B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16992, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa’ mal-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd biex jiddiskuti l-kriterji li ser jiġu użati biex titqassam il-kwota tat-tonn u liema kategoriji ta' sajjieda ser ikunu qegħdin jibbenefikaw minn dawn il-kwoti għall-istaġun 2024 u f'liema dati? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti ta' dawn il-laqgħat? Min qiegħed jirrappreżenta lill-Ministeru f'dawn il-laqgħat? Xi kwalifiki għandu dan/din ir-rappreżentant/a tal-Ministeru fuq affarijiet relatati ma’ sajd u kif jiġu mqassma l-kwoti tat-tonn? Jista’ jgħid ukoll jekk hux minnu li fid-deċiżjonijiet li ttieħdu jew li ser jittieħdu, ġew injorati għalkollox is-suġġerimenti tal-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd, kuntrarjament għal dak li kien isir qabel?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-laqgħat bejn il-Koperattiva u l-Gvern isiru fil-preżenza tiegħi u dik tas-Segretarju Parlamentari, kif ukoll ta’ konsulenti tagħna u rappreżentanti mis-servizz pubbliku. Filwaqt li d-diskussjonijiet dwar it-tqassim tal-Kwoti tat-Tonn għadhom għaddejjin, mhuwiex minnu li suġġerimenti tal-Koperattiva qed jiġu injorati.
Il-Ministeru mhux talli ma jinjorax, imma talli ra u analizza s-suġġerimenti tal-Koperattiva u qed ikompli jiżviluppa fuqhom sabiex verament is-sajjieda kollha jkollhom iċ-ċans li jistadu għat-tonn b’rispett sħiħ lejn il-kwota nazzjonali u r-regoli fis-seħħ.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16993, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Gazzetta tal-Gvern li qed jagħmel referenza għaliha kif ukoll jagħti d-dettalji relattivi għal kull membru li ġie maħtur u jgħid x'inhuma l-kwalifiki ta' kull membru relatat mas-settur tas-sajd peress li l-Gazzetta tal-Gvern li għamel referenza għaliha ma jkollhiex l-informazjoni kollha mitluba?
Response (REFALO, ANTON)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kopja mitluba tal-Gazzetta tal-Gvern fejn hemm il-lista sħiħa tal-ismijiet ippubblikati. Dawn jinħatru skont it-termini tas-sub-artikolu 5 (2) ta’ l-Att dwar il-Konservazzjoni u l-Amministrazzjoni tas-Sajd (KAP 425) hekk kif muri fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 16993.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16992, jista’ l-Ministru jgħid liema kriterji ser jiġu użati biex titqassam il-kwota tat-tonn u liema kategoriji ta' sajjieda ser ikunu qegħdin jibbenefikaw minn dawn il-kwoti għall-istaġun 2024 ġew maqbula bejn il-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd u l-Gvern?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li f’dan l-istadju kif diġa’ tennejt, id-diskussjonijiet għadhom għaddejjin mal-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd u għaldaqstant ma jkunx propizju li dawn jingħataw.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17007 u jgħid kemm għad fadal binjiet amministrati minn INDIS Malta Ltd. li għad għandhom asbestos bħala parti mill-bini, speċjalment fis-soqfa? X'qed isir biex tiġi salvagwardjata s-saħħa tal-ħaddiema li jaħdmu f'dawn il-binjiet? X'inhi r-raġuni li dan l-asbestos qatt ma tneħħa mill-INDIS Malta Ltd. bħala s-sid ta' dawn il-binjiet? X'passi ser tieħu l-INDIS Malta Ltd. fil-konfront ta' dawn il-binjiet, bħala s-sid tagħhom, biex tara li dan l-asbestos jitneħħa mill-aktar fis possibbli? Jista’ jgħid ukoll jekk l-INDIS Malta Ltd. għandhiex records ta' kemm binjiet li huma proprjetà tagħha għad għandhom l-asbestos ġo fihom? F'każ li ħaddiema jimirdu minħabba dan l-asbestos, l-INDIS Malta Ltd. ser terfa’ r-responsabbiltà tan-nuqqas ta' azzjoni min-naħa tagħha biex dan l-asbestos jitneħħa?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma l-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
INDIS Malta Limited – Binjiet b’suffetti tal-jablo
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17008 u jgħid kemm hawn binjiet proprjetà ta' INDIS Malta Ltd. li għad għandhom suffetti tal-expanded polystyrene (EPS – jablo) li huwa materjal fjammabbli u li fil-każ li jkun hemm ħruq taħtu, dan idub u jqattar bħala żejt? Sar assessment tal-periklu li jinħoloq f'każ ta' ħruq kemm għal min jinzerta taħtu kif ukoll għall-ħaddiema tat-tifi tan-nar fil-każ li jkollhom bżonn jintervjenu biex jitfu n-nar?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma l-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
INDIS Malta Limited – Tneħħija tal-asbestos u jablo
