Jista’ l-Ministru jgħid xi żviluppi ta' investimenti ġodda saru fl-akwakultura fiż-Żona Ekonomika Esklussiva (EEZ) mill-2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll xi proġetti ewlenin ġew implimentati kompletament minn meta tħabbret din l-inizjattiva waqt id-Diskors tal-Baġit tal-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, mill-2024 ’l hawn, kompliet il-ħidma preparatorja relatata mal-iżvilupp sostenibbli tal-akwakultura fiż-Żona Ekonomika Esklussiva (EEZ) ta’ Malta permezz ta’ studji tekniċi, evalwazzjonijiet u konsultazzjonijiet mal-entitajiet relevanti, bil-għan li jiġi stabbilit qafas adegwat għall-investiment fis-settur f’konformità mar-rekwiżiti ambjentali u regolatorji applikabbli.
Fl-istess ħin, komplew jiġu avvanzati inizjattivi oħra marbuta mal-iżvilupp tal-akwakultura fil-kuntest tal-proċeduri u l-qafas regolatorju eżistenti.
Fir-rigward tal-inizjattiva mħabbra fil-Baġit 2025, il-prijorità f’dan l-istadju kienet li jitlestew il-preparamenti tekniċi, amministrattivi u regolatorji meħtieġa sabiex il-proġett ikun jista’ jimxi għall-fażijiet sussegwenti tiegħu b’mod sostenibbli u responsabbli.
Aġenzija awtonoma għar-Riċerka fis-Sajd u l-Akwakultura
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal it-twaqqif tal-Aġenzija awtonoma għar-Riċerka fis-Sajd u l-Akwakultura li tħabbret fid-Diskors tal-Baġit tal-2024? Jista’ jgħid ukoll kemm investa flus il-Gvern f'din l-Aġenzija minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Aġenzija Aquatic Resources Malta bdiet topera minn Marzu 2024.
L-investiment finanzjarju tal-Gvern fl-Aġenzija hu tagħrif pubbliku.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex kien jikkonsisti l-Istrument Finanzjarju mħabbar mill-Gvern waqt id-Diskors tal-Baġit tal-2024 u baġits oħra sussegwenti biex bdiewa żgħażagħ ikunu jistgħu jixtru art agrikola, ħalli jkunu jistgħu jidħlu fis-settur agrikolu? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm bdiewa żgħażagħ li gawdew minn din l-inizjattiva, minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena, u kemm kien l-ammont finanzjarju li gawdew minnu bdiewa żgħażagħ grazzi għall-istess Strument Finanzjarju fl-istess perjodu?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati prodotti lokali ġodda bħala PDO/PGI taħt sistemi Ewropej ta' kwalità minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll jekk il-miri previsti, hekk kif imħabbra waqt id-Diskors tal-Baġit tal-2024, intlaħqux jew le? Jekk le, jista’ jgħid x'kienet ir-raġuni għaliex dawn il-miri previsti ma ntlaħqux u x'ser jagħmel il-Gvern biex dawn il-miri jibdew jintlaħqu?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
Sistema diġitali komprensiva għas-sajd u l-akwakultura
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’investiment sar fis-sistema diġitali komprensiva għas-sajd u l-akwakultura li tħabbret fid-Diskors tal-Baġit tal-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll min gawda minn dan l-investiment, kemm investa flus il-Gvern f'dan il-proġett u x'riżultati tanġibbli kellu l-Gvern minn dan l-investiment?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-miżura mħabbra fil-Baġit tal-2023 tirrigwarda l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Fisheries Information Integration System (FIIS).
Il-proġett għandu valur globali ta’ madwar €4.7 miljun u huwa ffinanzjat permezz tal-European Maritime, Fisheries and Aquaculture Fund (EMFAF). Sabiex jiġi implimentat dan il-proġett, sar proċess ta’ akkwist pubbliku.
Il-FIIS huwa maħsub sabiex jintegra disa’ sistemi ewlenin tas-sajd fi pjattaforma waħda.
Minn dan l-investiment ser jibbenefikaw kemm id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura kif ukoll is-sajjieda, fost oħrajn permezz ta’ proċessi aktar diġitali u tnaqqis fil-paperwork. Is-sistema hija mfassla wkoll sabiex tippermetti lis-sajjieda jużaw apparat bħal tablets u mobile phones għar-rappurtar u għall-aċċess għall-informazzjoni tagħhom.
Matul l-2026 sar xogħol fuq id-disinn u fl-arkitettura tas-sistema b’emfasi fuq il-Fishing Vessel Register, il-Vessel Monitoring System (VMS) u qed jiġu ttestjati wkoll GPRS ġodda fuq bastimenti tas-sajd lokali.
