Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pitkalija – Sistema ġdid għall-bejgħ u x-xiri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tiġi introdotta sistema ġdida biex il-bejgħ u x-xiri fil-Pitkalija jkunu aktar effiċjenti u ġusti mal-bejjiegħa u x-xerrejja?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara r-Riforma tal-Pitkalija fl-2021, l-Aġenzija responsabbli tejjbet u ssimplifikat il-proċess tal-bejgħ billi daħħlet Sistema tal IT robusta fil-qalba tal-operat. Il-bdiewa (ilbidwi.gov.mt) u x-xerrejja (ixxerrej.gov.mt) issa għandhom apps biex jaraw u jivverifikaw il-bejgħ u x-xiri tagħhom. Ġie introdott ukoll il-Proċess tal-Bejgħ Dirett, li jħeġġeġ lill-bdiewa jbiegħu direttament permezz ta’ ilbidwi.gov.mt, filwaqt li jibqgħu jgawdu l-istess inċentivi tat-taxxa bħall-bejgħ permezz tal-Pitkalija. Barra minn hekk, il-Gvern qed jippjana l-bini ta’ Pitkalija ġdida bħala parti mill-programm ta’ ħidma tiegħu. Dan l-investiment ser joħloq l-opportunità sabiex, flimkien mal-infrastruttura l-ġdida, jiġu kkunsidrati aktar titjib u bidliet fis-sistema preżenti, bil-għan li l-operat tal-Pitkalija jsir aktar modern, effiċjenti u adattat għall-ħtiġijiet tal-bdiewa u tal-operaturi fis-settur.

Bidla fil-kaxxi tal-pitkalija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għadux bil-ħsieb li jibdel il-kaxxi l-ħodor tal-ħaxix u l-frott (kaxxi tal-pitkalija)? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x'tip ta' kaxxi ħodor tal-pitkalija ser jiġu introdotti f'pajjiżna, kemm se jiswew flus biex jinbidlu l-kaxxi kollha, kemm hemm bżonn kaxxi ġodda u jekk il-bdiewa u l-koperattivi tagħhom ġewx ikkonsultati b'dan it-tibdil?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Miżura Elettorali (19.008) tipprevedi l-modernizzazzjoni tas-sistema tal-ippakkjar fil-Pitkalija, permezz tas-sostituzzjoni tal-kaxxi l-ħodor tal-ħaxix u l-frott b’kontenituri aktar moderni u prattiċi għall-bdiewa. F’dan il-kuntest, l-Aġenzija responsabbli qiegħda teżamina tipi differenti ta’ kontenituri li jistgħu jtejbu l-immaniġġjar u l-preżentazzjoni tal-prodott, kif ukoll il-loġistika marbuta mad-dħul, il-bejgħ u d-distribuzzjoni tal-prodott fil-Pitkalija. Bħala parti minn dan il-proċess, l-Aġenzija qed tippjana li tidentifika sett ta’ kontenituri standard u tniedi proġett pilota sabiex jiġu ttestjati u evalwati l-aktar għażliet adattati, b’konsultazzjoni mal-għaqdiet tal-bdiewa u l-koperattivi. Dan ix-xogħol ser jikkontribwixxi wkoll għall-proċess usa’ ta’ modernizzazzjoni tas-sistema tal-bejgħ u x-xiri fil-Pitkalija, skont l-għanijiet tal-Miżura Elettorali.

Proġett tal-Pitkalija l-ġdida u l-faċilitajiet tal-ħażna tal-ikel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsab il-proġett tal-Pitkalija l-ġdida u l-faċilitajiet tal-ħażna tal-ikel? Jista’ jgħid ukoll kemm hi stmata l-ispiża biex isir dan il-proġett, fiex ser ikun jikkonsisti dan il-proġett, meta hu ppjanat li jibda x-xogħol u meta hu ppjanat li jkun lest?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa għaddej ix-xogħol fuq id-disinji tal-Pitkalija l-ġdida u l-faċilitajiet tal-ħażna tal-ikel, filwaqt li qiegħed jiġi kkompilat ukoll rapport ta’ fattibbiltà dwar il-proġett. Id-dettalji dwar l-ispiża stmata tal-proġett u l-iskeda prevista għall-bidu u t-tlestija tax-xogħlijiet jingħataw fi stadju aktar avvanzat, ladarba jitlestew id-disinji u r-rapport ta’ fattibbiltà.