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17009 u jgħid jekk hemmx ħsieb li l-materjali tal-asbestos u l-expanded polystyrene - EPS humiex ser jiġu mneħħija mill-binjiet proprjetà ta' INDIS Malta Ltd.? Jista’ jgħid ukoll jekk ix-xogħol hux ser tidħol għalih INDIS, u f’liema terminu ta’ żmien għandu jkun mistenni li dan ix-xogħol iseħħ?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma l-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Jista’ l-Ministru jara li jsiru l-arranġamenti neċessarji biex art agrikola li preżentement mhux tinħadem, kemm tal-Gvern kif ukoll tal-privat, tiġi mgħoddija lill-bdiewa u r-raħħala Maltin u Għawdxin biex fejn ma jinżergħux prodotti agrikoli, ikun jista' jinżera magħlef u b'hekk jiġu ffrankati ħafna spejjeż biex jiġi impurtat magħlef minn barra l-pajjiż?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 17254.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16989, jista’ l-Ministru jikkjarifika għaliex it-tweġiba mogħtija f'din il-mistoqsija parlamentari hija kunfliġġenti mad-deċiżjoni tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, fejn filwaqt li d-deċiżjoni tal-Kunsill Eżekuttiv kienet li 'Third party owned garages / parking bays should not be considered as part of the parking requirements" u din id-deċiżjoni ttieħdet fuq diversi applikazzjonijiet li ġew a konjizzjoni tal-EPC Board tal-Awtorità abbażi tad-deċiżjoni tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, filwaqt li t-tweġiba tal-istess mistoqsija parlamentari tgħid li "Fil-każ li jkun qed jintilef garaxx jew spazju ta’ karozza li ma jkunx żejjed, l-applikant jintalab iħallas għall-UIF/CPPS biex jikkumpensa għal dak l-ispazju, u dan irrispettivament hux sid appartament jew aktar mill-blokka"?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17006, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk kellux talbiet mill-Koperattivi tas-Sajd biex bħala Prim Ministru jiltaqa’ magħhom, sena b'sena, mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u kemm fil-fatt iltaqa’ ma’ dawn il-koperattivi?
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, Ugwaljanza, ir-Riforma u Djalogu Soċjali jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16990 u ċjoè jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15681, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, u jgħid kemm kien hemm sajjieda li bbenefikaw minn għajnuniet tal-Unjoni Ewropea, sena b’sena, mill-2004 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Fiex kienet tikkonsisti din l-għajnuna, kemm-il sajjied ibbenefika minn din l-għajnuna, x’kien l-istatus ta' kull sajjied (sajjieda full-time, sajjieda żgħażagħ, etc.) u x’inhu l-ammont ta' flus li bbenefika minnu kull sajjied?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bl-informazzjoni rigward sajjieda li bbenefikaw minn għajnuniet ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea sena b’sena mill-2004 sal-ġurnata li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari.
Kirkop/Safi — Triq l-Industrija/Triq Carmelo Caruana – Wiċċ tat-triq
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16988, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, u jara li l-wiċċ eżistenti tat-triq fi Triq l-Industrija / Triq Carmelo Caruana, Kirkop / Safi quddiem id-daħla għall-Barracks tal-Forzi Armati ta' Malta jinbidel għax 'slippery', speċjalment meta tagħmel ix-xita, għax qed jikkaġuna diversi inċidenti għax qed jiskidjaw il-karozzi?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi b’mod iktar preċiż għal liema triq jew parti tat-triq qed jirreferi sabiex inkun nista’ nitlob l-informazzjoni rikjesta lill-Kunsill Lokali inkwistjoni.
Iż-Żurrieq – Misraħ ir-Repubblika – Xogħol fil-pjazza
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-Gvern għal Misraħ ir-Repubblika, iż-Żurrieq u jekk din il-pjazza hux ġejja 'pedestrian priority area' jew hux ser jibqa’ għaddej it-traffiku kif inhu illum? Jista’ jgħid ukoll x'tip ta' pavimentar hemm il-ħsieb li jsir? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti proposti kif ukoll stima ta' kemm ġej jiswa x-xogħol?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq li l-proġett tal-Misraħ ir-Repubblika ser jkun qed jagħmlu l-istess kunsill. Nikkonferma li l-pjan tal-kunsill hu li filwaqt li l-pjazza tkun pedestrian priority, tkun aċċessibbli għar-residenti u emerġenzi biss. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti proposti għal dan il-proġett filwaqt li ninsab infurmat wkoll li l-ewwel stima saret xhur ilu u li tista’ tvarja, kienet tlaħħaq is-somma ta’ €485,722.
