Legislature:
Category:
Reset
Active:

Programm Tagħlim Alternattiv — studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-għadd ta’ studenti li jattendu l-Programm ta’ Tagħlim Alternattiv? Sa mill-ftuħ ta’ dan il-programm, jista’ jgħid f’liema kors jew kwalifika huma reġistrati?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ studenti fil-Programm ta’ Tagħlim Alternattiv (ALP) fis-sena skolastika 2016-17 kien:- ALP (Form 5) - 155 student ALP plus - 24 student. Kemm ilu miftuħ dan il-programm, l-istudenti studjaw suġġetti vokazzjonali/applikati fl-Inġinerija, Servizzi, u Arti Performattiva, fejn kien hemm għażla ta’ 23 suġġett f’livell 2. Mis-sena skolastika 2016-17 infetħu korsijiet ALP plus bħala kontinwazzjoni f’żewġ korsijiet li huma Welding & Fabrication u Hospitality & Customer Care f’livell 3.

Monitoraġġ tal-attendenza tat-tfal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ monitoraġġ sar mill-ħaddiema soċjali tal-attendenza tat-tfal kollha fuq is-sistema elettronika matul is-sena skolastika 2016/2017? Jista’ jgħid kemm-il tifel u tifla nstabu jonqsu mill-attendenza u ngħataw għajnuna?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena skolastika 2016-17 il-ħaddiema soċjali fi ħdan l-għaxar kulleġġi għamlu moniteraġġ tal-attendenza tat-tfal kollha fuq is-sistema elettronika minn tal-anqas darba kull ħmistax fil-primarja u darba kull xahar fis-sekondarja. Bħala servizz dejjem tingħata prijorità lill-intervent bikri. Matul is-sena skolastika li għaddiet il-ħaddiema soċjali segwew 689 student li ma attendewx l-iskola fuq bażi regolari. Il-moniteraġġ ta’ dawn l-istudenti sar aktar regolari minn dak imsemmi aktar ’il fuq. Ma’ dawn l-istudenti sar pjan ta’ azzjoni individwali.

Ħaddiema — paga minima bħal salarju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm u kemm hemm ħaddiema bħalissa, li s-salarju tagħhom huwa l-paga minima? Jista’ jgħid ukoll f’liema setturi tax-xogħol qegħdin jaħdmu u jekk humiex impjegati mal-gvern jew mal-privat u dan għal kull sena mis-sena 2013 sas-sena 2017?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-entitajiet li jaqgħu taħtu m’humiex responsabbli minn kundizzjonijiet tax-xogħol, inkluż fost l-oħrajn is-salarju.

General Workers’ Union – skema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna qegħda f’xi skema mħaddma mill-Fondazzjoni tal-General Workers’ Union u li kienu jirreġistraw għax-xogħol qabel ma ttieħdu mill-Fondazzjoni? F’liema impjiegi qegħdin jitpoġġew, ma’ liema awtorità, dipartiment, aġenzija jew kumpanija huma qegħdin jintbagħtu jaħdmu? X’inhi t-take home pay tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li 662 persuna qegħda fil-Community Work Scheme. Minn dawn 632 kienu jirreġistraw mal-Jobsplus qabel daħlu fl-iskema. L-impjiegi varji li qegħdin fihom dawn il-persuni huma kif muri fit-tabella t’hawn taħt: Occupations Animal Carer Cleaner Clerk Driver Gardener Handyman Labourer Maintenance Messenger Plasterer Attendant Receptionist Watchman Minn dawn is-632 persuna, 251 qegħdin jaħdmu f’kunsilli lokali, 225 fi skejjel pubbliċi, 82 f’entitajiet pubbliċi, 71 ma’ NGOs u 3 huma releavers. Rigward il-kundizzjonijiet ġenerali tax-xogħol, dawn il-ħaddiema huma impjegati fuq bażi full-time. Għaldaqstant japplikaw għalihom il-kundizzjonijiet normali tax-xogħol, jiġifieri salarju bażiku annwali li ma jkunx anqas mill-paga minima stabbilita, kif ukoll il-bonuses statutorji kollha. Dawk kollha li kienu ilhom aktar minn sena fuq il-paga minima ħadu wkoll iż-żieda li ħabbar il-Gvern. Apparti minn dan, il-Fondazzjoni għamlet ftehim mal-entitajiet kollha li jibbenefikaw minn dan is-servizz biex fl-aħħar tas-sena dawn joħorġu performance bonus/allowance sa 5% lill-impjegati ta’ din l-iskema.