Jista’ l-Ministru jgħid xi progress sar fir-rigward tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Carbon Farming minn meta tħabbret fid-Diskors tal-Baġit tal-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali (ARPA) implimentat diversi miżuri mill-Istrategija Nazzjonali tal-Carbon Farming.
Fl-2023, l-ARPA nediet proġett pilota tal-agroforestrija, li permezz tiegħu ngħatat għajnuna finanzjarja lill-benefiċjarji bejn l-2023 u l-2025. Barra minn hekk, l-ARPA amministrat Skema ta’ Agroforestrija ffinanzjata minn fondi nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat, li taħtha nħarġu żewġ sejħiet fl-2025 u fl-2026. Il-benefiċjarji tal-iskema bħalissa jinsabu fil-perjodu ta’ manutenzjoni, li għandu jdum għal mill-inqas erba’ snin mid-data tal-pagament finali.
L-ARPA tamministra wkoll l-Iskema għall-Implimentazzjoni ta’ Pjan ta’ Ġestjoni u Konservazzjoni tal-Ħamrija (Soil Management Plan – SMP), li permezz tagħha l-bdiewa huma mħeġġa jħejju u jimplimentaw pjanijiet speċifiċi għall-art tagħhom sabiex jindirizzaw l-erożjoni, il-kompattazzjoni u l-livelli baxxi ta’ materja organika fil-ħamrija. Dawn il-pjanijiet jikkontribwixxu lejn il-konservazzjoni u ż-żieda tal-karbonju organiku fil-ħamrija u, għalhekk, lejn l-objettivi tal-Carbon Farming.
Jista’ l-Ministru jgħid xi progress sar fir-rigward tal-Politika Nazzjonali għall-Ikel Sostenibbli minn meta tħabbret fid-Diskors tal-Baġit tal-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Għawdex – Landing sites tas-sajd – Interventi infrastrutturali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'interventi infrastrutturali saru biex jiġu mmodernizzati l-landing sites tas-sajd f'Għawdex minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment ikkonċernat għandu landing site waħda f’Għawdex li tinsab fl-iMġarr.
Ta’ kull sena isir risk assessment ta’ health and safety tal-facilita’ liema rakkomandazzjonijiet jitwettqu matul is-sena.
Matul is-sena 2026, ġiet installata wkoll sistema ta' CCTVs madwar il-landing site tal-iMġarr filwaqt li ġiet allokata vettura elettrika lill-uffiċċjali tal-kontroll ġewwa Għawdex li tkun stazzjonata maġenb l-istess landing site.
Skema ta’ għotja biex art abbandunata tinbidel f'sistemi agroforestali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm individwi li gawdew mill-iskema ta' għotja biex art abbandunata tinbidel f'sistemi agroforestali (sa €8,000) minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm, 57 benefiċjarju li rċevew għajnuna finanzjarja taħt il-progett,
Agroforestry Pilot Project
bejn l-2023 u l-2025, filwaqt li 18-il benefiċjarju ieħor irċevew għajnuna finanzjarja taħt l-iskema
Agroforestry Scheme
bejn l-2025 u l-2026.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm sidien ta' art privata li daħlu f'arranġamenti ma' bdiewa għall-produzzjoni organika minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, mill-informazzjoni disponibbli, mill-Jannar 2023 sad-data ta’ din it-tweġiba, ma kien hemm l-ebda sid ta’ art privata li wera’ interess sabiex jidħol f’arranġament ma’ bdiewa għall-produzzjoni organika.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każi ta' food poisoning minn Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b' xahar? Jista’ jgħid ukoll jekk kull każ ta' food poisoning kienx investigat mill-Awtorità għas-Sigurtà tal-Ikel (FSSA) u jekk hemmx xi awtoritajiet oħra li jinvestigaw każijiet ta' food poisoning, apparti l-FSSA?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid min ser jiffinanzja l-bini u finishes taċ-Ċentru tal-Akwakultura ġdid, li bħalissa qiegħed jopera mit-Torri ta' San Luċjan f’Marsaxlokk?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-proġett għadu fi stadju preliminari ta’ evalwazzjoni u għalhekk għadu mhux possibbli li jingħataw dettalji preċiżi dwar l-ispiża finali tiegħu. Il-Gvern jista’ jiffinanzja proġett bħal dan kemm minn fondi nazzjonali jew inkella minn fondi tal-Unjoni Ewropea.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-residenti ta' Marsaxlokk ġewx ikkonsultati dwar fejn ser jinbena ċ-Ċentru tal-Akwakultura ġdid, li bħalissa qiegħed jopera mit-Torri ta' San Luċjan f’Marsaxlokk? Jista’ jgħid ukoll kemm se jiswa dan il-proġett u xi flus intefqu fuqu sa issa?
