Legislature:
Category:
Reset
Active:

Miżura 73.4 — Applikazzjonijiet għall-fondi Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikanti għall-applikazzjoni għall-fondi Ewropej tal-Miżura 73.4, kemm minn dawn l-applikanti ikkwalifikaw biex jibbenefikaw minn dawn il-fondi Ewropej u kemm minnhom kienu applikazzjonijiet ta' individwi/entitajiet privati u kemm minnhom kienu minn entitajiet Governattivi?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Dipartiment tas-Sajd — Landing officers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati 'landing officers' mad-Dipartiment tas-Sajd, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-2020, minn meta ġie mwaqqaf dan il-Ministeru sal-lum ma ġie ingaġġat l-ebda Landing Attendants fuq kuntratt ta’ impjieg.

New Water — Proġetti għall-estensjoni tan-network

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fejn saru proġetti għall-estensjoni tan-network tan-New Water minn Ottubru 2023 sa Novemberu 2024? F'liema lokalitajiet saru għall-dawn il-proġetti u kemm intefqu/hu stmat li ser jintefqu flus għall-eżekuzzjoni ta' kull proġett? Tista’ tgħid ukoll meta tlesta/ser jitlesta kull proġett?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif ġej: Tramuntana (Malta): · Mellieħa/San Pawl il-Baħar - Imbordin/Miżieb. Valur tal-kuntratt €1.75 miljun. Xogħlijiet għaddejjin u mmirat li jitlestew sal-aħħar tal-2024. · Mellieħa/San Pawl il-Baħar - Triq Għajn Tuffieħa, Triq San Martin. Valur tal-kuntratt €1.65 miljun. Xogħlijiet għaddejjin u mmirat li jitlestew sal-aħħar tal-2024. Reġjun Xlokk (Malta): · Żabbar/Żejtun/Marsaskala - Triq il-Bidni (xogħlijiet waslu fil-fażi finali tagħhom), Triq il-Latmija (xogħol komplut), Triq Sant Antnin (xogħol komplut), Triq il-Foss (xogħlijiet għaddejjin), Ħajt il-Wied (xogħlijiet mistennija jinbdew fil-ġimgħat li ġejjin), Sqaq fi Triq il-Kunsill tal-Ewropa (xogħlijiet mistennija jinbdew fil-ġimgħat li ġejjin). Valur tal-kuntratt €2.4 miljun. Xogħlijiet immirat li jitlestew fl-ewwel kwart tal-2025. · Marsaxlokk/Żejtun - Sqaq Strejnu (xogħlijiet għaddejjin), Triq Xrobb l-Għaġin Sqaq Nru 1 (xogħol komplut) u 6 (xogħlijiet għaddejjin). Valur tal-kuntratt €1.55 miljun. Xogħlijiet għaddejjin u mmirat li jitlestew sal-aħħar tal-2024. Reġjun Lbiċ (Malta): · Żurrieq - Triq il-Barrieri, Triq l-Għerien, Sqaq Ballott. Valur tal-kuntratt: €2.4 miljun. Xogħlijiet immirat li jitlestew sal-ewwel kwart tal-2026. · Ħal Safi - Triq Ħlantun. Valur tal-kuntratt €1.5 miljun. Xogħlijiet immirat li jitlestew sal-ewwel kwart tal-2026. · Għaxaq/Gudja - Triq Telleritu. Valur tal-kuntratt: €1 miljun. Xogħlijiet immirat li jitlestew sal-ewwel kwart tal-2026. · Marsaxlokk/Żejtun - Triq it-Torri. Valur tal-kuntratt €1.55 miljun. Xogħlijiet immirat li jitlestew sal-ewwel kwart tal-2026.

New Water — New Water dispensers ġodda

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru New Water dispensers ġodda min Ottubru 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u kemm-il bidwi gawda minn dawn in-New Water dispensers ġodda?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-totalità ġew installati 480 dispenser bis-sistema l-ġdida. 241 minn dawn id-dispensers ġew installati bl-elettronika meħtieġa, fejn s’issa 47 minnhom ġew kummissjonati u qegħdin joperaw, waqt li l-194 dispenser l-oħra huwa mmirat li jiġu kummissjonati fil-ġimgħat li ġejjin bil-possibiltà li jibdew joperaw ukoll sa tmiem is-sena. Preżentament 130 bidwi qegħdin igawdu minn din is-sistema l-ġdida, fejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qiegħda tkompli tikkummissjona l-kumplament biex tiżdied il-firxa tad-dispensers il-ġodda.