Għotjiet ta’ Manteniment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il student irċieva l-Għotjiet ta’ Manteniment matul is-sena akkademika 2016/2017?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li sas-7 ta’ Settembru 2017, total ta’ 18,846 student li attendew kors f’istituzzjonijiet post-Sekondarji u Terzjarji tul is-sena akkademika 2016-17, attendew u rċevew l-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti.

Studenti li rrepetew sena fil-kors — stipendju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti li ngħataw stipendju għar-raġuni li huma rrepetew sena fil-kors? Jista’ l-Ministru jgħid ukoll f’liema korsijiet kienu jew imxew għalih dawn l-istudenti? Jista’ jagħti dan għal kull sena akkademika mis-sena 2013?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif muri fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Rata ta’ stipendju klassifikata bħala High Priority

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jingħata rata ta’ stipendju ogħla u kklassifikat bħala High Priority lill-korsijiet ta’ studji oħra apparti dawk li llum diġà qegħdin jiġu kkunsidrati hekk?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-korsijiet kollha eliġibbli għall-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti jistgħu jiġu klassifikati bħala Ġenerali, Preskritti jew ta’ Prijorità Għolja. Il-klassifikazzjoni tal-korsjiet għall-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti hija eżerċizzju li jsir kull sena qabel il-bidu ta’ kull sena akkademika, fejn il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, fi qbil mal-Ministru għall-Finanzi, u fuq rakkomandazzjoni tal-Bord tal-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti, jiddetermina liema korsijiet f’livell Post-Sekondarju u Terzjarju jingħataw rata ta’ stipendju Preskritta jew ta’ Prijorità Għolja.

Għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti – korsijiet eleġibbli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema korsijiet huma eleġibbli għall-għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti? Jista’ jgħid ukoll meta dawn il-korsijiet ġew rikonoxxuti bħala li jagħtu eleġibilità lill-istudenti li jsegwu dawn l-għotjiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bit-tagħrif mitlub. Rigward din it-tabella, nitlob lill-Onor. Interpellant tinnota li jien infurmat li għal ċerti korsijiet m'hemmx is-sena ta' approvazzjoni peress li ilhom jiġu offruti għal numru sostanzjali ta' snin.

Jobsplus – Estimi Finanzjarji — Travel Tickets

Question

B’referenza għan-nota numru 11 tal-Estimi Finanzjarji ta’ Jobsplus għas-sena 2017 u partikolarment għall-infiq bit-titolu Travel Tickets għall-ammont ta’ €21,450 bħala spiża għas-sena 2017, jista’ l-Ministru jagħti r-raġuni għal liema dan l-ammont żdied kważi għal erba’ darbiet fuq is-sena ta’ qabel u jagħti d-dettalji ta’ min siefer u liema laqgħat attendew?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-total proġettat għas-safar għas-sena 2017 kien ogħla minn tas-snin preċedenti minħabba xogħol relatat mal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella b’informazzjoni dwar is-safar sa Ġunju 2017. F’din it-tabella hemm ukoll informazzjoni dwar liema laqgħat kienu rimborżati.

Jobsplus – Estimi Finanzjarji — Cash Benefits

Question

B’referenza għan-nota numru 11 tal-Estimi Finanzjarji ta’ Jobsplus għas-sena 2017 u partikolarment għall-infiq bit-titolu Re-imbursement Cash Benefits fl-ammont ta’ € 22,790 bħala spiża attwali għas-sena 2016, jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsistu dawn il-Cash Benefits, lil min ingħataw u f’liema ammont ġew riċevuti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-reimbursement cash benefits fl-ammont ta’ € 22,790 bħala spiża attwali għas-sena 2016 jirreferu għal allowance finanzjarja li l-ogħla gradi tal-management huma intitolati għalih skont kif stabbilit fil-kuntratt tax-xogħol.

