Legislature:
Category:
Reset
Active:

Implimentazzjoni tal-inizjattiva My Journey — proċess

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess fl-implimentazzjoni tal-inizjattiva My Journey? Jista’ jgħid ukoll min qed jieħu ħsieb l-implimentazzjoni? F’liema skejjel se tiġi introdotta din l-inizjattiva l-ewwel u jekk hux għaddejjin diskussjonijiet mal-iskejjel tal-knisja u indipendenti biex anki huma jintroduċu tali inizjattiva?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tħejjijiet dwar l-inizjativa My Journey għaddejjin ġmielhom. Saru żjarat fl-iskejjel sekondarji kollha tal-istat minn tim ta’ tekniċi sabiex jiġu identifikati spazji u laboratorji fejn jistgħu jiġu mgħallma s-suġġetti vokazzjonali u applikati. Saru taħdidiet mal-Prinċipali tal-Kulleġġi, il-Kapijiet tal-iskejjel sekonardji kollha u ġew identfikati liema suġġetti vokazzjonali u applikati se jiġu mgħallma f’kull skola, mis-sena skolastika 2019-2020 ‘l quddiem. Inkisbu fondi Ewropej sabiex ikunu jistgħu jinxtraw parti mir-riżorsi meħtieġa għall-klassijiet/laboratorji. Tħejjew l-ewwel tenders u fil-ġimgħat li ġejjin se jiġu ppubblikati mid-Dipartiment tal-Kuntratti. Qiegħdin isiru taħdidiet ma’ setturi differenti tal-industrija, inklużi lukandi ta’ ħames stilel, auditing firms, kumpaniji tekniċi u oħrajn sabiex ikun żgurat li l-Learning Outcomes tal-programmi vokazzjonali u applikati huma relevanti għall-industrija. Mill-2017-2018 se jibdew proġetti pilota fejn numru ta’ studenti jkollhom esperjenzi varji fl-industrija. Se nibdew mill-Hospitality. Saru intervisti u ġew magħżula Uffiċjali Edukattivi f’kull wieħed mis-suġġetti vokazzjonali li qegħdin jiġu mgħallma, jiġifieri l-Ospitalità, l-Agribusiness, il-Health & Social Care, it-Teknoloġija tal-Informatika u t-Teknoloġija tal-Inġinerija. Qegħdin isiru tħejjijiet sabiex il-kapijiet tal-iskejjel sekondarji kif ukoll l-uffiċjali edukattivi tas-suġġetti vokazzjonali jingħataw esperjenzi f’Malta u barra minn Malta f’dan il-qasam. Qegħdin isiru laqgħat ukoll mal-Iskejjel tal-Knisja dwar il-proġett ta’ My Journey. Din il-ħidma qiegħda tiġi kkordinata mill-uffiċċju tas-Segretarju Permanenti bil-koperazzjoni tad-Direttorat responsabbli mit-Tagħlim u l-Assessjar, mid-Direttorat għar-Riżorsi Edukattivi u Loġistika, mid-Dipartiment responsabbli mill-Istrateġija u s-Sapport, kif ukoll mill-Fondazzjoni għall-iSkejjel ta’ Għada (FTS).

