Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kampanja Nazzjonali għall-promozzjoni tal-prodott Malti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex kienet tikkonsisti l-kampanja nazzjonali permanenti għall-promozzjoni tal-prodott Malti u x’hemm ipproġettat li jsir fix-xhur li ġejjin minn meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħidma tal-Malta Food Agency fir-rigward tal-promozzjoni tal-prodotti tal-ikel lokali, hija kontinwa u tinkludi diversi sħubijiet strateġiċi, inizjattivi u proġetti promozzjonali. Fost l-inizjattivi ppjanati għall-2027, apparti l-kontinwazzjoni tal-attivitajiet, diga qed jigu imnedija diversi promozzjonijiet u skemi.

Strateġija Nazzjonali għas-Sajd – Implimentazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju waslet l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għas-Sajd?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, wara li ġie konkluż il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar l-Istrateġija Nazzjonali għas-Sajd 2026–2036, il-ħidma mxieja skont il pjanijiet imfassla.

Laboratorju Patoloġiku għall-Akwakultura – Pjanijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-Gvern għall-Laboratorju Patoloġiku għall-Akwakultura?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Aquatic Resources Malta qed tinvesti fl-ewwel Laboratorju tal-Patoloġija tal-Akkwakultura, bil-għan li ssaħħaħ ir-riċerka dwar is-saħħa tal-ħut, il-monitoraġġ u d-dijanjosi tal-mard, u tgħin biex l-industrija tal-akkwakultura tkun aktar sostenibbli u reżiljenti.

Malta u Għawdex – Ipproċessar tad-demel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’politika ser jadotta għall-ipproċessar tad-demel tal-annimali kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm flus ivvutati għal dan il-proġett, meta hu ppjanat li jibda x-xogħol u meta dan il-proġett hu pproġettat li jkun operattiv?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Nagħaġ u mogħoż – Importazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 544, peress li t-terminu "importazzjoni" li għamilt referenza għalih ma kienx jirreferi għal moviment ta’ merkanzija minn pajjiżi terzi iżda għall-moviment ta' bhejjem li jikkonsistu f’mogħoż u nagħaġ minn barra minn Malta u Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impurtati nagħaġ u mogħoż f’pajjiżna minn Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar? Jista’ jgħid ukoll: i.    minn liema pajjiż ġiet impurtata kull nagħġa u mogħża; ii.    jekk kull nagħġa u mogħża impurtata għamlitx kwarantina; iii.    kemm-il nagħġa u mogħża ġiet impurtata għat-trobbija u kemm-il nagħġa u mogħża ġiet impurtata għal-laħam; u iv.    jekk kull nagħġa u mogħża impurtata sarilhiex veterinary certificate?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Malta irċeviet konsenja waħda min pajjiz Europew. Din il-kunsinna kienet tikkonsisti f'212-il nagħġa u 93 mogħża, destinati għall-bidwi Malti, u mhux għall-qatla. Il-kunsinna kienet akkumpanjata miċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa veterinarja meħtieġa .

Art agrikola barra minn żoni ODZ – Politiki tal-ippjanar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qed jikkunsidra reviżjoni tal-policies tal-ippjanar sabiex raħħala ġenwini jkunu jistgħu jimmodernizzaw il-faċilitajiet tagħhom f’żoni ODZ, filwaqt li jiġu rispettati l-ħarsien ambjentali u l-użu agrikolu tal-art? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx konsultazzjonijiet ippjanati mar-rappreżentanti tas-settur?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onorevoili Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għal mistoqsija Parlamentari numru 4644.

Irziezet tat-trobbija tan-nagħaġ u mogħoż - Applikazzjonijiet għaż-żvilupp jew immodernizzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ippreżentati applikazzjonijiet għaż-żvilupp jew għall-modernizzazzjoni ta’ irziezet tan-nagħaġ u l-mogħoż f’żoni barra mill-konfini tal-iżvilupp (ODZ) matul l-aħħar ħames snin? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew approvati, rifjutati jew għadhom pendenti, maqsuma lokalità b'lokalità?