Jobsplus – Estimi Finanzjarji — Promotion - Press

Question

B’referenza għan-nota numru 12 tal-Estimi Finanzjarji ta’ Jobsplus għas-sena 2017 u partikolarment għall-infiq bit-titolu Promotion – Press għall-ammont ta’ €70,623 bħala spiża attwali għas-sena 2016, jista’ l-Ministru jgħid liema press u media houses intużaw u għal liema proġett jew attività jew messaġġ? Jista’ jgħid ukoll f’liema ammonti tħallsu kull waħda minn dawn il-media houses?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat minn Jobsplus li t-tagħrif kollu mitlub mill-Onor. interpellant b’referenza għal liema press u media houses intużaw kif ukoll għal liema proġett jew attività jew messaġġ flimkien mal-ammonti li tħallsu għal kull waħda minn dawn il-media houses li jaqgħu taħt it-titolu Promotion - Press, li tammonta għal €70,623 bħala spiża attwali għas-sena 2016, jinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Jobsplus – Estimi Finanzjarji — Consultancy

Question

B’referenza għan-nota numru 13 tal-Estimi Finanzjarji ta’ Jobsplus għas-sena 2017 u partikolarment għall-infiq bit-titolu Consultancy għall-ammont ta’ €57,735 bħala spiża attwali għas-sena 2016, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti u b’liema proċess ġew maħtura konsulenti? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ servizz taw u x’tip ta’ kuntratt kien?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. interpellant rigward l-Estimi Finanzjarji ta' Jobsplus u partikolarment għall-konsulenza li taqa’ taħt it-titolu Consultancy għall-ammont ta’ €57,735 bħala spiża attwali għas-sena 2016, hi kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Jobsplus – Estimi Finanzjarji – Agreement – Richmond Foundation u Agreement Caritas

Question

B’referenza għan-nota numru 14 tal-Estimi Finanzjarji ta’ Jobsplus għas-sena 2017 u partikolarment għall-infiq bit-titoli Agreement – Richmond Foundation u Agreement - Caritas, jista’ l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn il-budget attwali għas-sena 2016 kien ferm anqas mill-ammont proġettat?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ftehim mar-Richmond Foundation jindika li l-Fondazzjoni tista’ tintalab minn Jobsplus biex tipprovdi servizz ta’ mentoring għall-Programm ta’ Sheltered Employment Training, għal medja ta’ 10 sigħat fil-ġimgħa għal €18 s-siegħa. Matul is-sena 2016 l-ammont ta’ sigħat li Jobsplus kellha bżonn kien ta’ madwar 196 u, għaldaqstant, il-baġit proġettat għas-sena 2016 ma kienx hemm bżonn li jintefaq kollu. Il-ftehim mal-Caritas jindika li l-Fondazzjoni għandha titħallas għas-servizz bl-ammont totali tal-ftehim ma jeċċedix it-€33,300. Il-Fondazzjoni titħallas €10,500 hekk kif jibda l-ftehim biex ikopri t-taħriġ ta’ mill-inqas 40 persuna li għaddejjin bi programm ta’ riabilitazzjoni mal-Caritas. Il-Caritas titħallas ukoll €950 għal kull persuna li jirnexxilhom isibulha xogħol fl-aħħar tal-programm jew sa sitt xhur wara t-tmiem tal-imsemmi programm. Hekk kif stabbilit fil-ftehim, 90% minn dan l-ammont jitħallas tliet xhur wara li jibda l-impieg u 10% jitħallsu sentejn wara. Għaldaqstant, il-baġit attwali għas-sena 2016 għadu ma ntefaqx kollu għaliex hemm pagamenti li se jintalbu fix-xhur jew snin li ġejjin.