Art agrikola privata - Eżenzjoni tat-taxxa tas-suċċessjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser tiġi estiża l-eżenzjoni tat-taxxa tas-suċċessjoni għal art agrikola privata li tingħata għall-użu minn bdiewa żgħażagħ jew bdiewa ġenwini?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-miżura ta’ eżenzjoni mit-taxxa tas-suċċessjoni, daħlet fis-seħħ permezz ta’ Kapitolu 364 tal-Liġijiet ta’ Malta, u se tibqa’ fis-seħħ għaliex mihiex miżura temporanja.

Art agrikola tal-Gvern – Tibdiliet leġiżlattivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'tibdiliet leġiżlattivi ġew introdotti sabiex l-art agrikola tal-Gvern tingħata lill-bdiewa ġenwini, speċjalment bdiewa żgħażagħ u studenti tal-agribusiness?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddej proċess ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati dwar abbozz ta’ Avviż Legali li tħejja sabiex jiġu introdotti regolamenti ġodda li jistabbilixxu l-proċedura għall-allokazzjoni ta’ art agrikola lill-bdiewa, wara li tali art tkun ġiet assenjata jew akkwistata mill-Aġenzija Riżorsi Agrikoli Malta. F’dan il-kuntest, ġie wkoll konkluż ftehim mal-Awtorità tal-Artijiet sabiex jiġu identifikati artijiet vakanti li huma proprjetà tal-Gvern, bil-għan li dawn jiġu sussegwentement assenjati lil RAM u, minn hemmhekk, ikunu jistgħu jiġu allokati lil bdiewa żgħażagħ jew lil bdiewa li jkollhom l-għan li jkabbru l-attività tagħhom fis-settur agrikolu. Barra minn hekk, il-Gvern kompla bil-ħidma tiegħu dwar il-miżuri relatati mat-tnaqqis tat-taxxa tas-suċċessjoni fuq wirt ta’ art agrikola, fil-każijiet fejn il-werriet ikun rikonoxxut bħala bidwi professjonali permezz tal-kategorizzazzjoni tal-bdiewa. Din il-miżura għandha l-għan li tiffaċilita t-trasferiment u ż-żamma tal-art agrikola f’idejn dawk li jkunu attivament involuti fil-biedja, filwaqt li tħeġġeġ il-kontinwità u s-sostenibbiltà tal-attività agrikola.

Għajnuna għall-bdiewa u raħħala

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-2026 żdiditx l-għajnuna finanzjarja lill-bdiewa u r-raħħala, kemm minn fondi nazzjonali kif ukoll minn fondi Ewropej, separatament, u b’kemm flus? Jista’ jgħid ukoll għal kemm kienet tammonta din l-għajnuna finanzjarja u kemm ibbenefikaw bdiewa u raħħala minn din l-għajnuna?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Għawdex – Proġett għat-tkabbir tal-produzzjoni ta’ New Water

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett għat-tkabbir tal-produzzjoni ta’ New Water fl-impjant tat-trattament tad-drenaġġ f’Ras il-Ħobż, f’Għawdex li kellu jlaħħaq investiment ta’ madwar €25 miljun? Kemm hi l-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ dan l-impjant bħalissa u b’kemm ser tiżdied il-produzzjoni ladarba dan il-proġett jitlesta? Tista’ tgħid ukoll meta hi d-data maħsuba għat-tlestija u tara li kull bidwi u raħħal ġenwin jew kull bidwi u raħħal żagħżugħ ikun provdut l-ammont ta’ New Water neċessarju biex isaqqi r-raba’ tiegħu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja bil-preparamenti meħtieġa għat-twettiq ta’ dan il-proġett f’Għawdex, fejn diġà sar l-akkwist tal-art kif ukoll l-applikazzjonijiet għall-permessi. Minħabba li ma rriżultat l-ebda offerta konformi mas-sejħa għall-offerti li kienet inħarġet, din se terġà tiġi pubblikata mill-ġdid fil-ġranet li ġejjin.  L-impjant huwa mistenni li jżid il-produzzjoni tan-New Water b’madwar 4,000 metru kubu kuljum.