Annimali infettati bil-'blue tongue', brucella jew tuberkulożi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk instabux annimali infettati bil-mard relatat mal-'blue tongue', brucella jew tuberkulożi minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari maqsuma xahar b' xahar? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x'passi ttieħdu mill-Veterinary and Phytosanitary Regulation Division (VRD)?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jara li jsiru l-arranġamenti neċessarji biex art agrikola li preżentement mhux tinħadem, kemm tal-Gvern kif ukoll tal-privat, tiġi mgħoddija lill-bdiewa u r-raħħala Maltin u Għawdxin biex fejn ma jinżergħux prodotti agrikoli, ikun jista jinżera’ magħlef u b'hekk jiġu ffrankati ħafna spejjeż biex jiġi impurtat magħlef minn barra l-pajjiż?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-twaqqif tal-Aġenzija Riżorsi Agrikoli Malta f’Novembru li għadda, kien propju sabiex tħares primarjament lejn il-ħarsien tal-art agrikola f’sens illi l-art agrikola tibqa’ tiġi kkultivata u maħduma minn bdiewa u raħħala ġenwini. Għaldaqstant, kif kien ukoll ġie stabbilit fil-White Paper dwar ir-riforma fil-qasam tar-raba’, il-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli ser ikun qed jaħdem fuq miżuri sabiex art agrikola tibqa’ tiġi maħduma mill-bdiewa u r-raħħala għal kull bżonn, inkluż dak sabiex jinżera’ magħlef.
Jista’ l-Ministru jgħid x' qed isir biex il-ġenetika tal-mogħoż u n-nagħaġ Maltin tinżamm?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. li sa issa qatt ma kien hemm deskrizzjoni uffiċċjali jew standard li jiddeskrivi l-karatteristiċi tal-moġħża jew nagħġa Maltija. Madankollu, il-Ministeru qed jaħdem qrib organizzazzjonijiet nazzjonali b’interess f’dan is-settur sabiex inkunu nistgħu niddefinixxu u nirkonoxxu l-istandard tal-mogħża u naghġa Maltija.
Minkejja dan, xorta waħda konna proattivi peress li llum, permezz tal-publikazzjoni tal-Att dwar l-agrikoltura li ġie varat aktar kmieni din is-sena, jistgħu jsiru regolamentati sabiex jiġu rirkonoxxuti dawn l-istandard tar-razzez lokali. B’hekk, illum għandna bażi legali sabiex nistgħu nibdew nirrikonoxxu l-moġħża u n-nagħġa Maltija bid-deskrizzjoni tagħhom.
Ta’ min isemmi ukoll lil l-merħla ta’ nagħaġ u mogħoż li hemm ġewwa l-Għammieri, huma magħżula skont il-karatteristiċi Maltin hekk kif huma deskritti fil-kotba storici li jagħmlu referenza għar-razez Maltin.
Taħlit ta' razza tan-ngħaġ u mogħoż Maltin ma’ dawk importati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk f'każ ta' taħlit ta' razza tan-nagħaġ u mogħoż Maltin ma’ dawk importati, jekk jinkiseb id-D.P.O (Protected Designation of Origin), dan ikunx jista’ jinżamm? Jekk le, x'ser jagħmel il-Gvern biex appena jinkiseb id-D.P.O., dan ikun protett?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li qed jinbiegħu prodotti tal-ħalib mill-Farmers Market mingħajr id-Dairy Product Room No? Jista’ jgħid ukoll x'passi qed jittieħdu meta jinstabu prodotti mingħajr id-Dairy Product Room No.?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Farmers Market jinbiegħu prodotti tal-ħalib direttament minn raħħala u produtturi tal-istess prodotti tal-ħalib, bħal ġbejniet, li għandhom l-istabbiliment tagħhom approvat u rreġistrat mal-Kummissjoni għas-Sigurta’ tal-Ikel u l-merħla tagħhom reġistrata mid-Direttorat tar-Regolament Veterinarju. Dawn il-produtturi jingħataw numru ta’ approvazzjoni (Dairy Product Approval Number). Hemm ukoll numru zgħir ta’ raħħala u produtturi tal-prodotti tal-ħalib, bħal ġbejniet, li għandhom anqas minn seba’ nagħġiet jew mogħżiet, li jkunu jistgħu jbiegħu prodotti tal-ħalib direttament fil-Farmers Market jekk ir-razzett tagħhom ikun reġistrat mad-Direttorat tar-Regolament Veterinarju, hekk skont l-Avviż Legali 321 tal-2022, b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 852/2004 u r-rekwiżiti tal-iġjene stabbiliti f’dawn ir-regolamenti.