Jobsplus – Estimi Finanzjarji – Disabled 2% Quota Fines

Question

B’referenza għan-nota numru 17 tal-Estimi Finanzjarji ta’ Jobsplus għas-sena 2017 u partikolarment għall-infiq bit-titolu Disabled 2% Quota Fines għall-ammont ta’ €1,200,000, jista’ l-Ministru jgħidmil-liema setturi nġabru? Jista’ jgħid ukoll x’kienu n-nuqqasijiet li għalihom kien hemm dawn il-multi, u kemm-il persuna b’diżabilità sabet xogħol ma’ xi waħda minn dawn il-kumpaniji li weħlu l-multa jew qegħdin kontra l-kwota fis-sena 2016 u matul din is-sena kurrenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ €1,200,000 imsemmi huwa dħul iġġenerat mill-kontribuzzjonijiet u mhux infiq kif imsemmi fil-mistoqsija parlamentari. Dawn il-kontribuzzjonijiet inġabru mill-kumpaniji li ma kenux konformi mal-kwota ta’ impiegi ta’ persuni b’diżabilità skont il-liġi, Kap. 210 dwar l-impieg ta’ persuni b’diżabilità. Infurmat li 140 persuna b’diżabilità sabu xogħol ma’ kumpaniji privati li ntalbu jħallsu l-kontribuzzjoni għas-sena 2015/2016. Il-kumpaniji li ma kenux konformi ma’ din il-liġi fl-2017, se jintalbu jħallsu l-kontribuzzjonijiet lejn l-aħħar ta’ din is-sena.

Reġistru tax-Xogħol – persuni li nqatgħu minn Part 1

Question

Jista’ l-Ministru jagħti r-raġunijiet u jgħid liema kienu l-persuni li nqatgħu minn fuq ir-reġistru tax-xogħol fil-Part 1 għas-snin 2013, 2014, 2015 u 2016? Jekk ir-raġuni hija dwar abbużi, jista’ l-Ministru jgħid fiex kienu

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tagħrif dwar kemm inqatgħu persuni minn fuq l-ewwel parti tar-reġistru sena b’sena mill-2013 sal-2016 huwa kif muri fit-tabella t’hawn taħt. It-tabella turi wkoll xꞌkienu r-raġunijiet tal-abbużi (ara l-parti mmarkata b’żewġ asteriski **). Persuni li Nqatgħu mir-Reġistru 2013 2014 2015 2016 Sabu xogħol 6,079 7,439 5,973 4,947 M’għadhomx interessati li jaħdmu 29 37 32 85 Mhux eliġibbli li jirreġistraw 50 60 147 225 Laħqu l-età tal-irtirar 12 42 47 54 Ġew referuti lis-Sigurtà Soċjali 72 69 50 174 Waqfu jirreġistraw minn jeddhom 11,691 10,922 7,163 3,700 Maqtugħa mir-reġistru għax instabu jaħdmu u jirreġistraw, irrifjutaw opportunità ta’ xogħol u taħriġ** 250 525 990 969 Kienu maqtugħa imma rebħu l-appell wara 18 7 3 3 Mietu 1 2 Total 18,201 19,101 14,406 10,159

Jobsplus – estimi finanzjarji — Allowances

Question

B’referenza għan-nota numru 1 tal-Estimi Finanzjarji ta’ Jobsplus għas-sena 2017, jista’ l-Ministru jgħid fiex kienet tikkonsisti l-ispiża attwali għas-sena 2016 bħala allowances għall-ammont ta’ €258,341? lil min ingħataw u f’liema ammonti ngħataw?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni kollha rigward l-ispiża attwali għas-sena 2016 bħala allowances għall-ammont ta’ €258,341 tinsab fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Jobsplus – estimi finanzjarji — Qualification Recognition

Question

B’referenza għan-nota numru 2 tal-Estimi Finanzjarji ta’ Jobsplus għas-sena 2017, jista’ l-Ministru jgħid liema kienu dawk il-kwalifiki li ġew rikonoxxuti u minn liema entità sar ir-rikonoxximent għall-ispiża attwali tas-sena 2016 bħala Qualification Recognition għall-ammont ta’ €45,699?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fl-2016, 101 impjegat ta’ Jobsplus kienu eliġibbli għal qualification allowance skont il-ftehim kollettiv (klawżola numru 4), kif muri hawn taħt: Doctorate 1 Masters Degree 31 Degree 29 University Diploma 40 Sabiex impjegat ikun eliġibbli għal qualification allowance, il-kwalifika trid tkun rikonoxxuta min-National Commission for Further and Higher Education (NCFHE), jew maħruġa mill-Università ta’ Malta jew mill-MCAST.