New Water — Ħsarat fl-impjanti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba l-impjanti tan-New Water soffrew ħsarat minn Ottubru 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u x' kienet ir-raġuni għal tali ħsarat? Jekk tali ħsarat wasslux għal-leakages ta' drenaġġ fil-baħar u x’miżuri ttieħdu biex l-okkorrenza ta' dawn il-ħsarat tiġi eliminata jew immnaqsa drastikament? Tista’ tgħid ukoll kemm-il metru kubu ta' New Water intilef minħabba dawn il-ħsarat?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li, matul il-perjodu indikat fil-mistoqsija, kien hemm żewġ istanzi fejn l-impjanti tan-New Water ġarrbu ħsarat. L-ilma minn dawn l-impjanti jkun diġà trattat u ma jitqiesx bħala drenaġġ. Għaldaqstant, il-ħsarat ma kkawżaw l-ebda ħruġ ta’ drenaġġ fil-baħar. F’kull każ, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma assigurat li t-telf ta’ dan l-ilma jkun l-inqas possibbli.

Aġenzija Aquatic Resources Malta — Investiment kapitali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex kien jikkonsisti l-investiment kapitali ta’ €1 miljun minn fondi nazzjonali biex ġiet imwaqqfa l-Aġenzija Aquatic Resources Malta?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika għal liema investiment kapitali ta’ miljun ewro qed jirreferi għalih.

Aġenzija Aquatic Resources Malta — Proġetti ġodda ta’ riċerka u innovazzjoni - Fondi Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew investiti flus minn fondi Ewropej fi proġetti ġodda ta’ riċerka u innovazzjoni minn meta ġiet imwaqqfa l-Aġenzija Aquatic Resources Malta sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentri?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija Aquatic Resources Malta għadha kif bdiet l-ewwel proġett ġdid ta’ riċerka fl-akwakultura. Dan il-proġett huwa dwar id-diversifikazzjoni ta’ speċi differenti u huwa ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea. Sa kemm twieġbet din il-mistoqsija parlamentari intefqu €7,400 b’rabta ma’ xiri ta’ ċervjol u pagri ħajjin mingħand is-sajjieda.

Aġenzija Aquatic Resources Malta — Blue jobs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il blue job inħoloq minn meta ġiet imwaqqfa l-Aġenzija Aquatic Resources Malta sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentri?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-ġurnata li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fl-Agenzija Aquatic Resources Malta inħoloqu tliet postijiet għal blue jobs li jinsabu fil-proċess li jiġu mimlija.

Aġenzija Aquatic Resources Malta — Stokks tal-ħut eżistenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il studju sar dwar l-istokks tal-ħut eżistenti minn meta ġiet imwaqqfa l-Aġenzija Aquatic Resources Malta u x'riżultati kellhom dawn l-istudji? Jista’ jgħid ukoll kemm ġew jiswew dawn l-istudji?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Agenzija Aquatic Resources Malta qed tiġbor data dwar l-istokkijiet tal-ħut u d-data miġbura eventwalment ser tiġi preżentata f’fora Ewropea skont l-obbligi Ewropej. Barra minn dan, kull sena l-Aġenzija ser tieħu ħsieb twettaq żewġ studji xjentifiċi tas-sajd li jiswew madwar €100,000. Ir-riżultati dwar l-istokkijiet tal-ħut li jappartjenu lil Malta huma ekwivalenti għal dawk misjuba preċedentement mid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura.

Akwakultura — Sejħiet għal Investiment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern ħariġx sejħa għall-interess sabiex jiġi attirat investiment tal-akwakultura fiż-żona ekonomika esklussiva ta’ pajjiżna? Jekk fl-affermattiv, min kienu dawk l-individwi jew entitajiet li wrew tali interess? X'investiment fl-akwakultura kien propost minn dawn l-individwi/entitajiet? Sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, dawn l-individwi/entitajiet għadhom interessati fl-investiment li wrew ix-xewqa jinvestu fih?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess ta’ preparazzjoni tad-dokumenti kollha qabel toħroġ din is-sejħa jinsab fl-aħħar fażi tiegħu u hu mistenni li din is-sejħa toħroġ fiż-żmien li ġej.

