Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar — Deċiżjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17536 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16989, jista’ l-Ministru jikkjarifika għaliex it-tweġiba mogħtija f'din il-mistoqsija parlamentari hija kunfliġġenti mad-deċiżjoni tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, fejn filwaqt li d-deċiżjoni tal-Kunsill Eżekuttiv kienet li “Third party owned garages / parking bays should not be considered as part of the parking requirements” u din id-deċiżjoni ttieħdet fuq diversi applikazzjonijiet li ġew a konjizzjoni tal-EPC Board tal-Awtorità abbażi tad-deċiżjoni tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, filwaqt li t-tweġiba tal-istess mistoqsija parlamentari tgħid li "Fil-każ li jkun qed jintilef garaxx jew spazju ta’ karozza li ma jkunx żejjed, l-applikant jintalab iħallas għall-UIF/CPPS biex jikkumpensa għal dak l-ispazju, u dan irrispettivament hux sid appartament jew aktar mill-blokka"?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar ma għandha xi żżid xejn mar-risposti diġà mogħtija f’dan ir-rigward, għajr għall-fatt li din id-deċiżjoni ttieħdet speċifikatament u biss fuq tlett applikazzjonijiet li ġew a konjizzjoni tal-Kunsill Eżekuttiv.

Birżebbuġa – Berġa permanenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-proprjetà fejn illum hemm il-berġa permanenti f’Birżebbuġa, hijiex proprjetà tal-Gvern jew tal-privat, u jekk tal-privat kemm ser ikun qiegħed iħallas il-Gvern għal dan il-post?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li s-sit il-ġdid tal-Klinka fil-Kommunita’ ta’ Birżebbuġia ntgħażel wara li saret sejħa pubblika għall-offerti. Il-ħlas tal-kera huwa ta’ €12,000 fis-sena.

Imqabba – Pjazza tal-Knisja — Pavimentar

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16998, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u li issa ġiet referuta lilu u jgħid xi pjanijiet għandu l-Gvern għall-Pjazza tal-Knisja, fl-Imqabba li ġiet ippavimentata ftit xhur ilu, u ċjoè jekk hux ser tibqa ippavimentata bil-madum, jekk dan hux ser jinqala’ bħalma sar f’Raħal Ġdid u tiġi ppavimentata bit-tarmak, jew jekk hux ser tibqa’ ppavimentata bil-madum u tiġi trasformata f'żona pedonali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Imqabba li m’hemmx pjanijiet jew deċiżjonijet dwar il-materja li qed jistaqsi dwarha.

PDO — Nagħaġ u mogħoż

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, Ugwaljanza, ir-Riformi u Djalogu Soċjali jgħid jekk f'każ ta' taħlit ta' razza ta’ nagħaġ u mogħoż Maltin ma’ dawk impurtati, jekk jinkiseb il-P.D.O. (Protected Designation of Origin), dan ikunx jista’ jinżamm? Jekk le, jista’ jgħid x'ser jagħmel il-Gvern biex appena jinkiseb id-.P.D.O., dan ikun protett?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta tingħata f’seduta oħra.

Bexx

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, Ugwaljanza, ir-Riformi u Djalogu Soċjali jgħid jekk il-bexx li jista’ jintuża mill-bdiewa f'Malta u f’Għawdex hux differenti mill-bexx li jintuża f'pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea? Jekk dan hu fl-affermattiv, jista’ jgħid x'inhi r-raġuni għal dan? Jekk le, jista’ bidwi jixtri bexx minn pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea u jużah f' Malta u f’Għawdex?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta tingħata f’seduta oħra.