Aċċess għal spieri pubbliċi għall-bdiewa u raħħala

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm individwi li ngħataw aċċess ikkontrollat għal spieri pubbliċi li m'għadhomx jintużaw (fejn għad m'hemmx provvista diretta ta’ New Water), matul l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar? Tista’ tgħid ukoll kemm minn dawn l-individwi kienu bdiewa u raħħala ġenwini jew bdiewa u raħħala żgħażagħ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Malta u Għawdex – Dispensers tan-New Water

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm dispensers tan-New Water kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex? Kemm hemm persuni rreġistrati li jistgħu jagħmlu użu minnu, maqsuma lokalità b’lokalità? Tista’ tgħid ukoll kemm intużaw litri ta’ New Water f’Malta u f’Għawdex mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li madwar Malta hawn 187 dispenser tan-New Water, filwaqt li f’Għawdex hemm 51 dispenser. In-numru ta’ bdiewa reġistrati li jistgħu jagħmlu użu minn dan l-ilma huwa ta’ madwar 1,200 f’Malta u 930 f’Għawdex. Fir-rigward tal-użu tan-New Water mill-2020 sal-lum, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 4540.

New Water prodott

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġie prodott New Water minn kull polishing plant mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Birżebbuġa u ż-Żurrieq – New Water

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema żoni f’Birżebbuġa u ż-Żurrieq ingħaqdu mas-sistema tan-New Water u fiex waslu x-xogħlijiet relatati sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tgħid ukoll kemm hemm bdiewa f’dawn il-lokalitajiet li bħalissa qed igawdu mill-provvista tan-New Water?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li x-xogħljiet ta’ tqegħid ta’ mejnijiet li se jwasslu n-New Water fil-Lbiċ ta’ Malta jinsab fi stat avvanzat b’iktar minn 90% huma lesti. Għaddejjin ukoll xogħlijiet tar-rinovazzjoni tal-ġibjuni, konnessjonijiet ma’ ġibjuni u installazzjoni ta’ pompi (Ħabel Abjad, Ħal Għaxaq, Ħlantun) kif ukoll xogħlijiet ta’ tkabbir tal-impjant tal-produzzjoni. Ix-xogħlijiet tal-installazzjoni ta’ dispensers u l-konnessjoni tagħhom ma’ networks tal-elettriku u konnettività, għadhom jinbdew kmieni s-sena d-dieħla u jitlestew żona żona. Fir-rigward tal-bdiewa ta’ Birżebbuġa, infurmata li bħalissa n-network imiss f’partijiet żgħar mil-lokalità u tħalliet il-possibilità li jsiru estensjonijiet f’żoni agrikoli oħrajn. Barra minn hekk, sakemm jitlesta l-proġett, kull bidwi miż-żona li qed issir referenza għaliha f’din il-mistoqsija jista’ jagħmel użu minn dispensers eżistenti fin-Nofsinhar ta’ Malta.