Response (ATTARD, JONATHAN)

B’riferenza għall-mistoqsija Parlamentari numru 4645, qed inpoġġi fuq il Mejda tal-Kamra tabella li turi kif inhuma maqsuma l-applikazzjonijiet, relatati ma irziezet għat-trobbija ta’ nagħaġ u/jew mogħoż, li l-Awtorità tal-Ippjanar ippublikat, bħala applikazzjoijiet kompluti riċevuti minnha, bejn l-1 ta’ Novembru 2021 u l 31 ta’ Ottubru 2026, maqsuma għal kull lokalità. Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità tal-Ippjanar fejn il-proposta tal-iżvilupp, kif ppreżentata mill-Perit, tinkludi l-kliem ‘naħaġ’, ‘mogħoż’, ‘sheep’, ‘goat’.

Irziezet fuq art tal-Gvern – Applikazzjonijiet għall-immodernizzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx diskussjonijiet bejn il-Ministeri responsabbli mill-Agrikoltura, l-Awtorità tal-Artijiet u l-Awtorità tal-Ippjanar sabiex jiġu ffaċilitati l-applikazzjonijiet għall-modernizzazzjoni tal-irziezet li jinsabu fuq art tal-Gvern? Jista’ jgħid ukoll x’miżuri konkreti qed jiġu kkunsidrati u meta hu mistenni li jiġu implimentati?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Il-policies fis-seħħ jipprovdu qafas regolatorju li jippermetti lill-bdiewa ġenwini jiżviluppaw u jimmodernizzaw il-faċilitajiet meħtieġa għall-attività agrikola tagħhom, filwaqt li jiżguraw il-ħarsien tal-ambjent u tal-karatteristiċi distintivi taż-żoni rurali. Fl-istess waqt, l-Awtorità tal-Ippjanar iżżomm djalogu kontinwu mal-Ministeri u mal-entitajiet governattivi konċernati, sabiex jiġu diskussi u indirizzati diversi aspetti relatati mal-ippjanar.

Irziezet fuq art tal-Gvern – Applikazzjonijiet għall-immodernizzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx diskussjonijiet bejn il-Ministeri responsabbli mill-Agrikoltura, l-Awtorità tal-Artijiet u l-Awtorità tal-Ippjanar sabiex jiġu ffaċilitati l-applikazzjonijiet għall-modernizzazzjoni tal-irziezet li jinsabu fuq art tal-Gvern? Jista’ jgħid ukoll x’miżuri konkreti qed jiġu kkunsidrati u meta hu mistenni li jiġu implimentati?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant, illi diskussjonijiet qegħdin isiru mar-Riżorsi Agrikoli Malta (RAM) u l-MAFF sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess sabiex l-irziezet mibnija fuq art tal-Gvern jingħataw titlu ta ċens b’saħħtu biżżejjed li jippermetti ppjanar ta immodernizzar f’investiment fit-tul. Ma dan, l-Awtorità tagħti wkoll il-kunsens tagħha sabiex jiġu sottomessi applikazzjonjiet lill-Awtorità tal-Ippjanar għall-iżvilupp neċessarju, kif inhu maqbul fi ftehim mal-istess Awtorità tal-Ippjanar.

