Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux ser jissekonda persuna mis-Servizz Pubbliku għal mal-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd biex tgħin fl-operat?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddej bi proċess ta’ evalwazzjoni fi ħdan il-Ministeru, u sal-lum għadu ma ġietx identifikata l-persuna adatta mis-Servizz Pubbliku sabiex tiġi ssekondata mal-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd.
Jista’ l-Ministru jgħid xi ftehim sar biex jiġu mqassma l-kwoti tat-tonn din is-sena? Jista’ jgħid ukoll min u f'liema ammonti se jgawdi minn dawn il-kwoti u kemm se tkun il-bycatch din is-sena?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba li ma kien hemm l-ebda żieda fil-kwota tat-Tonn, sar roll-over mill-kundizzjonijiet tas-sena l-oħra, b’dawn l-aġġustamenti:
· Is-sidien tal-bastimenti “Storiċi” li għandhom iktar minn bastiment wieħed u li ma kinux ingħataw żieda fil-kwota fuq il-bastimenti tagħhom kollha fis-sena 2023, din is-sena ingħataw żieda fil-kwota fuq il-kumplament tal-bastimenti tagħhom. Minn din l-inizjattiva gawdew 7 sajjieda li ħadu kwota fuq 19 il-bastiment.
· Barra minn hekk, għall-ewwel darba, minbarra s-sajjieda tal-bastimenti Storici, sajjieda fit-taqsima Settorjali, Żgħażagħ u MFAs oħra, ingħataw iċ-ċans li jiffurmaw Joint-Ventures flimkien. Dan sar sabiex is-sajd għal speċi oħra, bħal pixxispad, alungi etc, ikun jista’ jibqa jsir mingħajr ma jitilfu ċ-ċans li jużaw il-kwota tat-Tonn li ġiet allokata lilhom. Kien hemm 9 bastimenti fit-taqsima Settorjali li għażlu li jagħmlu Joint-Venture, 2 fit-taqsima Żgħażagħ u 3 fit-taqsima MFAs oħra.
· Inġab ukoll il-permess mill-Unjoni Ewropeja/ICCAT biex Malta tkun tista’ tuża il-kwota li ma ntużatx is-sena l-oħra. Dan l-ammont kien jinkludi 4,603Kg u se jintuża din is-sena għal kontinġenza u qabdiet inċidentali.
L-ammonti tal-kwoti u l-bycatch għal din is-sena huma kif ġej:
Tqassim ta' Kwota 2024
315,914
Bastimenti Storiċi (tinkludi 11,000Kg imqassma lil dawk il-bastimenti li iddeċidew li jistadu
73,297
Settorjali
25,200
Sajjieda Żgħażagħ
3,500
Rikrejazzjonali
8,000
MFAs oħra
5,000
Qabdiet inċidentali (MFB)
2,519
Kontinġenza
4,630
Kwota li ma ntużatx f'2023
438,060
Kwota mqassma 2024
433,430
Kwota allokata għal Malta 2024
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il trasferiment ta' kwoti tat-tonn saru matul dawn l-aħħar ħames snin sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ trasferimenti ta' kwoti tat-tonn, li saru matul dawn l-aħħar ħames snin, huma kif ġej:
Sena
Numru ta’ Trasferimenti għall-Purse Seiner
Numru ta’ Trasferimenti minn bastiment għall-bastiment
Total ta’ Trasferimenti
2020
85
11
96
2021
43
11
54
2022
55
3
58
2023
59
5
64
2024
44
18
62
Jista’ l-Ministru jgħid jekk faċilitajiet sanitarji u xi kmamar oħra li kienu jintużaw mill-ħaddiema tas-sigurtà fl-Għammieri u li ttieħdulhom reċentament, hux se jerġgħu jingħatawlhom lura jew jekk hux se jingħataw xi faċilitajiet oħra simili?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li dawn il-kmamar ittieħdu temporanjament bħala prekawzzjoni għas-saħħa u s-sigurtà sakemm isir xogħol ta’ manutenzjoni wara talba mill-istess sezzjoni tas-sigurtà u bi qbil mat-tmexxija tas-sezzjoni tas-sigurtà. Wara li jitlestew dawn ix-xogħlijiet, l-uffiċjali tas-sigurtà ser ikollhom kmamar u faċilitajiet aħjar mgħammra skont standards moderni. Dan ix-xogħol qed isir bħala parti minn numru ta’ xogħlijiet u inizjattivi li qed jittieħdu ġewwa l-Għammieri u li mistennija jitlestew sal-aħħar ta’ Lulju.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu kwoti tat-tonn ġodda mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kwoti ġodda tat-tonn mill-2020 sal-lum huma kif jidher fit-tabella t’hawn taħt:
Sena
Differenza fil-kwota mis-sena ta' qabel (Numru ta’ bastimenti)
2020
+58
2021
+10
2022
+3
2023
+119
2024
-9
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm liċenzji MFB li qalbu MFA sena b'sena mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ Bastimenti fil-kategorija MFB li qalbu għal MFA, sena b'sena mill-2013 sal-lum, huwa kif jidher fit-tabella segwenti:
Sena
Bidla fil-Kategorija minn MFB għal MFA
2013
10
2014
3
2015
16
2016
6
2017
2
2018
2
2019
9
2020
15
2021
19
2022
7
2023
5
2024
3