Response (REFALO, ANTON)
L-Aġenzija għar-Riżorsi Akwatiċi (ARM) kellha diversi opportunitajiet li tikkonsulta mal-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk. Barra minn hekk saret laqgħa mar-residenti ta’ Marsaxlokk fil-15 ta’ Lujlu 2026. L-unika spejjeż li saru b’rabta ma’ dan il-proġett huma relatati mad-disinn tiegħu.
Jista’ l-Ministru jgħid fejn ser jinbena ċ-Ċentru tal-Akwakultura ġdid li bħalissa qiegħed jopera mit-Torri ta' San Luċjan f’Marsaxlokk? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra site plan li tindika l-lokazzjoni ta' dan il-proġett u jgħid jekk is-sit hux fiż-Żona ta' Żvilupp jew barra ż-Żona ta' Żvilupp?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern huwa mpenjat li jiżviluppa Ċentru ta’ Riċerka għall Akwakultura u s-Sajd. Binja ta’ din ix-xorta jkollha bżonn li tkun viċin il-baħar, l-operat eżistenti tal-Aġenzija għar-Riżorsi Akwatiċi (ARM) u l-komunità tas-sajjieda. ARM għadha ma daħlitx applikazzjonijiet għall-iżvilupp ta’ dan iċ-ċentru.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn art potenzjalment agrikola li però tinsab abbandunata? Jista’ jgħid ukoll x’qed jagħmel il-Gvern biex jinċentiva li din l-art tibda tinħadem?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li l-kundizzjonijiet tal-kiri ta’ art agrikola (qbiela) jesiġu dejjem li din l-art tinħadem għal skopijiet agrikoli. Fir-rigward ta’ azzjoni li tittieħed, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal-liġi speċjali li l-Gvern ħabbar iktar kmieni f’din l-aħħar sena fejn dawk kollha li għandhom fil-pussess tagħhom raba, kemm franka kif ukoll tal-Gvern, ġew obbligati li jirreġistraw din ir-raba u jgħatu rendikont tal-ħidma tagħhom fuq din ir-raba.
Dipendenza fuq prodotti agrikoli importati – Tnaqqis – Passi konkreti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi konkreti qed jieħu l-Gvern biex jiżgura li Malta tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq prodotti agrikoli importati?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor Interpellant li fil-15 ta’ Lulju għalqet il-konsultazzjoni pubblika fuq il-White Paper dwar il-Politika Agrikola Nazzjonali. Il-politika proposta tinkludi diversi miżuri li, kemm direttament kif ukoll indirettament, jappoġġjaw il-produzzjoni lokali u jsaħħu r-reżiljenza, is-sostenibbiltà u l-kompetittività tal-bdiewa lokali, filwaqt li jippromwovu produzzjoni ta’ kwalità.
Insemmi wkoll l-Istrateġija Nazzjonali għal Sistemi tal-Ikel Reżiljenti 2025-2034 li hija intiża biex issaħħaħ il-produzzjoni lokali u tnaqqas il-vulnerabbiltà li tirriżulta mid-dipendenza fuq l-importazzjoni tal-ikel.
Fost dawn il-miżuri hemm il-modernizzazzjoni tal-infrastruttura agrikola u tas-swieq tal-bejgħ bl-ingrossa, it-tisħiħ bejgħ dirett bejn il-produtturi u l-konsumaturi, kif ukoll inizjattivi biex jiżdied id-dħul tal-bdiewa u tissaħħaħ il-vijabbiltà ekonomika tal-produzzjoni lokali.
L-Istrateġija tipprevedi wkoll appoġġ akbar lill-bdiewa fuq skala żgħira, miżuri biex jiġu attirati ġenerazzjonijiet ġodda lejn is-settur agrikolu, u interventi biex jiġi żgurat użu aħjar tal-art agrikola permezz ta’ riformi u inċentivi mmirati.
Barra minn hekk, hemm ukoll l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-użu ta’ teknoloġiji moderni u sostenibbli fl-agrikoltura, filwaqt li qed isaħħaħ ir-reżiljenza tal-katina tal-provvista tal-ikel u jinkoraġġixxi prattiki aktar sostenibbli fil-produzzjoni tal-ikel.