Irziezet fuq art tal-Gvern – Irziezet tat-trobbija tan-nagħaġ u mogħoż

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm irziezet tat-trobbija tan-nagħaġ u l-mogħoż f’Malta u Għawdex li jinsabu fuq art tal-Gvern u li għadhom qed jistennew ir-regolarizzazzjoni tal-qbiela tagħhom? Jista’ jagħti rendikont tal-proċess li qed jiġi segwit sabiex dawn il-bdiewa jingħataw is-sigurtà meħtieġa biex ikunu jistgħu jinvestu u jimmodernizzaw l-irziezet tagħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Irziezet tal-Gvern abbandunati – Riallokazzjoni lil bdiewa jew raħħala ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew allokati rziezet abbandunati tal-Gvern lir-raħħala/bdiewa ġodda u/jew oħrajn li jridu jespandu l-operat tagħhom sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid ukoll kemm kien hemm raħħala/bdiewa li gawdew minn din l-inizjattiva, u kemm minnhom huma raħħala/bdiewa żgħażagħ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Artijiet, permezz ta ftehim ma Riżorsi Agrikoli Malta, qed tikkollabora sabiex art agrikola tal-Gvern li tinsab vakanti jew mhux utilizzata tkun tista’ terġa’ titqiegħed għall-użu agrikolu. Filwaqt li l-Awtorità tal-Artijiet għandha rwol fir-rigward tal-proprjetà tal-Gvern u trasferiment tagħha skont il-proċeduri applikabbli, l-allokazzjoni tal-art lill-bdiewa u raħħala fil-kuntest ta din l-inizjattiva taqa’ taħt ir-responsabbilta’ ta Riżorsi Agrikoli Malta. Għaldaqstant l-informazzjoni dwar in-numru ta raħħala/bdiewa inkluż kemm minnhom raħħala/bdiewa żgħażagħ għandha tiġi mwieġba u kkonfermata mal-imsemmija aġenzija.

Irziezet fuq art tal-Gvern – Proċess għat-titolu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-Awtorità tal-Artijiet se tniedi l-proċess sabiex tagħti titolu lir-raħħala li għandhom irziezet fuq art tal-Gvern u jixtiequ jkomplu jaraw dawn l-irziezet użati fil-futur, inkluż minn membri tal-familja li jkollhom l-istess mestier?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor, Interpellant li l-Awtorità tal-Artijiet għandha diġa fis-seħħ proċedura li permezz tagħha raħħala liċenzjati jew reġistrati jistgħu jressqu talba għall-għoti ta art tal-Gvern b’ titolu ta enfitewsi temporanja għall- perjodu ta 50 sena, skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli. Il-formola li wieħed jista’ japplika biha hija GLA7. Kull talba tiġi evalwata skont il-kundizzjonijiet u l-kriterji stabbiliti fil-qafas legali u regolatorju applikabbli.

Bdiewa kummerċjali – WSC – Ilma potabbli b’xejn

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm raħħala kummerċjali li ngħataw ilma potabbli b’xejn billi kull razzett ikun imqabbad mal-infrastruttura tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC)? Tista’ tgħid ukoll fejn huma dawn l-irziezet, maqsuma lokalità b'lokalità?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba hija fin-negattiv.

Għajnuna għal faċilitajiet għall-ħażna tal-ilma tax-xita

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-bdiewa li rċevew għajnuna biex jibnu faċilitajiet għall-ħażna tal-ilma tax-xita matul is-sena 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn Jannar 2026 sa issa, il-bdiewa u r-raħħala li bbenefikaw minn għajnuna biex jibnu faċilitajiet għall-ħażna tal-ilma tax-xita kienu 50.