Jobsplus – Estimi Finanzjarji — Staff - Course Fees Local

Question

B’referenza għan-nota numru 2 tal-Estimi Finanzjarji ta’ Jobsplus għas-sena 2017 u partikolarment għall-infiq bit-titolu Staff - Course Fees Local għall-ammont ta’ €26,539 bħala spiża attwali għas-sena 2016, jista’ l-Ministru jgħid jekk tali taħriġ kienx organizzat inhouse jew kienx outsourced? Jekk dan it-taħriġ kien outsourced, jista’ l-Ministru jgħid ukoll min ta dan it-taħriġ u l-proċedura li biha ntagħżel dan it-training provider, inkluż ukoll x’tip ta’ taħriġ ingħata?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat minn Jobsplus li t-tip ta’ taħriġ li sar hu kif ġej: Sales and marketing Accounting, Finance, Management and Administration and Office work Personal development and working life Computer science and computer use Environment protection and Occupational health and safety Other training subjects It- taħriġ għas-sena 2016 kien parti inhouse, li ammonta għal €567 u parti outsourced, li ammonta għal €25,972. It-taħriġ outsourced ġie pprovdut minn: 1) Universita’ ta’ Malta għal korsijiet speċjalizzati, li ammontaw għal €8,003; 2) Istitut Ewropew għall-Amministrazzjoni Pubblika fir-rigward tal-iskemi ta‘ Fondi tal-UE, li ammontaw għal €5,338; 3) Istituti professjonali oħra fir-rigward ta’ taħriġ ieħor li b’kollox ammontaw għal €12,631.

Jobsplus – Estimi Finanzjarji — Car Cash Benefits

Question

B’referenza għan-nota numru 3 tal-Estimi Finanzjarji ta’ Jobsplus għas-sena 2017 u partikolarment għall-infiq bit-titolu Car Cash Benefits għall-ammont ta’ € 87,700 bħala spiża attwali għas-sena 2016, jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsistu dawn il-benefiċċji, min jirċevihom u f’liema ammonti ġew riċevuti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-benefiċċju tal-karozza jirreferi għall-Car Cash Benefit li jitħallas lill-impjegati skont kif inhu stabbilit f’Taqsima 5.4 tal-Ftehim Kollettiv, li tgħid li impjegati ddettaljati biex jaħdmu f’fergħat ta’ Jobsplus jitħallsu benefiċċju fi flus biex ikopru l-ispejjeż tal-ivvjaġġar kemm-il darba dawn iridu jużaw aktar minn żewġ rotot pubbliċi minn u lejn ix-xogħol; kif ukoll il-kuntratti tal-Management li jiddikjaraw li l-membri tal-Management għandhom l-għażla jew għal karozza mħallsa mill-Korporazzjoni jew għal allowance talli jużaw il-karozza personali tagħhom.

Jobsplus – Estimi Finanzjarji — Staff Welfare

Question

B’referenza għan-nota numru 10 tal-Estimi Finanzjarji ta’ Jobsplus għas-sena 2017 u partikolarment għall-infiq bit-titolu Staff Welfare għall-ammont ta’ € 21,034 bħala spiża attwali għas-sena 2016, jista’ l-Ministru jgħid għalxiex intuża dan l-ammont?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-iStaff Welfare, li ammonta għal €21,034 bħala spiża attwali għas-sena 2016, tirreferi għal refreshments għal laqgħat tal-bord, laqgħat oħra interni kif ukoll ma’ stakeholders, provvista tal-ilma għall-friegħi ta' Jobsplus, te u kafè għall-uffiċini u donazzjonijiet lill-iSportsplus Sports and Social Committee għall-attivitajiet li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ Corporate Social Responsibility.