Miżura 73.4 — Benefiċjarji li gawdew mill-fondi

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' benefiċjarji li gawdew minn fondi skont l-applikazzjonijiet maħruġa għall-Miżura 73.4 u jgħid jekk kull wieħed/waħda minn dawn il-benefiċjarji kinux entitajiet governattivi jew individwi/kumpaniji privati? Jista’ jgħid ukoll kemm ħa fi flus kull benefiċjarju?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ristrutturar tas-settur tal-ħalib — Fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew allokati u konsegwentament mogħtija fondi għar-ristrutturar tas-settur tal-ħalib mill-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li għas-settur tal-ħalib ġew allokati fondi taħt diversi skemi hekk kif ġej: · Skema temporanja ta’ għajnuna mill-Istat lis-settur tal-ħalib maħsuba biex tikkumpensa lill-bdiewa għat-telf esperjenzat minħabba disturbi fis-suq li ġabet magħha l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja: Mill-2023 sal-lum ġew allokati €2.3 miljuni għar-ristrutturar tas-settur tal-ħalib li minnhom tħallsu €2,229,290. · Skema għall-istabbilità tal-prezzijiet tal-ikel li tkopri l-ġwież u d-dqiq: Fl-2023 ingħata sussidju ta’ €11,984,494 filwaqt li fl-2024 ingħataw €4,309,246. · Għajnuna Statali għar-Riforma tas-Suq Domestiku fis-Settur tal-Ħalib: Ġew allokati 6 miljun ewro maħsuba sabiex tappoġġa s-sostenibbiltà u l-kompetittività tas-settur tal-ħalib. Skema f’ dan ir-rigward qed tiġi diskussa. · Skema ta’ ristrutturar tal-irziezet tal-baqar: Din l-iskema li ħarġet fl-2023, kienet intenzjonata għar-ristrutturar tal-irziezet tal-baqar sabiex jiġi assigurat illi raħħala li ma kienux ibbenefikaw min skemi passati ddedikati għall-irristrutturar ikollhom l-opportunita’ li jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja. Is-somma totali mqasma permezz ta’ din l-iskema kienet ta’ € 150,720.71. · Skema li tagħti għajnuna finanzjarja għal investimenti fuq l-irziezet: Din l-iskema għandha allokazzjoni baġitarja ta’ madwar 21 miljun ewro ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea u minn fondi nazzjonali taħt il-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) għal Malta. L-Awtorità ta’ Tmexxija ħabbret li din l-iskema għandha titnieda fil-futur qarib. · Għajnuna għall-istabbiliment ta’ negozju għall-bdiewa żgħażagħ: Din l-iskema, wkoll taħt il-PAK, tipprovdi għajnuna finanzjarja lil bdiewa taħt il-41 sena sabiex jistabbilixxu n-negozju/azjenda tagħhom fis-settur billi jimplimentaw Pjan ta’ Negozju approvat. Il-baġit allokat huwa ta’ madwar 5 miljun ewro. Din l-iskema għadha ma ġietx imnedija mill-Awtorità ta’ Tmexxija.

Settur tas-sajd — Sajjieda żgħażagħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il sajjied żgħażugħ/a li kienu jixtiequ jiġu impjegati fis-settur tas-sajd ġew impjegati ma’ sajjieda stabbiliti? Kemm-il sajjied li kellu aktar minn bastiment wieħed gawda permezz ta’ skema ta' inċentivi sabiex jimpjega miegħu sajjieda żgħażagħ li jkunu jixtiequ jibdew jaħdmu f’dan is-settur u x'kienu dawn l-inċentivi?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura nhieda proġett pilota f’dan ir-rigward sabiex jevalwa l-interess fis-settur f’dan il-prinċipju propost. Fil-fatt, b’kollox kien hemm żewġ sajjieda li wrew interess biex joffru spazju għal din l-opportunità iżda ma kinux konformi mal-kundizzjonijiet tal-proġett pilota, u kien hemm ukoll żagħżugħ wieħed. Dan ifisser li l-proġett pilota ma ġġenerax l-interess mixtieq. L-incentivi proposti kienu monetarji fl-ammont ta’ €200 kull xahar.

Sajjieda — Għajnuna finanzjarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il sajjied gawda minn għajnuniet biex sajjjieda setgħu jixtru l-ewwel bastiment tagħhom? Fiex kienu jikkonsistu dawn l-istrumenti finanzjarji u kemm ġew allokati u konsegwentament utilizzati flus għal dawn l-istrumenti finanzjarji?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li din il-miżura bdiet tiġi implimentata billi ftit tal-ġimghat ilu beda jsir studju magħruf bħala ex-ante assessment li jikkonsulta ma' stakeholders varji sabiex janalizza l-bżonn u l-mudelli differenti ta' dan l-istrument finanzjarju li jistgħu jkunu kkunsidrati għal din il forma ta’ sapport.