Qtugħ tad-dawl – Pjanijiet

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti relattivi tal-pjanijiet kollha biex il-qtugħ tad-dawl li sofra l-poplu Malti u Għawdxi ma jerġax jirrepeti ruħu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Enemalta qiegħda tkompli twettaq u tavvanza xogħlijiet estensivi ta’ tisħiħ tan-network tal-elettriku f’Malta u Għawdex, bil-għan li tkompli żżid il-kapaċità u r-reżiljenza tas-sistema. Matul din is-sena ġew kummissjonati ċ-Ċentri ta’ Distribuzzjoni tan-Naxxar, tas-Siġġiewi u tal-Imsida, b’investiment ta’ madwar €40 miljun, li komplew isaħħu l-kapaċità, il-flessibbiltà u r-reżiljenza tan-network tad-distribuzzjoni. Dawn l-investimenti jiffurmaw parti mill-Pjan ta’ Disa’ Snin tal-Enemalta, imniedi f’Jannar 2026, li jistabbilixxi programm fit-tul għat-tisħiħ u l-espansjoni tal-infrastruttura tal-elettriku f’Malta u Għawdex. Il-pjan jinkludi 15-il Ċentru ta’ Distribuzzjoni ġdid, konnessjoni ġdida ta’ 132kV bejn Malta u Għawdex, kif ukoll aktar tisħiħ tan-network u titjib fl-infrastruttura eżistenti. Fl-aħħar ġimgħat, Enemalta ħabbret sensiela ta’ investimenti ġodda f’Għawdex. Fost dawn, tnieda l-proċess għall-manifattura u l-installazzjoni ta’ żewġ cables ġodda ta’ 33kV taħt il-baħar bejn Malta u Għawdex, filwaqt li qed jiġu avvanzati l-preparamenti għal konnessjoni ġdida ta’ 132kV bejn iż-żewġ gżejjer u żewġ Ċentri ta’ Distribuzzjoni ġodda f’Għawdex. Enemalta ħarġet ukoll żewġ sejħiet għall-offerti b’valur totali ta’ kważi €11-il miljun għax-xiri u t-tqegħid ta’ cables ġodda ta’ 33kV f’Għawdex, bħala parti mit-tisħiħ ulterjuri tan-network fil-gżira Għawdxija.

Cables ta’ 11KV / 33KV – Speċifikazzjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk is-70 kilometru ta’ 11KV / 33KV cables humiex armoured u jekk le, għaliex ma humiex? Tista’tgħid ukoll fejn ġew manifatturati u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ispeċifikazzjonijiet? Kemm ġew jiswew u kemm inqalgħu ħsarat fuq dawn il-cables minn meta tpoġġew?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija identika li għamel qabel din bin-numru 4536.

Cables ta’ 11KV / 33KV – Speċifikazzjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk is-70 kilometru ta’ 11KV / 33KV cables humiex armoured u jekk le, għaliex mhumiex? Tista’ tgħid ukoll jekk dawn il-cables humiex magħmulin minn aluminium jew minn copper, fejn ġew immanifatturati u tqiegħed kopja fuq il-Mejda tal-Kamra tal-ispeċifikazzjonijiet ta' dawn il-cables? Kemm ġew jiswew u kemm inqalgħu ħsarat fuq dawn il-cables minn meta tpoġġew?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-cables ta’ 11kV u 33kV li jintużaw mill-Enemalta jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u r-rekwiżiti meħtieġa għan-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku. L-għażla tat-tip ta’ cable ssir skont il-livell ta’ vultaġġ, l-użu speċifiku u l-ħtiġijiet tekniċi tal-infrastruttura fejn ikun ser jiġi installat Fost il-cables użati hemm cables triplex XLPE mhux armoured, kif ukoll cables three-core armoured. Il-cables triplex għandhom protezzjoni permezz ta’ żewġ saffi ta’ MDPE, inner u outer sheath, maħsuba wkoll sabiex jipproteġu l-cable waqt it-tqegħid tiegħu. Il-cables three-core armoured jintużaw ukoll skont ir-rekwiżiti tekniċi applikabbli. Intużaw kemm cables b’conductors tal-aluminju kif ukoll oħrajn b’conductors tar-ram (copper). Għaldaqstant, il-fatt li cable partikolari ma jkunx armoured ma jfissirx li jkun ta’ standard jew livell ta’ protezzjoni inferjuri. L-iżvilupp fit-teknoloġija tal-cables, fosthom l-użu ta’ XLPE u MDPE, jipprovdi l-protezzjoni meħtieġa skont id-disinn u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-cable. Sal-lum ma kienu reġistrati ebda ħsarat naturali attribwibbli għall-cables infushom minn meta ġew installati. Il-cables jiġu akkwistati permezz tal-proċessi ta’ xiri applikabbli fuq il-bażi tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti mill-Enemalta.