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li kemm-il kaxxi kbar u kemm-il kaxxi żgħar tal-pitkalija ilhom ma jinħaslu fuq ġimgħa minn meta qed issir din il-mistoqsija parlamentari?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infumat li minħabba ħsara, il-magna tal-ħasil ġiet imwaqqfa temporarjament sa kemm saru t-tiswijjiet meħtieġa. Però fil-frattemp, ġiet utilizzata magna oħra tal-ħasil li hemm standby. Madanakollu, ġie assikurat li ma jinħarġux kaxxi maħmuġin u għalhekk ġew utilizzati kaxxi nodfa li kienu fl-istore sakemm is-sitwazzjoni reġgħet lura għan-normal.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet il-popolazzjoni ta' Malta u Għawdex separatament, kemm dawk b'ċittadinanza Maltija kif ukoll barranija, sena b'sena, mill-2010 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għal risposta ta' mistoqsija parlamentari 12226.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk ġiex identifikat xi spazju fil-Qajjenza, Birżebbuġa biex isir ġnien pubbliku u bandli biex ikunu jistgħu jitgawdew mir-residenti ta' din iż-żona?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15702, inżid li s-sit tal-impjant tal-31 ta’ Marzu għadu kemm tneħħa uffiċjalment mil-lista ta’ siti meqjusa li jaqgħu taħt ir-regolamenti ‘COMAH’ (Control of Major Accident Hazards). Dan issa għadda lura għand l-Enemalta li min-naħa tagħha għaddejja bil-proċess tal-applikazzjoni tal-ippjanar biex ikun jista’ jinħareġ il-permess neċessarju għax-xogħlijiet għat-tneħħija tat-tankijiet. Ladarba s-sit tneħħa mil-lista msemmija, Project Green telqet bil-preparamenti għar-riġenerazzjoni tal-Pont tax-Shell. Fil-frattemp Project Green, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa, identifikat żona żdingata fi Triq l-Għerien, fil-Qajjenza, biex isir spazju għat-tgawdija mir-residenti.
Il-ħidma tagħna biex nagħtu aktar art lura lill-komunità ta’ Birżebbuġa tinkludi wkoll id-dekummissjonar tal-impjant ta’ San Luċjan biex isir il-proġett tas-Siċċa. Se nagħmlu investiment ta’ €40 miljun biex flok impjant għall-ħażna taż-żejt fin-naħa t’isfel ta’ Malta jkun hemm proġett sostenibbli ta’ 18,000 metru kwadru li se jagħti nifs ġdid lill-akkwati.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk f’din l-aħħar sena sa meta qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, SportMalta ħarġitx internal call għall-post ta' 'Director of Human Resources'?
Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid:
i. Kemm kien hemm applikanti għal dan il-post?
ii. Xi kwalifiki kellu kull applikant? u
iii. Lil min ingħata dan il-post?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid fil-ġurnata li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm hemm ħaddiema ma’ SportMalta li huma seconded u x’kariga għandhom?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid il-kors ta' veterinarji li se jibda jsir f'Malta, hux ser ikun tal-istess livell daqs dak mogħti barra minn Malta? Meta ser ikun ippublikat il-prospectus ta' dan il-kors? Meta hemm il-ħsieb li jibda, kemm ser ikun twil u x’MQF level ser ikun dan il-kors? Jista’ jgħid ukoll jekk dan il-kors hux ser ikun qed jiftaħ għar-reklutaġġ kull sena?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor.Interpellant li l-kors veterinarju li se jingħata f’Malta se jkun tal-istess livell daqs il-korsijiet offruti minn entitajiet edukattivi barranin, filwaqt li ġejt infurmat ukoll li informazzjoni addizzjonali se tiġi ppubblikata matul ix-xhar ta’ Ġunju.
Il-kors se jibda fis-sena akkademika 2024-25, se jkun twil ħames snin u se jkun kors f’MQF Livell numru 7. Il-pjan huwa li r-reklutaġġ għal dan il-kors issir kull sena.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiġi identifikat xi spazju fil-Qajjenza, Birżebbuġa biex ikun jista’ jsir ġnien pubbliku u bandli biex ikunu jistgħu jitgawdew mir-residenti ta' din iż-żona?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa li b’kollaborazzjoni ma’ Project Green identifikaw żona żdingata fi Triq l-Għerien fil-Qajjenza fejn se jkun qed isir ġnien għat-tgawdija tar-residenti.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18603 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17252, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li nagħaġ u mogħoż importati mill-Unjoni Ewropea jistgħu ma jmorrux kwarantina?