Ħal Kirkop/Ħal Safi — Triq l-Industrija/Triq Carmelo Caruana – Wiċċ tat-triq

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17539, peress li daħla waħda hemm għall-Barracks tal-Forzi Armati ta' Malta fi Triq l-Industrija / Triq Carmelo Caruana, Kirkop/Safi, jista’ l-Ministru jara li l-wiċċ eżistenti ta' din it-triq jinbidel għax tiżloq wisq, speċjalment meta tagħmel ix-xita, għax qed jikkaġuna diversi inċidenti għax qed jiskidjaw il-karozzi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop li l-Kunsill huwa responsabbli mill-manutenzjoni tat-toroq u mhux mill-bini mill-ġdid. Parti minn din it-triq taqa’ taħt INDIS Malta minħabba li fiha hemm il-Medavia u tmiss mar-runway tal-ajruport. Il-parti tal-bidu ta’ Triq l-Industrija hija ppjanata li ssir minn Infrastracture Malta u bini mill-ġdid ta’ toroq għadda kollu f’idejn din l-entità. Għaldaqstant ix-xogħol indikat hawn taħt ma jaqax fir-responsabilità tal-Kunsill Lokali.

Birżebbuġa – Bus shelters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li minkejja li l-Kunsill Lokali ta' Birżebbuġa ilu snin jitlob biex jiġu rranġati diversi bus shelters f’Birżebbuġa, kif ukoll isiru oħrajn ġodda fejn dawn huma nieqsa, baqa’ ma sar xejn, bil-konsegwenza li min juża l-karozza tal-linja ma jkollux fejn jistkenn kemm meta tagħmel ix-xita fix-xitwa kif ukoll fil-qilla tax-xemx fis-sajf?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa li għandu l-intenzjoni biex jara li dawn il-bus shelters isiru u li l-Kunsill lest li jiddiskuti mal-partijiet relevanti dwar dan il-għan.

Annimali infettati bil-'blue tongue', brucella jew tuberkulożi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17253 u jgħid jekk instabux annimali infettati bil-mard relatat mal-blue tongue, brucella jew tuberkulożi minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari maqsuma xahar b' xahar? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x'passi ttieħdu mill-Veterinary and Phytosanitary Regulation Division (VRD)?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn Jannar 2023 sa Frar 2024, ma kien hemm l-ebda każ ta’ mard tal-Brucellosi, Blue Tongue u Tuberkolosi li ġew konfermati peress li ma kienx hemm sinjali kliniċi ta' mard rapportati. Pero ġew identifikati 8 ovini u bovin wieħed li rriżultaw seroloġiċament pożittivi għall-Brucellożi, 29-il bovin u mogħża waħda seroloġiċament pożittivi għall-Blue Tongue Virus (BTV). L-annimali kkonċernati ġew kollha maqtula bħala prekawzjoni u l-merħliet tagħhom żammew l-istatus ta' ħelsien mill-mard wara serje ta’ testijiet oħra.

Birżebbuġa – Bus shelters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li għalkemm il-Kunsill Lokali ta' Birżebbuġa ilu jitlob snin biex jiġu rranġati diversi bus shelters f’Birżebbuġa, kif ukoll isiru oħrajn ġodda fejn dawn huma nieqsa, baqa’ ma sar xejn, bil-konsegwenza li min juża l-karozza tal-linja ma jkollux fejn jistkenn kemm meta tagħmel ix-xita fix-xitwa kif ukoll fil-qilla tax-xemx fis-sajf?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din il-mistoqsija parlamentari għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.

Birżebbuġa – Rotta numru 82

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li għalkemm ir-rotta numru 82 għandha tiġbor lir-residenti ta' Birżebbuġa minn fuq il-bus stop 'Marconi' fil-5.00 a.m., qiegħda tiġborhom fil-5.15 am, jekk mhux ukoll jibqgħu l-art, bil-konsegwenza li diversi residenti qegħdin jaslu tard għax-xogħol?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi wara li kienet ġiet modifikata r-rotta 82 sabiex tibda s-servi fl-inħawi magħrufa bħala tal-Ġebel ġewwa Birżebbuġa, għall-ewwel ġranet, il-bidu tar-rotta kien ġie mmexxi għal fuq bus stop “Tankijiet”. Dan kien qiegħed iwassal għal dewmien sabiex il-vjaġġ jasal fuq il-bus stop “Marconi”. Wara diskusjonijiet, it-tluq tal-ewwel vjaġġ tal-ħamsa ta’ filgħodu reġa’ mar lura għal Bus Stop “Marconi”. Min informazzjoni miġbura bejn il-ħdax u t-tnejn u għoxrin ta’ Marzu, permezz tal-GPS li hemm fuq kull karrozza tal-linja, jirri¿ulta illi kien hemm inċident wieħed, fl-erbatax ta’ Marzu, fejn l-ewwel vjaġġ ittardja. Fil-ġranet l’oħra l-vjaġġi telqu fil-ħin.