Inkompli nżid ngħid li l-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali (ARPA) qed tikkontribwixxi wkoll b’mod konkret biex tissaħħaħ il-produzzjoni agrikola lokali u titnaqqas id-dipendenza fuq prodotti importati permezz tal-implimentazzjoni ta’ diversi interventi taħt il-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni (PAK).
Dawn jinkludu l-pagamenti diretti lill-bdiewa, fosthom il-Complementary Income Support (CIS) u l-Eko-Skema Benefiċċju għall-Biedja Diversifikata u Sostenibbli (BDW), li jipprovdu appoġġ finanzjarju sabiex tinżamm il-produzzjoni agrikola u tiġi msaħħaħa l-vijabbilta tal-irziezet.
Barra minn hekk, ARPA flimkien mal-Awtorità ta’ Ġestjoni għall-Fondi Ewropej tamministra skemi ta’ investiment produttiv li jassistu lill-bdiewa u lill-produtturi biex jimmodernizzaw l-operat tagħhom, itejbu l-effiċjenza, iżidu r-reżiljenza tas-settur u jsaħħu l-kapaċità produttiva lokali.
Fost dawn liskemi hemm importanza ghal bdiewa żgħażagħ li qed jippromwovi wkoll it-tiġdid ġenerazzjonali fis-settur agrikolu permezz ta’ miżuri mmirati f’pagamenti diretti kif ukoll investimenti lejn bdiewa żgħażagħ sabiex tiġi żgurata l-kontinwita tal-produzzjoni agrikola fil-futur.
Fl-istess ħin, l-intervent settorjali fil-qasam tal-apikultura qed jappoġġja s-sostenibbilta u l-iżvilupp tal-produzzjoni tal-għasel lokali, filwaqt li l-Iskema Nazzjonali għall-Benesseri tal-Majjali tkompli tgħin lis-settur tal-majjali biex iżomm livelli għoljin ta’ produzzjoni u jsaħħaħ il-kompetittivita tiegħu.
Dawn il-miżuri kollha flimkien jikkontribwixxu biex tissaħħaħ is-sigurta’ alimentari tal-pajjiż, inżidu l-kapaċità tal-pajjiż li jipproduċi aktar ikel u titnaqqas id-dipendenza fuq importazzjonijiet agrikoli.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa l-persentaġġ ta’ art (kif ukoll f’termini reali) li jitqies bħala biedja organika?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, skont l-aħħar data disponibbli, l-art ċertifikata bħala biedja organika tammonta għal 66.1623 ettaru, filwaqt li 2.1425 ettaru oħra jinsabu fil-perjodu ta’ konverżjoni għall-biedja organika.
Prodott agrikolu lokali – ‘Unfair trading practices’ – Proċess ta’ reviżjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern bediex il-proċess biex jirrevedi ‘unfair trading practices’ li qed jaffettwaw il-prodott agrikolu lokali? Jekk iva, jista’ jgħid fiex wasal u meta se jkun iffinalizzat il-proċess ta’ reviżjoni?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Unjoni Ewropea qed tkompli ssaħħaħ il-qafas legali kontra l-prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista agroalimentari. Għalkemm id-Direttiva (UE) 2019/633 għadha ma ġietx emendata formalment, ġew introdotti miżuri ġodda biex jissaħħaħ il-koordinament bejn l-awtoritajiet nazzjonali fl-infurzar transkonfinali, filwaqt li evalwazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea kkonkludiet li, minkejja r-riżultati pożittivi tagħha, għad hemm sfidi relatati man-nuqqas ta’ għarfien tad-drittijiet mil-operaturi, il-biża’ ta’ ritaljazzjoni, u differenzi fl-infurzar bejn l-Istati Membri.
Għalhekk, il-Kummissjoni Ewropea qed tħejji reviżjoni tad-Direttiva sabiex issaħħaħ il-protezzjoni tal-bdiewa u operaturi fi ħdan il-katina tal-ikel, testendi l-lista ta’ prattiki pprojbiti, ittejjeb il-protezzjoni tal-ilmentaturi u ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-produtturi fil-katina tal-provvista alimentari.
F'dan il-kuntest, rappreżentant tal-Bord dwar il-Prattiki Kummerċjali Inġusti żamm ruħu aġġornat b'dawn l-iżviluppi fil-livell tal-Unjoni Ewropea u informa lill-Bord stabbilit dwar il-bidliet proposti. Madankollu, dawn l-iżviluppi ma kellhomx impatt fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ, prinċipalment minħabba n-numru negliġibbli ta' talbiet jew każijiet ta' natura transkonfinali rrappurtati f'dan il-qasam.