Studenti li qed igawdu mill-inizjattiva ta’ one tablet per child

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra statistika dwar in-numru ta’ studenti li qed igawdu mill-inizjattiva one tablet per child matul is-sena skolastika 2017-2018? Jista’ jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ għalliema u LSAs li ngħataw taħriġ matul is-Sajf 2017 in vista ta’ din l-inizjattiva?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ studenti ġodda fir-Raba’ Sena li se jgawdu mill-inizjattiva one tablet per child matul is-sena skolastika 2017-2018 huwa ta’ 4,432. Ma’ dawn hemm 4,387 tablet li tqassmu s-sena l-oħra u li allura għas-sena skolastika 2017-2018 se jkunu fil-Ħames Sena . In-numru ta’ għalliema u LSAs li ngħataw taħriġ matul is-Sajf 2017 in vista ta’ din l-inizjattiva huwa ta’ 511.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – persuni li joffru servizz ta’ konsulenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni li qed joffru servizz ta’ konsulenza lill-Ministeru tiegħu, direttorati u kull entità li taqa’ taħt il-Ministeru tiegħu? Jista’ jgħid ukoll xi ħlas jew perkaċċi qed igawdu minnhom dawn il-persuni u xi kriterji ntużaw biex eventwalment intgħażlu huma biex jagħtu tali servizz?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għandi sitt Policy Consultants fl-iStrategic Priorities Unit. Il-ħlas u l-perkaċċi tagħhom qegħdin jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn ġew appuntati bil-proċeduri normali li jinħarġu mill-OPM.

Skejjel – infiq fuq stationery u riżorsi oħrajn għal għalliema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont li ntefaq mill-iskejjel kollha tal-istat fuq stationery u riżorsi oħra għall-għalliema matul is-sena skolastika 2016-2017? Jista’ jpoġġi din l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra u tkun preżentata, skola skola? Jista’ jindika wkoll mingħand min inxtara tali materjal u l-ammont ta’ ħlas li ngħata?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-infiq fuq stationery u riżorsi oħra għall-għalliema matul is-sena skolastika 2016-2017 kien kif se nsemmi: Stationery: €284,253.10 Riżorsi għall-għalliema: €230,058.15 Ninforma lill-Onor. Interpellant li lista bl-informazzjoni skola skola hija vasta ħafna. Għalhekk, nitlob lill-Onor. Interpellant li jekk għandha bżonn xi informazzjoni speċifika dwar xi skola jew skejjel partikolari, nitlobha tindika fejn meħtieġ.

Università ta’ Malta – persuni li kienu qed jagħmlu xogħol amministrattiv — riżenji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna li kienet qegħda tagħmel xogħol amministrattiv fl-Università ta’ Malta rriżenjat mill-post tax-xogħol tagħha bejn Jannar 2016 u Settembru 2017 u x’kien il-posting tagħhom meta taw ir-riżenja?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif se nsemmi: Post Għadd ta' persuni Administrative Assistant 8 Administrative Officer 2 Childcare Assistant 3 Clerk 29 Executive Officer 13 Graduate Trainee 8 Library Assistant 2 Childcare Manager 1 Senior Dental Surgery Assistant 1

Higher Secondary – lecturers ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ lecturers ġodda li ġew impjegati fil-Higher Secondary bejn Jannar 2013 u Settembru 2017, u jindika l-ismijiet, il-kwalifiki, il-grad ta’ impjieg u s-suġġett li huma qegħdin jgħallmu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ għalliema ġodda li ġew impjegati fil-Higher Secondary bejn Jannar 2013 u Settembru 2017 hu ta’ ħamsa. Tlieta jgħallmu s-Systems of Knowledge, wieħed il-Classical Studies u l-persuna l-oħra l-Accounts. Nixtieq ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont il-protezzjoni tad-data, l-ismijiet tal-impjegati ma jistgħux jingħataw.