Bdiewa kummerċjali – WSC – Ilma potabbli b’xejn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm raħħala kummerċjali li ngħataw ilma potabbli b’xejn, billi kull razzett ikun imqabbad mal-infrastruttura tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC)? Jista’ jgħid ukoll fejn huma dawn l-irziezet, maqsuma lokalità b'lokalità?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Aċċess għal spieri pubbliċi lill-bdiewa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm individwi li ngħataw aċċess ikkontrollat għal spieri pubbliċi li m’għadhomx jintużaw fejn għad m’hemmx provvista diretta ta’ New Water matul l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-individwi kienu bdiewa u raħħala ġenwini jew bdiewa u raħħala żgħażagħ?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-għoti ta’ aċċess ikkontrollat għal spieri pubbliċi li ma għadhomx jintużaw, f’żoni fejn għad ma hemmx provvista diretta ta’ New Water, jifforma parti mill-Programm ta’ Ħidma tal-Gvern għal din il-leġiżlatura, skont il-Miżura 17 tal-Manifest Elettorali 2026. L-għan ta’ din il-miżura huwa li jitnaqqsu d-diskrepanzi fl-aċċess għall-ilma bejn żoni agrikoli differenti u tingħata soluzzjoni ġusta u sostenibbli għall-isfida tan-nuqqas ta’ ilma għall-agrikoltura, partikolarment fejn il-provvista ta’ New Water għadha mhijiex direttament disponibbli. Il-Gvern qiegħed jaħdem sabiex din il-miżura tiġi implimentata matul din il-leġiżlatura. Għaldaqstant, f’dan l-istadju għad m’hemmx individwi li bbenefikaw minn din il-miżura u, konsegwentement, ma hemmx data x’tingħata maqsuma xahar b’xahar jew skont il-kategoriji msemmija fil-mistoqsija.

Skema ta’ tqassim ta’ siġar tal-frott indiġeni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tqassmu siġar tal-frott indiġeni lill-bdiewa ġenwini u bdiewa żgħażagħ sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm bdiewa gawdew minn din l-iskema?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul l-avvenimenti organizzati mill-Ministeru matul din is-sena, tqassmu b’kollox 450 siġra tat-tut iswed ( Morus nigra ) lil 125 individwu. Ninfurmah ukoll li l-Gvern, b’konformità mal-Miżura 14 tal-Manifest Elettorali 2026, li tifforma parti mill-Programm ta’ Ħidma tal-Gvern għal din il-leġiżlatura, se jkompli jsaħħaħ il-preservazzjoni tal-bijodiversità lokali permezz tat-tqassim ta’ aktar siġar tal-frott indiġeni mingħajr ħlas. F’dan ir-rigward, il-Ministeru qiegħed ifassal pjan sabiex matul l-2027 jitqassmu aktar siġar tal-frott indiġeni lill-bdiewa, lis-sidien tar-raba’, lill-kunsilli lokali u lill-iskejjel, skont il-kriterji ta’ eliġibbiltà rispettivi. Din l-inizjattiva se tkompli tiġi implimentata matul din il-leġiżlatura bil-għan li tissaħħaħ l-identità agrikola u kulturali ta’ pajjiżna.

Il-Buskett u l-Bank Ġenetiku Nazzjonali – Riċerka

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’riċerka saret fuq il-varjetajiet indiġeni ta’ dwieli u pjanti oħra fil-Buskett u fil-Bank Ġenetiku Nazzjonali?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-2021 ġiet stabbilita kollezzjoni ta’ varjetajiet ta’ dwieli Maltin fiċ-Ċentru għall-Vitikoltura u l-Enoloġija fil-Buskett, bil-għan li dawn il-varjetajiet jiġu kkonservati u studjati. Matul l-2024, żewġ varjetajiet indiġeni tad-dwieli, il-Girgentina u l-Ġellewża, ġew inklużi fil-Katalgu Nazzjonali tal-Varjetajiet. Saret ukoll identifikazzjoni preliminari ta’ kloni ta’ varjetajiet indiġeni miżmuma fil-kollezzjonijiet taċ-Ċentru għall-Vitikoltura u l-Enoloġija fil-Buskett u fil-Bank Ġenetiku Nazzjonali f’Ħal Lija. Permezz tal-Laboratorju tal-Bijoteknoloġija, għaddejja riċerka bil-għan li jiġu stabbiliti kloni ħielsa mill-mard ta’ diversi varjetajiet lokali tad-dwieli, sabiex dawn ikunu jistgħu eventwalment jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tas-suq lokali. Fl-istess waqt, għaddejjin ukoll studji fenotipiċi sabiex varjetajiet lokali oħra eżistenti jiġu kkaratterizzati fid-dettall, bil-għan li jkunu jistgħu jiġu inklużi fil-Katalgu Nazzjonali tal-Varjetajiet u jingħataw valur akbar.