Response (REFALO, ANTON)
Ngharraf lill-Onor. Interpellant li n-ngħaġ u l-mogħoż li jiċċaqilqu fl-Unjoni Ewropea ġeneralment ma jeħtiġux kwarantina minħabba miżuri stabbiliti ta' kontroll ta’ mard. L-istati membri tal-UE jsegwu sett unifikat ta' regolamenti dwar is-saħħa tal-annimali. Dan inaqqas b'mod sinifikanti l-probabbiltà li jiġi introdott mard trasmissibbli (p.e., bħal-marda tal-ilsien u d-dwiefer, FMD) permezz tal-moviment tal-bhejjem fil-blokk.
Ladarba n-ngħaġ u l-mogħoż jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-saħħa stabbiliti, jistgħu jiġu ttrasportati liberament bejn l-istati membri mingħajr ma jiffaċċjaw restrizzjonijiet ta' kwarantina. Dan il-proċess issimplifikat jiffaċilita l-kummerċ u l-moviment tal-istokk tat-tnissil fl-UE.
Id-deċiżjoni li bhejjem jinżammu ġewwa l-kwarantina tittieħed każ b’każ, fuq bażi tas-sitwazzjoni u c-ċirkostanzi u b’rispett lejn il-prinċipju tal-prekawzjoni. Annimali li joriġinaw minn reġjuni bi tifqigħat ta' mard dokumentati huma soġġetti għall-protokolli ta' kwarantina. Barra minn hekk, in-nuqqas li wieħed jaderixxi ma' protokolli stabbiliti, bħall-ittestjar ta' qabel il-moviment, dokumentazzjoni xierqa, tilqim, u diżinfezzjoni, jista' jwassal għal rekwiżiti obbligatorji ta' kwarantina.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18604 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17162, fejn intqal li “biex tiġi kkompilata l-informazzjoni kollha, kif mitlub, se jispiċċa jinqabeż l-advisory cost limit”, peress illi l-informazzjoni mitluba suppost tkun għand il-Ministeru qabel jagħti l-kwoti tat-tonn, jista’ l-Ministru jgħid, kemm minn dawk id-dgħajjes li kellhom il-kwoti tat-tonn mill-2013 sal-2023, sena b'sena;
i. kellhom friża u magna tas-silġ fuq id-dgħajsa u kemm kellhom kwota;
ii. kellhom friża biss fuq id-dgħajsa u kemm kellhom kwota; u
iii. ma kellhomx friża fuq id-dgħajsa u kemm kellhom kwota?
Response (REFALO, ANTON)
Ngharraf lill-Onor. Interpellant li l-Artiklu 17 tal-Politika Komuni tas-Sajd (Common Fisheries Policy) tal-Unjoni Ewropea jispeċifika l-kriterji soċjali, ambjentali, u ekonomiċi li permezz tagħhom titqassam il-kwota tat-tonn, iżda fl-ebda mod ma tirrikjedi ġbir ta’ informazzjoni ulterjuri dwar il-friża jew il-magna tas-silġ tad-dgħajsa. Għaldaqstant tali informazzjoni ma tiġix mitluba lis-sajjieda lokali u mhijiex disponibbli sabiex tingħata skont kif mitlub f’din il-mistoqsija parlamentari.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijia parlamentari 15683 u 18604 fejn saret referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija 13979, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm konsulenti impjegati mal-Ministeru u/jew id-Dipartiment tas-Sajd u fiex inhu l-expertise tagħhom u mhux sempliċiment jagħmel referenza għall-manwal?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-konsulenti ġew impjegati skont l-manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18611 u jgħid x'ser jagħmel bil-binja li qabel kienet okkupata mill-Għaqda Koperattiva tas-Sajd f’Marsaxlokk? Jista’ jgħid ukoll jekk jikkunsidrax li jgħaddiha lill-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd, li bħalissa hi l-unika koperattiva li tirrappreżenta lis-sajjieda Maltin?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-binja msemmija għadha okkupata iżda la darba din il-binja tkun disponibbli, għandha terġa’ tintuża għall-ġid tas-settur tas-sajd.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm sewa lill-Gvern Malti biex it-trasport publiku jiġi operat minn Autobuses de Leon f'termini ta' konċessjonijiet, sussidji, ħlas għal trasport b'xejn, eċċ, sena b'sena u konsegwentament kemm kien il-patrunaġġ kull sena mill-2015 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15889.
L-informazzjoni dwar il-patrunaġġ mill-2015 qiegħda tiġi provduta fit-tabella segwenti:
Sena
Patrunaġġ
2015
42,160,228
2016
43,253,238
2017
48,053,045
2018
53,467,404
2019
57,409,385
2020
33,776,664
2021
35,207,174
2022
49,222,424
2023
67,241,760