Għawdex — Ħondoq ir-Rummien u Daħlet Qorrot - Studji teknċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f'liema stadju wasslu l-istudji tekniċi biex jiġu mtejba l-landing sites ta’ Ħondoq ir-Rummien u Daħlet Qorrot, f’Għawdex? Jista’ jgħid ukoll x’xogħlijiet ser isiru f'dawn il-landing sites u kemm hi stmata li ser tkun in-nefqa?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Aġenzija Aquatic Resources Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn min hu ffurmat il-bord tal-Aġenzija Aquatic Resources Malta? Kemm qed tħaddem ħaddiema preżentament din l-Aġenzija u f'liema gradi? Jista’ jgħid ukoll minn fejn qed topera din l-Aġenzija?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal-Leġislazzjoni Sussidjarja 595.47 Aquatic Resources Malta (establishment as an agency) Order, Legal Notice 283 tal-2023, li jindika li l-Aġenzija m’għandiex bord. Sad-data li fiha twieġbet din il-mistoqsija, l-Aġenzija għandha 42 impjegati fil-gradi tal-Aġenzija kif indikat hawn taħt: Nomenclature Numru ta’ Impjegati Assistant Officer 9 Chief Executive Officer 1 Chief Officer 1 Executives 3 Officer 4 Senior Executive 2 Senior Officer 14 Senior Support Staff 1 Senior technical Officer 1 Support Staff 5 Technical Officer 1 L-Aġenzija qed topera mit-Torri ta’ San Luċjan ġewwa Marsaxlokk.

Aġenzija Aquatic Resources Malta — Riċerka u innovazzjoni ġdida fl-akwakultura u sajd

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'sar b'mod tanġibli mill-Aġenzija Aquatic Resources Malta fir-settur tar-riċerka u innovazzjoni ġdida fl-akwakultura u sajd?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li l-Aġenzija Aquatic Resources Malta bdiet topera bejn tmiem l-ewwel kwart u l-bidu tat-tieni kwart ta’ din is-sena, baqgħet għaddejja bir-riċerka mibdija mid-Dipartiment, u bdiet proġett ġdid ta’ riċerka dwar id-diversifikazzjoni tal-ispeċi. Bil-kollaborazzjoni tas-sajjieda reġistrati, llum fil-faċilitajiet tal-Aġenzija hemm iċ-ċervjol u l-pagri. L-Aġenzija qed tati s-sehem attiv tagħha wkoll fit-tiswir tal-istrateġija għall-akwakultura u kif ukoll dik għas-sajd sostenibbli. L-Aġenzija tinsab attiva wkoll fil-bini ta’ relazzjonijiet ġodda ma’ universitajiet u ċentri ta’ riċerka fl-Ewropa. Tajjeb inżid li matul dawn ix-xhur ukoll, il-Kummissjoni Ewropea għarfet il-ħidma fir-riċerka tant li tellgħet programm sħiħ fis-sensiela ‘Ocean’ fuq l-istazzjon Ewronews dwar wieħed mill-proġetti ta’ riċerka.

Prodotti lokali — Tikketti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx introdotti tikketti li jidentifikaw prodotti lokali u jipprovdu traċċabbilità għall-ħaxix, frott u ħut frisk sabiex nippromwovu użu tal-prodotti lokali? Jista’ jgħid ukoll f’liema swieq u liema prodotti qed ikollhom dawn it-tikketti?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-frott, il-ħaxix u kif ukoll il-ħut li jinbiegħu mis-swieq ċentrali, jiġifieri l-Pitkalija u l-Pixkerija rispettivament, kollha jinħarġu bit-tiketti ta’ traċċabilità. Barra minn hekk, il-Gvern għaddej b’tibdil leġislattiv sabiex isaħħaħ it-traċċabiltà tal-prodotti li jinbiegħu mis-swieq ikkontrollati mill-Malta Food Agency. Dan sabiex l-informazzjoni kollha meħtieġa tasal lill-konsumatur, speċjalment informazzjoni dwar l-orġini tal-prodott.

Product Designated of Origin — Prodotti Maltin li ġew irreġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema prodotti Maltin ġew irreġistrati bħala Product Designated of Origin u f'liema data saret din ir-reġistrazzjoni għall kull prodott irreġistrat?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Agri Fair

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa lill-Gvern l-organizzazjoni tal-Agri Fair li saret sentejn ilu u din is-sena separatament u għall-liema servizzi? Għall kull darba li ġiet organizzata l-Agri Fair separatament, l-għoti ta' dawn is-servizzi ngħataw wara ħarġa ta' offerti, b'sistema ta' 'quotations' jew b'direct order? Għall kull darba li ġiet organizzata l-Agri Fair separatament, min ibbenefika minn dawn l-offerti, 'quotations' u direct orders? Kemm kien l-ammont fi flus f'kull każ u għal liema servizzi saret kull nefqa?

Response (REFALO, ANTON)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġia tal-mistoqsija parlamentari 1111, qed inpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.