Mosta — Campus tal-Institute for the Creative Arts – xogħol ta’ infrastruttura, manutenzjoni, tkabbir jew tisbiħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xoghol ta’ infrastruttura, manutenzjoni, tkabbir jew tisbiħ sar fuq il-campus tal-Institute for the Creative Arts fil-Mosta matul is-snin 2015, 2016 u 2017?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-proġetti li saru fl-Istitut għall-Arti Kreattiva f’dawn l-aħħar tliet snin huma kif se nsemmi: Journalism studio Wasal fl-istadju finali tiegħu xogħol strutturali estensiv li sar sabiex inħoloq l-istudio mgħammar b’apparat speċjalizzat għall-istudji tal-Ġurnaliżmu. Dan ix-xogħol se jkun lest dan ix-xahar. Fine Arts Studio Sar xogħol ta’ żebgħa u tikħil f’din il-binja, kif ukoll xogħol ta’ natura strutturali. Kmamar għall-Counselling Parti tal-Istitut ġiet mibdula f’żewġ kmamar li jistgħu jintużaw għal counselling, b'waiting room żgħira bejniethom. B’hekk l-istudenti jistgħu jagħmlu użu minn dan is-servizz f’zona tal-Istitut iktar privata biex tiġi rispettata l-kunfidenzjalità. Tinda Fil-bitħa prinċipali tal-Istitut twaqqfet tinda biex tintuża mill-istudenti waqt li jkunu qed jużaw il-bitħa fil-ħin liberu tagħhom Xogħol ta’ tibjid Sar xogħol ta’ tibjid f’ħafna kmamar u fil-kurituri kollha tal-Istitut. Iktar seating fl-ispazji miftuħa Twaħħlu numru ta’ seats ġodda fl-ispazji miftuħa tal-Istitut għall-użu tal-istudenti. Performing Arts Studio Fl-aħhar tas-sajf beda proġett biex ikollna studio għall-kors tal-arti performattiva. L-ewwel fażi ta’ dan il-proġett, jiġifieri l-flooring, ħa jingħalaq f’Diċembru.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – lista ta’ membri tal-bordijiet ta’ entitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-membri li qed jiffurmaw id-diversi bordijiet ta' entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu u dak tas-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet Volontarji hekk kif inhuma komposti f'Settembru 2017? Jista’ jgħid xi ħlas jew perkaċċi oħra qed igawdu dawn il-membri, u jgħid jekk ġewx maħtura wara sejħa pubblika jew le?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-bordijiet ta’ entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-membri li jiffurmawhom hekk kif huma komposti sa l-aħħar ta’ Settembru 2017. Jien infurmat li mil-lista li qed nipprovdi ma kien hemm l-ebda ħatra li saret wara sejħa pubblika. Infurmat ukoll li minħabba li l-policy għall-ħlas tal-membri tal-bordijiet tal-entitajiet fi ħdan il-MEDE inbidlet dan l-aħħar (u dawn il-bordijiet kienu qed jinħatru f’dawn il-ġimgħat), ir-rati tal-ħlas skont kriterji ġodda għadhom qed jiġu maħdumin. Inkun nista' nagħti aktar tagħrif dwar dan fil-ġimgħat li ġejjin.

Lista ta’ skejjel statali – xogħol ta’ manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ skejjel statali f’Malta u Għawdex li fihom sar xogħol ta’ manutenzjoni matul is-Sajf 2017? Jista’ jgħid ukoll liema kienu l-kumpaniji jew l-individwi li għamlu dan ix-xogħol, skola skola, x’tip ta’ xogħol sar u kemm ġie jiswa dan ix-xogħol skola skola, u kif ġew magħżula l-kuntratturi/ħaddiema li wettqu dan ix-xogħol?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ skejjel statali f’Malta u Għawdex li fihom sar xogħol ta’ manutenzjoni matul is-Sajf 2017 flimkien mal-informazzjoni l-oħra mitluba mill-Onorevoli interpellant.

Statistika dwar il-popolazzjoni studenteska fl-iskejjel kollha

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra statistika dwar il-popolazzjoni studenteska fl-iskejjel kollha tal-istat, tal-knisja u indipendenti matul is-sena skolastika 2017-2018? Jista’ l-Ministru jagħti din l-informazzjoni skola skola għat-tliet setturi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista bl-istatistika mitluba mill-Onor. Interpellant dwar l-iskejjel tal-Istat. Rigward l-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti, infurmat mid-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni li għadu fi stadju primatur sabiex il-MEDE jkollu din l-informazzjoni f’dan iż-żmien tas-sena. Din l-informazzjoni aġġornata tkun qed tinġabar mill-iskejjel rispettivi u b’hekk tista’ tingħata sal-aħħar ta’ Novembru 2017. ( Informazzjoni Addizzjonali: Ara Dokument PL 698 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 51 nhar it-Tnejn 13 ta' Novembru 2017)