Għawdex – Tkabbir tal-produzzjoni ta’ New Water

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett għat-tkabbir tal-produzzjoni ta’ New Water fl-impjant tat-trattament tad-drenaġġ f’Ras il-Ħobż, f’Għawdex li kellu jlaħħaq investiment ta’ madwar €25 miljun? Kemm hi l-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ dan l-impjant bħalissa u b’kemm ser tiżdied il-produzzjoni ladarba dan il-proġett jitlesta? Jista’ jgħid ukoll meta hi d-data maħsuba għat-tlestija u jara li kull bidwi u raħħal ġenwin jew kull bidwi u raħħal żagħżugħ ikun provdut l-ammont ta’ New Water neċessarju biex isaqqi r-raba’ tiegħu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

Għawdex – Aċċess għal spieri pubbliċi għall-bdiewa u raħħala

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm individwi li ngħataw aċċess ikkontrollat għal spieri pubbliċi li ma għadhomx jintużaw f’Għawdex u fejn għad ma hemmx provvista diretta ta’ New Water, matul l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari maqsuma xahar b’xahar? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-individwi kienu bdiewa u raħħala ġenwini jew bdiewa u raħħala żgħażagħ?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

Għawdex – Landing sites tas-sajd – Immodernizzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’interventi infrastrutturali saru biex jiġu mmodernizzati l-landing sites tas-sajd f’Għawdex minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tigi migbura.

Pjan Nazzjonali għall-Ġestjoni tal-Ilma għat-Tisqija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar mill-Pjan Nazzjonali għall-Ġestjoni tal-Ilma għat-Tisqija? Jista’ jgħid ukoll meta ser jiġi ppubblikat il-pjan kollu?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħidma fuq il-Pjan Nazzjonali għall-Ġestjoni tal-Ilma għat-Tisqija kompliet tavvanza, bil-għan li jiġi stabbilit qafas nazzjonali li jindirizza b’mod aktar sostenibbli u effiċjenti l-ħtiġijiet tal-ilma tas-settur agrikolu. Bħalissa, il-Ministeru għaddej bil-ħidma tiegħu u qiegħed ikompli jsaħħaħ il-bażi teknika tal-pjan. Permezz ta’ koordinazzjoni mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, intalbet l-assistenza tal-FAO, u żewġ esperti ġew Malta fejn kellhom diskussjonijiet mad-Direttorat tal-Agrikoltura, entitajiet oħra tas-settur pubbliku, esperti lokali u rappreżentanti tas-settur agrikolu. Din il-ħidma tinkludi ukoll collaborazzjoni maċ-CIHEAM Bari u tikkonsisti fi-ġbir u l-integrazzjoni tad-data dwar l-użu tal-art agrikola, l-iżvilupp ta’ sistema ta’ GIS mapping, kif ukoll l-użu ta’ CROPWAT sabiex jiġu stmati b’mod aktar preċiż il-ħtiġijiet tal-ilma skont l-uċuħ tar-raba’, iż-żona u l-perjodu tas-sena. Fl-istess waqt, diġà ttieħdu passi konkreti fil-ġestjoni tal-ilma għat-tisqija. Fost dawn hemm l-introduzzjoni ta’ sistema fejn l-allokazzjoni tan-New Water qed tintrabat mal-pjanijiet tal-uċuħ tar-raba’ tal-bdiewa, sabiex l-ilma disponibbli jkun jista’ jiġi amministrat b’mod aktar ġust, effiċjenti u marbut mal-ħtiġijiet agrikoli effettivi.