Ninfurmah ukoll li l-istaġun jiftaħ fil-15 t’Awwissu ta’ kull sena. Rkaptu 2009 2010 2011 2012 2013 2014 2015 Kanizzati 320129.5 kgs 381541.5 kgs 169540.05 kgs 174796.18 kgs 369128 kgs 195994.25 kgs 321371.2 kgs Rkaptu ieħor 2844.4 kgs 4379.4 kgs 874.35 kgs 577.4 kgs 1944.6 kgs 1722.35 kgs 9017.25 kgs Total 322973.9 kgs 385920.9 kgs 170414.4 kgs 175373.58 kgs 371072.6 kgs 197716.6 kgs 330388.45 kgs Rkaptu 2016 2017 2018 2019 2020 2021 2022 2023 Kanizzati 231040.45 kgs 229509.12 kgs 400722.8 kgs 404536.13 kgs 351094.89 kgs 212006.45 kgs 517220.68 kgs 266945.1 kgs Rkaptu ieħor 3935.05 kgs 11380.31 kgs 6093.98 kgs 2661.93 kgs 5657.7 kgs 7265.22 kgs 4524.35 kgs 7786.4 kgs Total 234975.5 kgs 240889.43 kgs 406816.78 kgs 407198.06 kgs 356752.59 kgs 219271.67 kgs 521745.03 kgs 274731.5 kgs