Għajnuna għall-bdiewa li għandhom is-serer

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk bdiewa li għandhom is-serer hux jingħataw xi għajnuna biex iħaddmu prattiċi aktar sostenibbli u b’anqas impatt ambjentali? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid fiex tikkonsisti din l-għajnuna u kemm hemm bdiewa li gawdew minn din l-għajnuna sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, bħala parti mill-miżuri li wettaq il-Gvern matul l-ewwel mitt jum tiegħu wara l-elezzjoni, ġiet imnedija skema ġdida għall-ġbir ta’ plastik, pajpijiet u materjal ieħor relatat mal-attività agrikola, mingħajr ħlas, għall-bdiewa li għandhom is-serer jew li jkabbru l-fjuri. Permezz ta’ din l-iskema, Riżorsi Agrikoli Malta qed toffri servizz ta’ ġbir ta’ dan il-materjal mingħajr ebda spiża għall-bdiewa eliġibbli. Din il-miżura għandha l-għan li tinkoraġġixxi prattiċi agrikoli aktar sostenibbli u tnaqqas l-impatt ambjentali tal-attività agrikola, filwaqt li tiffaċilita l-immaniġġjar responsabbli tal-iskart agrikolu. Din l-inizjattiva tikkumplimenta wkoll miżuri agroambjentali oħra disponibbli għall-bdiewa taħt il-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni (PAK), li flimkien joffru appoġġ għal prattiċi agrikoli aktar sostenibbli, użu aktar effiċjenti tar-riżorsi u tnaqqis tal-impatt ambjentali tas-settur agrikolu.

Programmi ta’ taħriġ u evalwazzjoni tal-ħiliet għall-bdiewa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru programmi ta’ taħriġ u evalwazzjoni tal-ħiliet għall-bdiewa matul is-sena 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru organizza workshop għall-bdiewa fis-settur tat-trobbija tal-ħnieżer, li ffoka fuq il-faċilitajiet tat-twelid għall-ħnieżer, b’enfasi partikolari fuq ir-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet xierqa għall-akkomodazzjoni tal-ħnieżer nisa u tal-qżieqeż. Din l-attività twettqet b’kollaborazzjoni ma’ esperti minn TEAGASC, li hija meqjusa bħala istituzzjoni ta’ referenza f’dan is-settur fl-Irlanda, bħala parti mill-proġett Agrikonsulta, bil-għan li jkompli jissaħħaħ l-għarfien tekniku u jiġu kondiviżi l-aħjar prattiċi fis-settur tat-trobbija tal-ħnieżer. Barra minn hekk, matul l-2026, il-Ministeru organizza kors speċjalizzat dwar il-produzzjoni u l-evalwazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa, b’kollaborazzjoni ma’ esperti miċ-Ċentru ta’ Riċerka CIHEAM f’Bari. Fl-istess waqt, bħalissa għaddejja ħidma b’kollaborazzjoni man-National Skills Council għas-settur agrikolu. Din il-ħidma tinkludi analiżi tal-lakuni fil-ħiliet, bil-għan li r-riżultati miksuba jikkontribwixxu għat-tfassil ta’ programmi futuri ta’ taħriġ immirati lejn il-ħtiġijiet attwali u futuri tal-bdiewa u tal-operaturi fis-settur. Inżid ngħid li matul din is-sena, ġew ipprovduti ukoll tlett programmi ta’ taħriġ lill-bdiewa, fosthom: ·   Agri-Environment-Climate Commitments (AECC) ·   Complementary Income Support for Young Farmers (YF) ·   Eco-Scheme 2 – Integrated Pest Management (ES2)