Birżebbuġa – Bus shelters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li għalkemm il-Kunsill Lokali ta' Birżebbuġa ilu jitlob snin biex jiġu rranġati diversi bus shelters f’Birżebbuġa, kif ukoll isiru oħrajn ġodda fejn dawn huma nieqsa, baqa’ ma sar xejn, bil-konsegwenza li min juża l-karozza tal-linja ma jkollux fejn jistkenn kemm meta tagħmel ix-xita fix-xitwa kif ukoll fil-qilla tax-xemx fis-sajf? Jista’ jgħid ukoll meta ser isiru dawn x-xogħlijiet ta' manutenzjoni u meta ser jiġu installati bus shelters ġodda fejn hemm bżonn?

Response (BONNICI, OWEN)

Informat li sad-data ta' din it-tweġiba ta' dina d-domanda l-Kunsill Lokali de quo ma kellux dina l-informazzjoni.

Pitkalija – Nuqqas ta’ kaxxi żgħar

Question

Fid-dawl li diversi bdiewa qed juru l-preokkupazjoni tagħhom minħabba nuqqas kbir ta' kaxxi żgħar fil-Pitkalija, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiġu provduti dawn il-kaxxi żgħar fl-immedjat ħalli l-bdiewa jkollhom fiex idaħħlu l-prodotti agrikoli tagħhom fil-Pitkalija?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interperllant li l-Malta Food Agency m’ għandiex problema ta’ kaxxi. Fil-fatt matul Diċembru, Jannar u Frar ġew mixtrija 10,000 kaxxi ġodda li minnhom 5,065 kienu kaxxi żgħar. Il-kaxxi qed jiġu introdotti fis-suq gradwalment u skont il-bżonn. Apparti dan, l-Aġenzija għandha sejħa għal-Tender li tinsab fil-fazi ta’ evalwazzjoni sabiex jinxtraw 60,000 kaxxi ġodda.

Pitkalija – Żieda fl-ispejjeż għall-bdiewa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li minn meta nbidlu l-pitkala fil-Pitkalija, l-ispejjeż għall-bidwi żdiedu b'1% li qed imorru għall-Food Agency u s-sussidju ta' 1.75% fuq l-ammont ta' senserija li kienu jitħallsu lill-pitkal m'għadhomx jingħataw lill-bidwi u għalhekk dawn qed iwasslu għal żieda ta' 35% fl-ispejjeż tal-bidwi li jdaħħal ix-xogħol tiegħu l-Pitkalija?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa minn meta ddaħħlet ir-riforma ġewwa l-Pitkalija, il-commission kienet ta’ 8%, l-istess bħal ma kienu jieħdu l-Pitkala ta’ qabel ir-riforma. Is-sussidju ta’ 1.75% kien parti mill-SMPPMA (Special Market Policy Programme for Maltese Agriculture), u dan is -sussidju twaqqaf meta għalaq is-sussidju tal-SMPPMA. Bi qbil mal-għaqdiet tal-bdiewa, il-commission kellha titla’ għall-10% meta tiddaħħal ir-riforma fil-pitkalija. Din il-commission żdiedet għall-9% u bi qbil mal-għaqdiet tal-bdiewa, iż-żieda addizjonali ta’ 1% ġiet posposta. Il-bidwi sabiex ibiegħ il-prodott tiegħu minn ġewwa l-Pitkalija jħallas 9% commission u 0.9% levy tal-kaxxi.