Assentejiżmu fl-iskejjel tal-Istat

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-SOPs li saru mill-Pulizija u mill-FSWS dwar ħidma biex l-assentejiżmu jonqos fl-iskejjel tal-Istat, u jindika kemm-il tifel jew tifla ingħataw servizz mill-FSWS għal dan ir-rigward u x'tip ta' servizz ingħataw?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iStandard Operating Procedure (SOP) li sar mal-Pulizija dwar ħidma biex l-assenteiżmu jonqos fl-iskejjel tal-Istat hu dan li ġej: 1. Il-Pulizija jassistu lill-ħaddiema soċjali f’sitwazzjonijiet meta, minkejja kull intervent possibbli, ma jirnexxilhomx jagħmlu kuntatt ma’ ġenituri ta’ tfal li qed ifallu l-iskola. 2. Il-Pulizija jinfurmaw lill-ħaddiema soċjali fi ħdan is-Servizzi Nazzjonali ta’ Sapport Għall-Iskejjel meta fil-ħidma tagħhom jiltaqgħu ma’ tfal bl-uniformi fit-triqat waqt il-ħin tal-iskola. 3. Meta l-ħaddiema soċjali flimkien mal-iskola jidentifikaw tfal barranin li ġejjin minn pajjiżi barra l-UE li fallew aktar minn 50 ġurnata konsekuttiva mingħajr awtorizzazzjoni u li għandhom suspett li telqu mill-pajjiż, jibagħtu d-dettalji ta’ dawn l-istudenti lill-pulizija li min-naħa tagħhom ifittxu informazzjoni dwar il-moviment tal-istudent u l-familja tiegħu. L-SOP mal-Foundation for Social Welfare Services (FSWS) dwar ħidma biex l-assenteiżmu jonqos fl-iskejjel tal-Istat hu kif ġej: 1. Tinżamm komunikazzjoni regolari bejn il-ħaddiema soċjali tal-FSWS u dawk tad-Direttorat tal-Edukazzjoni dwar klijenti komuni permezz ta’ telefonati, imejls u laqgħat mill-inqas darba kull term. 2. Meta jsir referral ta’ student li qed ifalli u/jew tal-familja tiegħu biex tingħata għajnuna relatata mar-raġunijiet li qed iwasslu għall-assenteiżmu dawn jingħataw prijorità meta jiġu allokati l-każijiet lill-ħaddiema soċjali fi ħdan l-FSWS. Dan japplika l-aktar għal servizzi speċjalizzati u terapewtiċi. 3. Meta tfal qed ifallu minħabba li qed isofru xi abbuż jiġi applikat l-MOU li tnieda bejn iż-żewġ entitajiet fl-2016. Ta’ min jinnota li matul is-sena skolastika 2016-17 kien hemm 104 każijiet fil-primarja u 70 każ fis-sekondarja li nħadem bejn il-ħaddiema soċjali tad-Direttorat għall-Edukazzjoni flimkien mal-ħaddiema soċjali tal-FSWS. It-tabella ta’ hawn taħt tindika kemm inħadmu każijiet kemm tal-primarja kif ukoll tas-sekondarja mas-servizzi rispettivi tal-FSWS: Servizzi tal-FSWS Numru ta’ Studenti tal-Primarja Numru ta’ Studenti tas-Sekondarja Child Protection Services 69 35 Community Services 13 9 IFSS 8 12 Domestic Violence Services 4 3 Youth in Focus N/A 7 Support Line 179 1 Homebased Therapy Service 3 2 Looked after Children 1 2 Adoption Services 1 Fostering Services 1 Court Services 2 Home Start 1 TOTAL 104 70