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jieħu l-Gvern biex jiżgura li l-bdiewa jirċievu sehem ġust mill-prezzijiet tal-prodotti tagħhom?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li permezz tal-Malta Food Agency, dan il-Gvern qiegħed jieħu diversi inizjattivi bil-għan li jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa fis-suq u joħloq kundizzjonijiet li jgħinuhom jiksbu sehem aktar ġust mill-valur finali tal-prodotti tagħhom.
Fost dawn l-inizjattivi hemm it-tisħiħ kontinwu tal-ġestjoni u tal-operat tal-Pitkalija, bil-għan li tiżdied l-effiċjenza, it-trasparenza u t-traċċabbiltà fil-proċess tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli. Dan għandu jgħin sabiex il-proċess tal-bejgħ ikun aktar ċar u effiċjenti għall-produtturi u għall-operaturi kollha involuti.
L-Aġenzija qiegħdha wkoll taħdem fuq inizjattivi ta’ marketing u żvilupp tan-negozju sabiex tippromwovi l-prodott lokali, issaħħaħ l-għarfien tal-konsumaturi dwar il-valur u l-kwalità tiegħu, u toħloq opportunitajiet ġodda ta’ bejgħ għall-produtturi Maltin u Għawdxin.
Barra minn hekk, permezz ta’ opportunitajiet ta’ bejgħ dirett, il-bdiewa jistgħu jilħqu lill-konsumaturi u lill-operaturi kummerċjali b’mod aktar dirett. Dan jista’ jnaqqas id-dipendenza fuq l-intermedjarji u jagħti lill-produtturi opportunità li jżommu sehem akbar mill-valur tal-bejgħ tal-prodotti tagħhom.
Qed tingħata wkoll assistenza u gwida lill-bdiewa sabiex itejbu l-klassifikazzjoni, il-gradazzjoni, il-preżentazzjoni u l-istandards tal-prodotti tagħhom. Dan jgħin sabiex il-prodott lokali jkun aktar kompetittivi, ikun f’pożizzjoni li jikseb valur aħjar fis-suq u jilħaq b’mod aktar effettiv l-aspettattivi tal-konsumaturi u tax-xerrejja kummerċjali.
Permezz ta’ dawn il-miżuri, il-Gvern ser ikompli jaħdem sabiex isaħħaħ il-pożizzjoni tal-produttur lokali fil-katina tal-provvista u jtejjeb l-opportunitajiet tiegħu li jikseb redditu aktar ġust għall-prodotti tiegħu.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn art potenzjalment agrikola li però tinsab abbandunata? Jista’ jgħid ukoll x’qed jagħmel il-Gvern biex jinċentiva li din l-art tibda tinħadem?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li r-Riżorsi Agrikoli Malta (RAM) nediet
Skema ta' Inċentiv Finanzjarji għat-Trasferiment Temporanju ta' Art Agrikola
, li permezz tagħha sidien ta' art agrikola jew dawk illi għandhom qbiela ta' art agrikola minn għand l-Awtorita' tal-artijiet li mhix tintuża jew użata minimament, ġew mħeġġa jgħaddu tali art lill-Aġenzija RAM għal perjodu temporanju ta' tlett snin.
Sussegwentement, din l-art qiegħda tiġi eżaminata u ser tkun qed tiġi allokata lill-bdiewa żgħażagħ u lill-bdiewa kklassifikati taħt il-Kategoriji 3, 4 u 5 għall-produzzjoni tal-ikel. L-għan tal-iskema huwa li tnaqqas l-abbandun tal-art, iżżid l-użu produttiv tal-art agrikola u tiffaċilita aċċess akbar għall-art minn bdiewa attivi.
Barra minn hekk, konġuntament, RAM nediet
Skema ta' Kiri Temporanju ta' Art Agrikola
, li permezz tagħha art agrikola ġestita mill-Aġenzija tista' tiġi allokata lill-bdiewa żgħażagħ u lill-bdiewa kklassifikati taħt il-Kategoriji 3, 4 u 5 għall-kultivazzjoni u għall-produzzjoni tal-ikel. Din l-iskema tappoġġja l-użu attiv tal-art agrikola disponibbli, issaħħaħ il-produttività agrikola u tikkontribwixxi għal żieda fil-produzzjoni tal-ikel.
RAM ser tkun qed tniedi skemi oħra fejn tidħol art agrikola li mhix tintuża u li hija tal-Gvern sabiex din tkun tista' titqassam ukoll lil dawk il-bdiewa żgħażagħ u lil dawk li jixtiequ jidħlu sabiex din l-art tiġi allokata lilhom għall-produttivita' u produzzjoni tal-ikel.