Bexx

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-bexx li jista’ jintuża mill-bdiewa f'Malta u f’Għawdex hux differenti mill-bexx li jintuża f'pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea? Jekk dan hu fl-affermattiv, jista’ jgħid x'inhi r-raġuni għal dan? Jekk le, jista’ bidwi jixtri bexx minn pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropeja u jużah f'Malta u f’Għawdex?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Birżebbuġa — Parkeġġ

Question

B'referenza għall-bini ta' parkeġġ f'Birżebbuġa li jesa 450 parkeġġ, tista’ l-Ministru tgħid jekk filwaqt li l-Freeport ser jieħu 150 parkeġġ minnhom, it-300 parkeġġ li jkun fadal hux ser ikunu kollha disponibbli għall-użu tar-residenti jew jekk hemmx il-ħsieb li 150 minnhom jittieħdu mill-Wasteserv?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-ispazji ta’ parkeġġ li se tkun qed tuża l-kumpanija Wasteserv jammontaw għal 104 u dan se jkun limitat għall-ħinijiet tal-uffiċċju.

Birżebbuġa – Berġa temporanja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn ser issir il-Berġa temporanja f'Birżebbuġa? Jista’ jgħid ukoll jekk din il-proprjetà hijiex tal-Gvern jew tal-privat, u jekk tal-privat kemm ser ikun qiegħed iħallas il-Gvern għal dan il-post?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li llum hemm berġa permanenti ġewwa Birżebbuġa.

Birżebbuġa – Trasport pubbliku – Rotot numri 80 u 85

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16995, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li r-rotta numru 85 li tgħaddi mill-Qajjenza tiżdidilha l-frekwenza u minflok kull siegħa tiġi kull nofs siegħa, u li r-rotta numru 80 tiżdidilha l-frekwenza wkoll u minflok kull siegħa tiġi kull nofs siegħa u tibda tgħaddi wkoll mill-Qajjenza u minn tal-Papa?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ttieħdet nota ta’ dawn is-suġġerimenti għal tibdil kemm fit-traġitt tar-rotta kif ukoll żieda fil-frekwenza fuq ir-rotot 80 u 85 għal aktar konsiderazzjoni.

Birżebbuġa – Tkabbir tal-bajja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-ramel riżultanti mill-isquaring off tal-moll tal-Freeport hux ser jintuża biex titkabbar ir-ramla fil-Bajja ta' Birżebbuġa?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

MFC, S u Valletta – Bejgħ ta’ dgħajjes

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17003, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, u jgħid x'inhi r-raġuni li kuntrarjament għal li jsir f'każ ta' dgħajjes MFA u MFB, meta tinbiegħ dgħajsa MFC, S u Valletta, għaliex il-mażżra ('mooring') trid tiġi rritornata lura għand Transport Malta?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-irmiġġi huma proprjetà tal-Awtorità. Permess ta’ rmiġġ jiġi ritornat lura għand l-Awtorità f’każijiet fejn ma tkunx se titpoġġa dgħajsa oħra minn l-istess sid minflok dik li isimha jidher fuq il-permess. Trasferimenti ta’ rmiġġi jew mażżri fuq terzi mhux permissibbli. Dan sabiex tiġi ndirizzata l-lista ta’ stennija ta’ applikanti oħra li tirċievi l-Awtorità u kif ukoll biex jitnaqqas l-abbuż ta’ użu ta’ dawn l-istess mażżri. Dan b’eċċezzjoni għal dgħajjes tas-sajd MFA jew MFB, każijiet ta’ wirt jew donazzjoni bejn familjari immedjati u każijiet ta’ dgħajjes kummerċjali li jiġu kunsidrati każ b’każ bil-kundizzjoni speċifika li dik l-istess mażżra tibqa’ tintuża għal użu kummerċjali biss. Dawn il-kundizzjonijiet ikunu mniżżla fil-permess. Dawn il-miżuri l-Awtorità teħodhom sabiex tingħata prijorità lis-sajjieda full-time (MFA) jew part-time (MFB) bl-istess eċċezzjoni tkun marbuta wkoll b’kundizzjonijiet li jissalvagwardjaw lis-sajjieda.