Studenti barranin

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra u jgħid x’inhuma l-linji gwida dwar studenti barranin li ma jkunux qed jattendu għal iżjed minn 25 ġurnata mingħajr awtorizzazzjoni u jindika minn min qegħdin jiġu mwettqa dawn il-linji gwida?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-linji gwida dwar studenti barranin li ma jkunux qed jattendu għal iżjed minn 25 ġurnata mingħajr awtorizzazzjoni u min qed iwettaqhom huma dawn li ġejjin: 1. Il-ħaddiema soċjali jidentifikaw dawn l-istudenti waqt l-eżerċizzju ta’ moniteraġġ tal-attendenza tal-istudenti kollha li ssir fuq bażi regolari f’kull Kulleġġ. Huma jiddiskutu kull student mal-iskola kkonċernata biex janalizzaw x’ħidma diġà saret magħhom. Wara jagħmlu kuntatt mal-familja permezz ta’ viżta d-dar. Jekk din tkun mingħajr suċċess tintbagħat ukoll ittra reġistrata lill-familja tal-istudent fejn jintalbu jagħmlu kuntatt magħhom jew mal-iskola fi żmien stipulat. 2. Fil-każ ta’ studenti mill-pajjiżi tal-EU li wara l-ħidma msemmija f’punt numru 1 xorta ma jsir l-ebda kuntatt mill-ġenituri u jibqgħu ma jirritornawx l-iskola, wara li jfallu 50 ġurnata konsekuttiva mingħajr awtorizzazzjoni, issir diskussjoni mmexxija mill-kap tal-iskola mal-professjonisti kkonċernati fuq il-każ biex dawn l-istudenti jiġu trasferiti fuq skola virtwali fuq l-E1 platform. Din id-deċiżjoni tittieħed fid-dawl li min-naħa tal-iskola flimkien mal-ħidma tal-ħaddiema soċjali sar minn kollox biex isir kuntatt mal-familja. Din il-proċedura ta’ trasferiment bdiet titwettaq minn Ġunju 2017. 3. F’każ ta’ studenti li mhumiex ġejjin mill-pajjiżi tal-EU li wara l-ħidma msemmija f’punt numru 1 xorta ma jsir l-ebda kuntatt mill-ġenituri u jibqgħu ma jirritornawx l-iskola, wara li jfallu 50 ġurnata konsekuttiva mingħajr awtorizzazzjoni, tintbagħat korrispondenza uffiċjali lill-pulizija skont il-ftehim li ntlaħaq fl-2016 biex jgħarrfu lill-ħaddiema soċjali jekk l-ismijiet identifikati telqux mill-pajjiż jew le. Jekk il-ħaddiema soċjali ma tirċevix risposta fi żmien xahar issir diskussjoni mmexxija mill-kap tal-iskola mal-professjonisti kkonċernati fuq il-każ biex dawn l-istudenti jiġu trasferiti fuq skola virtwali fuq l-E1 platform. Din id-deċiżjoni tittieħed fid-dawl li min-naħa tal-iskola flimkien mal-ħidma tal-ħaddiema soċjali sar minn kollox biex isir kuntatt mal-familja. Din il-proċedura ta’ trasferiment bdiet titwettaq minn Ġunju 2017.

Abbozz ta’ Liġi Regulation for Vocational Training

Question

B’referenza għall-Abbozz ta’ Liġi ntitolat Regulation for Vocational Training, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kors ta’ studju se jiġi affettwat b’dan l-abbozz, jekk huwiex se jaffettwa wkoll studenti li diġà qegħdin isegwu wieħed minn dawn il-korsijiet u jekk l-edukaturi humiex se jiġu mitluba jsegwu dan it-tagħlim mhux biss fuq il-kampus?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Abbozz ta' Liġi msejjaħ “Att sabiex jiġi regolat it-Tagħlim ibbażat fuq ix-Xogħol u l-Apprendistati fil-kuntest ta' Programm ta' Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali” tressaq għall-Ewwel Qari fis-seduta ta' nhar it-Tnejn li għadda. Għalhekk għadu suġġett għad-diskussjoni.