Sabiex raħħala, bdiewa u produtturi tal-ħalib fost l-oħrajn ikunu jistgħu jarmaw u jbiegħu prodotti tal-ħalib mill-Farmers Market, iridu jissottomettu applikazzjoni lill-Malta Food Agency, li tiġi approvata mill-Market Regulation Unit tal-istess Aġenzija wara li jkunu ġew ivverifikati d-dokumenti meħtieġa u, fejn hemm bżonn anke jsiru verifiki ma’ entitajiet oħra responsabbli mis-saħħa u s-sigurtà tal-prodotti ikkonċernati. L-uffiċjala tal-Market Regulation Unit kontinwament jagħmlu ispezzjonijiet fil-Farmers Market Ta’ Qali u fil-Kottonera sabiex jivverifikaw li d-detenturi tal-permess qed ibiegħu l-prodotti skont l-applikazzjoni sottomessa minnhom u li għandhom l-approvazzjonijiet meħtieġa mill-entitajiet responsabbli, bħal fil-każ tal-ġbejniet tad-Direttorat tar-Regolament Veterinarju.
F’każ li l-ispetturi jsibu ksur tar-regolamenti, kif titlob il-Liġi Sussidjarja 117.31 li tirregola l-Farmers Markets, tittieħed azzjoni, li tista’ twassal għat-twaqqif tal-bejgħ tal-prodott mill-Farmers Market u/jew għas-sospensjoni tal-permess ta’ bejgħ mill-Farmers Market.
Dan ma jeskludix ukoll il-verifiki li jsiru mill-entitatjiet oħra responsabbli mill-bejgħ u tqegħid fis-suq ta’ prodotti tal-ħalib.
Xirka Produtturi Ngħaġ u Mogħoż – Proċess biex jinstab post
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex jinstab post fejn ikunu jistgħu jiltaqgħu x-Xirka Produtturi Ngħaġ u Mogħoż, li hija organizzazzjoni mhux governattiva?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-Ministeru li tiegħu jien responsabbli diġà qed joffri l-faċilitajiet tiegħu għad-dispozizzjoni tal-Għaqdiet mhux Governattivi li joperaw fil-qasam Agrikolu sabiex jorganizzaw il-laqgħat tagħhom. Barra minn hekk, jien infurmat li l-Ministeru responsabbli mill-Għaqdiet mhux Governattivi għandu postijiet apposta għal dan l-iskop.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15717, jista’ l-Ministru jagħti garanzija lil kull min għandu ħanut kummerċjali f’Wied iż-Żurrieq kif ukoll lil eluf ta' turisti u Maltin li jżuru Wied iż-Żurrieq, illi x-xogħol fuq il-pjanti neċessarji inklużi investigazzjonijiet ser jibdew mill-aktar fis possibli fid-dawl li s-suġġeriment ta' multi-level parking f’Wied iż-Żurrieq ilu jsir għal dawn l-aħħar għaxar snin u l-Gvern baqa’ jevita li jikkommeti ruħu li jinvestiga bis-serjetà l-probabbiltà ta’ bini ta' multi-level parking f’Wied iż-Żurrieq, fl-istess post fejn illum hemm il-parkeġġ?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15717.
Fid-dawl li toroq li jkun għadu kemm sarilhom wiċċ ta' tarmak ġdid qegħdin jerġgħu jinqalgħu mill-ġdid biex jgħaddu servizzi minn taħt l-art, jista’ l-Ministru jgħid jekk is-sistema elettronika tal-permessi li għandha Transport Malta li ssemmiet fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15719, li suppost tippermetti notifika lill-entitajiet kollha kkonċernati meta jkun ser isir xogħol fit-toroq, mhux ikollha riżultati kif mixtieq u għalhekk din is-sistema għandha tiġi riveduta mill-iktar fis possibbli? Jista’ jgħid ukoll jekk jekk hemmx bżonn urġenti li ssir koordinazzjoni aħjar ta' kull tip ta' xogħol fit-toroq, kemm biex ma jsirux spejjeż żejda kif ukoll biex jitnaqqas l-inkonvenjent ta' trabijiet, toroq magħluqa, garaxxijiet imblukkati, eċċ. għar-residenti li jkunu jgħixu f’dawn t-toroq?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sistema tal-permessi eżistenti tinforma lill-entitajiet kollha ikkonċernati bix-xogħlijiet li jkunu ser isiru minn dik l-entità li tkun qed tapplika għal-permess. L-entitajiet rispettivi jaraw li jekk ikollhom xi xogħol ippjanat minn naħa tagħhom fl-istess toroq jindikaw dan u jressqu il-proposti tagħhom ‘il quddiem sabiex ix-xogħol isir b’koordinament mal-entitajiet l-oħra.