Għalliema sekondati għal xogħol barra l-iskola

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il għalliem huwa sekondat għal xogħol barra l-iskola u sekondat ma’ għaqdiet, dipartimenti jew postijiet oħra, u jgħid ma min huma sekondati?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li wieħed u ħamsin (51) għalliem huma sekondati f’xogħol barra l-iskola. Dawn huma sekondati ma' entitajiet pubbliċi u NGOs, Ministeri u Segretarjati Parlamentari, u għaqdiet sportivi u/jew trejdunjonisitċi.

MCAST – lecturers ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' lecturers ġodda li ġew impjegati fl-MCAST bejn Jannar 2017 u Settembru 2017? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bl-ismijiet ta' dawn il-lecturers, jgħid x'esperjenza għandhom fit-tagħlim u anki jagħti dettalji dwar il-kwalifiki tagħhom u f'liema korsijiet se jkunu qegħdin jgħallmu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta' lecturers ġodda li ġew impjegati fl-MCAST bejn Jannar 2017 u Settembru 2017 kien ta' 14. Il-korsijiet li qed jgħallmu huma: Project Management in Construction and the Build Environment Sport Fiżika Matematika Xjenza Health and Social Care Saħħa Inġinerija Mekkanika - Manifattura Malti Imprenditorija Edukazzjoni Inklussiva Snin Bikrin Nixtieq ngħarraf lill-Onor. interpellant li skont il-protezzjoni tad-data, l-ismijiet tal-impjegati ma jistgħux jingħataw.

Università ta’ Malta – lecturers ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ lecturers ġodda li ġew impjegati fl-Università ta’ Malta bejn Jannar 2013 u Settembru 2017, u jindika l-ismijiet, il-kwalifiki, il-grad ta’ impjieg, u f’liema fakultà qegħdin jaħdmu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta' resident academics li ġew impjegati mill-Università ta' Malta bejn Jannar 2013 u Settembru 2017 huwa kif jidher fil-lista li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.. Nixtieq ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont il-protezzjoni tad-data, l-ismijiet tal-impjegati ma jistgħux jingħataw.

Studenti li jirċievu l-għotja supplimentari

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li jirċievu l-għotja supplimentari? Jista’ jgħid ukoll liema korsijiet qegħdin isegwu, jew segwew sa mis-sena akkademika 2013?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif muri fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

MCAST– korsijiet bl-apprendistat – studenti li japplikaw għal ħlas tal-għotja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-korsijiet tal-apprendistat fl-MCAST, li jagħti ċ-ċans ta’ eleġibilità lill-istudenti, sabiex japplikaw għal ħlas ta’ għotja ta’ darba fit-tieni sena fil-kors?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-korsijiet fuq apprendistat fl-MCAST huma kif muri fil-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ngħarraf ukoll lill-Onor. interpellant li studenti fuq korsijiet tal-apprendistat jirċievu għotja inizjali fil-bidu ta’ kull sena akkademika ta’ €232.94 u mhux għotja ta’ darba.

Università ta’ Malta u l-MCAST – studenti maturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru tal-istudenti maturi li qegħdin isegwu studju fl-Università ta’ Malta u fl-MCAST? Jista’ jgħid f’liema korsijiet huma reġistrati? Jista’ jgħid ukoll f’liema sena tal-kors waslu? Jista’ jgħid kemm huma nisa u kemm huma rġiel u jagħti l-età ta’ meta bdew isegwu dan l-istudju? Kemm minn dawn l-istudenti jirċievu Għotjiet ta’ Manteniment?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar l-istudenti maturi li qegħdin isegwu studju fl-Università ta’ Malta u l-MCAST hu kif muri fit-tabelli li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

MCAST – studenti fl-apprentistat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti fl-apprentistat fl-MCAST u kemm minnhom jirċievu stipendju speċjali fix-xhur tas-Sajf u dan għas-Sajf 2017?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta` studenti fl-apprendistat fl-MCAST f’Lulju 2017 kien ta’ 819 u kollha rċivew stipendju speċjali fis-sajf 2017.